Language of document : ECLI:EU:C:2009:806

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

23 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Direttiva 2003/6 – Insider dealings – Użu ta’ informazzjoni minn ġewwa – Sanzjonijiet – Kundizzjonijiet”

Fil‑Kawża C‑45/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Hof van beroep te Brussel (il‑Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2008, fil‑proċedura

Spector Photo Group NV,

Chris Van Raemdonck

vs

Commissie voor het Bank‑, Financie‑ en Assurantiewezen (CBFA),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat‑Tieni Awla, li jaġixxi bħala President tat‑Tielet Awla, P. Lindh (Relatur), A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Spector Photo Group NV u C. Van Raemdonck, minn K. Van den Broeck, W. Henckens u W. Devroe, avukati

–        għall‑Commissie voor het Bank‑, Financie‑ en Assurantiewezen (CBFA), minn J. Cerfontaine, F. Deruyck u H. Gilliams, avukati

–        għall‑Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux, bħala aġent, assistit minn J. Meyers, avukat,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Gracia, bħala aġenti,

–        għall‑Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn J. Newman, BL,

–        għall‑Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall‑Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Guerra Santos, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn P. Dejmek u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑10 ta’ Settembru 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 2 u 14 tad‑Direttiva 2003/6/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill , tat‑28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas‑suq (abbuż tas‑suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367).

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn Spector Photo Group NV (iktar ’il quddiem “Spector”) u wieħed mid‑diriġenti tagħha, C. Van Raemdonck, u l‑Commissie voor het Bank‑Financie‑ en Assurantiewezen (Kummissjoni bankarja, finanzjarja u tal‑assigurazzjoni, iktar ’il quddiem is‑“CBFA”), peress li din tal‑aħħar imponiet multi fuqhom minħabba insider dealings.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt Komunitarju

3        L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 89/592/KEE, tat‑13 ta’ Novembru 1989, li tikkonċerna l‑koordinazzjoni tal‑liġijiet dwar l‑insider dealing (ĠU L 334, p. 30), kien jiddefinixxi l‑insider dealings kif ġej:

“1. Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi lil kull persuna li:

–        permezz tas‑sħubija tagħha fil‑korpi amministrattivi, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza tal‑emittenti,

–        permezz tas‑sehem tagħha fil‑kapital tal‑emittenti,

jew

–        peress li jkollha aċċess għal din l‑informazzjoni minħabba l‑impjieg, il‑professjoni jew id‑dmirijiet tagħha,

tippossjedi informazzjoni minn ġewwa, milli takkwista jew tittrasferixxi għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, kemm direttament kif ukoll indirettament, it‑titoli trasferibbli tal‑emittent jew tal‑emittenti kkonċernati li għalihom tirrelata din l‑informazzjoni, billi tapprofitta ruħha mill‑fatt li hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Id‑Direttiva 89/592 tħassret, b’effett mid‑dħul fis‑seħħ tad‑Direttiva 2003/6 fit‑12 ta’ April 2003. L‑Artikolu 2 ta’ din l‑aħħar direttiva jipprovdi:

“1.      L‑Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit‑tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l‑informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn [tittrasferixxi], jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn [tittrasferixxi], għall‑kont proprju [għaliha nnifisha] jew għall‑kont ta’ parti terza [għal ħaddieħor] jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l‑informazzjoni.

L‑ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l‑informazzjoni:

a)      permezz tas‑sħubija tiegħu tal‑korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza ta’ min joħroġha, jew

b)      permezz ta’ l‑assi finanzjarji fil‑kapital ta’ min joħroġha, jew

c)      billi jkollha aċċess għall‑informazzjoni permezz ta’ l‑eżerċizzju ta’ l‑impjieg, il‑professjoni jew id‑dmirijiet tagħha, jew

d)      permezz ta’ l‑attivitajiet kriminali tagħha.

2.      Meta l‑persuna msemmija fil‑paragrafu 1 hija persuna ġuridika, il‑projbizzjoni stabbilita f’dak il‑paragrafu għandha wkoll tapplika għall‑persuni fiżiċi li jieħdu parti fid‑deċiżjoni li jwettqu l‑operazzjoni għall‑kont tal‑[għall‑]persuna kkonċernata.

3.       Dan l‑Artikolu għandu japplika għal operazzjonijiet kondotti fl‑iskarika [eżekuzzjoni] ta’ obbligu li sar dovut għall‑akkwist jew id‑disponiment [it‑trasferiment] ta’ strumenti finanzjarji meta dak l‑obbligu jirriżulta min ftehim konkluż qabel ma l‑persuna kkonċernata kellha informazzjoni minn ġewwa.”

5        L‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 2003/6 madankollu jistipula li din il‑projbizzjoni ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet li permezz tagħhom kumpanniji jakkwistaw azzjonijiet tagħhom stess fi programmi ta’ xiri lura. Il‑modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ dan l‑Artikolu 8 ġew speċifikati bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003, tat‑22 ta’ Diċembru 2003, li jimplimenta d‑Direttiva 2003/6 rigward l‑eżenzjonijiet għall‑programmi tax‑xiri lura u l‑istabbilizzazzjoni tal‑istrumenti finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 342), li daħal fis‑seħħ fit‑23 ta’ Diċembru 2003.

6        L‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 jipprovdi illi:

“Mingħajr preġudizzju għad‑dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal‑liġi nazzjonali tagħhom, li l‑miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l‑persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad‑dispożizzjonijiet adottati fl‑implimentazzjoni ta’ din id‑Direttiva. L‑Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il‑miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

7        Id‑Direttiva tal‑Kummissjoni 2003/124/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 2003, li timplimenta d‑Direttiva 2003/6 rigward id‑definizzjoni u l‑iżvelar pubbliku tat‑tagħrif minn ġewwa u d‑definizzjoni tal‑manipulazzjoni tas‑swieq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348), tikkompleta d‑Direttiva 2003/6 billi tiddefinixxi b’mod iktar preċiż il‑kunċetti ta’ żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa u ta’ manipulazzjoni tas‑suq.

 Id‑dritt nazzjonali

8        L‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002, dwar il‑kontroll tas‑settur finanzjarju u tas‑servizzi finanzjarji (Moniteur belge tal‑4 ta’ Settembru 2002, p. 39121, iktar ’il quddiem il‑“Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni oriġinali tagħha”) kien jipprovdi:

“Kull min għandu informazzjoni minn ġewwa huwa pprojbit milli jagħmel użu minn informazzjoni bħal din, billi jakkwista jew jitrasferixxi jew jipprova jakkwista jew jitrasferixxi, għalih innifsu jew għal ħaddieħor, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni, jew strumenti finanzjarji relatati magħha;

[...]”

