Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2010 - Vivendi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-568/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Vivendi (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: O. Fréget, J.-Y. Ollier u M. Struys, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

tiddikjara r-rikors preżenti bħala ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2010 li permezz tagħha ċaħdet l-ilment imressaq minn Vivendi fit-2 ta' Marzu 2009 (irreġistrat bin-Numru 2009/4267) għall-ksur imwettaq mir-Repubblika Franċiża, tad-Direttiva 2002/77/KE, tas-16 ta' Diċembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u b'riżultat ta' dan, ksur tal-Artikolu 106(1) TFUE, bl-għoti ta' vantaġġ leġiżlattiv li jirriżulta mir-rifjut tal-ARCEP li tuża l-poteri tagħha sabiex tobbliga lill-operatur eżistenti sabiex jagħti lill-operaturi li qed jitolbu aċċess għan-netwerk lokali, is-somom miġbura li jmorru lil hinn mill-ispejjeż effettivi tal-provvista suġġetti għall-orjentament lejn l-ispejjeż.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi fir-rigward tad-definizzjoni ta' "dritt speċjali" fis-sens tad-Direttiva 2002/77/KE 1.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Kummissjoni tad-dmirijiet tagħha ta' sorveljanza skont l-Artikolu 106(3) TFUE.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li l-obbligu li xi tariffi jiġu orjentati lejn l-ispejjeż ma jaqax fuq xi direttiva tal-Unjoni Ewropea, iżda tkun responsabbiltà tar-regolatur nazzjonali.

4.    Ir-raba' motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi, fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li d-drittijiet tal-operaturi privati mhux se ssirilhom ħsara, u li dawn ikunu jistgħu imorru quddiem il-qrati kummerċjali nazzjonali sabiex jieħdu rimbors tas-somom żejda miġbura minn France Télécom, filwaqt li l-kumplessità ta' tali kawża tagħmilha impossibbli li jseħħ it-twettiq sħiħ tad-dritt għar-rimbors quddiem tali qrati.

____________

1 - Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta' Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 2, p. 178).