Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 3 de Barcelona (Spanja) fil21 ta’ Settembru 2023 – Asepeyo Mutua Colaboradora de la Seguridad Social nº 151, KT vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Alcampo S.A., suċċessura ta’ Supermercados Sabeco S.A.

(Kawża C584/23, Alcampo et)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social nº 3 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asepeyo Mutua Colaboradora de la Seguridad Social nº 151,

KT

Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

Alcampo S.A., suċċessura de Supermercados Sabeco S.A.

Domandi preliminari

Ir-regola Spanjola dwar il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-benefiċċji għall-inkapaċità permanenti li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol, stabbilita fl-Artikolu 60 tad-decreto por el que se aprueba el texto refundido de la legislación de accidentes del trabajo y Reglamento para su aplicación (id-Digriet li Japprova t-Test Imfassal mill-Ġdid tal-Leġiżlazzjoni Dwar l-Inċidenti Fuq il-Post tax-Xogħol u r-Regolament għall-Applikazzjoni Tiegħu, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat22 ta’ Ġunju 1956) tat22 ta’ Ġunju 1956 hija kuntrarja għad-dritt Ewropew stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali  u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) , inkwantu jkun hemm każ ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, peress li huma n-nisa li fil-parti l-kbira jnaqqsu l-ħin tax-xogħol sabiex jieħdu ħsieb il-minuri u għaldaqstant il-benefiċċju rrikonoxxut huwa b’mod ċar iktar baxx?1

Fid-dawl tal-fatt li r-regola Spanjola li tistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tal-benefiċċji għall-inkapaċità permanenti li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol — Artikolu 60(2) tad-Digriet tat22 ta’ Ġunju 1956 — tieħu inkunsiderazzjoni s-salarju effettivament irċevut fil-mument tal-inċident, fid-dawl tal-fatt li s-sistema pubblika ta’ sigurtà soċjali Spanjola tipprevedi bħala benefiċċju tal-familja kontributorju — Artikolu 237(3) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) — li matul l-ewwel sentejn tal-perijodu ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol sabiex jittieħed ħsieb ta’ minuri , previst fl-Artikolu 37(6) tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), [il-kontribuzzjonijiet] huma kkalkolati f’100 %, u fid-dawl tal-fatt li, skont data statistika 90 % tal-persuni li jitolbu t-tnaqqis huma nisa, ir-regoli Spanjoli msemmija iktar ’il fuq imorru kontra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54, u jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.

1 ĠU 2006 L 204, p. 23.