9        L‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002, kif emendata bil‑Liġi Qafas tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2003, p. 62160, iktar ’il quddiem il‑“Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni emendata tagħha”), jipprovdi:

“Kull min għandu informazzjoni li jaf, jew għandu jkun jaf, li hija informazzjoni minn ġewwa, huwa pprojbit milli jakkwista jew jitrasferixxi jew jipprova jakkwista jew jitrasferixxi, għalih innifsu jew għal ħaddieħor, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni, jew strumenti finanzjarji relatati magħha

[...]”.

10      Din l‑aħħar dispożizzjoni hija applikabbli biss għal fatti li seħħew wara l‑31 ta’ Diċembru 2003.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11      Spector hija kumpannija rregolata bid‑dritt Belġjan ikkwotata fil‑Borża. Fil‑kuntest tal‑politika tagħha ta’ qsim tal‑profitti, hija toffri programm ta’ għażliet li jippermetti lill‑impjegati tagħha jakkwistaw azzjonijiet. Sabiex tonora l‑impenn tagħha f’każ li jiġu eżerċitati dawn l‑għażliet, Spector ippjanat li l‑ewwel tuża l‑azzjonijiet fil‑pussess tagħha u, jekk ikun il‑każ, li tixtri minn fuq is‑suq, il‑bilanċ sabiex jiġi kkunsinnat. B’hekk, matul is‑sena 2002, Spector kellha tixtri minn fuq is‑suq iktar minn 45 000 azzjoni.

12      Fil‑21 ta’ Mejju 2003, skont il‑leġiżlazzjoni Belġjana li kienet fis‑seħħ dakinhar, Spector informat lil Euronext Brussels bl‑intenzjoni tagħha li tixtri numru ta’ azzjonijiet tagħha stess, sabiex timplementa l‑programm ta’ għażliet tagħha.

13      Mit‑28 ta’ Mejju sat‑30 ta’ Awwissu 2003, Spector xtrat total ta’ 27 773 azzjoni. L‑ewwel saru erba’ tranżazzjonijiet wara xulxin ta’ 2 000 azzjoni‑il waħda. Imbagħad, fil‑11 u fit‑13 ta’ Awwissu 2003, C. Van Raemdonck ħareġ żewġ ordnijiet li permezz tagħhom Spector akkwistat 19 773 azzjoni bi prezz medju ta’ EUR 9.97, filwaqt li l‑prezz għall‑eżerċizzju tal‑għażliet inkwistjoni kien ta’ EUR 10.45.

14      Sussegwentement, Spector żvelat ċerta informazzjoni dwar ir‑riżultati u l‑politika kummerċjali tagħha. Il‑prezz tal‑azzjonijiet ta’ din il‑kumpannija kien żdied. Fil‑31 ta’ Diċembru 2003, kien tela’ għal EUR 12.50.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2006 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), is‑CBFA kklassifikat l‑akkwisti magħmula abbażi tal‑ordnijiet tal‑11 u tat‑13 ta’ Awwissu 2003 bħala insider dealings, li huma pprojbiti bl‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni oriġinali tagħha. Is‑CBFA imponiet multi ta’ EUR 80 000 fuq Spector u ta’ EUR 20 000 fuq C. Van Raemdonck, li konsegwentement bdew proċeduri kontra din id‑deċiżjoni quddiem il‑Hof van beroep te Brussel.

16      Fil‑kuntest ta’ din il‑kawża, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali ressqu tliet settijiet ta’ argumenti, li minnhom toriġina t‑talba għal deċiżjoni preliminari, dwar ir‑retroattività tal‑liġi l‑ġdida inqas ħarxa (retroattività in mitius), dwar l‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing u dwar il‑proporzjonalità tas‑sanzjoni mal‑ksur allegat.

17      Skont il‑qorti tar‑rinviju, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali l‑ewwel nett jakkużaw lis‑CBFA li ma kkunsidratx il‑prinċipju ta’ retroattività in mitius. Huma jsostnu illi d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni emendata tagħha huma inkompatibbli mad‑definizzjoni ta’ insider dealing li tinsab fl‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/6 u għalhekk huma inapplikabbli. Konsegwentement, huma jqisu li l‑inkompatibbiltà ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet mad‑Direttiva 2003/6 ħolqot lakuna legali, simili għal liġi kriminali inqas ħarxa, li ma tippermettix lis‑CBFA tapplika l‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni oriġinali tagħha.

18      Il‑qorti tar‑rinviju tiddikjara li s‑CBFA applikat l‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni emendata tagħha, minkejja li l‑fatti inkriminanti seħħew qabel id‑data tad‑dħul fis‑seħħ ta’ din id‑dispożizzjoni, jiġifieri l‑1 ta’ Jannar 2004. Hija tqis li huwa possibbli li din id‑dispożizzjoni emendat id‑definizzjoni ta’ insider dealing b’mod iktar restrittiv. Fil‑fatt, sabiex ikun hemm insider dealing, l‑imsemmi Artikolu 25(1) ma għadux jirrikjedi l‑“użu” ta’ informazzjoni minn ġewwa, iżda biss is‑sempliċi “pussess” tagħha.

19      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar jekk l‑Istati Membri jistgħux jiddefinixxu l‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing b’mod iktar strett minn dak imsemmi fl‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/6 kif ukoll dwar l‑interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “użu” ta’ informazzjoni minn ġewwa skont is‑sens ta’ din l‑aħħar dispożizzjoni.

20      Skont il‑qorti tar‑rinviju, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali jsostnu, sussidjarjament, li l‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing ma jissemmewx fl‑Artikolu 25(1) tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni oriġinali tagħha. Is‑CBFA ma stabbilixxietx li l‑akkwisti tal‑azzjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali saru minħabba l‑pubblikazzjoni imminenti tar‑riżultati tal‑kumpannija kkonċernata.

21      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar it‑tip ta’ prova li tista’ tistabbilixxi li informazzjoni minn ġewwa ġiet “użata” fis‑sens tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/6.

22      Skont id‑deċiżjoni tar‑rinviju, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali jsostnu li s‑sanzjonijiet imposti huma sproporzjonati meta mqabbla mal‑gravità tal‑ksur. Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar il‑kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l‑proporzjonalità tas‑sanzjoni.

23      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Hof van beroep te Brussel ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva [2003/6], u b’mod partikolari l‑Artikolu 2 tagħha, jikkostitwixxu armonizzazzjoni kompleta, bl‑eċċezzjoni tad‑dispożizzjonijiet li jawtorizzaw espliċitament lill‑Istati Membri jadottaw liberament miżuri ta’ implementazzjoni, jew id‑dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva jikkostitwixxu, kollha kemm huma, armonizzazzjoni minima?

