Language of document : ECLI:EU:C:2024:299

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Sentenzi tal-ewwel istanza li jannullaw miżuri doganali relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea – Natura immedjatament eżekuttiva ta’ dawn is-sentenzi – Assenza ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi”

Fil-Kawża C‑770/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte di giustizia tributaria di primo grado di Genova (li qabel kienet il-Commissione tributaria provinciale di Genova) (il-Qorti tal-Ġustizzja Fiskali tal-Ewwel Istanza ta’ Genova, li qabel kienet il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Genova, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

OSTP Italy Srl

vs

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli, Ufficio delle Dogane di Genova 1,

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli, Ufficio delle Dogane di Genova 2,

Agenzia delle Entrate – Riscossione – Genova,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u D. Gratsias, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal OSTP Italy Srl, minn R. Dominici, A. Macchi, F. Munari u S. Pedemonte, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 45 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn OSTP Italy Srl (iktar ’il quddiem “OSTP”) u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli, Ufficio delle Dogane di Genova 1 (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Uffiċċju Doganali ta’ Genova 1, l-Italja), l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli, Ufficio delle Dogane di Genova 2 (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Genova 2, l-Italja) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji”) u l-Agenzia delle Entrate – Riscossione – Genova (l-Amministrazzjoni Fiskali – Irkupru – Genova, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), dwar l-eżekuzzjoni ta’ dejn relatat ma’ riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea li ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, iżda li kontriha huwa pendenti appell.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlKodiċi Doganali talUnjoni

3        L-Artikolu 43 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Deċiżjonijiet meħudin minn awtorità ġudizzjarja”, jiddisponi:

“L-Artikoli 44 u 45 m’għandhomx japplikaw għall-appelli ppreżentati bil-ħsieb għall-annullament, revokar jew emendar ta’ deċiżjoni marbuta mal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali meħuda minn awtorità ġudizzjarja, jew mill-awtoritajiet doganali li jaġixxu bħala awtoritajiet ġudizzjarji.”

4        L-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Id-dritt ta’ appell”, jipprevedi:

“1.      Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment.

Kwalunkwe persuna li applikat għal deċiżjoni għand l-awtoritajiet doganali u ma ngħatatx deċiżjoni fuq dik l-applikazzjoni fil-limiti taż-żmien msemmija fl-Artikolu 22(3) għandha tkun ukoll intitolata li teżerċita d-dritt tal-appell.

2.      Id-dritt tal-appell jista’ jkun eżerċitat mill-anqas f’żewġ stadji:

(a)      inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali jew awtorità ġudizzjarja jew korp ieħor maħtur għal dik il-għan mill-Istati Membri;

(b)      sussegwentement, quddiem korp indipendenti ogħla, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp ekwivalenti speċjalizzat, skont il-provvedimenti fis-seħħ fl-Istati Membri.

3.      L-appell għandu jkun ippreżentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew fejn tkun saret l-applikazzjoni għaliha.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura tal-appelli tippermetti l-konferma jew il-korrezzjoni minnufih ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali.”

5        L-Artikolu 45 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Il-preżentazzjoni ta’ appell m’għandhiex tikkawża s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-vertenza.

2.      Madankollu, l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu l-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjoni kollha kemm hi jew parti minnha fejn għandhom raġuni tajba biex jemmnu li d-deċiżjoni fil-vertenza hija inkonsistenti mal-leġislazzjoni doganali jew li hemm biża’ li ssir ħsara irreparabbli lill-persuna kkonċernata.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, fejn id-deċiżjoni fil-vertenza jkollha l-effett li toħloq dazju fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni, is-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni għandha tiddipendi fuq l-għoti ta’ garanzija, sakemm ma jkunx stabbilit, abbażi ta’ evalwazzjoni dokumentata, li tali garanzija x’aktarx toħloq diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji lid-debitur.”

