Language of document : ECLI:EU:C:2004:645

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta' Ottubru 2004 (*)

"Appell – Trade mark Komunitarja – Sintamma DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT – Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża C-64/02 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-27 ta' Frar 2002,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji), irrappreżentat minn A. von Mühlendahl u G. Schneider, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

sostnut mir-

Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn P. Ormond, C. Jackson, M. Bethell u M. Tappin, bħala aġenti, assistiti minn D. Alexander, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell,

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Erpo Möbelwerk GmbH, irrappreżentata minn S. von Petersdorff-Campen, Rechtsanwalt u H. von Rohr, Patentanwalt, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, R. Schintgen u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' Mejju 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,

wara li semgħet il-konlużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (aktar 'il quddiem l-"UASI") jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta' Diċembru 2001, Erpo Möbelwerk vs UASI (DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT) (T-138/00, Ġabra p. II-3739, aktar 'il quddiem is-"sentenza appellata"), li permezz tagħha ġiet annullata d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-23 ta' Marzu 2000 (Każ R 392/1999-3) (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li essenzjalment ċaħad l-appell imressaq minn Erpo Möbelwerk GmbH (aktar 'il quddiem "Erpo") kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur ta' l-UASI li rrifjutat ir-reġistrazzjoni tas-sintamma DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT bħala trade mark Komunitarja għal klassijiet differenti ta' prodotti, inkluża, b'mod partikolari, l-għamara.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1):

"1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[...]

(b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

(d)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[...]

3.      Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark."

3       Taħt it-titolu "Il-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark Komunitarja", l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li:

"It-trade mark Komunitarja ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

[...]

(b)      indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi;

[...]

sakemm huwa jużahom skond il-konswetudini onesta industrijali jew kummerċjali."

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

4       Permezz ta' ittra tat-23 ta' April 1998, Erpo applikat ma' l-UASI għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sintamma DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 8 (għodod manwali, pożati, frieket u mgħaref), 12 (vetturi ta' l-art u l-parts tagħhom) u 20 (għamara tad-dar, b'mod partikolari għamara ttapizzata, sedili, siġġijiet, imwejjed, sideboards u għamara għall-uffiċċju) fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

5       Peress li l-eżaminatur ta' l-UASI ċaħad din l-applikazzjoni permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Ġunju 1999 għar-raġuni li l-imsemmija sintamma kienet tindika karatteristika tal-prodotti kkonċernati u li ma kinitx ta' karattru distintiv, Erpo ressqet rikors kontra din ta' l-aħħar.

6       Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI annulla d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur safejn dan kien ċaħad l-applikazzjoni għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 8. Fir-rigward tal-kumplament, il-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors essenzjalment, għar-raġuni, li s-sintamma in kwistjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7(1)(b)(ċ) u (2) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza appellata

7       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Mejju 2000, Erpo ressqet kawża sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet ir-rikors permezz tas-sentenza appellata.

8       Fil-punti 22 sa 29 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, kien fondat peress li, anke jekk il-kelma "Bequemlichkeit" (li tfisser "kumdità") tindika, fiha nfisha, kwalità tal-prodotti kkonċernati li tista' tittieħed in kunsiderazzjoni mill-pubbliku rilevanti meta jkun qed jiddeċiedi x'jixtri, is-sintamma DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT, ikkunsidrata fuq il-bażi ta' l-element kollha tagħha u fit-totalità tagħha, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija komposta esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw il-kwalità tal-prodotti kkonċernati.

9       Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10     Fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tilqa' dan il-motiv ukoll peress li l-Bord ta' l-Appell essenzjalment ikkonkluda li l-frażi in kwisjtoni ma kinitx ta' karattru distintiv minħabba l-karattru deskrittiv tagħha, filwaqt li, mill-punti 22 sa 29 tas-sentenza appellata dwar l-ewwel motiv, jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball fil-liġi f'dan ir-rigward.