2)      L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva [2003/6] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑fatt biss li persuna msemmija fl‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 2[1] li jkollha informazzjoni minn ġewwa takkwista jew tittrasferixxi jew tipprova takkwista jew tittrasferixxi, għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni minn ġewwa jfisser awtomatikament li hija tuża l‑imsemmija informazzjoni minn ġewwa?

3)      Jekk tingħata risposta negattiva għat‑tieni domanda, għandu jiġi preżunt li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/6, huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni konxja li tintuża l‑informazzjoni minn ġewwa?

Jekk deċiżjoni bħal din tista’ tkun ukoll deċiżjoni mhux bil‑miktub, huwa allura neċessarju li d‑deċiżjoni li tintuża l‑informazzjoni minn ġewwa tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jistgħu jingħataw ebda spjegazzjoni oħra jew huwa suffiċjenti li dawn iċ‑ċirkustanzi jistgħu jiġu interpretati b’dan il‑mod?

4)      Jekk, sabiex tiġi stabbilita n‑natura proporzjonata ta’ sanzjoni amministrattiva, imsemmija fl‑Artikolu 14 tad‑Direttiva [2003/6], għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑profitt magħmul, għandu jiġi preżunt li l‑pubblikazzjoni tal‑informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni minn ġewwa fil‑fatt kellha effett sinjifikattiv fuq il‑prezz tal‑istrument finanzjarju?

F’każ ta’ risposta affermattiva, x’għandu jkun il‑livell minimu ta’ varjazzjoni fil‑prezz sabiex din il‑varjazzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala sinjifikattiva?

5)      Indipendentement min‑natura sinjifikattiva jew le li għandu jkollha l‑varjazzjoni fil‑prezz wara li l‑informazzjoni tkun saret pubblika, liema perijodu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, wara li l‑informazzjoni tkun saret pubblika, sabiex jiġi stabbilit il‑livell tal‑varjazzjoni fil‑prezz u liema data għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evalwat il‑vantaġġ finanzjarju miksub, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tas‑sanzjoni xierqa?

6)      Fid‑dawl tal‑verifika tan‑natura proporzjonata tas‑sanzjoni, l‑Artikolu 14 tad‑Direttiva [2003/6] għandu jiġi interpretat fis‑sens li, jekk Stat Membru jkun ħaseb għall‑possibbiltà ta’ sanzjoni kriminali li tingħata flimkien mas‑sanzjoni amministrattiva, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tan‑natura proporzjonata tas‑sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑possibbiltà u/jew il‑livell ta’ sanzjoni kriminali pekunjarja?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ammissibbiltà

24      Is‑CBFA u l‑Gvernijiet tal‑Belġju u tal‑Ġermanja għandhom dubji dwar l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari. Huma essenzjalment isostnu li d‑domandi magħmula huma ipotetiċi inkwantu jirrigwardaw il‑kompatibbiltà tal‑Artikolu 25 tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni emendata tagħha, minkejja li d‑deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq din id‑dispożizzjoni imma fuq l‑Artikolu 25 tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni oriġinali tagħha.

25      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, fil‑kuntest tal‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 234 KE, hija biss il‑qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il‑kawża u li għandha tassumi r‑responsabbiltà għad‑deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s‑sentenza tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li hija tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id‑domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, u tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, Ġabra p. I‑10921, punt 22).

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, id‑domandi dwar l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju magħmula mill‑qorti nazzjonali fil‑kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li ma huwiex id‑dmir tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tivverifika l‑eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa possibbli għall‑Qorti tal‑Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju mitluba ma għandhiex x’taqsam mal‑fatti jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali, meta l‑problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jkollhiex għad‑dispożizzjoni tagħha l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

27      Huwa veru li r‑rilevanza tal‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑konformità mad‑dritt Komunitarju tal‑Artikolu 25 tal‑Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 fil‑verżjoni emendata tagħha tidher, kif l‑Avukat Ġenerali spjegat fil‑punt 19 tal‑konklużjonijiet tagħha, hija diskutibbli ħafna peress li d‑deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq din id‑dispożizzjoni.

28      Madankollu, f’din il‑kawża ma jidhirx li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑Direttiva 2003/6 ma għandha l‑ebda rapport mal‑fatti jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali. Fil‑fatt, il‑fatti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali seħħew wara d‑dħul fis‑seħħ ta’ din id‑direttiva u ġew sanzjonati skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi insider dealings. Il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li sarulha huma, barra minn hekk, esposti fid‑deċiżjoni tar‑rinviju, li tindika wkoll it‑testi li tagħhom hija talbet l‑interpretazzjoni.

29      Minn dan jirriżulta li t‑talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il‑mertu

 Fuq it‑tieni u t‑tielet domandi

30      Permezz tat‑tieni u tat‑tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fil‑bidu nett, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar it‑tifsira tal‑kunċett ta’ “użu ta’ informazzjoni minn ġewwa” fl‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6. Din id‑dispożizzjoni tipprovdi li l‑Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit‑tieni subparagrafu tagħha (iktar ’il quddiem l‑“insider primarju”) li “għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l‑informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn [tittrasferixxi] [...] għall‑kont proprju [għaliha nnifisha] jew għall‑kont ta’ parti terza [għal ħaddieħor] jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l‑informazzjoni” jew li tipprova tagħmel tali tranżazzjoni fis‑suq. Il‑qorti tar‑rinviju tfittex sabiex tistabbilixxi b’mod iktar preċiż jekk huwiex biżżejjed, sabiex tranżazzjoni tiġi kklassifikata bħala insider dealing, li insider primarju li huwa fil‑pussess ta’ informazzjoni minn ġewwa jagħmel tranżazzjoni fis‑suq ta’ strumenti finanzjarji li għalihom tirrelata din l‑informazzjoni jew jekk hux, barra minn hekk, meħtieġ li jiġi stabbilit li din il‑persuna “użat” din l‑informazzjoni meta “hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa”.

31      L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jipprovdix li t‑tranżazzjoni pprojbita għandha sseħħ meta l‑persuna “hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa” iżda jillimita ruħu sabiex jipprojbixxi lill‑insiders primarji milli jużaw informazzjoni minn ġewwa meta jagħmlu tranżazzjoni fis‑suq. Dan l‑Artikolu jiddefinixxi l‑elementi li jikkostitwixxu t‑tranżazzjoni pprojbita billi jirreferi espressament għal żewġ fatturi, jiġifieri, minn naħa waħda, il‑persuni li jistgħu jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, l‑azzjonijiet materjali li jikkostitwixxu din it‑tranżazzjoni.

