Language of document : ECLI:EU:C:2022:168

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Marzu 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Direttiva 2014/67/UE – Artikolu 20 – Sanzjonijiet – Proporzjonalità – Effett dirett – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑205/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styrie, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2020, fil-proċedura

NE

vs

Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld,

fil-preżenza ta’:

Finanzpolizei Team 91,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Prechal, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, T. von Danwitz, M. Safjan, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2014, L 159, p. 11).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn NE u l-Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Hartberg-Fürstenfeld, l-Awstrija) dwar il-multa imposta fuqu minn din tal-aħħar għal diversi istanzi ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet Awstrijaċi fil-qasam tad-dritt industrijali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2014/67

3        L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati u li jkun hemm konformità magħhom. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sat‑18 ta’ Ġunju 2016. Huma għandhom jinnotifikawlhom mingħajr dewmien kull emenda sussegwenti.”

 Id-dritt Awstrijak

4        L-Artikolu 52(1) u (2) tal-Verwaltungsgerichtsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Amministrattivi, BGBl. I, 33/2013), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull sentenza mogħtija minn qorti amministrattiva li tikkonferma deċiżjoni amministrattiva li timponi penali għandha tordna lill-persuna kkundannata tħallas kontribuzzjoni għall-ispejjeż.

2.      Din il-kontribuzzjoni, fil-proċeduri ta’ lment amministrattiv, tammonta għal 20 % tas-sanzjoni imposta, iżda mhux inqas minn EUR 10; jekk ġiet imposta piena ta’ priġunerija, jum ta’ detenzjoni hija ekwivalenti għal EUR 100 għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ispejjeż. […]”

5        L-Artikolu 26(1) tal-Lohn- und Sozialdumping-Bekämpfungsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra d-Dumping Soċjali u tal-Pagi, BGBl. I, 44/2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LSD-BG”), jgħid li:

“Kull min, bħala persuna li timpjega jew imprenditur li jikkolloka ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 19(1):

1.      ma jagħmilx id-dikjarazzjoni, inklużi emendi sussegwenti tad-data (dikjarazzjoni ta’ bdil) bi ksur tal-Artikolu 19, jew ma jagħmilx dan fi żmien xieraq jew b’mod komplet, jew

[…]

3.      ma jkollux id-dokumenti rikjesti bi ksur tal-Artikolu 21(1) jew (2), jew ma jqegħedhomx għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet fiskali fuq il-post […] f’forma elettronika,

iwettaq ksur amministrattiv u huwa ssanzjonat, għal kull ħaddiem ikkonċernat, b’multa imposta mill-awtorità amministrattiva distrettwali fis-somma ta’ bejn EUR 1 000 u EUR 10 000 u, fil-każ ta’ reċidiva, ta’ bejn EUR 2 000 u EUR 20 000.”

6        L-Artikolu 27(1) tal-LSD-BG jistabbilixxi li:

“Kull min jonqos milli jibgħat id-dokumenti meħtieġa bi ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 12(1) iwettaq ksur amministrattiv u huwa ssanzjonat, għal kull ħaddiem ikkonċernat, b’multa imposta mill-awtorità amministrattiva distrettwali fis-somma ta’ bejn EUR 500 u EUR 5 000 u, fil-każ ta’ reċidiva, ta’ bejn EUR 1 000 u EUR 10 000. […]”

7        L-Artikolu 28 tal-LSD-BG huwa fformulat kif ġej:

“Kull min, bħala

1.      persuna li timpjega, ma għandhiex disponibbli id-dokumenti dwar is-salarji bi ksur tal-Artikolu 22(1) jew (1a), […]

[…]

iwettaq ksur amministrattiv u huwa ssanzjonat, għal kull ħaddiem ikkonċernat, b’multa imposta mill-awtorità amministrattiva distrettwali fis-somma ta’ bejn EUR 1 000 u EUR 10 000 u, fil-każ ta’ reċidiva, ta’ bejn EUR 2 000 u EUR 20 000; meta iktar minn tliet ħaddiema huma kkonċernati, din il-multa hija fis-somma ta’ bejn EUR 2 000 u EUR 20 000, għal kull ħaddiem ikkonċernat u, fil-każ ta’ reċidiva, ta’ bejn EUR 4 000 u EUR 50 000.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        CONVOI s. r. o., kumpannija stabbilita fis-Slovakkja, ikkollokat ħaddiema impjegati ma’ Niedec Global Appliance Austria GmbH, stabbilita f’Fürstenfeld (l-Awstrija).

