Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2011 - CB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-619/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: CB (Il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Hackemann u H. Horstkotte avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 275, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 implimentata mill-Ġermanja [("]Skema għar-riport ta' telf ta' taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà["),] "Sanierungsklausel", kif emendata bid-Deċiżjoni C (2011) 2608, tal-15 ta' April 2011;

sussidjarjament, tannulla għall-inqas id-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq sa fejn din ma tipprovdix li impriżi bħar-rikorrenti jistgħu jiġu eżentati milli jagħtu lura l-għajnuna taħt il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-miżura ta' trasferiment ta' telf ma hijiex għajnuna mogħtija mir-riżorsi tal-Istat

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, l-Artikolu 8c(1) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftssteuergesetz, iktar 'il quddiem il-"KStG") tikser l-għan tal-prinċipju oġġettiv tan-nett u tal-prinċipju ta' kapaċità kontributtiva u li l-klawżola dwar it-trasferiment ta' telf (iktar 'il quddiem is-"Sanierungsklausel") hija biss intiża sabiex tipprekludi ksur tal-Kostituzzjoni fir-rigward tal-beni tal-persuni taxxabbli fil-każijiet kollha koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-kriterji li jikkostitwixxu għajnuna, kif previsti mid-dritt tal-Unjoni, ma humiex sodisfatti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività insegwitu għall-fatt li s-Sanierungsklausel ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għas-sistema ta' referenza rilevanti

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-regoli ġenerali dwar it-trasferiment ta' telf ta' kumpaniji [Artikolu 10d tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul - Einkommensteuergesetz -, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tal-KStG u l-Artikolu 10a tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kummerċ - Gewerbesteuergesetz] jifformaw is-sistema ta' referenza rilevanti u li l-Artikolu 8c tal-KStG jikkostitwixxi biss eċċezzjoni għal din is-sistema ta' referenza, li min-naħa tagħha kienet limitata mis-Sanierungsklausel.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività insegwitu għall-fatt li s-Sanierungsklausel ma tagħmilx distinzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' dritt u ta' fatt simili fir-rigward tal-għan imfittex

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti b'mod partikolari ssostni li s-Sanierungsklausel hija ta' benefiċċju għall-impriżi kollha taxxabbli u li ma tiffavorixxix ċerti setturi jew jew ċerti oqsma ta' attività u lanqas impriżi ta' ċertu daqs.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività insegwitu għall-fatt li l-leġiżalzzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura interna tas-sistema fiskali Ġermaniża

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-Sanierungsklausel hija ġġustifikata mill-ekonomija tas-sistema fiskali Ġermaniża, billi din hija ispirata minn prinċipji kostituzzjonali bħall-prinċipju ta' kapaċità kontributtiva, il-prinċipju ta' proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju li jfittex li tiġi evitata kull tassazzjoni sproporzjonata.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: żball manifest ta' evalwazzjoni minħabba f'analiżi insuffiċjenti tad-dritt fiskali Ġermaniż

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tinjora l-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża fuq it-tnaqqis tat-telf.

Invokazzjoni tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti tippreċiża li l-Kummissjoni kkunsidrat għall-ewwel darba f'proċedura formali ta' investigazzjoni l-privileġġi fiskali li jibbenefikaw minnhom ix-xerrejja ta' azzjonijiet fil-qasam tat-tnaqqis tat-telf fil-kuntest tas-Sanierungsklausel ta' impriża u ssostni li dan l-approċċ huwa wieħed mhux tas-soltu, billi l-eżistenza ta' għajnuna tista' tiġi rikonoxxuta għas-sempliċi raġuni li regolament meqjus konformi mad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat (Artikolu 8(4) tal-KStG ) ġie ssemplifikat. Skont ir-rikorrenti, la l-leġiżlatur Ġermaniż u lanqas l-impriżi debitament avżati ma jistgħu jistennew li d-dispożizzjonijiet ssemplifikati jiġu kkwalifikati bħala għajnuna.

____________