32      Min‑naħa l‑oħra, din id‑dispożizzjoni ma tipprovdix espressament il‑kundizzjonijiet suġġettivi dwar l‑intenzjoni li ispirat l‑azzjonijiet materjali. B’hekk, l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jispeċifikax jekk l‑insider primarju kienx xprunat minn intenzjoni spekulattiva, kellux intenzjoni frawdulenti jew kienx aġixxa deliberatament jew b’negliġenza. Dan l‑artikolu ma jindikax espressament jekk hux meħtieġ li jiġi stabbilit li l‑informazzjoni minn ġewwa kienet determinanti fid‑deċiżjoni li ssir it‑tranżazzjoni fis‑suq, u lanqas li l‑insider primarju għandu jkun konxju mill‑fatt li l‑informazzjoni fil‑pussess tiegħu hija informazzjoni minn ġewwa.

33      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li l‑leġiżlatur Komunitarju, meta ħejja d‑Direttiva 2003/6, ried jimla’ ċerti lakuni identifikati fid‑Direttiva 89/592. L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 89/592 kien intiż, fil‑fatt, sabiex jipprojbixxi “lil kull persuna li [...] tippossjedi informazzjoni minn ġewwa” milli tagħmel tranżazzjoni fis‑suq relatata mat‑titoli trasferibbli kkonċernati “billi tapprofitta ruħha mill‑fatt li hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] It‑traspożizzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni fil‑liġi nazzjonali tat lok għal sfumaturi mill‑Istati Membri fl‑interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “tapprofitta ruħha mill‑fatt li hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa”, li f’ċerti sistemi legali nazzjonali ġie assimilat mar‑rekwiżit ta’ element mentali.

34      F’dan ir‑rigward, il‑Proposta ta’ Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar insider dealing u manipulazzjoni tas‑suq (abbuż tas‑suq) [2001/0118(COD)], ippreżentata fit‑30 ta’ Mejju 2001 mill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, kienet ibbażata fuq il‑kliem tal‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 89/592 filwaqt li tneħħiet l‑espressjoni “hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa” minħabba li, “bħala tali, [l‑insiders primarji] jista’ jkollhom aċċess għal informazzjoni minn ġewwa kuljum u huma konxji min‑natura kunfidenzjali tal‑informazzjoni li jirċievu”. Ix‑xogħlijiet preparatorji sussegwenti msemmija fil‑punt 58 tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali juru, barra minn hekk, li l‑Parlament, skont l‑approċċ oġġettiv tal‑kunċett ta’ insider dealing irrakkomandat mill‑Kummissjoni, xtaq ibiddel il‑verb “japprofitta ruħu” bil‑verb “juża”, sabiex jitneħħa kull element ta’ raġuni jew intenzjoni mid‑definizzjoni ta’ insider dealings.

35      Dan juri li l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 jiddefenixxi b’mod oġġettiv l‑insider dealings mingħajr riferiment, f’din id‑definizzjoni, għall‑intenzjoni li tista’ tkun warajhom, u dan sabiex ikun hemm armonizzazzjoni uniformi tal‑liġi tal‑Istati Membri.

36      Il‑fatt li l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jsemmix espressament xi element mentali huwa spjegabbli, fl‑ewwel lok, bin‑natura speċifika tal‑insider dealing, li jippermetti li jkun hemm preżunzjoni ta’ dan l‑element mentali meta l‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing imsemmija f’din id‑dispożizzjoni jkunu preżenti. L‑ewwel nett, ir‑relazzjoni ta’ fiduċja li torbot lill‑insiders primarji msemmija fl‑Artikolu 2(1)(a) sa (c) mal‑emittenti tal‑istrumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni timplika, min‑naħa tagħhom, responsabbiltà speċifika f’dan ir‑rigward. Imbagħad, l‑eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni fis‑suq tirriżulta neċessarjament minn serje ta’ deċiżjonijiet li jifformaw parti minn kuntest kumpless li jippermetti li jiġi eskluż, bħala regola, li l‑awtur ta’ dik it‑tranżazzjoni seta’ jaġixxi mingħajr ma jkun konxju tal‑azzjonijiet tiegħu. Fl‑aħħar nett, meta tali tranżazzjoni fis‑suq issir meta l‑awtur tagħha għandu fil‑pussess tiegħu informazzjoni minn ġewwa, din l‑informazzjoni għandha, bħala regola, tiġi meqjusa bħala li kellha parti integrali fil‑proċess deċiżjonali tiegħu.

37      Il‑fatt li l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jipprovdix espressament element mentali fost l‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing huwa spjegabbli, fit‑tieni lok, bil‑għan tad‑Direttiva 2003/6, li, kif spjegat, b’mod partikolari, fit‑tieni u fit‑tnax‑il premess tagħha, huwa li tiġi żgurata l‑integrità tas‑swieq finanzjarji Komunitarji u li tissaħħaħ il‑fiduċja tal‑investituri f’dawn is‑swieq. Il‑leġiżlatur Komunitarju għażel mekkaniżmu ta’ prevenzjoni u sanzjonijiet amministrattivi ta’ insider dealing, l‑effettività ta’ liema tidgħajjef jekk tiġi suġġetta għal analiżi sistematika tal‑element mentali. Kif irrilevat l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 55 tal‑konklużjonijiet tagħha, huwa biss jekk il‑projbizzjoni ta’ insider dealings tippermetti illi l‑ksur jiġi sanzjonat, li tista’ tkun effettiva u tiżgura r‑rispett fit‑tul tar‑regoli mill‑atturi kollha tas‑suq. L‑implementazzjoni effettiva tal‑projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet fis‑suq tistrieħ għalhekk fuq struttura sempliċi li fiha l‑eċċezzjonijiet suġġettivi huma limitati, mhux biss sabiex jissanzjonaw iżda wkoll sabiex jipprojbixxu b’mod effettiv il‑ksur ta’ din il‑projbizzjoni.

38      Meta l‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing imsemmija fl‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 jkunu kollha preżenti, jista’ jkun hemm preżunzjoni tal‑intenzjoni tal‑awtur ta’ din it‑tranżazzjoni.

39      Tali preżunzjoni ma għandhiex tikser, madankollu, id‑drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, il‑prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stipulat, partikolarment, fl‑Artikolu 6(2) tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”).

40      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id‑drittijiet fundamentali huma parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tassigura l‑osservanza tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 283).

41      Mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta wkoll li r‑rispett tad‑drittijiet tal‑bniedem jikkostitwixxi kundizzjoni tal‑legalità tal‑atti Komunitarji u li ma jistgħux jiġu aċċettati fil‑Komunità miżuri inkompatibbli mar‑rispett tagħhom (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 284).