11     Fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-tieni motiv kien ukoll fondat fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet segwenti:

"43      Barra minn hekk, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord ta' l-Appell reġa' sostna li s-sintamma DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT kienet ikkaratterizzata minn nuqqas "ta' element addizzjonali ta' immaġinazzjoni". Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu, l-Uffiċċju sostna li, "sabiex ikunu jistgħu jservu bħala trade marks, is-slogans għandu jkollhom element addizzjonali […] ta' oriġinalità" u li l-kelma in kwistjoni ma kellhiex.

44      F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li n-nuqqas ta' karattru distintiv ma jistax jirriżulta min-nuqqas ta' immaġinazzjoni u lanqas min-nuqqas ta' element addizzjonali ta' fantasija [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus-Film vs UASI (Cine Action), T-135/99 Ġabra p. II-379, punt 31; Taurus-Film vs UASI (Cine Comedy), T-136/99, Ġabra p. II-397, punt 31, u tal-5 ta' April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra p. II-1259, punti 39 u 40]. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li m'għandhomx jiġu applikati kriterji aktar stretti għall-islogans minn dawk applikabbli għal tipi oħra ta' sinjali.

45      Safejn il-Bord ta' l-Appell, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, jerġa' jindika n-nuqqas ta' "kamp ta' tensjoni kunċettwali li joħloq sorpriża u b'hekk iħalli impressjoni li tiġbed l-attenzjoni", għandu jiġi rrilevat li, fil-verità, dan l-element huwa biss parafrażi tal-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar in-nuqqas "ta' element addizzjonali ta' immaġinazzjoni".

46      Iċ-ċaħda, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, tar-rikors imressaq quddiem il-Bord ta' l-Appell kienet tkun iġġustifikata biss fil-każ li jintwera li l-kliem "das Prinzip der …" ("il-prinċipju ta' …") imqiegħed flimkien ma' kelma li tindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati huma komunement użati flimkien fil-komunikazzjonijiet kummerċjali u, b'mod partikolari, fil-pubbliċità. Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda konstatazzjoni f'dan is-sens u li, l-Uffiċċju la fin-noti tiegħu u lanqas fis-seduta ma allega l-eżistenza ta' użu bħal dan."

12     Għaldaqstant fuq dawn il-motivi, il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat d-deċiżjoni kkontestata.

 L-appell

13     Fl-appell tiegħu, l-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tannulla s-sentenza appellata;

–       tiċħad ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-23 ta' Marzu 2000 fil-Każ R 392/1999-3 u, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għal deċiżjoni;

–       tordna lill-parti l-oħra fil-kawża tbati l-ispejjeż tal-proċeduri ta' l-ewwel istanza u ta' l-appell.

14     Erpo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tiċħad l-appell;

–       tikkonferma s-sentenza appellata;

–       tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż, inklużi dawk li jistgħu jitħallsu lura fil-kuntest ta' l-appell.

15     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Settembru 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq ġie awtorizzat jintervjeni in sostenn tat-talbiet ta' l-UASI.

 L-argumenti tal-partijiet

16     Permezz ta' l-uniku motiv tiegħu, l-UASI jsostni li, billi fil-punt 46 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-possibbiltà li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trade mark minħabba n-nuqqas ta' karattru distintiv hija limitata għall-każijiet fejn jintwera li s-sinjal in kwistjoni huwa komunement użat fiċ-ċirkli kummerċjali rilevanti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

17     F'dan ir-rigward, l-UASI jsostni li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark għandha tinvolvi eżami a priori tal-probabbiltà li t-trade mark tippermetti, b'mod konkret, lill-pubbliku kkonċernat jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tiġi mitluba r-reġistrazzjoni bħala li ġejjin minn impriża partikolari u mhux minn oħra jew, fi kwalunkwe każ, bħala li jkunu manifatturati jew ikkummerċjalizzati taħt ir-responsabbiltà totali ta' sid it-trade mark.