9        Abbażi ta’ konstatazzjonijiet magħmula waqt kontroll imwettaq fl‑24 ta’ Jannar 2018, l-awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Hartberg-Fürstenfeld imponiet, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2018, multa fl-ammont ta’ EUR 54 000 fuq NE, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant ta’ CONVOI, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi previsti mil-LSD-BG dwar, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ kollokament mal-awtorità nazzjonali kompetenti kif ukoll iż-żamma tad-dokumentazzjoni dwar is-salarji.

10      NE ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija).

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2018, din il-qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ sanzjonijiet bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

12      Fid-digriet tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi fil-qasam tad-dritt industrijali relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiema u maż-żamma ta’ dokumenti dwar is-salarji, l-impożizzjoni ta’ multi ta’ ammont għoli:

–        li ma jistgħux ikunu inqas minn ammont stabbilit minn qabel;

–        li jiġu imposti b’mod kumulattiv għal kull ħaddiem ikkonċernat u mingħajr limitu massimu, u

–        li magħhom tiżdied kontribuzzjoni għall-ispejjeż proċedurali sa 20 % tal-ammont tagħhom fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li timponihom.

13      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, wara dan id-digriet, il-leġiżlatur nazzjonali ma emendax il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet esposti fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810), kif ukoll tal-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-qrati Awstrijaċi dwar il-mod kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam għandha tiġi applikata, tistaqsi dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi mwarrba u, jekk iva, sa liema punt.

14      B’mod partikolari, hija tqis li l-konsegwenzi li hija għandha tislet mill-imsemmi digriet jistgħu jwassluha jew sabiex twarrab l-elementi tal-imsemmija leġiżlazzjoni li jostakolaw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati, jew sabiex ma tapplikax, fl-intier tagħha, is-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mill-istess leġiżlazzjoni.

15      F’dan il-kuntest, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styrie) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-rekwiżit ta’ sanzjonijiet proporzjonati, stabbilit fl-Artikolu 20 tad-Direttiva [2014/67] u interpretat fid-digrieti [tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑140/19, C‑141/19 u C‑492/19 sa C‑494/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1103)] jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ direttiva applikabbli direttament?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Istati Membri b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni tippermetti u teżiġi li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri jikkompletaw il-każijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’din il-kawża permezz tal-kriterji ta’ proporzjonalità stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-digrieti [tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑140/19, C‑141/19 u C‑492/19 sa C‑494/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1103)], mingħajr ma jkunu ġew adottati dispożizzjonijiet ġodda fid-dritt nazzjonali?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

16      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, sa fejn jeżiġi li s-sanzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu proporzjonati, għandux effett dirett u jistax għalhekk jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru li jkun għamel traspożizzjoni inkorretta tiegħu.

17      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis, fir-rigward tad-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108), li, billi adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, il-leġiżlatur Awstrijak ma ttrasponiex b’mod korrett ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67.

21      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u tippreċiża li s-sanzjonijiet hekk previsti għandhom ikunu, b’mod partikolari, proporzjonati.

22      Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-imsemmija dispożizzjoni huwa ta’ natura inkundizzjonata.

23      Fil-fatt, minn naħa, il-kliem tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jistabbilixxi dan ir-rekwiżit f’termini assoluti.

24      Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni li jiġu adottati sanzjonijiet sproporzjonati, li hija l-konsegwenza tal-imsemmi rekwiżit, ma teħtieġ l-intervent ta’ ebda att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrestrinġu jew li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet il-portata ta’ din il-projbizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 62).

