Language of document : ECLI:EU:F:2015:37

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

29 ta’ April 2015

Kawża F‑78/12

Viara Todorova Androva

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2011 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Anzjanità ta’ sentejn fil-grad — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ xogħol imwettaq bħala membru tal-persunal temporanju — Differenza fit-trattament minħabba n-natura legali tar-reklutaġġ tal-ħaddiema kkonċernati — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Invokabbiltà — Esklużjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu V. Todorva Androva qiegħda essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma jinkludihiex fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011 u, min-naħa l-oħra, kumpens tad-dannu materjali u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. V. Todorova Androva għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Minimu ta’ anzjanità fil-grad meħtieġ — Kalkolu — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala membru tal-persunal temporanju — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Minimu ta’ anzjanità fil-grad meħtieġ — Kalkolu — Esklużjoni tal-perijodi mwettqa bħala membru tal-persunal temporanju — Ksur tad-Direttiva 1999/70 dwar il-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, punt 1 tal-klawżola 4)

1.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-anzjanità fil-grad miksuba bħala uffiċjal, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma jipprovdux li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, fi kwalunkwe każ, japplika, b’xi mod jew ieħor, għas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju. Fil-fatt, skont il-leġiżlatur, ma hemm ebda kontinwità legali fil-karriera ta’ membru tal-persunal temporanju li jsir uffiċjal.

(ara l-punti 51 u 54)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Bellantone vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑85/06, EU:F:2007:171, punt 51; Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni, F‑33/07, EU:F:2008:25, punt 87, u digriet Prieto vs Il-Parlament, F‑42/07, EU:F:2011:159, punt 61

2.      Il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jinsabu applikati fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, fil-kuntest ta’ tilwim bejn uffiċjali u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-eventwali differenzi fit-trattament bejn il-persunal irregolat minn regolamenti tal-persunal u l-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim qafas, peress li tali differenzi fit-trattament ma humiex ibbażati fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol iżda fuq jekk din ir-relazzjoni hijiex rregolata minn regolamenti tal-persunal jew minn kuntratt.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-uffiċjali, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat. Fil-fatt, l-uniku element meħud inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa n-natura legali tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal ikkonċernati, fejn fil-fatt jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-anzjanità miksuba minn uffiċjali u l-anzjanità miksuba mill-membri l-oħra tal-persunal. Issa, tali differenza fit-trattament ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim qafas.

(ara l-punti 61 sa 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet Rivas Montes, C‑178/12, EU:C:2013:150, punti 44, 45 u 47

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, EU:F:2009:43, punt 101