Language of document :





Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Settembru 2011 – Vivendi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑568/10)

“Rikors għal annullament – Rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni kontra Stat Membru minħabba allegat ksur tal-Artikolu 106 TFUE – Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

1.                     Rikors għal annullament - Atti li jistgħu jiġu kkontestati - Rifjut tal-Kummissjoni li tkompli bl-eżami ta’ lment li jistedinha tieħu azzjoni skont l-Artikolu 106(3) TFUE - Esklużjoni - Inammissibbiltà (Artikolu 106(3) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77) (ara l-punti 16-18, 25, 26)

2.                     Rikors għal annullament - Atti li jistgħu jiġu kkontestati - Rifjut tal-Kummissjoni li tkompli bl-eżami ta’ lment li jistedinha tieħu azzjoni skont l-Artikolu 106(3) TFUE - Ksur tal-prinċipju ta’ koerenza tal-politiki tal-Unjoni - Ksur tad-dritt għal rimedju effettiv - Assenza - Inammissibbiltà (Artikoli 7 TFUE u 106(3) TFUE) (ara l-punt 19)

3.                     Rikors għal annullament - Atti li jistgħu jiġu kkontestati - Rifjut tal-Kummissjoni li tkompli bl-eżami ta’ lment li jistedinha tieħu azzjoni skont l-Artikolu 106(3) TFUE - Ksur tad-Direttiva 2002/77 - Assenza - Inammissibbiltà (Artikolu 106(3) TFUE; Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77) (ara l-punti 22-24)

Suġġett

Talba għal annullament tad-deċiżjoni li tinkludi l-ittra tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Ottubru 2010, li permezz tagħha hija kkomunikat lir-rikorrenti r-rifjut tagħha li tkompli bl-eżami tal-ilment ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2009 intiż għall-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE għal ksur, mir-Repubblika Franċiża, tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178), u, konsegwentement, tal-Artikolu 86(1) KE permezz tal-għoti ta’ vantaġġ leġiżlattiv lil France Télécom.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża u ta’ France Télécom.

3)

Vivendi għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.