18     Bħal fil-każ ta' trade marks li jikkonsistu f'kuluri jew trade marks tridimensjonali, iżda, għall-kuntrarju tat-trade marks li jikkonsistu biss fi kliem jew li huma purament figurattivi, it-trade marks magħmula minn slogans, bħal f'dan il-każ, huma meħtieġa li jkollhom element ta' preżentazzjoni addizzjonali li jagħtihom karattru distintiv. Dan ir-rekwiżit jista' jiġi spjegat permezz tal-fatt li dawn huma sinjali li l-aktar ta' spiss ikollhom funzjoni purament pubbliċitarja u mhux funzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-oriġini tal-prodotti.

19     Barra minn hekk, l-UASI jsostni li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark m'għandhiex tieħu in kunsiderazzjoni l-użu eventwali tagħha fis-suq. Huwa minnu li jekk jirriżulta li s-sinjal in kwisjoni huwa a priori kapaċi li jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni iżda li dan is-sinjal jew xi kliem simili huma diġà użati b'mod regolari mill-pubbliku kkonċernat, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (d) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, jekk, bħalma huwa l-każ f'din il-kawża, is-sinjal ikkonċernat mhuwiex a priori kapaċi jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark għandha tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess regolament mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitressqu provi li huwa diġà użat b'mod regolari mill-pubbliku kkonċernat.

20     Erpo ssostni, għall-kuntrarju, li l-motiv imressaq mill-UASI kontra l-punt 46 tas-sentenza appellata mhuwiex fondat. Mill-punti 28 u 42 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-karattru distintiv tat-trade mark in kwistjoni jirriżulta mit-tqegħid flimkien tas-sintamma "Das Prinzip der…" u l-element deskrittiv "Bequemlichkeit". Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx irrikjediet il-prova ta' użu ġenerali tas-sintamma kkonċernata fl-intier tagħha. Hija ma kkonstatatx li l-użu tas-sintamma "Das Prinzip der …" isaħħaħ l-element deskrittiv. Hija waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tipprovdi motivazzjoni oġġettiva dwar ir-rifjut tar-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta' nuqqas ta' karattru distintiv.

21     Barra minn hekk Erpo ssostni li r-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-slogan in kwistjoni ma twaqqafx lill-kompetituri milli jużaw il-kelma "Prinzip" (prinċipju) flimkien mal-kelma "Bequemlichkeit" (kumdità). B'mod partikolari, l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi dan milli jsir. Din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tistabbilixxi protezzjoni suffiċjenti tal-kompetizzjoni sabiex tidher iġġustifikata prattika liberali tar-reġistrazzjoni, li f'każ ta' dubju, tippermetti li tingħata protezzjoni lit-trade mark mitluba.

22     Barra minn hekk Erpo tikkontesta li l-karattru distintiv ta' trade mark magħmula minn slogan jeħtieġ il-preżenza ta' element ta' preżentazzjoni addizzjonali minħabba l-funzjoni purament pubbliċitarja sinjal bħal dan. Fil-fatt huwa stabbilit kemm fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll fil-prattika ta' l-UASI li l-funzjoni pubbliċitarja ta' slogan ma teskludix il-karattru distintiv tiegħu.

23     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-analiżi tal-karattru distintiv magħmula fis-sentenza appellata tmur kontra kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u kemm dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza stess. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari, m'applikatx korrettament id-dritt Komunitarju li jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura ta' trade mark meta ssir l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, barra minn hekk, adottat pożizzjoni inkorretta sabiex tiddetermina dan il-karattru distintiv.

24     L-imsemmi Gvern isostni li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tissodisfa l-kundizzjoni tal-karattru distintiv, trade mark għandha tidentifika, mingħajr ambigwità, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Sinjal ma jistax jiggarantixxi tali oriġini jekk, fir-rigward ta' l-aspettattivi preżunti tal-konsumatur medju tal-kategorija ta' prodotti u servizzi in kwistjoni, jibqa' dubju veru fil-moħħ ta' din il-persuna dwar l-imsemmija oriġini.