42      Huwa veru li l‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jimponix lill‑Istati Membri sabiex jipprovdu sanzjonijiet kriminali kontra l‑awturi ta’ insider dealings iżda jillimita ruħu sabiex jistipula li dawn l‑Istati huma obbligati jiżguraw li “l‑miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l‑persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad‑dispożizzjonijiet adottati fl‑implimentazzjoni ta’ din id‑Direttiva”, filwaqt li l‑Istati Membri huma, barra minn hekk, mitluba jiżguraw li dawn il‑miżuri jkunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Madankollu, fir‑rigward tan‑natura tal‑ksur inkwistjoni u tal‑grad ta’ severità tas‑sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, tali sanzjonijiet jistgħu, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑KEDB, jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet kriminali (ara, b’analoġija, is‑sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 150, u Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, is‑sentenzi Engel et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi tat‑8 ta’ Ġunju 1976, Serje A Nru 22, § 82, Öztürk vs Il‑Ġermanja tal‑21 ta’ Frar 1984, Serje A Nru 73, § 53 u Lutz vs Il‑Ġermanja tal‑25 ta’ Awwissu 1987, Serje A Nru 123, § 54).

43      Skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, preżunzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt huma preżenti f’kull sistema legali u l‑KEDB bl‑ebda mod ma tostakola tali preżunzjonijiet, bħala prinċipju. Madankollu, fil‑liġi kriminali, hija tobbliga lill‑Istati kontraenti sabiex f’dan ir‑rigward ma jaqbżux ċertu limitu. Għaldaqstant, il‑prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl‑Artikolu 6(2) tal‑KEDB, ma jħarisx b’indifferenza lejn il‑preżunzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jinsabu fil‑liġijiet ripressivi. Huwa jitlob lill‑Istati sabiex jinkluduhom f’limiti raġonevoli billi jikkunsidraw il‑gravità tal‑kwistjoni u jirrispettaw id‑drittijiet tad‑difiża (ara Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, is‑sentenzi Salabiaku vs Franza tas‑7 ta’ Ottubru 1988, Serje A Nru 141‑A, § 28, u Pham Hoang vs Franza tal‑25 ta’ Settembru 1992, Serje A Nru 243, § 33).

44      Għandu jiġi kkunsidrat li l‑prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenża ma jipprekludix il‑preżunzjoni stipulata fl‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6, li permezz tagħha l‑intenzjoni tal‑awtur ta’ insider dealing hija dedotta impliċitament mill‑elementi materjali li jikkostitwixxu dan il‑ksur, peress li din il‑preżunzjoni hija konfutabbli u d‑drittijiet tad‑difiża huma ggarantiti.

45      It‑twaqqif ta’ sistema effiċjenti u uniformi ta’ prevenzjoni u ta’ sanzjoni ta’ insider dealings bil‑għan leġittimu li tipproteġi l‑integrità tas‑swieq finanzjarji għalhekk setgħet twassal lil‑leġiżlatur Komunitarju sabiex iżomm definizzjoni oġġettiva tal‑elementi li jikkostitwixxu insider dealing ipprojbit. Il‑fatt li l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jipprovdix espressament element mentali ma jfissirx illi din id‑dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li kull insider primarju fil‑pussess ta’ informazzjoni minn ġewwa, li jagħmel tranżazzjoni fis‑suq, ser jaqa’ awtomatikament taħt il‑projbizzjoni ta’ insider dealing.

46      Fil‑fatt, kif jenfasizzaw il‑Gvernijiet tal‑Italja u tar‑Renju Unit, interpretazzjoni daqstant estensiva tal‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 twassal għar‑riskju li testendi l‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il‑projbizzjoni lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfittxa minn din id‑direttiva. Tali interpretazzjoni tista’, fil‑prattika, twassal għall‑projbizzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet fis‑suq li mhux neċessarjament jikkawżaw ħsara lill‑interessi protetti bl‑imsemmija direttiva. Għaldaqstant huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn l‑“użu ta’ informazzjoni minn ġewwa” li jista’ jikkawża ħsara għal dawk l‑interessi u dak li ma jagħmilx dan.

47      Għal dan l‑iskop, għandu jsir riferiment għall‑għan tad‑Direttiva 2003/6. Kif jirriżulta wkoll mit‑titolu tagħha, din hija intiża sabiex tiġġieled kontra l‑abbuż tas‑suq. It‑tieni u t‑tnax‑il premessa tagħha jipprovdu illi, bħad‑Direttiva 89/592, hija tipprojbixxi insider dealings bil‑għan li tipproteġi l‑integrità tas‑swieq finanzjarji u ssaħħaħ il‑fiduċja tal‑investituri li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il‑fatt li huma sejrin jitpoġġew f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u se jkunu protetti kontra l‑użu illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa. (ara, b’analoġija, is‑sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Grøngaard u Bang, C‑384/02, Ġabra p. I‑9939, punti 22 u 33).

48      Għalhekk l‑għan tal‑projbizzjoni ta’ insider dealings stipulata fl‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 huwa wkoll li jiggarantixxi l‑ugwaljanza tal‑partijiet kontraenti fi tranżazzjonijiet fil‑Borża billi jevita illi wieħed minnhom, li għandu informazzjoni minn ġewwa u li jinsab, minħabba dan il‑fatt, f’pożizzjoni vantaġġjuża meta mqabbel ma’ investituri oħrajn, jagħmel profitt għad‑detriment ta’ ħaddieħor li ma jafx biha (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Georgakis, C‑391/04, Ġabra p. I‑3741, punt 38).

49      Fil‑memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkompanja l‑proposta li wasslet għad‑Direttiva 2003/6, il‑Kummissjoni stqarret għalhekk li “jista’ jkun hemm abbuż tas‑suq fil‑każijiet meta investituri jkunu ġew żvantaġġjati, direttament jew indirettament minn oħrajn [...] li użaw għall‑vantaġġ tagħhom jew ta’ terzi persuni informazzjoni li ma kinitx ippubblikata […]. Dan it‑tip ta’ aġir jista’ jagħti impressjoni ħażina tat‑tranżazzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji u jikkawża ħsara għall‑prinċipju ġenerali li l‑investituri kollha għandhom jitqiesu b’mod ugwali […] f’dak li jirrigwarda l‑aċċess għall‑informazzjoni. L‑insiders huma fil‑pussess ta’ informazzjoni kunfidenzjali. It‑tranżazzjonijiet ibbażati fuq din l‑informazzjoni jagħtuhom vantaġġi ekonomiċi mhux ġustifikati għad‑detriment ta’ dawk li mhumiex insiders”. Il‑proposta ta’ direttiva għalhekk kienet ibbażata fuq ir‑rieda li l‑insiders jiġu pprojbiti milli jiksbu vantaġġ minn informazzjoni minn ġewwa meta jagħmlu tranżazzjoni fis‑suq għad‑detriment ta’ atturi oħra fis‑suq li ma għandhomx tali informazzjoni.

