Language of document : ECLI:EU:C:2022:168

Kawża C205/20

NE

vs

Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat8 ta’ Marzu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Direttiva 2014/67/UE – Artikolu 20 – Sanzjonijiet – Proporzjonalità – Effett dirett – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 2014/67 – Rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll – Obbligi fil-qasam tad-dritt industrijali relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiema u maż-żamma ta’ dokumenti dwar is-salarji – Sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza – Rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-imsemmija sanzjonijiet, previst fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva – Effett dirett

(Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2014/67, Artikolu 20)

(ara l-punti 17 sa 19, 22 sa 24, 27 sa 29, 32, u d-dispożittiv 1)

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Effett dirett – Supremazija – Obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 2014/67 – Rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll – Obbligi fil-qasam tad-dritt industrijali relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiema u maż-żamma ta’ dokumenti dwar is-salarji – Sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza – Rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-imsemmija sanzjonijiet, previst fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali parzjalment kuntrarja għal dan ir-rekwiżit – Obbligu li ma tiġix applikata tali leġiżlazzjoni biss sa fejn ikun neċessarju sabiex jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/67, Artikolu 20)

(ara l-punti 35 sa 37, 39 sa 42, 44, 51, 52, 56, 57, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Kollokament ta’ ħaddiema: il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li s-sanzjonijiet għall-ksur ta’ obbligi amministrattivi jkunu proporzjonati

Il-qorti nazzjonali tista’ tapplika sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet li tmur kontra d-Direttiva dwar il-kollokament tal-ħaddiema sakemm tiggarantixxi l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet

Il-kumpannija CONVOI s. r. o., stabbilita fis-Slovakkja u rrappreżentata minn NE, ikkollokat ħaddiema impjegati ma’ kumpannija stabbilita f’Fürstenfeld (l-Awstrija). Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Ġunju 2018, abbażi ta’ konstatazzjonijiet magħmula waqt kontroll imwettaq ftit xhur qabel, il-Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Hartberg-Fürstenfeld, l-Awstrija) imponiet fuq NE multa fl-ammont ta’ EUR 54 000, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi previsti mil-liġi Awstrijaka fil-qasam tad-dritt industrijali, dwar, b’mod partikolari, iż-żamma u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti dwar is-salarji u s-sigurtà soċjali. NE ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija).

F’Ottubru 2018, din il-qorti, billi kellha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 (1), ta’ sanzjonijiet bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni, kienet ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-digriet tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (2), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat in-natura sproporzjonata tal-kombinazzjoni ta’ diversi elementi tas-sistema Awstrijaka ta’ sanzjonijiet imposti għall-ksur ta’ obbligi, essenzjalment amministrattivi, ta’ żamma ta’ dokumenti li jikkonċernaw il-kollokament ta’ ħaddiema.

Filwaqt li osservat li, wara dan id-digriet, il-leġiżlatur nazzjonali ma emendax il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u fid-dawl tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (3), il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi mwarrba u, jekk iva, sa liema estent. Fil-fatt, f’dik is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni simili għall-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 (4) ma għandhiex effett dirett.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala kulleġġ ġudikanti, tiddeċiedi, minn naħa, dwar jekk ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet għandux effett dirett. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża l-portata tal-obbligi li għandha qorti nazzjonali adita b’tilwima li fil-kuntest tagħha hija għandha tapplika regoli nazzjonali li jimponu sanzjonijiet sproporzjonati.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, sa fejn jeżiġi li s-sanzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu proporzjonati, għandu effett dirett u jistax għalhekk jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru li jkun għamel traspożizzjoni inkorretta tiegħu. Sabiex tikkonstata, qabelxejn, li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst mill-imsemmija dispożizzjoni huwa ta’ natura inkundizzjonata, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-formulazzjoni tagħha tistabbilixxi dan ir-rekwiżit f’termini assoluti. Barra minn hekk, il-projbizzjoni li jiġu adottati sanzjonijiet sproporzjonati, li hija l-konsegwenza ta’ dan ir-rekwiżit, ma teħtieġ l-intervent ta’ ebda att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrestrinġu jew li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet il-portata ta’ din il-projbizzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva għandu jkun is-suġġett ta’ traspożizzjoni ma jikkontestax in-natura inkundizzjonata tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst minnu. Sussegwentement, sabiex tqis li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl‑Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 huwa ta’ natura suffiċjentement preċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti minn din id-dispożizzjoni lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva huwa limitat mill-projbizzjoni stabbilita b’mod ġenerali u f’termini ċari li jiġu previsti sanzjonijiet sproporzjonati. Għalhekk, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni ma teskludix li stħarriġ ġudizzjarju jista’ jitwettaq fuq it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li parti minnha tmur kontra r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, biss sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati. Filwaqt li tfakkar li, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni li din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet minħabba l-kombinazzjoni tad-diversi karatteristiċi tagħha (5). Madankollu, meħuda waħedhom, dawn il-karatteristiċi mhux neċessarjament jiksru dan ir-rekwiżit. Għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, hija l-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra sanzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandha twarrab il-parti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha tirriżulta n-natura sproporzjonata tas-sanzjonijiet, b’mod li dan iwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati, li jibqgħu fl-istess ħin effettivi u dissważivi. Il-fatt li s-sanzjoni imposta tkun inqas qawwija mis-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma jistax jitqies li jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif ukoll ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, peress li s-sanzjoni tibqa’ fis-seħħ skont l-imsemmija leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, peress li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jimplika limitazzjoni tas-sanzjonijiet li għandha tiġi osservata mill-awtoritajiet nazzjonali kollha inkarigati li japplikaw dan ir-rekwiżit fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jippermettilhom jimponu sanzjonijiet differenti skont il-gravità tal-ksur abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma jistax jitqies li tali rekwiżit jippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.


1      Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”, ĠU 2014, L 159, p. 11).


2      Digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108). B’mod iktar speċifiku, f’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67, li jirrikjedi li s-sanzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu proporzjonati, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi fil-qasam tad-dritt industrijali relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiema u maż-żamma tad-dokumenti dwar is-salarji, l-impożizzjoni ta’ multi ta’ ammont għoli li ma jistgħux ikunu inqas minn ammont stabbilit minn qabel, li jiġu imposti b’mod kumulattiv għal kull ħaddiem ikkonċernat u mingħajr limitu massimu, u li magħhom tiżdied kontribuzzjoni għall-ispejjeż proċedurali sa 20 % tal-ammont tagħhom fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li timponihom.


3      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810).


4      F’dik is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2011 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372). Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet imposti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 1999/62.


5      Digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108).