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(1) tal-istess kodiċi, intitolat “Garanzija obbligatorja”, jipprevedi:

“Fejn hu obbligatorju li tkun ipprovduta garanzija, l-awtoritajiet doganali għandhom jiffissaw l-ammont ta’ tali garanzija f’livell ekwivalenti għall-ammont preċiż ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u ta’ imposti oħrajn fejn dak l-ammont jista’ jkun stabbilit b’ċertezza fil-ħin li fih tkun meħtieġa l-garanzija.”

7        L-Artikolu 98 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Rilaxx tal-garanzija”, jistabbilixxi:

“1.      L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-garanzija immedjatament meta d-dejn doganali jew ir-responsabbiltà għal imposti oħra jispiċċaw jew ma jistgħux jerġgħu jseħħu.

2.      Fejn id-dejn doganali jew ir-responsabbiltà għal imposti oħra jkunu spiċċaw parzjalment, jew jistgħu jinħolqu biss fir-rigward ta’ parti mill-ammont li kien garantit, parti korrispondenti tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata kif meħtieġ fuq talba tal-persuna kkonċernata, sakemm l-ammont involut ma jiġġustifikax tali azzjoni.”

8        L-Artikolu 124(1) ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Estinzjoni”, jindika:

“Mingħajr ħsara għall-provvedimenti fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin:

[…]

(b)      bil-ħlas tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni;

[…]

(d)      fejn, fir-rigward ta’ merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali li toħloq l-obbligu li jitħallas id-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni, id-dikjarazzjoni doganali hi invalidata;

[…]”

 IrRegolament Nru 609/2014

9        L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU 2014, L 168, p. 39), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 tas‑17 ta’ Mejju 2016 (ĠU 2016, L 132, p. 85, rettfika fil-ĠU 2016, L 165, p. 23) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 609/2014”), intitolat “Data tat-twaqqif ta' riżorsi proprji tradizzjonali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija 1 fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 2014/335/UE, Euratom [tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, ĠU 2014, L 168, p. 10),] għandu jkun stabbilit hekk kif jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet previsti fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika tad-debitur.”

10      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 609/2014, intitolat “Ammonti irrekuperabbli”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammonti korrispondenti għall-intitolamenti stabbiliti taħt l-Artikolu 2 isiru disponibbli għall-Kummissjoni [Ewropea] kif speċifikat f'dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)      raġunijiet ta’ force majeure;

(b)      raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-Istati Membri jistgħu jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 jekk dawk l-intitolamenti jirriżultaw irrekuperabbli minħabba l-posponiment tad-dħul fil-kontijiet jew in-notifika tad-dejn doganali sabiex ma tiġix ippreġudikata investigazzjoni kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu ddikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perjodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

[…]”

 IdDeċiżjoni 2014/335

11      Id-Deċiżjoni 2014/335 ħassret u ssostitwixxiet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).

12      L-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335, li jirriproduċi l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, jiddisponi:

“Id-dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni:

(a)      riżorsi proprji tradizzjonali li jikkonsistu minn imposti, primjums, ammonti addizzjonali jew kompensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi, dazji doganali fuq prodotti taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li skada kif ukoll kontribuzzjonijiet u dazji oħrajn previsti fi ħdan il-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor;

[…]”

 Iddritt Taljan

13      L-Artikolu 47 tad-decreto legislativo n. 546 – Disposizioni sul processo tributario in attuazione della delega al Governo contenuta nell’art. 30 della legge 30 dicembre 1991, n. 413 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 546 li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar il-Proċedura Fiskali b’Applikazzjoni tad-Delega Mogħtija lill-Gvern Skont l-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 413 tat‑30 ta’ Diċembru 1991), tal‑31 ta’ Diċembru 1992 (GURI Nru 9, tat‑13 ta’ Jannar 1993, Suppliment Ordinarju Nru 8) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 546/1992”), jipprevedi, essenzjalment, li jekk rikorrent jikkontesta att adottat mill-awtorità fiskali u li dan l-att jista’ jikkawżalu dannu gravi u irreparabbli, dan ir-rikorrent jista’ jitlob sospensjoni provviżorja tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att sal-eżami tal-mertu tar-rikors.

