Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2010 - Ertmer vs UASI - Caterpillar (erkat)

(Kawża T-566/10)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Jutta Ertmer (Tatsungen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Von Mühlendahl u C. Eckhartt, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Caterpillar, Inc. (Illinois, l-Istati Uniti)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI), tas-7 ta' Settembru 2010, fil-Każ R 270/2010-1;

tiċħad l-appell ippreżentat minn Caterpillar Inc. fis-17 ta' Frar 2010 kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellament tal-UASI tat-8 ta' Jannar 2010 fil-proċedimenti ta' kanċellament Nru 2504 C;

tikkundanna lill-konvenut, u lil Caterpillar Inc., jekk tipparteċipa fil-proċeduri, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark verbali "erkat" għal prodotti fil-klassijiet 7 u 42

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Caterpillar Inc.

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: skont l-Artikolu 53(1)(a), it-talba kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali nazzjonali u Komunitarja "CAT" u t-trade marks figurattivi nazzjonali u Komunitarji li jinkludu l-kelma "CAT" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 7 u 42.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: l-appell ġie milqugħ u t-trade mark irreġistrata ġiet iddikjarata invalida;

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8 flimkien mal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 1, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tiżvelax fuq liema trade mark jew trade marks preċedenti l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu li jilqa' t-talba tal-parti l-oħra u peress li parti mill-motivazzjoni ġiet ikkuppjata minn deċiżjoni oħra; ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, peress li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti; u ksur tal-Artikolu 8(5) flimkien mal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, peress li t-trade marks figurattivi preċedenti ma għandhomx reputazzjoni u ma hemmx detriment għal jew vantaġġ meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta' dawn it-trade marks.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).