Language of document : ECLI:EU:C:2009:534

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawża C‑45/08

Spector Photo Group NV

Chris Van Raemdonck

vs

Commissie voor het Bank‑, Financie‑ en Assurantiewezen (CBFA)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Hof van Beroep te Brussell (il‑Belġju)]

“Insider dealings – Użu ta’ informazzjoni minn ġewwa – Direttiva 2003/6/KE”






I –    Daħla

1.        Din it‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑projbizzjoni ta’ insider dealing skont id‑Direttiva 2003/6/KE (2) dwar insider dealing u manipulazzjoni tas‑suq (abbuż tas‑suq). Id‑direttiva tipprojbixxi li jiġu nnegozjati strumenti finanzjarji bl‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa. Id‑domanda prinċipali magħmula mill‑qorti tar‑rinviju hija jekk jeżistix il‑każ ta’ insider dealing jekk il‑persuna li għandha informazzjoni minn ġewwa taġixxi abbażi ta’ din l‑informazzjoni.

II – Il‑kuntest ġuridiku

A –    Id‑dritt Komunitarju

2.        L‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 tipprovdi dan li ġej:

“L‑Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit‑tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l‑informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn [tittrasferixxi], jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn [tittrasferixxi], għall‑kont proprju [għaliha nnifisha] jew għall‑kont ta’ parti terza [għal ħaddieħor], jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l‑informazzjoni.”

3.        L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva preċedenti 89/592/KEE (3) kien jipprovdi dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi lil kull persuna li [...] tippossjedi informazzjoni minn ġewwa milli takkwista jew tittrasferixxi għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, kemm direttament kif ukoll indirettament, it‑titoli trasferibbli tal‑emittent jew tal‑emittenti kkonċernati li għalihom tirrelata din l‑informazzjoni, billi tapprofitta ruħha mill‑fatt li hija konxja minn din l‑informazzjoni minn ġewwa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Il‑liġi nazzjonali

4.        Id‑dispożizzjonijiet Belġjani fil‑qasam ta’ insider dealings jinsabu fil‑Liġi dwar il‑kontroll tas‑settur finanzjarju u tas‑servizzi finanzjarji (iktar ’il quddiem: “Liġi dwar il‑kontroll finanzjarju”).

5.        L‑Artikolu 25 tal‑Liġi dwar il‑kontroll finanzjarju, fil‑verżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2002, applikabbli għal tranżazzjonijiet li seħħew matul il‑perjodu bejn l‑1 ta’ Ġunju 2003 u l‑31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem: il‑“verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25”), kien jipprovdi dan li ġej:

“Kull min għandu informazzjoni minn ġewwa huwa pprojbit milli jagħmel użu minn informazzjoni bħal din, billi jakkwista jew jitrasferixxi jew jipprova jakkwista jew jitrasferixxi, għalih innifsu jew għal ħaddieħor, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni, jew strumenti finanzjarji relatati magħha [...]”.

6.        Il‑verżjoni tal‑Artikolu 25, fis‑seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2004, li ġiet introdotta permezz tal‑Liġi tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem: il‑“verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25”) hija fformulata kif ġej:

“Kull min għandu informazzjoni li jaf, jew għandu jkun jaf, li hija informazzjoni minn ġewwa, huwa pprojbit milli jakkwista jew jitrasferixxi jew jipprova jakkwista jew jitrasferixxi, għalih innifsu jew għal ħaddieħor, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni, jew strumenti finanzjarji relatati magħha [...]”.

III – Il‑fatti u d‑domandi preliminari

7.        Spector Photo Group NV (iktar ’il quddiem: “Spector”) hija kumpannija kkwotata fil‑Borża. Fl‑1999 approvat programm ta’ għażliet għall‑akkwist ta’ azzjonijiet għall‑impjegati tagħha u għal dawk tal‑kumpanniji marbutin magħha.