25     Huwa minnu, skond dan il-Gvern, li l-prinċipji ġuridiċi li għandhom jiġu applikati fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark huma l-istess għall-kategoriji kollha ta' trade mark. Madankollu, jibqa' l-fatt li l-mod kif jiġu applikati dawn il-prinċipji għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest u, b'mod partikolari, in-natura tat-trade mark ikkonċernata, kif turi l-ġurisprudenza fir-rigward ta' trade marks tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodott [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (Pillola bajda fil-forma ta' kaxxa bi frak isfar u blu), T-119/00, Ġabra p. I-2761, punti 53 sa 55, u tas-7 ta' Frar 2002, Mag Instrument vs UASI, T-88/00, Ġabra p. II-467, punti 33 sa 35, u l-punt 12 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Linde et (sentenza tat-8 ta' April 2003, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161)].

26     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li t-trade mark in kwistjoni f'din il-kawża hija essenzjalment slogan pubbliċitarju li jipprova jikkomunika l-prinċipji li l-prodotti in kwistjoni kienu mmanifatturati fuq il-bażi tagħhom. Madankollu, konsumatur medju huwa anqas probabbli li jikkunsidra slogan pubbliċitarju, b'mod partikolari meta jkun fih referenza għall-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti jew tas-servizzi, bħala sinjal li jindika l-oriġini tal-prodotti u li jidentifika biss l-impriża responsabbli mill-produzzjoni tagħhom. Madankollu, jekk tali sinjal iħalli impressjoni li tiġbed l-attenzjoni minħabba li mhuwiex soltu li jintuża għall-prodotti u s-servizzi in kwistjoni, il-konsumatur medju jista' jispiċċa sabiex jikkunsidrah bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali ta' dawn il-prodotti u s-servizzi apparti mill-funzjoni promozjonali tiegħu.

27     Il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kellu raġun li jqis din il-kunsiderazzjoni. Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni jew ma ħaditx in kunsiderazzjoni biżżejjed, in-natura tat-trade mark meta saret l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha.

28     Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 safejn il-punt 46 tas-sentenza appellata jimplika li setgħet biss tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjal ikkonċernat minħabba nuqqas ta' karattru distintiv jekk is-sintamma "Das Prinzip der …" kienet komunement użata fil-komunikazzjonijiet tan-negozju u fil-pubbliċità.

29     Il-Qorti tal-Prim'Istanza fixklet ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma' dawk ta' l-Artikolu 7(1)(d). Fil-fatt, ir-rekwiżit li jintwera, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni, li huwa soltu li t-trade mark tintuża fil-kummerċ għall-prodotti u s-servizzi in kwistjoni, japplika biss għal din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar u mhux għal dawk ta' l-ewwel (sentenza ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 35). Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) ta' l-imsemmi regolament jistabbilixxu raġuni indipendenti għal rifjut ta' reġistrazzjoni ta' sinjal minkejja li huwa ċar li l-kampijiet ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom jikkoinċidu.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-uniku motiv ta' l-UASI, dwar il-karattru distintiv tat-trade mark u bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jirrigwarda espressament il-punt 46 biss tas-sentenza appellata. Madankollu, dan il-punt ma jistax jiġi mifrud mill-punti 43 sa 45 li jiġu immedjatament qablu b'mod illi l-motiv ta' l-UASI għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-motivazzjoni kollha li tinsab f'dawn il-punti. Huwa, barra minn dan, f'dan is-sens li l-partijiet, kif ukoll il-parti intervenjenti, fehmu s-suġġett ta' l-appell safejn huma ttrattaw, fin-noti tagħhom, il-punti 43 sa 46 kollha tas-sentenza appellata.

31     Il-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata jirreferu għall-punti 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata li teħtieġ li slogan jippreżenta "element ta' immaġinazzjoni" saħansitra "kamp ta' tensjoni kunċettwali li jista' joħloq sorpriża u jħalli impressjoni li tiġbed l-attenzjoni" sabiex ma jkunx nieqes minn minimu ta' karattru distintiv kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

32     Fil-punti 43 sa 45, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ċaħdet rekwiżit bħal dan, essenzjalment għar-raġuni li m'għandhomx jiġu applikati kriterji aktar stretti minn dawk applikabbli għal tipi oħra ta' sinjali għall-islogans.

