Appell ippreżentat fl-10 ta' Diċembru 2010 minn Patrizia De Luca mis-sentenza mogħtija fit-30 ta' Setttembru 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-563/10, De Luca vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-563/10 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Patrizia De Luca (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: S. Orlandi u J. N. Louis, avukati)
Appellati: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tiddikjara u tiddeċiedi li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija fit-30 ta' Settembru 2010 (Kawża F-20/06, De Luca vs Il-Kummissjoni) li tiċħad l-azzjoni tal-appellanti, hija annullata;
billi tagħti deċiżjoni permezz ta' dispożizzjonijiet ġodda, tiddikjara u tiddeċiedi li,
id-deċiżjoni tat-23 ta' Frar 2005 tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tinnomina lill-appellanti bħala amministratur, inkwantu tiffissa l-klassifikazzjooni tagħha għall-grad A*9, skala 2, hija annullata;
il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.
L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta' liġi inkwantu ġie deċiż li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa applikabbli meta din id-dispożizzjoni tista' tapplika biss mar-"reklutaġġ" ta' uffiċjali u l-appellanti diġà kellha l-kwalità ta' uffiċjal fi żmien in-nomina tagħha.
- L-appellanti ssosnti li meta ddeċieda li din id-dispożizzjoni hija applikabbli, it-TSP interpreta b'mod żbaljat il-kamp ta' applikazzjoni sostantiv tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u kiser ir-regola ta' interpretazzjoni li tistipula li kull dispożizzjoni legali tranżitorja għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv.
2. It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta' liġi inkwantu l-eċċezzjoni ta' illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ġiet miċħuda.
- L-appellanti ssostni li l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni twassal għall-ksur tal-prinċipju fundamentali ta' trattament ugwali tal-uffiċjali u l-prinċipju ta' prospetti ta' karriera, inkwantu l-appellanti ġiet retrogradata wara li għaddiet minn kompetizzjoni ta' livell ogħla filwaqt li dawk li għaddew minn kompetizzjoni għat-trasferiment tal-kategorija tal-grad B*10 ingħataw trattament iktar favorevoli billi l-klassifikazzjoni tagħhom ġiet iffissata għall-grad A*10.
- L-appellanti ssosnti wkoll li t-TSP wettaq żball ta' liġi meta kkunsidra li eċċezzjoni ta' illegalità tal-Artikoli 5(2) u 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinitx tqajmet b'mod impliċitu abbażi tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' proporzjonalità u tal-obbligu ta' motivazzjoni.
____________