Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Novembru 2009 - Fercal - Consultadoria e Serviços vs UASI - Jacson of Scandinavia (JACKSON SHOES)

(Kawża T-474/09)

Lingwa tar-rikors: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Fercal - Consultadoria e Serviços, Ltda (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: A. Rodrigues, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Jacson of Scandinavia AB (Vollsjö, l-Isvezja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-18 ta' Awwissu 2009, fil-Każ R 1253/2008-2, u, konsegwentement, li tinżamm ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 1 077 858, "JACKSON SHOES".

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: "JACKSON SHOES"

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark verbali Svediża "JACSON OF SCANDINAVIA AB"

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud bħala inammissibbli

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 8(4) u 53(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, peress li ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark "JACKSON SHOES" u t-trade mark "JACSON OF SCANDINAVIA AB".

Għalkemm jeżisti xebh viżiv u fonetiku bejn l-ismijiet JACKSON u JACSON, il-paragun bejn is-sinjali għandu jsir billi jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ: "JACKSON SHOES"/"JACSON OF SCANDINAVIA AB".

Ma jistax jiġi rrikonoxxut (abbażi ta' sempliċi isem kummerċjali Svediż) dritt esklużiv ta' użu, fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, ta' isem li komunement jintuża minn bosta pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, minn eluf ta' persuni u minn impriżi oħra, li b'hekk huwa sinjal li ftit li xejn huwa ta' natura distintiva. Għaldaqstant, ma jistax jiġi prekluż li dan l-istess sinjal jew ieħor li jixxiebah jintuża mill-ġdid minn terzi persuni, flimkien ma elementi oħra.

Barra minn hekk, konsumatur medju faċilment jinduna li jinsab ikkonfrontat b'sinjali distintivi ta' tip differenti: wieħed jikkonsisti fi trade mark verbali u l-ieħor f'isem kummerċjali, f'dan il-każ permezz tal-inklużjoni tas-sigla AB.

____________