14      L-Artikolu 67‑bis ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, li jirrigwarda l-eżekuzzjoni provviżorja, jipprevedi li, fir-rigward tas-sentenzi mogħtija mill-qrati fiskali, dawn huma eżekuttivi.

15      L-Artikolu 68 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, intitolat “Ħlas tat-taxxa sakemm il-proċedura tkun pendenti”, jiddisponi:

“1.      Anki b’deroga għal dak li huwa previst mil-liġijiet fiskali individwali, fil-każijiet fejn il-ġbir maqsum tat-taxxa li huwa s-suġġett ta’ proċedura quddiem il-kummissjonijiet [fiskali] huwa previst, it-taxxa, flimkien mal-interessi relatati previsti mil-liġijiet fiskali, għandha titħallas:

(a)      għal żewġ terzi, wara l-adozzjoni tas-sentenza tal-Commissione tributaria provinciale [(il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali)] li tiċħad ir-rikors;

(b)      għall-ammont li jirriżulta mis-sentenza tal-Commissione tributaria provinciale [(il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali)], u fi kwalunkwe każ mhux iktar minn żewġ terzi, jekk din is-sentenza tilqa’ parzjalment ir-rikors;

(c)      għall-ammont li jifdal, iddeterminat mill-Commissione tributaria regionale [(il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali)] fis-sentenza tagħha;

(c-bis)      għall-ammont dovut, sakemm tingħata s-sentenza fl-ewwel istanza, wara l-adozzjoni tas-sentenza tal-Corte [suprema] di cassazione [(il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja)] li tannulla s-sentenza u tiddisponi r-rinviju tal-kawża, u għall-ammont kollu indikat fl-att ikkontestat, jekk ma jkunx hemm rinviju tal-kawża.

Fil-każijiet imsemmija fis-subparagrafi preċedenti, l-ammonti diġà mħallsa għandhom fi kwalunkwe każ jitnaqqsu mill-ammonti li għandhom jitħallsu.

2.      Jekk ir-rikors jintlaqa’, it-taxxa mħallsa flimkien ma’ dak li ġie deċiż fis-sentenza tal-Commissione tributaria provinciale [(il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali)], kif ukoll l-interessi relatati previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali, għandhom jiġu rrimborsati ex officio fi żmien 90 jum min-notifika tas-sentenza. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tar-rimbors, il-persuna taxxabbli tista’ titlob l-eżekuzzjoni konformement mal-Artikolu 70 mingħand il-Commissione tributaria provinciale [(il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali)] jew, jekk is-sentenza tkun is-suġġett ta’ appell fl-istadji ulterjuri tal-proċedura, quddiem il-Commissione tributaria regionale [(il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali)].

3.      […]

3-bis.      Il-ħlas, sakemm tingħata s-sentenza, tar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni [2007/436] u tat-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura fuq l-importazzjoni jibqa’ rregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 [li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307),] kif emendat mill-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni] u mid-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.”

16      L-Artikolu 69 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 546/1992, intitolat “Eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kundanna favorevoli għall-persuna taxxabbli”, jistabbilixxi:

“1.      Is-sentenzi li jordnaw il-ħlas ta’ somom favur il-persuna taxxabbli u dawk mogħtija b’rikors kontra l-avviżi relatati mat-tranżazzjonijiet katastali indikati fl-Artikolu 2(2) huma immedjatament eżekuttivi. Madankollu, il-ħlas ta’ ammonti ta’ iktar minn EUR 10 000, minbarra l-ispejjeż, jista’ jiġi suġġett mill-qorti, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet ta’ solvenza tal-applikant, għall-kostituzzjoni ta’ garanzija xierqa.

[…]

4.      Il-ħlas tas-somom dovuti wara s-sentenza għandu jsir fi żmien 90 jum min-notifika tagħha jew mill-preżentazzjoni tal-garanzija msemmija fil-paragrafu 2, jekk din tkun dovuta.

