Language of document : ECLI:EU:C:2013:635

Kawża C‑170/12

Peter Pinckney

vs

KDG Mediatech AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni – Materji ta’ delitt jew kważi delitt – Drittijiet tal-awtur – Mezz materjali li jirriproduċi xogħol protett – Tpoġġija fuq l-Internet – Determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013

1.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Domandi li għandhom rabta mar-realtà jew is-suġġett tat-tilwima

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Kunċetti użati mill-imsemmi regolament – Interpretazzjoni awtonoma

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5(3))

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Kompetenzi speċjali – Interpretazzjoni stretta

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5(3))

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Kompetenzi speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ id-dannu u post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu – Ksur imwettqa permezz tal-Internet u li jistgħu jseħħu f’postijiet differenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5(3))

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Kompetenzi speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Ksur tad-dritt tal-awtur permezz tar-riproduzzjoni ta’ xogħol fuq mezz materjali li huwa sussegwentement mibjugħ minn sit tal-Internet – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ aċċessibbiltà għas-sit tal-bejgħ – Limiti – Dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5(3); Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/29)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19-20)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 23)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 25)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 31, 32)

5.        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur għad-drittijiet tal-awtur protetti mil-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, din għandha ġurisdizzjoni sabiex tittratta azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mressqa mill-awtur ta’ xogħol kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u li, f’dan l-Istat, irriproduċiet l-imsemmi xogħol fuq mezz materjali li sussegwentement jinbiegħ minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru terz, permezz ta’ sit tal-Internet aċċessibbli wkoll fil-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Din il-qorti għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar id-dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija tinsab.

Id-drittijiet tal-awtur, suġġetti għall-prinċipju tat-territorjalità, għandhom madankollu jkunu protetti, b’mod partikolari minħabba d-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, b’mod awtomatiku fl-Istati Membri kollha, sa fejn jistgħu jinkisru, rispettivament, f’kull wieħed minnhom, skont id-dritt materjali applikabbli.

Issa, il-ġurisdizzjoni sabiex tittratta kawża dwar delitt jew kważi delitt, fir-rigward tal-ksur allegat ta’ dritt tal-awtur, hija diġà stabbilita favur il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, peress li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinstab din il-qorti jipproteġi d-drittijiet patrimonjali li l-applikant igawdi u li hemm ir-riskju li d-dannu allegat iseħħ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża. L-imsemmi riskju jirriżulta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li wieħed jikseb, permezz ta’ sit tal-Internet aċċessibbli fil-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, riproduzzjoni tax-xogħol li magħhom huma konnessi d-drittijiet invokati mill-applikant.

(ara l-punti 39, 43, 44, 47 u d-dispożittiv)