50      Konsegwentement, hemm rabta mill‑qrib bejn il‑projbizzjoni ta’ insider dealings u l‑kunċett ta’ informazzjoni minn ġewwa. Din tal‑aħħar hija ddefinita fl‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 2003/6 bħala “informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika”, relatata ma’ dawk li joħorġu strumenti finanzjarji jew ma’ strument finanzjarju u li “kieku saret pubblika, x’aktarx kien ikollha effett sinifikanti fuq il‑prezzijiet ta’ dawk l‑istrumenti finanzjarji jew fuq il‑prezz ta’ strumenti finanzjarji derivattivi relatati”.

51      Sabiex tiġi msaħħa ċ‑ċertezza legali għall‑parteċipanti fis‑suq, id‑Direttiva 2003/124 speċifikat id‑definizzjoni ta’ żewġ elementi essenzjali ta’ informazzjoni minn ġewwa, jiġifieri, in‑natura preċiża ta’ din l‑informazzjoni u d‑daqs tal‑effett potenzjali tagħha fuq il‑prezzijiet. L‑Artikolu 1(1) ta’ din id‑direttiva jistipula għalhekk li l‑informazzjoni “għandu[ha] j[t]itqies li j[t]kun ta’ natura preċiża jekk j[t]indika sett ta’ ċirkostanzi li jeżisti jew li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl‑eżistenza jew okkażjoni li tkun ġrat jew tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri u jekk ikunu speċifiċi biżżejjed sabiex jgħinu li tinħareġ konklużjoni dwar l‑effett possibbli ta’ dan is‑sett ta’ ċirkostanzi jew ta l‑okkażjoni fuq il‑prezzijiet ta’ l‑istrumenti finanzjarji”. L‑Artikolu 1(2) ta’ din id‑direttiva jistipula li informazzjoni li x’aktarx ikollha effett sinjifikattiv fuq il‑prezzijiet tal‑istrumenti finanzjarji kkonċernati hija dik li “investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill‑bażi tad‑deċiżjonijiet tiegħu ta’ l‑investiment”.

52      Minħabba n‑natura mhux pubblika tagħha, in‑natura preċiża u l‑abbilità tagħha li jkollha effett sinjifikattiv fuq il‑prezzijiet tal‑istrumenti finanzjarji kkonċernati, informazzjoni minn ġewwa tagħti vantaġġ lill‑insider li għandu tali informazzjoni meta mqabbel mal‑atturi l‑oħra fis‑suq li ma jafux biha. Fil‑fatt, hija tippermetti lil dan l‑insider, meta jaġixxi skont din l‑informazzjoni waqt li jagħmel tranżazzjoni fis‑suq, li jistenna li jieħu vantaġġ ekonomiku minnha mingħajr ma jesponi ruħu għall‑istess riskji bħall‑atturi l‑oħra fis‑suq. Il‑karatteristika essenzjali ta’ insider dealing tinsab għalhekk fil‑fatt li jinkiseb vantaġġ inġust minn informazzjoni għad‑detriment ta’ terzi li ma għandhomx konoxxenza tagħha u, konsegwentement, li tikkawża ħsara lill‑integrità tas‑swieq finanzjarji kif ukoll lill‑fiduċja tal‑investituri.

53      Konsegwentement, il‑projbizzjoni ta’ insider dealings tapplika meta insider primarju li għandu informazzjoni minn ġewwa juża b’mod mhux xieraq il‑vantaġġ li tagħtih din l‑informazzjoni meta jagħmel tranżazzjoni fis‑suq skont din l‑informazzjoni.

54      Minn dan jirriżulta li l‑fatt li insider primarju li għandu informazzjoni minn ġewwa jagħmel tranżazzjoni fis‑suq ta’ strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni jfisser li din il‑persuna “użat din l‑informazzjoni” skont l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6, bla ħsara għar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża u, b’mod partikolari, tad‑dritt li din il‑preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata.

55      Madankollu, sabiex il‑projbizzjoni stipulata fl‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma tiġix estiża lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfittxa minn din id‑direttiva, ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jitolbu eżami fil‑fond taċ‑ċirkustanzi fattwali li jippermettu li jiġi żgurat li l‑użu ta’ l‑informazzjoni minn ġewwa huwa fir‑realtà inġust sabiex jiġi pprojbit mid‑direttiva għan‑nom tal‑integrità tas‑swieq finanzjarji u tal‑fiduċja tal‑investituri.

56      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li l‑preambolu tad‑Direttiva 2003/6 jagħti diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom il‑fatt li insider primarju li għandu informazzjoni minn ġewwa jagħmel tranżazzjoni fis‑suq ma għandux fih innifsu jikkostitwixxi “użu ta’ informazzjoni minn ġewwa”, skont l‑Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva.

57      Għaldaqstant, it‑tmintax‑il premessa tad‑Direttiva 2003/6 tfakkar li l‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa “jista jikkonsisti fl‑akkwist jew id‑disponiment [it‑trasferiment] ta’ strumenti finanzjarji minn persuna li taf, jew suppost kienet taf, li l‑informazzjoni li kellha kienet informazzjoni minn ġewwa”. Din l‑ipoteżi hija, fil‑fatt, imsemmija espressament fl‑Artikolu 4 ta’ din id‑direttiva, li testendi l‑projbizzjoni ta’ insider dealing għal kull persuna li taf, jew suppost tkun taf, li l‑informazzjoni fil‑pussess tagħha hija informazzjoni minn ġewwa. Madankollu, l‑applikazzjoni awtomatika ta’ dawn il‑kriterji għal ċerti professjonisti tas‑swieq finanzjarji, li huma mitluba li jkollhom informazzjoni minn ġewwa dwar tranżazzjonijiet fis‑suq magħmula minn terzi, tirriskja li twassal għal sitwazzjoni li fiha dawn il‑persuni huma pprojbiti milli jkomplu bl‑attività tagħhom, minkejja li hija leġittima u utli għall‑funzjonament tajjeb tas‑swieq finanzjarji. F’dan ir‑rigward it‑tmintax‑il premessa tal‑imsemmija direttiva tippreċiża li l‑evalwazzjoni ta’ dak li persuna raġjonevoli taf jew suppost kellha tkun taf “fiċ‑ċirkostanzi” għandha ssir mill‑awtoritajiet kompetenti.