5.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza, il-persuna taxxabbli tista’ titlob l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 70 mingħand il-Commissione tributaria provinciale [(il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali)] jew, jekk is-sentenza tkun is-suġġett ta’ appell fl-istadji ulterjuri tal-proċedura, quddiem il-Commissione tributaria regionale [(il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali)].”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      L-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Genova 2, innotifikat, fid‑9 ta’ Ottubru 2019, lil OSTP b’avviżi ta’ taxxa addizzjonali u rettifikattivi li jirrigwardaw dazji antidumping dovuti għall-importazzjoni ta’ tubi tal-azzar li ġejjin minn pajjiżi terzi minħabba, b’mod partikolari, li dawn it-tubi kienu ġew ippreżentati bħala li kienu importati mill-Indja, filwaqt li fir-realtà kienu ġejjin miċ-Ċina. L-għada, dawn l-opinjonijiet ġew segwiti min-notifika ta’ deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet fuq OSTP.

18      L-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Uffiċċju ta’ Genova 1, innotifikat ukoll lil OSTP, għall-istess raġuni, avviż ta’ rettifika ta’ taxxa, li kien segwit minn deċiżjoni li timponi sanzjonijiet fuqha.

19      L-avviżi ta’ impożizzjoni u s-sanzjonijiet kollha ġew annullati fl-intier tagħhom mill-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenzi tas‑17 u tad‑19 ta’ Mejju 2021.

20      L-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Corte di giustizia tributaria di secondo grado della Liguria (li qabel kienet il-Commissione tributaria regionale della Liguria) (il-Qorti tal-Ġustizzja Fiskali tat-Tieni Istanza tal-Liguria, li qabel kienet il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Liguria, l-Italja), li ma ħaditx formalment deċiżjoni li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenzi.

21      Fis‑26 ta’ Jannar 2022, l-amministrazzjoni fiskali nnotifikat lil OSTP b’avviż minn qabel ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka fejn informatha li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-somom imsemmija fl-avviżi ta’ taxxa, kienet ser issir ir-reġistrazzjoni ta’ ipoteka fuq il-proprjetà immobbli tagħha għal valur ugwali għad-doppju tal-ammont tad-dejn.

22      OSTP ikkontestat dan l-avviż quddiem il-qorti tar-rinviju billi argumentat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-qasam tal-ġbir tad-dazji u tat-taxxi doganali, meta qorti tal-ewwel istanza tkun laqgħet, kompletament jew parzjalment, rikors kontra avviż ta’ taxxa, is-somom mitluba abbażi ta’ dan l-avviż ma jibqgħux dovuti.

23      L-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji kienet parti f’din it-tieni tilwima. Hija ssostni li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, peress li OSTP minn dak iż-żmien ’il quddiem ħallset l-ammonti kollha li jinsabu fl-avviżi ta’ taxxa annullati, u dan wassal għat-tmiem tal-kawża.

24      Sussidjarjament, l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji tinvoka, insostenn tal-pożizzjoni difiża mill-amministrazzjoni fiskali, id-digriet tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) Nru 22012 tat‑13 ta’ Ottubru 2020.

25      F’dan id-digriet, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) irrilevat, essenzjalment, li, bis-saħħa tal-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-preżentata ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ma tissospendix is-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u li, konformement mal-Artikolu 98 ta’ dan il-kodiċi, il-garanzija kkostitwita għal dejn doganali ma tistax tinħeles jekk b’mod partikolari dan id-dejn ma jkunx estint.