8.        Kif mitluba mil‑liġi, fil‑21 ta’ Mejju 2003, Spector ikkomunikat lill‑Borża Euronext ta’ Brussell l‑intenzjoni tagħha li takkwista azzjonijiet fil‑kapital tagħha stess sabiex timplementa l‑programm ta’ għażliet għall‑akkwist ta’ azzjonijiet. Mit‑28 ta’ Mejju 2003 sat‑30 ta’ Awwissu 2003, Spector xtrat total ta’ 27 773 azzjoni. Ix‑xiri sar f’sitt ordnijiet distinti: ħamsa għal 2000 azzjoni, li ġew eżegwiti kompletament, u waħda għal 18 000 azzjoni, li ġiet eżegwita għal 17 773 azzjoni.

9.        Sussegwentement, kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju, il‑kumitat ta’ tmexxija tal‑Commissie voor het Bank‑, Financie‑ en Assuratiewezen (Kummissjoni bankarja, finanzjarja u tal‑assigurazzjoni, iktar ’il quddiem: is‑“CBFA”) inkariga lill‑awditur intern biex jinvestiga fuq abbuż ta’ informazzjoni minn ġewwa fir‑rigward ta’ żewġ akkwisti ta’ azzjonijiet li saru f’isem Spector: akkwist li sar fil‑11 ta’ Awwissu għa  2000 azzjoni u wieħed li sar fit‑13 ta’ Awwissu għal 18 000 azzjoni.

10.      L‑ordnijiet ta’ akkwist inkwistjoni saru minn C. Van Raemdonck fuq talba minn Spector (4).

11.      L‑awditur sab li mit‑13 ta’ Awwissu 2003 kien hemm tibdil fl‑istruzzjonijiet tal‑akkwist, kemm fir‑rigward tan‑numru ta’ azzjonijiet kif ukoll fir‑rigward tal‑limitu tal‑prezz, u li t‑tranżazzjonijiet kisbu wkoll ċerta urġenza, għalkemm ma ngħatat l‑ebda ġustifikazzjoni dwar dan. L‑awditur sostna li dan kien jikkostitwixxi insider dealing. Huwa rrileva li Spector u C. Van Raemdonck kienu assumew li, meta l‑informazzjoni dwar id‑dħul u l‑akkwist ipproġettat ta’ kumpannija oħra minn Spector kienet se ssir pubblika, il‑prezz tal‑azzjonijiet kien ser jiżdied. Għaldaqstant, it‑tnejn li huma assumew li wara l‑pubblikazzjoni ta’ din l‑informazzjoni, Spector kien ser ikollha tħallas prezz ogħla u konsegwentement dan kien ser iwassal għal telf finanzjarju għall‑kumpannija. Wara l‑pubblikazzjoni tal‑informazzjoni dwar id‑dħul, il‑prezz effettivament żdied bi 8 %. Mit‑talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax b’mod ċar jekk l‑awditur ikkunsidrax l‑eżistenza ta’ ksur tal‑projbizzjoni ta’ insider dealing anki fir‑rigward tal‑ordni tal‑11 ta’ Awwissu.

12.      L‑awditur stabbilixxa rabta bejn, minn naħa waħda, l‑ordni ta’ akkwist mogħtija fit‑13 ta’ Awwissu 2003, flimkien mal‑modifika tal‑limitu kif ukoll tal‑akkwisti li saru sussegwentement, u min‑naħa l‑oħra, l‑informazzjoni li Spector u C. Van Raemdonck kellhom dwar l‑akkwist ta’ kumpannija u dwar id‑dħul.

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem: id‑“deċiżjoni kkontestata”), is‑CBFA stabbiliet fil‑konfront ta’ Spector u C. Van Raemdonck, li l‑ordni tat‑13 ta’ Awwissu wkoll kienet tikkostitwixxi insider dealing. Is‑CBFA imponiet multa fuq Spector u fuq C. Van Raemdonck (iktar ’il‑quddiem: ir‑“rikorrenti”) u ordnat li l‑ismijiet tal‑partijiet jiġu ppubblikati bħala parti mis‑sanzjoni.

14.      Ir‑rikorrenti kkontestaw din id‑deċiżjoni quddiem il‑Hof Van Beroep te Brussell (Qorti tal‑Appell ta’ Brussell). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2008, din il‑Qorti ssospendiet il‑proċeduri u ressqet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

1. Id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2003/6/KE, u b’mod partikolari l‑Artikolu 2 tagħha, jikkostitwixxu armonizzazzjoni kompleta, bl‑eċċezzjoni tad‑dispożizzjonijiet li jawtorizzaw espliċitament lill‑Istati Membri jadottaw liberament miżuri ta’ implementazzjoni, jew id‑dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva jikkostitwixxu, kollha kemm huma, armonizzazzjoni minima?

