Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2010 - Quimitécnica.com u de Mello vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-564/10)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Quimitécnica.com - Comércio e Indústria Química, SA (Lordelo, il-Portugall) u José de Mello - Sociedade Gestora de Participações Sociais, SA (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentant: J. Calheiros, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla parzjalment, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata mill-uffiċjal tal-kontijiet tagħha permezz ta' nota tat-8 ta' Ottubru 2010, bir-referenza BUDG/C5/MG s737983, fil-parti fejn din tirrikjedi li l-garanzija finanzjarja ta' self issir minn bank b'rating "AA" fit-tul.
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin:
1. L-ewwel motiv dwar il-ksur tal-forom essenzjali - nuqqas ta' motivazzjoni tad-Deċiżjoni adottata fit-8 ta' Ottubru 2010.
Fir-rigward ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw li:
Skont l-Artikolu 296 TFUE l-atti kollha, inklużi d-deċiżjonijiet, għandhom jiġu mmotivati. Id-Deċiżjoni adottata fit-8 ta' Ottubru 2010 ma tinkludi ebda motivazzjoni għar-rekwiżit ta' rating tal-bank li toħroġ il-garanzija.
Fid-dawl tal-livell ta' rating rikjest, għandu jkun hemm din il-motivazzjoni. Dan huwa daqstant minnu li, peress li din hija kwistjoni ta' eżerċizzju ta' setgħa diskrezzjonali, ir-rekwiżit ta' motivazzjoni huwa superjuri għal dak li jirriżulta meta jkunu qed jiġu ttrattati setgħat limitati.
Min-naħa l-oħra, barra minn hekk id-Deċiżjoni ma tinvoka ebda regola Komunitarja (anki jekk sempliċement interna) li tista' sservi bħala bażi għal dan ir-rekwiżit. Minħabba nuqqas ta' motivazzjoni, id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata f'dan ir-rigward.
2. It-tieni motiv, dwar ksur tat-Trattat - il-prinċipju ta' proporzjonalità.
Fir-rigward ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw li:
Skont l-Artikolu 85 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, sabiex jingħata terminu supplementari għall-ħlas, "biex ikunu mħarsa d-drittijiet tal-Komunitajiet, id-debitur jagħti garanzija finanzjarja li tagħmel tajjeb għas-somma prinċipali u għall-imgħax, li tkun aċċettata mill-uffiċċjal tal-kontijiet ta' l-istituzzjoni". L-interessi li għandhom l-intenzjoni li jipproteġu permezz ta' din il-provvista ta' garanzija huma, għaldaqstant, id-drittijiet tal-Komunitajiet, f'dan il-każ, id-dritt li jirċievu l-ammonti dovuti.
Garanzija mitluba b'mod preliminari, fl-istruttura stabbilita mill-mudell rikjest mill-Kummissjoni, maħruġa minn istitut ta' kreditu, tikkostitwixxi forma konformi u adegwata biex jiġi żgurat il-ħlas tal-ammonti dovuti. B'hekk, is-sistema legali kollha Portugiża (inkluż, b'mod ġenerali, is-sistemi legali tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea) taċċetta, għar-raġunijiet l-iktar varji, il-provvista ta' garanzija mill-bank, inkluż sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
Fil-każ inkwistjoni, il-garanzija proposta għar-rikorrenti (u mhux aċċettata mill-Kummissjoni) għandha tinħareġ mill-Banco Comercial Português, S.A., li hija istitut ta' kreditu bis-sede tagħha fl-Unjoni Ewropea, u hija suġġetta għar-regoli ta' superviżjoni u konsolidazzjoni ddefiniti mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Għaldaqstant xejn ma jidher li jiġġustifika, għad-difiża tad-drittijiet tal-Komunitajiet, iċ-ċaħda tal-possibbiltà li l-garanzija tinħareġ mill-bank ikkonċernat u li jiġi rikjest li jkun maħruġ minn bank b'rating "AA" fit-tul.
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi attwali, li huma magħrufa pubblikament, tar-ratings tal-banek Portugiżi ġew reċentement affettwati mill-bidla fir-rating tar-Repubblika Portugiża. Dan huwa tali li, attwalment, ma jeżisti ebda bank, ibbażat fil-Portugall, li jissodisfa l-kriterji ta' rating ("AA" fit-tul) rikjesti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Konsegwentement, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax kriterju ta' neċessità (li jikkostitwixxi dimensjoni importanti tal-prinċipju ta' proporzjonalità) ġaladarba, mill-miżuri possibbli, il-Kummissjoni għażlet dik li, fiċ-ċirkustanzi attwali, hija l-iktar waħda li tippreġudika l-interessi tar-rikorrenti.
Għaldaqstant, jirriżulta li hemm sproporzjon ċar bejn dak li tirrikjedi l-Kummissjoni (garanzija maħruġa minn bank Ewropew b'rating "AA" fit-tul) u l-għan imfittex (protezzjoni tad-dritt tal-Kummissjoni li tirċievi l-ammonti mitluba), u b'hekk id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata f'dan ir-rigward.
____________