26      Minn dan, din il-qorti ddeduċiet, qabelxejn, li l-miżuri meħuda mill-amministrazzjoni doganali għandhom jitqiesu bħala li huma immedjatament eżekuttivi, sussegwentement, li l-protezzjoni tal-persuna taxxabbli kontra n-natura potenzjalment irreparabbli tad-dannu li jista’ jiġi sostnut minħabba l-illegalità tal-avviż ta’ taxxa għandha titqies li hija żgurata mill-possibbiltà li titressaq talba għal maħfra tad-dazji, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-avviż ta’ rettifika jew, fil-mori tal-kawża, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ta’ tassazzjoni u, fl-aħħar nett, li deċiżjoni mhux definittiva tal-awtorità ġudizzjarja favorevoli għall-persuna taxxabbli ma timplikax dritt ta’ din il-persuna taxxabbli għall-ħlas lura tad-dazji diġà mħallsa, peress li s-somom imħallsa jibqgħu bħala garanzija tal-ħlas tad-dejn doganali sal-estinzjoni definittiva tiegħu.

27      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, kif ukoll tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali), C‑304/18, EU:C:2019:601), meta miżura tal-awtorità amministrattiva ma tkunx ġiet sospiża bis-saħħa tal-kodiċijiet doganali, li taġixxi fi żmien xieraq sabiex jiġu ggarantiti r-riżorsi proprji tal-Unjoni, l-imsemmija qorti kkonkludiet li “fil-qasam ta’ dazji miġbura fil-fruntieri, li jikkostitwixxu riżorsi proprji tal-[Unjoni], is-sentenza mhux definittiva li tipprevedi r-rimbors, favur il-persuna taxxabbli, tad-dazji doganali li tqiesu li ma humiex dovuti, ma tistax titqies li hija immedjatament eżekuttiva bis-saħħa tal-Artikolu 69(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 546/1992 […], [peress li din] id-dispożizzjoni [hija] inkompatibbli […] mal-Kodiċi Doganali [tal-Unjoni]”.

28      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi esklużivament dwar jekk, essenzjalment, setax jiġi realment dedott mill-Artikolu 45 ta’ dan il-kodiċi, jew anki mill-Artikoli 43 u 44 tal-imsemmi kodiċi, li l-Istati Membri ma għandhomx jirrikonoxxu natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza li annullaw avviżi ta’ taxxa dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali soluzzjoni tmurx kontra d-dritt għal rimedju, imfakkar fl-Artikolu 44 tal-istess kodiċi moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 19 TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kull deċiżjoni amministrattiva annullata minn qorti tal-ewwel istanza, u dan sabiex tagħti lir-rimedji ġudizzjarji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali utilità reali għall-parti fil-kawża.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, anki jekk OSTP finalment ħallset is-somom mitluba, huwa neċessarju għaliha li tneħħi tali dubji, peress li, minn naħa, ma huwiex eskluż li din il-kumpannija aġixxiet hekk minħabba l-biża’ tar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka, peress li din tal-aħħar hija ugwali għad-doppju tal-ammonti mitluba u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji għandha effett fuq l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-proċeduri li fuqhom hija għad trid tiddeċiedi.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte di giustizia tributaria di primo grado di Genova (li qabel kienet il-Commissione tributaria provinciale di Genova) (il-Qorti tal-Ġustizzja Fiskali tal-Ewwel Istanza ta’ Genova, li qabel kienet il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Genova, l-Italja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 43 [sa] 45 [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza tal-qrati nazzjonali li jkollhom l-effett li jannullaw b’mod sħiħ jew parzjali l-avviżi fiskali fir-rigward tar-riżorsi proprji [tal-Unjoni]?”

 Fuq iddomanda preliminari

 Fuq lammissibbiltà

31      Il-Gvern Taljan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li l-kawża prinċipali tilfet l-iskop tagħha wara li r-rikorrenti ħallset is-somom mitluba u li, fit-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju indikat li għamlet id-domanda tagħha fid-dawl tal-ipoteżi fejn persuna taxxabbli tkun għadha ma ħallsitx is-somom mitluba.

32      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar qabel xejn li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet din il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 50, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2022, Varhoven administrativen sad (Tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata), C‑289/21, EU:C:2022:920, punt 24).

33      Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 30). Għalhekk, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62).