58      Barra minn hekk, din il‑premessa tispeċifika li s‑sempliċi fatt li dawk li jagħmlu s‑suq, il‑korpi awtorizzati biex jaġixxu bħala kontropartijiet, u l‑persuni awtorizzati biex jeżegwixxu ordinijiet għan‑nom ta’ terzi b’informazzjoni minn ġewwa jillimitaw irwieħhom sabiex jagħmlu tranżazzjonijiet fis‑suq b’mod leġittimu u skont ir‑regoli applikabbli għalihom “m’għandux bħala fatt fih inniffsu jitqies li jikkostitwixxi l‑użu ta’ din l‑informazzjoni minn ġewwa”.

59      Id‑disgħa u għoxrin premessa tad‑Direttiva 2003/6 tispeċifika li l‑fatt li jkollok aċċess għal informazzjoni minn ġewwa dwar kumpannija oħra u tuża din l‑informazzjoni fil‑kuntest ta’ offerta pubblika ta’ take‑over jew ta’ proposta ta’ għaqda ma’ kumpannija “m’għandux fih innifsu jitqies li jikkostitwixxi insider dealing”. Fil‑fatt, it‑tranżazzjoni li tikkonsisti, għal kumpannija, wara li tkun kisbet informazzjoni minn ġewwa dwar kumpannija partikolari, li sussegwentement titfa’ offerta pubblika għall‑akkwist tal‑kapital ta’ din il‑kumpannija bi prezz ogħla minn dak tas‑suq, ma hijiex, bħala regola, ikkunsidrata bħala insider dealing ipprojbit peress li ma tikkawżax ħsara lill‑interessi protetti minn din id‑direttiva.

60      It‑tletin premessa tad‑Direttiva 2003/6 tistipula illi fir‑rigward tal‑eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni fis‑suq li neċessarjament tinvolvi deċiżjoni minn qabel mingħand l‑awtur tagħha, it‑twettiq ta’ din it‑tranżazzjoni “m’għandux jitqies fih innifsu li jikkostitwixxi l‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa”. Li kieku ma kienx hekk, l‑Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva jista’, fost l‑oħrajn, iwassal għal sitwazzjoni fejn il‑persuna li tkun iddeċidiet li tiftaħ offerta pubblika ta’ take‑over tkun ipprojbita milli tesegwixxi dik id‑deċiżjoni, peress li din tkun informazzjoni minn ġewwa. Tali riżultat, mhux biss jeċċedi dak li huwa kkunsidrat bħala xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l‑għanijiet tal‑imsemmija direttiva, iżda jista’ jikkawża ħsara lill‑funzjonament tajjeb tas‑swieq finanzjarji billi jimpedixxi l‑offerti pubbliċi ta’ take‑over.

61      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l‑kwistjoni dwar jekk insider primarju li għandu informazzjoni minn ġewwa “juża din l‑informazzjoni” fis‑sens tal‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandha tiġi deċiża fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑direttiva, li huwa li jipproteġi l‑integrità tas‑swieq finanzjarji u jsaħħaħ il‑fiduċja tal‑investituri, fiduċja li tistrieħ, partikolarment, fuq l‑assigurazzjoni li jitpoġġew f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u jiġu protetti kontra l‑użu inġust ta’ informazzjoni minn ġewwa. Huwa biss użu li jmur kontra dan il‑għan li jikkostitwixxi insider dealing ipprojbit.

62      Għaldaqstant, ir‑risposta għat‑tieni u għat‑tielet domanda għandha tkun li l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑fatt li persuna msemmija fit‑tieni subparagrafu ta’ din id‑dispożizzjoni, li għandha informazzjoni minn ġewwa takkwista jew tittrasferixxi jew tipprova takkwista jew tittrasferixxi, għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, kemm direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li għalihom tirrelata l‑informazzjoni jfisser li din il‑persuna “użat din l‑informazzjoni” fis‑sens tal‑imsemmija dispożizzjoni, bla ħsara għar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża u, b’mod partikolari, tad‑dritt li din il‑preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata. Il‑kwistjoni dwar jekk din il‑persuna kisritx il‑projbizzjoni ta’ insider dealings għandha tiġi analizzata fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑direttiva, li huwa li jipproteġi l‑integrità tas‑swieq finanzjarji u li jsaħħaħ il‑fiduċja tal‑investituri, li tistrieħ, partikolarment, fuq l‑assigurazzjoni li dawn tal‑aħħar jitpoġġew f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u jiġu protetti kontra l‑użu inġust ta’ informazzjoni minn ġewwa.

 Fuq l‑ewwel domanda

63      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk id‑Direttiva 2003/6 tikkostitwixxix armonizzazzjoni kompleta tal‑projbizzjoni tal‑insider dealings, b’tali mod li l‑Istati Membri ma jkunux jistgħu jagħtu definizzjoni iktar ristretta minn dik mogħtija fl‑Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva.

64      Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li din id‑domanda saret fl‑ipoteżi li l‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva kien jipprojbixxi li jiġi kkunsidrat il‑fatt li insider primarju li għandu informazzjoni minn ġewwa jagħmel tranżazzjoni fis‑suq ta’ titoli trasferibbli li għalihom tirrelata din l‑informazzjoni jista’ jfisser li dik il‑persuna “użat din l‑informazzjoni” fis‑sens ta’ din id‑direttiva. Fid‑dawl tar‑risposta mogħtija għat‑tieni u t‑tielet domandi preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l‑ipoteżi li fuqha hija bbażata din l‑ewwel domanda ma teżistix. Għaldaqstant ma hemmx bżonn li tingħata risposta għal din id‑domanda.

 Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domandi

65      Permezz ta’ dawn iż‑żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex jiġi sanzjonat insider dealing filwaqt li jiġi rrispettat il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, huwiex meħtieġ li jiġi kkunsidrat il‑profitt magħmul, u f’każ ta’ risposta affermattiva, f’liema data għandu jiġi evalwat dan il‑profitt.

66      L‑imsemmija qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk l‑iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għandux jitqies bħala li kellu effett sinjifikattiv fuq il‑prezz tal‑istrument finanzjarju kkonċernat, u jekk hu hekk, x’inhu l‑livell minimu sabiex din l‑informazzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala sinjifikattiva.

67      Bħala risposta għal dan l‑aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat li l‑kapaċità ta’ informazzjoni li jkollha effett sinjifikattiv fuq il‑prezz ta’ strumenti finanzjarji li għalihom tirrileta huwa wieħed mill‑elementi karatteristiċi tal‑kunċett ta’ informazzjoni minn ġewwa.

68      Fil‑fatt, kif spjegat fil‑punt 51 ta’ din is‑sentenza, il‑kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa”, iddefinit fl‑Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2003/6 huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill‑fatt li, jekk din l‑informazzjoni kienet magħmula pubblika, “x’aktarx kien ikollha effett sinifikanti fuq il‑prezzijiet ta’ dawk l‑istrumenti finanzjarji jew fuq il‑prezz ta’ strumenti finanzjarji derivattivi relatati”, liema kunċett ġie wkoll iddefinit fl‑Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 2003/124 bħala “informazzjoni li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill‑bażi tad‑deċiżjonijiet tiegħu ta’ l‑investiment”.