33     Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tagħha, huwa meħtieġ li kull trade mark, tkun ta' liema kategorija tkun, tkun kapaċi tidentifika l-prodott bħala li ġej minn impriża partikolari u għalhekk li tiddistingwieh minn dawk ta' impriżi oħra [ara, f'dan is-sens, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), dispożizzjoni identika għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza Linde et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 42 u 47].

34     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għall-kategoriji differenti ta' trade marks, jista' jidher, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex neċessarjament l-istess għal kull waħda minn dawn il-kategoriji u li, għaldaqstant, jista' jkun aktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade marks ta' ċerti kategoriji milli ta' dawk ta' kategoriji oħra (ara s-sentenzi tad-29 ta' April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 38; Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 36, u Procter & Gamble vs UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, li għadhom ma ġewx ippublikati fil-Ġabra, punt 36).

35     Ma jistax jiġi eskluż li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza hija wkoll rilevanti għat-trade marks verbali magħmula minn slogans pubbliċitarji bħal dik f'din il-kawża. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, jekk, matul l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark in kwistjoni, jirriżulta li din għandha funzjoni promozzjonali li tikkonsisti, per eżempju, f'rakkomandazzjoni tal-kwalità tal-prodott in kwistjoni u li l-importanza ta' din il-funzjoni mhijiex manifestament sekondarja fir-rigward tal-funzjoni tagħha bħala trade mark, jiġifieri dik li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodott. Fil-fatt, f'każ bħal dan, l-awtoritajiet jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumaturi medji m'għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw rwieħhom fuq tali slogans (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Procter & Gamble vs UASI, iċċitati aktar 'il fuq, punt 36).

36     Madankollu, id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta' ċerti kategoriji ta' trade marks, minħabba n-natura tagħhom stess, bħalma huma dawk magħmula minn slogans pubbliċitarji, diffikultajiet li huwa leġittimu li jittieħdu in kunsiderazzjoni, ma jiġġustifikawx il-fatt li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi li jissupplixxu jew jidderogaw mill-kriterju tal-karattru distintiv kif interpretat fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 32 sa 34 ta' din is-sentenza. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament annullat id-deċiżjoni kkontestata peress li kien ġie applikat kriterju differenti u aktar strett fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks magħmula minn slogans pubbliċitarji.

37     Wara li, fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, eskludiet, ġustament, il-kriterju adottat fid-deċiżjoni kkontestata għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark in kwistjoni, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza użat kriterju ieħor, jiġifieri dak li trade mark hija biss nieqsa minn karattru distintiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ li jiġi ppruvat li s-sintamma kkonċernata hija komunement użata fil-komunikazzjonijiet kummerċjali u, b'mod partikolari, fil-pubbliċità, ipoteżi li l-eżistenza tagħha ma ġietx ivverifikata fid-deċiżjoni kkontestata.

38     Huwa ċertament minnu li, jekk jiġi ppruvat li s-sintamma kkonċernata hija komunement użata fil-komunikazzjonijiet kummerċjali u, b'mod partikolari, fil-pubbliċità, kif huwa previst fl-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li dan is-sinjal mhuwiex xieraq sabiex jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra u għalhekk ma jissodisfax il-funzjoni essenzjali ta' trade mark – ħlief jekk l-użu li jkun sar minn dawn is-sinjali jew minn dawn l-indikazzjonijiet ippermettielhom li jakkwistaw karattru distintiv li jista' jiġi rikonoxxut skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f'dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet identiċi ta' l-Artikolu 3(1)(b) u (d) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104, is-sentenza Merz & Krell, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37).

39     Madankollu, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni elenkata fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Henkel vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40     Għaldaqstant, il-portata ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 m'għandhiex tiġi limitata biss għat-trade marks li r-raġuni għar-rifjut tar-reġistrazzjoni tagħhom taqa' taħt l-Artikolu 7(1)(d) ta' l-imsemmi regolament minħabba l-fatt li huma komunement użati fil-komunikazzjonijiet kummerċjali u, b'mod partikolari, fil-pubbliċità.