34      Issa, f’dan il-każ, huwa minnu li mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi dedott li l-ħlas, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tas-somom mitluba neħħa t-theddida ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka fuq il-proprjetà immobbli tagħha. Madankollu, id-domanda magħmula tibqa’ rilevanti sa fejn, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’, skont ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, topponi, kif għamlet fil-kawża prinċipali, il-miżuri intiżi għall-ġbir ta’ somom mhux eżiġibbli u tinvoka d-dritt tagħha għar-rimbors tas-somom diġà mħallsa. Barra minn hekk, din il-qorti tindika li għandha bżonn tkun taf ir-risposta għad-domanda preliminari li hija għamlet sabiex tiddeċiedi, konformement mad-dritt nazzjonali, dwar it-tqassim tal-ispejjeż, peress li din tal-aħħar tiddependi mill-fondatezza tal-appell.

35      Peress li, b’mod partikolari, din il-qorti ma ddeċidietx diġà dwar il-fondatezza tal-kawża prinċipali, ma jidhirx, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma saret ta’ natura ipotetika (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punti 35 sa 38).

36      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mid-dikjarazzjoni tal-Gvern Taljan li l-qorti tar-rinviju indikat, fit-talba tagħha, li għamlet id-domanda tagħha fid-dawl tal-ipoteżi fejn persuna taxxabbli tkun għadha ma ħallsitx is-somom mitluba. Fil-fatt, tali indikazzjoni ma tirriżultax mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Ċertament, il-qorti tar-rinviju rreferiet f’din id-domanda għall-“każ fejn il-persuna taxxabbli tkun għadha ma ħallsitx”, iżda hija għamlet dan biss sabiex issemmi l-pożizzjoni tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji fir-rigward ta’ digriet mogħti mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), pożizzjoni li hija tqis li tikkonsisti f’li “[testendi] l-prinċipju ta’ dritt espress minn [din il-qorti] anki fil-każ fejn il-persuna taxxabbli tkun għadha ma ħallsitx”.

37      Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li saritilha, hemm lok għalhekk li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq ilmertu

38      Preliminarjament, huwa stabbilit li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju huma marbuta mal-interpretazzjoni adottata mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) fid-digriet tagħha Nru 22012 tat‑13 ta’ Ottubru 2020. Fil-fatt, f’dan id-digriet, din l-aħħar qorti eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 69(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 546/1992, li jipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi li jordnaw il-ħlas ta’ somom favur il-persuna taxxabbli għar-raġuni, essenzjalment, li l-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jeżiġi li l-eżekuzzjoni ta’ kull sentenza tal-ewwel istanza li tannulla avviżi ta’ taxxa li jirrigwardaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni tiġi sospiża sakemm din is-sentenza ma tkunx saret definittiva. Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) hijiex konformi mal-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 43 ta’ dan il-kodiċi.

39      Għalhekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 sa 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza li għadhom ma sarux definittivi meta jkunu inkwistjoni riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni.

40      Qabel kollox jista’ jiġi rrilevat li la l-Artikolu 44 u lanqas l-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza, inkluż meta dawn is-sentenzi jkollhom l-effett li jannullaw kompletament jew parzjalment avviżi ta’ taxxa relatati ma’ riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni.

41      Fil-fatt, l-Artikolu 43 ta’ dan il-kodiċi jindika espressament li l-Artikoli 44 u 45 tal-imsemmi kodiċi ma japplikawx għall-appelli ppreżentati għall-annullament, għar-revoka jew għall-emenda ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali meħuda minn awtorità ġudizzjarja. Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 44(2) tal-istess kodiċi jipprevedi l-ipoteżi fejn id-dritt għal azzjoni, previst minn din id-dispożizzjoni li għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat f’żewġ stadji, jiġi eżerċitat suċċessivament quddiem żewġ awtoritajiet ġudizzjarji, xorta jibqa’ l-fatt li r-regola, stabbilita fl-Artikolu 45(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li tipprovdi li l-preżentata ta’ appell ma hijiex sospensiva tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tapplika biss fir-rigward tal-appelli ppreżentati kontra deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali meħuda mill-awtoritajiet doganali u mhux kontra deċiżjonijiet ġudizzjarji li ddeċidew dwar tali appelli.