2. L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6/KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑fatt biss li persuna msemmija fl‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 2 li jkollha informazzjoni minn ġewwa takkwista jew tittrasferixxi jew tipprova takkwista jew tittrasferixxi, għaliha nfisha jew għal ħaddieħor, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni jfisser awtomatikament li hija tuża l‑informazzjoni minn ġewwa?

3. Jekk tingħata risposta negattiva għat‑tieni domanda, għandu jiġi preżunt li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/6, huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni konxja li tintuża l‑informazzjoni minn ġewwa?

Jekk deċiżjoni bħal din tista’ tkun ukoll deċiżjoni mhux bil‑miktub, huwa allura neċessarju li d‑deċiżjoni li tintuża l‑informazzjoni minn ġewwa tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jistgħu jingħataw ebda spjegazzjoni oħra jew huwa suffiċjenti li dawn iċ‑ċirkustanzi jistgħu jiġu interpretati b’dan il‑mod?

4. Jekk, sabiex tiġi stabbilita n‑natura proporzjonata ta’ sanzjoni amministrattiva, imsemmija fl‑Artikolu 14 tad‑Direttiva 2003/6, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑profitt magħmul, għandu jiġi preżunt li l‑pubblikazzjoni tal‑informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni minn ġewwa fil‑fatt kellha effett sinjifikattiv fuq il‑prezz tal‑istrument finanzjarju?

F’każ ta’ risposta affermattiva, x’għandu jkun il‑livell minimu ta’ varjazzjoni fil‑prezz sabiex din il‑varjazzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala sinjifikattiva?

5. Indipendentement min‑natura sinjifikattiva jew le li għandu jkollha l‑varjazzjoni fil‑prezz wara li l‑informazzjoni tkun saret pubblika, liema perijodu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, wara li l‑informazzjoni tkun saret pubblika, sabiex jiġi stabbilit il‑livell tal‑varjazzjoni fil‑prezz u liema data għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evalwat il‑vantaġġ finanzjarju miksub, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tas‑sanzjoni xierqa?

6. Fid‑dawl tal‑verifika tan‑natura proporzjonata tas‑sanzjoni, l‑Artikolu 14 tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, jekk Stat Membru jkun ħaseb għall‑possibbiltà ta’ sanzjoni kriminali li tingħata flimkien mas‑sanzjoni amministrattiva, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tan‑natura proporzjonata tas‑sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑possibbiltà u/jew il‑livell ta’ sanzjoni kriminali pekunjarja?

IV – Analiżi ġuridika

A –    Ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

15.      Il‑Gvernijiet tal‑Belġju u tal‑Ġermanja kif ukoll is‑CBFA esprimew dubji dwar l‑ammissibbiltà ta’ din it‑talba għal deċiżjoni preliminari. Huma jsostnu li l‑qorti tar‑rinviju tqajjem domandi ipotetiċi li r‑risposta tagħhom hija irrilevanti għall‑fini tad‑deċiżjoni fil‑kawża prinċipali. Dawn id‑dubji ġejjin mill‑fatt li l‑qorti tar‑rinviju tidher li qed titlob l‑interpretazzjoni tad‑direttiva b’riferiment għall‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 tal‑Liġi dwar il‑kontroll finanzjarju, filwaqt li mill‑istess deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l‑interpretazzjoni għandha tirreferi għall‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25 tal‑imsemmija liġi.

16.      B’mod preliminari, jeħtieġ li jitfakkar li, bħala prinċipju, hija l‑qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il‑kawża, li għandha, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża, tiddeċiedi kemm dwar il‑bżonn ta’ deċiżjoni preliminari, kif ukoll dwar ir‑rilevanza tad‑domandi magħmula. B’mod definittiv, il‑qorti tar‑rinviju għandha tassumi r‑responsabbiltà li eventwalment tagħti d‑deċiżjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija obbligata tiddeċiedi domandi preliminari li jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju (5).