41     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-reġistrazzjoni ta' trade mark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li, barra minn dan, huma użati bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet ta' kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark mhijiex eskluża, bħala tali, minħabba użu bħal dan (ara s-sentenza Merz & Krell, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).

42     Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-karattru distintiv ta' trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tkun intalbet ir-reġistrazzjoni bħala li ġej minn impriża partikolari u għalhekk li dan il-prodott jiġi distint minn dawk ta' impriżi oħra u, għaldaqstant, tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta' trade mark (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi Procter & Gamble vs UASI, iċċitati aktar 'il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u, fir-rigward tad-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Merz & Krell, punt 37 u Linde et, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43     Skond il-ġurisprudenza, dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni li jkollu l-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul mill-konsumatur medju ta' l-imsemmija prodotti jew servizzi, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Procter & Gamble vs UASI, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44     Minn dan jirriżulta li l-karattru distintiv ta' trade mark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li, barra minn dan, huma użati bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet ta' kwalità jew espressjonijiet li jħajru l-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark, bħal dawk in kwistjoni f'dan il-każ, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 42 u 43 ta' din is-sentenza [ara wkoll, f'dan is-sens, għal dak li jikkonċerna trade marks bħal dawn, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T-130/01, Ġabra p. II-5179, punt 20, u tat-3 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs UASI (BEST BUY), T-122/01, Ġabra p. II-2235, punt 21].

45     Barra minn dan, f'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud li l-argument ta' Erpo, li l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi protezzjoni suffiċjenti tal-kompetizzjoni sabiex jiġġustifika prassi liberali tar-reġistrazzjoni, li, f'każ ta' dubju, tippermetti l-protezzjoni tat-trade mark mitluba. Argument bħal dan diġà fil-fatt ġie rrifjutat mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-eżami ta' l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni m'għandux ikun minimu iżda għandu jkun strett u komplut sabiex jiġi evitat li jiġu rreġistrati trade marks b'mod li mhuwiex xieraq u sabiex jiġi assigurat, għal raġunijiet ta' ċertezza legali u ta' amministrazzjoni tajba, li t-trade marks li l-użu tagħhom jista' jiġi kkontestat b'suċċess quddiem il-qrati ma jiġux irreġistrati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punti 58 u 59).

46     Għalhekk, billi, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li trade mark hija biss nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fil-każ li jiġi ppruvat li s-sintamma kkonċernata hija komunement użata fil-komunikazzjonijiet kummerċjali u, b'mod partikolari, fil-pubbliċità, ipoteżi li ma ġietx ivverifikata fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat kriterju li mhuwiex dak stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

47     Minn dan isegwi li, dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma baqgħetx fil-limiti ta' l-imsemmi artikolu.

48     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-UASI għandu raġun li, dwar dan il-punt, isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball fil-liġi.

49     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-iżball fil-liġi m'għandu ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża.

50     Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 37 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fuq il-bażi tal-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, ġustament annullat id-deċiżjoni kkonstestata għar-raġuni li r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġie deċiż b'applikazzjoni tal-kriterju żbaljat, stabbilit fil-punti 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri n-nuqqas ta' element addizzjonali ta' immaġinazzjoni u ta' element addizzjonali ta' fantasija.

51     Minn dan isegwi li, minkejja l-iżball fil-liġi kkonstatat fil-punt 48 ta' din is-sentenza, il-parti operattiva tas-sentenza appellata tibqa' ġġustifikata.

52     Skond ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirrevelaw ksur tad-dritt Komunitarju, iżda li l-parti operattiva tagħha tidher li hija fondata minħabba motivi oħra ta' dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta' Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C-265/97 P, Ġabra p. I-2061, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53     Konsegwentement, il-motiv imressaq ma jistax jintlaqa' u l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

54     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għall-proċedura ta' appell bis-saħħa ta' l-Artikolu 118 ta' l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub minn Erpo.

55     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-imsemmija Regoli tal-Proċedura, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud;

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) huwa ordnat ibati l-ispejjeż;

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.