42      Peress li l-kwistjoni tan-natura immedjatament eżekuttiva jew le tas-sentenzi tal-ewwel istanza, kif ukoll is-sistema legali tal-appell, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 44 u 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza li għadhom ma sarux res judicata u lanqas ma jeżiġu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li tali sentenzi jkollhom din in-natura.

43      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 609/2014, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni 2014/335, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti korrispondenti għad-drittijiet tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali, imsemmija mill-Gvern Taljan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu.

44      Ċertament, bis-saħħa tal-Artikolu 45(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-preżentata ta’ appell ma hijiex sospensiva, b’tali mod li, bħala prinċipju, meta persuna taxxabbli tikkontesta avviż ta’ rettifika ta’ taxxa, din il-persuna taxxabbli tkun, bħala prinċipju, diġà ħallset is-somom mitluba meta r-rikors tagħha jiġi deċiż fl-ewwel istanza jew, tal-inqas, jekk l-awtoritajiet doganali jkunu tawha sospensjoni tal-eżekuzzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 45(2) ta’ dan il-kodiċi, tkun ikkostitwixxiet garanzija doganali, skont l-Artikolu 45(3) tal-imsemmi kodiċi. Għalhekk, meta, wara appell ippreżentat mill-awtoritajiet doganali, sentenza tal-ewwel istanza li tkun invalidat avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa min-naħa tagħha tiġi annullata, l-Istat Membru huwa preżunt li diġà għandu l-ammont li jikkorrispondi għad-dazji tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali, li huwa għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 609/2014, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni 2014/335.

45      Madankollu, kuntrarjament għal dak li jidher li kkunsidrat il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) fid-digriet tagħha Nru 22012 tat‑13 ta’ Ottubru 2020, minn dan ma jistax jiġi dedott li, sabiex jiġi ggarantit il-ġbir, mill-Unjoni, tad-dazji kkonstatati bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 609/2014, l-Artikolu 45(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri jippermettu lill-awtoritajiet doganali, meta dawn idumu jipproċedu għall-irkupru tal-avviż ta’ taxxa rettifikattiv li huma ħarġu, li jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan wara li tkun inħarġet sentenza tal-ewwel istanza li tannulla dan l-avviż ta’ impożizzjoni, sakemm din is-sentenza ma tkunx saret definittiva.

46      Diġà, għall-kuntrarju tal-premessa li fuqha tidher li hija bbażata din l-evalwazzjoni, tali interpretazzjoni ma tidhirx neċessarja sabiex jiġi żgurat il-ġbir, mill-Unjoni, tad-drittijiet ikkonstatati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 609/2014. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li l-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru ma jeżentawx lil dan tal-aħħar mill-obbligu tiegħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unjoni d-drittijiet li huwa kellu jikkonstata, flimkien ma’ interessi moratorji jekk ikun il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali), C‑304/18, EU:C:2019:601, punt 61). Issa, bl-istess mod, in-nuqqas ta’ diliġenza tal-awtoritajiet doganali ma jistax jeħles lill-Istat Membru minn dan l-obbligu.

47      Iżda fuq kollox, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 43 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni hija perfettament ċara u inekwivoka fir-rigward tal-inapplikabbiltà tal-Artikoli 44 u 5 ta’ dan il-kodiċi għall-appelli ppreżentati kontra deċiżjoni meħuda minn awtorità ġudizzjarja, ebda interpretazzjoni oħra ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tista’ titfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ilmijiet – Aġġornament tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-Gżejjer Kanarji), C‑556/18, EU:C:2019:785, punt 34).

48      Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata r-rilevanza, f’dan il-każ, tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 19 TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 sa 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza li għadhom ma sarux definittivi meta jkunu inkwistjoni riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 43 sa 45 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenzi tal-ewwel istanza li għadhom ma sarux definittivi meta jkunu inkwistjoni riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.