25      Il-fatt li l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva għandu jkun is-suġġett ta’ traspożizzjoni ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-natura inkundizzjonata tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst minn dan l-artikolu.

26      Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li interpretazzjoni li tgħid li n-neċessità ta’ traspożizzjoni tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet prevista fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva hija ta’ natura li tneħħilha n-natura inkundizzjonata tagħha twassal sabiex l-individwi kkonċernati jiġu preklużi milli jinvokaw, jekk ikun il-każ, il-projbizzjoni li jiġu adottati sanzjonijiet sproporzjonati imposti minn dan ir-rekwiżit. Issa, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jagħti lid-direttiva jekk jiġi eskluż, bħala prinċipju, li tali projbizzjoni tista’ tiġi invokata mill-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-punt dwar jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 għandux natura suffiċjentement preċiża, sa fejn jipprevedi r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, tali marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mill-projbizzjoni stabbilita b’mod ġenerali u f’termini ċari mill-imsemmija dispożizzjoni li jiġu previsti sanzjonijiet sproporzjonati.

28      Għalhekk, tali rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi implimentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva u l-fatt li huma għandhom, f’dan il-kuntest, marġni ta’ diskrezzjoni ma jeskludix, fih innifsu, li jkun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju sabiex jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru kkonċernat eċċediex il-limiti stabbiliti f’dan il-marġni ta’ diskrezzjoni meta ttraspona din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 59, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 45).

29      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punt 56 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810), ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikun jista’ jiġi invokat minn individwu u applikat mill-awtoritajiet amministrattivi u mill-qrati nazzjonali.

30      B’mod partikolari, meta Stat Membru jmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet sproporzjonati fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2014/67, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tinvoka direttament ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva kontra tali leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punt 61, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C‑319/12, EU:C:2013:778, punt 51).

31      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, hija imposta fuq l-Istati Membri meta jimplementaw dan id-dritt, inkluż fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 59, u tas‑27 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Obbligu ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑788/19, EU:C:2022:55, punt 48). Meta, fil-kuntest ta’ tali implimentazzjoni, l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet b’mod iktar partikolari ta’ natura kriminali, huma għandhom josservaw l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprevedi li s-severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-reat. Issa, dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 sempliċement ifakkar, huwa ta’ natura imperattiva.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, sa fejn jeżiġi li s-sanzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu proporzjonati, għandu jkollu effett dirett u jista’ għalhekk jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru li jkun għamel traspożizzjoni inkorretta tiegħu.

 Fuq ittieni domanda

33      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm it-tieni domanda saret formalment fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod ġenerali, jekk, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għaliha li tipproċedi b’interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, hija ma għandhiex tapplika din il-leġiżlazzjoni fl-intier tagħha jew jekk tistax tikkompletaha sabiex timponi sanzjonijiet proporzjonati.

34      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx, fl-intier tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jew jekk dan jimplikax li dawn l-awtoritajiet nazzjonali jwarrbu l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni biss sa fejn ikun neċessarju sabiex jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 57).

36      L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu madankollu ċerti limiti u ma jistax b’mod partikolari jservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 252).

38      Kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel domanda, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikollu effett dirett.

39      Għaldaqstant, fil-każ fejn dan ir-rekwiżit jiġi invokat minn individwu quddiem qorti nazzjonali kontra Stat Membru li jkun għamel traspożizzjoni inkorretta tiegħu, hija din il-qorti li għandha tiżgura l-effettività sħiħa tiegħu u, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi ma’ dan ir-rekwiżit, twarrab, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru inkompatibbli miegħu.

40      F’dan il-każ, mill-punti 32 sa 41 tad-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108), jirriżulta li, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, hija tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet minħabba l-kombinazzjoni tad-diversi karatteristiċi tagħha, b’mod partikolari l-kumulu mingħajr limitu tal-multi li ma jistgħux ikunu inqas minn ammont predefinit.