17.      Madankollu, b’mod eċċezzjonali, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tivvaluta l‑kundizzjonijiet li fihom l‑kawża ġiet irrinvijata quddiemha mill‑qorti nazzjonali (6). Fil‑fatt, l‑ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jikkaratterizza r‑rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min‑naħa tagħha, il‑qorti tar‑rinviju għandha tikkunsidra l‑funzjoni mogħtija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall‑amministrazzjoni tal‑ġustizzja fl‑Istati Membri, u mhux li tagħti opinjonijiet dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi. Skont ġurisprudenza stabbilita, għaldaqstant, iċ‑ċaħda ta’ domanda hija possibbli inter alia, meta jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dritt Komunitarju ma għandha l‑ebda rapport mal‑fatti jew mal‑oġġett tal‑kawża prinċipali jew fejn il‑problema hija ta’ natura ipotetika (7).

18.      Il‑qorti tar‑rinviju tidher li qed titlob l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 sabiex tevalwa l‑kompatibbiltà tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 tal‑Liġi dwar il‑kontroll finanzjarju mad‑direttiva nnifisha. Fil‑fatt, il‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 ma tużax preċiżament id‑definizzjoni tal‑projbizzjoni ta’ użu ta’ informazzjoni minn ġewwa kif mogħtija fid‑Direttiva 2003/6, iżda minflok tibbaża d‑definizzjoni ta’ insider dealings fuq il‑fatt li persuna li għandha fil‑pussess tagħha informazzjoni minn ġewwa, li taf, jew għandha tkun taf li huwa l‑każ ta’ informazzjoni minn ġewwa, takkwista jew tittrasferixxi strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni (iktar ’il quddiem: “azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa”).

19.      Madankollu, huwa evidenti li jeżistu dubji serji dwar ir‑rilevanza tal‑konformità tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑liġi Belġjana mad‑direttiva għall‑fini tad‑deċiżjoni fil‑kawża prinċipali, peress li l‑imsemmija kawża tidher li ma għandhiex tiġi evalwata ħlief billi tiġi kkunsidrata l‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25.

20.      Fil‑fatt, permezz tad‑deċiżjoni kkontestata, ġie sanzjonat fatt li ġara qabel id‑dħul fis‑seħħ tal‑liġi l‑ġdida. Konsegwentement, il‑verżjoni preċedenti tal‑liġi għandha tiġi applikata għal sitwazzjoni bħal din. Għaldaqstant, il‑Gvern Ġermaniż invoka l‑prinċipju “nulla poena sine lege”, li jsostni li, bħala prinċipju, fatt għandu jiġi ġġudikat abbażi tal‑liġi fis‑seħħ fiż‑żmien li fih sar.

21.      F’punt partikolari tat‑talba għal deċiżjoni preliminari (8) fil‑fatt jirriżulta li d‑deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25; madankollu, f’dan il‑każ, jista’ jkun li hemm żball klerikali, minħabba li mill‑istess deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din kienet ibbażata fuq il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25, kif ġie kkonfermat anki mill‑partijiet tal‑kawża prinċipali u mill‑Gvern tal‑Belġju waqt is‑seduta quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja.

22.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li għall‑fini tal‑evalwazzjoni tal‑aġir tar‑rikorrenti, għandu jsir riferiment għall‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25 (9).

23.      Madankollu, prima facie ma jidhirx għaliex, jekk il‑kawża prinċipali ma għandhiex tiġi deċiża abbażi tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25, l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 għandha tkun rilevanti għad‑deċiżjoni fil‑kawża prinċipali. Fil‑fatt, il‑qorti tar‑rinviju titlob l‑interpretazzjoni tad‑direttiva sabiex tkun tista’ tivvaluta l‑konformità tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 mad‑direttiva stess.

24.      Madankollu, iktar ’il quddiem ser nuri li l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 mhix manifestament irrilevanti għad‑deċiżjoni fil‑kawża prinċipali u li, għaldaqstant, minkejja d‑dubji kollha, jeħtieġ li t‑talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tiġi kkunsidrata ammissibbli.

