Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2022 minn KY mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl- 1 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-433/20 KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-100/22 P)

Lingwa tal-kawża : il-Franċiż

Partijiet

Appellant : KY (rappreżentanti : N. Maes, J.-N. Louis, avocats)

Parti oħra fil-proċedura : Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-433/20;

billi tiddeċiedi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal ħlas lura mressqa mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li, fl-eżami tar-rikors tagħha għal annullament, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ dritt, li jirriżultaw prinċipalment minn konfużjoni bejn azzjoni bbażata fuq l-arrikiment indebitu u kontestazzjoni ipotetika tar-regoli fil-qasam ta’ likwidazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni.

L-ewwel aggravju huwa bbażat kemm fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet teżisti bażi legali għall-arrikiment indebitu, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regola tal-minimu tas-sussistenza.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm ftaqir.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-ġurisprudenza Barroso Truta et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2018, T-702/16 P, EU:T:2018:557, punti 104 sa 106).

____________