41      Madankollu, għandu jitfakkar li, meħuda waħedhom, tali karatteristiċi mhux neċessarjament jiksru dan ir-rekwiżit. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 35 ta’ dan id-digriet, li leġiżlazzjoni li tipprevedi sanzjonijiet pekunjarji li l-ammont tagħhom ivarja skont in-numru ta’ ħaddiema kkonċernati min-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti obbligi fil-qasam tad-dritt industrijali ma tidhirx, fiha nnifisha, li hija sproporzjonata.

42      Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, hija għalhekk il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra sanzjoni adottata abbażi tas-sistema nazzjonali applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, li għandha twarrab il-parti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha tirriżulta n-natura sproporzjonata tas-sanzjonijiet, b’mod li dan iwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati, li jibqgħu fl-istess ħin effettivi u dissważivi.

43      Fil-fatt, u kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti modalitajiet ta’ ffissar tal-ammont tal-multi tal-LSD-BG ma kinux kompatibbli mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, hija madankollu ma qegħditx f’dubju l-prinċipju, previst minn din l-istess dispożizzjoni, li l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-direttiva kellu jiġi ssanzjonat, filwaqt li enfasizzat, fil-punt 32 tad-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108) li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva.

44      Għalhekk, f’tali konfigurazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tal-istess direttiva, huwa biżżejjed li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu mwarrba biss sa fejn dawn jostakolaw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati, sabiex jiġi ggarantit li s-sanzjonijiet imposti fuq il-persuna kkonċernata jkunu konformi ma’ dan ir-rekwiżit.

45      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fid-dawl tat-tħassib espress mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Pollakk, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif ukoll ta’ ugwaljanza fit-trattament.

46      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jiddeċiedu konsegwentement (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jissanzjonawhom (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, għalkemm il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, jipprekludi b’mod partikolari li qorti tkun tista’, matul proċeduri kriminali, taggrava r-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ tali proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), huwa ma jipprekludix, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għal dawn tal-aħħar ta’ pieni iktar ħfief.

49      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddefinixxi, fil-qasam tad-dritt industrijali, reati dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi marbuta mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiema u maż-żamma ta’ dokumenti dwar is-salarji u tipprevedi sanzjonijiet għal dawn ir-reati.

50      F’tali kuntest, l-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 għandha biss l-effett li twassal lil din il-qorti sabiex tnaqqas is-severità tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti.

51      Issa, il-fatt li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sanzjoni imposta tkun inqas qawwija mis-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, minħabba nuqqas parzjali ta’ applikazzjoni tagħha abbażi ta’ dan ir-rekwiżit, ma jistax jitqies li jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif ukoll ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali.

52      Fi kwalunkwe każ, għalkemm, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2014/67, awtorità nazzjonali tista’ titwassal, meta timponi tali sanzjoni, sabiex twarrab ċerti elementi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar dawn is-sanzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li s-sanzjoni hekk adottata tibqa’ fis-seħħ skont l-imsemmija leġiżlazzjoni.

53      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-fatt li awtorità nazzjonali għandha twarrab parti mill-istess leġiżlazzjoni nazzjonali huwa ta’ natura li joħloq ċerta ambigwità fir-rigward tar-regoli tad-dritt applikabbli għal dan il-ksur, dan il-fatt ma jippreġudikax il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

54      Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata)

55      Ir-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Issa, peress li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jimplika limitazzjoni tas-sanzjonijiet li għandha tiġi osservata mill-awtoritajiet nazzjonali kollha inkarigati li japplikaw dan ir-rekwiżit fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jimponu sanzjonijiet differenti skont il-gravità tal-ksur abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma jistax jitqies li tali rekwiżit jippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li parti minnha tmur kontra r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 biss sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati.

 Fuq lispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”), sa fejn jeżiġi li s-sanzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu proporzjonati, għandu jkollu effett dirett u jista’ għalhekk jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru li jkun għamel traspożizzjoni inkorretta tiegħu.

2)      Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li parti minnha tmur kontra r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 biss sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.