1.      Interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 bħala riferiment għall‑interpretazzjoni tal‑verżjoni preċedenti tal‑liġi Belġjana.

25.      Għaldaqstant il‑fatt li d‑Direttiva 2003/6 għandha tintuża wkoll bħala riferiment għall‑interpretazzjoni tal‑verżjoni preċedenti tal‑liġi jista’ jiġi kkunsidrat.

26.      B’risposta għal domanda tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑Gvern tal‑Belġju ddikjara, waqt seduta, li l‑verżjoni preċedenti tal‑liġi kienet diġà ġiet adottata biex timplementa d‑Direttiva2003/6. Fil‑fatt, fid‑data tal‑adozzjoni tal‑verżjoni preċedenti tal‑liġi, id‑direttiva nnifisha kienet għadha ma daħlitx fis‑seħħ. Il‑Gvern tal‑Belġju madankollu ddikjara li l‑Belġju f’dak iż‑żmien kien qed jimmira għal riforma sħiħa tal‑liġi tiegħu fil‑qasam tad‑dritt bankarju, u, għaldaqstant, il‑verżjoni l‑ġdida tal‑liġi dwar il‑kontroll bankarju kellha tiġi bbażata ‑ qabel iż‑żmien ‑ fuq abbozz tad‑direttiva eżistenti.

27.      Bħala prinċipju, l‑Istati Membri huma marbuta b’obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad‑direttivi biss mid‑data tal‑iskadenza tat‑terminu ta’ implementazzjoni tagħhom (10). Madankollu, jekk il‑liġi preċedenti effettivament ġiet adottata sabiex tiġi trasposta d‑Direttiva  2003/6, ir‑risposta għad‑domandi preliminari dwar l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 tista’ tassumi importanza anki għall‑interpretazzjoni ta’ din il‑liġi.

28.      Tali inizjattiva prekoċi ta’ implementazzjoni tad‑direttivi fil‑fatt għandha tiġi ekwiparata mal‑każijiet ta’ “implementazzjoni ad abundantiam” ta’ direttivi rikonoxxuti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja.

29.      Fil‑każijiet ta’ implementazzjoni ad abundantiam ta’ direttivi, jiġifieri fil‑każ fejn Stat Membru jimplementa direttiva b’riferiment għal sitwazzjonijiet li, fir‑realtà, ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttiva, talba għal deċiżjoni preliminari xorta tibqa’ ammissibbli (11).

30.      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li għandha tirrispondi d‑domandi preliminari anki f’każijiet bħal dawn. Fil‑fatt, sabiex jiġu evitati diverġenzi interpretattivi, l‑ordinament ġuridiku Komunitarju għandu interess ċar li jiggarantixxi interpretazzjoni uniformi tad‑dispożizzjonijiet kollha tad‑dritt Komunitarju, ikunu xi jkunu l‑kundizzjonijiet li fihom ser jiġu applikati (12).

31.      Għall‑istess raġuni, id‑domandi dwar l‑interpretazzjoni ta’ direttiva għandhom jiġu ammessi anki fil‑każijiet ta’ inizjattiva prekoċi ta’ implementazzjoni ta’ direttiva.

32.      Fl‑aħħar, il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25 tirriproduċi kważi kelma b’kelma l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6. L‑interpretazzjoni ta’ din l‑aħħar dispożizzjoni għalhekk ma tirriżultax manifestament irrilevanti sabiex tinftiehem il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25.

2.      Argumenti tar‑rikorrenti dwar il‑prinċipju ta’ liġi inqas ħarxa

33.      Sabiex jiġġustifikaw għaliex il‑kwistjoni dwar il‑konformità tal‑liġi ġdida mad‑direttiva hija xorta rilevanti għad‑deċiżjoni fil‑kawża prinċipali, ir‑rikorrenti, waqt il‑kawża quddiem il‑qorti tar‑rinviju, esponew teorija kumplessa ħafna. F’dan ir‑rigward, huma invokaw il‑prinċipju tal‑liġi inqas ħarxa. Madankollu, finalment, dan l‑argument ftit li xejn jirriżulta konvinċenti.