69      Skont l‑għan tad‑Direttiva 2003/6, din il‑kapaċità tal‑informazzjoni li jkollha effett sinjifikattiv fuq il‑prezzijiet għandha tiġi evalwata, a priori, fid‑dawl tal‑kontenut tal‑informazzjoni inkwistjoni u tal‑kuntest li fih tinsab. Għalhekk ma huwiex meħtieġ, sabiex jiġi stabbilit jekk informazzjoni hijiex informazzjoni minn ġewwa, li jiġi evalwat jekk l‑iżvelar tagħha kellux fil‑verità effett sinjifikattiv fuq il‑prezz tal‑istrumenti finanzjarji li għalihom tirrelata.

70      Fir‑rigward tal‑ewwel parti ta’ dawn id‑domandi, għandu jiġi mfakkar li l‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 jistipula li l‑Istati Membri għandhom jiżguraw, inkonformità mal‑liġi nazzjonali tagħhom, li l‑miżuri amministrattivi xierqa jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad‑dispożizzjonijiet adottati fl‑implementazzjoni ta’ din id‑direttiva. F’dan ir‑rigward, l‑Istati Membri huma mitluba jiżguraw li dawn il‑miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

71      Għandu jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 ma jistabbilixxi l‑ebda kriterju sabiex jiġi evalwat kemm sanzjoni hija effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l‑liġi nazzjonali li tiddefinixxi dawn il‑kriterji.

72      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d‑disgħa u tletin premessa tad‑Direttiva 2003/6 tistipula li s‑sanzjonijiet għandhom ikunu dissważivi biżżejjed u proporzjonati mal‑gravità tal‑ksur u mal‑profitti magħmula u għandhom ikunu applikati b’mod konsistenti.

73      Għalhekk, ir‑risposta għar‑raba’ u l‑ħames domandi għandha tkun li l‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑profitt ekonomiku li jirriżulta minn insider dealing jista’ jkun element rilevanti sabiex tiġi stabbilita sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il‑metodu tal‑kalkolu ta’ dan il‑profitt ekonomiku u, b’mod partikolari, id‑data jew il‑perijodu li għandhom jiġi kkunsidrati, għandhom jiġu stabbiliti mil‑liġi nazzjonali.

 Fuq is‑sitt domanda

74      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandux ikun interpretat fis‑sens li jekk Stat Membru, minbarra s‑sanzjonijiet amministrattivi msemmija f’din id‑dispożizzjoni, ħaseb għall‑possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni kriminali pekunjarja, għandha tiġi kkunsidrata, fl‑istadju li tiġi stabbilita s‑sanzjoni amministrattiva, il‑possibbiltà u/jew il‑livell ta’ eventwali sanzjoni kriminali pekunjarja ulterjuri.

75      L‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 jitlob lill‑Istati Membri sabiex il‑miżuri u s‑sanzjonijiet amministrattivi li jimponu fuq il‑persuni responsabbli minn abbuż tas‑suq, bħal insider dealing, ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u dan mingħajr preġudizzju għad‑dritt tal‑Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali.

76      Din id‑dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis‑sens li timponi lill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti l‑obbligu li jikkunsidraw, fl‑istadju li tiġi stabbilita sanzjoni amministrattiva pekunjarja, il‑possibbiltà li jimponu sanzjoni kriminali pekunarja ulterjuri. Fil‑fatt, l‑evalwazzjoni dwar kemm is‑sanzjonijiet amministrattivi stipulati fid‑Direttiva 2003/6 huma effettivi, proporzjonati u dissważivi ma għandhiex tiddependi minn sanzjoni ipotetika kriminali ulterjuri.

77      Konsegwentement, ir‑risposta għas‑sitt domanda għandha tkun li l‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, jekk Stat Membru, ħaseb għall‑possibbiltà li, minbarra s‑sanzjonijiet amministrattivi msemmija f’din id‑dispożizzjoni, jimponi wkoll sanzjoni kriminali pekunjarja, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni dwar kemm is‑sanzjoni hija effettiva, proporzjonata u dissważiva, ma għandhiex tiġi kkunsidrata l‑possibbiltà u/jew il‑livell ta’ eventwali sanzjoni kriminali ulterjuri.

 Fuq l‑ispejjeż

78      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, It‑Tielet Awla taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/6/KE, tat‑28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas‑suq (abbuż tas‑suq) għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑fatt li persuna msemmija fit‑tieni subparagrafu ta’ din id‑dispożizzjoni li għandha informazzjoni minn ġewwa takkwista jew tittrasferixxi jew tipprova takkwista jew tittrasferixxi, għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, kemm direttament, jew indirettament, strumenti finanzjarji li għalihom tirrelata din l‑informazzjoni jfisser li din il‑persuna “użat din l‑informazzjoni” fis‑sens tal‑imsemmija dispożizzjoni, bla ħsara għar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża u, b’mod partikolari, tad‑dritt li din il‑preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata. Il‑kwistjoni dwar jekk din il‑persuna kisritx il‑projbizzjoni ta’ insider dealing għandha tiġi analizzata fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑direttiva, li huwa li jipproteġi l‑integrità tas‑swieq finanzjarji u li jsaħħaħ il‑fiduċja tal‑investituri, li tistrieħ, partikolarment, fuq l‑assigurazzjoni li dawn tal‑aħħar jitpoġġew f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u jiġu protetti kontra l‑użu inġust ta’ informazzjoni minn ġewwa.

2)      L‑Artikolu 14(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑profitt ekonomiku li jirriżulta minn insider dealing jista’ jkun element rilevanti sabiex tiġi stabbilita sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il‑metodu tal‑kalkolu ta’ dan il‑profitt ekonomiku u, b’mod partikolari, id‑data jew il‑perijodu li għandhom jiġi kkunsidrati, għandhom jiġu stabbiliti mil‑liġi nazzjonali.

3)      L‑Artikolu 14 tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, jekk Stat Membru, ħaseb għall‑possibbiltà li, minbarra s‑sanzjonijiet amministrattivi msemmija f’din id‑dispożizzjoni, jimponi wkoll sanzjoni kriminali pekunjarja, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni dwar kemm is‑sanzjoni hija effettiva, proporzjonata u dissważiva, ma għandhiex tiġi kkunsidrata l‑possibbiltà u/jew il‑livell ta’ eventwali sanzjoni kriminali ulterjuri.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: l‑Olandiż.