34.      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 hija inkompatibbli mad‑Direttiva 2003/6 u li, għaldaqstant, ma tistax tiġi applikata. L‑inapplikabbiltà tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 tirriżulta f’“lakuna legali” ekwiparabbli ma’ liġi inqas ħarxa. Mill‑prinċipju tal‑iktar liġi favorevoli jirriżulta għalhekk li ma jistax ikun hemm sanzjoni imposta skont il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25, applikabbli għad‑deċiżjoni kkontestata.

35.      Għal iktar ċarezza, f’dan l‑istadju, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r‑rikorrenti ma jsostnux li l‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 hija, fiha nnifisha, inqas ħarxa mill‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25. Bil‑kontra, huma jsostnu li l‑liġi l‑ġdida hija iktar ħarxa minħabba li ma titlobx l‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa, iżda tikkunsidra suffiċjenti l‑“azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa”. Bil‑liġi l‑ġdida lanqas ma jidher li ġiet prekluża l‑applikabbiltà tal‑liġi preċedenti għall‑kawżi l‑antiki. Il‑prinċipju tal‑lex mitio pjuttost għandu jiġi applikat għal‑lakuna legali li tirriżulta mill‑inapplikabbiltà tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25.

36.      F’dan il‑kuntest, il‑portata tal‑prinċipju tal‑liġi inqas ħarxa hija qabel xejn kwistjoni tad‑dritt nazzjonali. Madankollu, għandi dubji dwar kemm dan il‑prinċipju huwa rilevanti f’din il‑kawża. L‑applikazzjoni retroattiva tal‑liġi penali iktar favorevoli, fil‑fatt, hija bbażata fuq il‑kunsiderazzjoni li akkużat ma għandux jiġi kkundannat għal aġir li, skont l‑opinjoni modifikata tal‑leġiżlatur fil‑mument tal‑kawża penali, ma għadux iktar penalment kundannabli (13). Għalhekk, l‑evalwazzjonijiet leġiżlattivi ġodda għandhom ikunu ta’ vantaġġ għall‑akkużat. Dan jirriżulta wkoll mit‑tielet sentenza tal‑Artikolu 49(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (14): “Jekk wara li twettaq ir‑reat, il‑liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il‑piena għandha tkun applikabbli”.

37.      Madankollu, fil‑każ preżenti, il‑leġiżlatur Belġjan bl‑ebda mod ma introduċa piena inqas ħarxa. L‑istess rikorrenti jsostnu li minflok il‑leġiżlatur introduċa piena iktar ħarxa. Għaldaqstant ma teżisti l‑ebda evalwazzjoni leġiżlattiva ġdida li tikkwalifika l‑aġir bħala inqas gravi mil‑lat ta’ piena.

38.      Din il‑kawża għalhekk għandha fatti differenti minn dawk li huma l‑bażi tal‑kawża Berlusconi. Din tal‑aħħar kienet tirrigwarda d‑domanda jekk liġi penali inqas favorevoli għandhiex tiġi applikata retroattivament anki fejn dan imur kontra d‑dritt Komunitarju (15). Skont il‑partijiet kollha, madankollu, fil‑kawża inkwistjoni, il‑liġi l‑ġdida ma tikkostitwixxix liġi inqas ħarxa, u għaldaqstant ma hemmx lok għad‑domanda mqajma.

39.      Barra minn hekk, għall‑fini tal‑kawża preżenti jidher li ma tqumx il‑kwistjoni jekk il‑prinċipju tal‑iktar liġi favorevoli huwiex mifhum skont il‑liġi tal‑Belġju f’sens daqshekk wiesa’ li jassimila, kif allegat mir‑rikorrenti, “lakuna legali” ma’ liġi inqas ħarxa. Fil‑fatt, fil‑kawża preżenti huwa eskluż b’mod assolut li tirriżulta lakuna legali kif allegat mir‑rikorrenti, li huma jqabblu ma’ liġi inqas ħarxa.

40.      Għaldaqstant, anki kieku kellu jiġi ammess l‑argument tar‑rikorrenti dwar l‑inkompatibbiltà tal‑liġi ġdida mad‑direttiva, tali inkompatibbiltà setgħet tiġi rimedjata billi l‑liġi tal‑Belġju tiġi interpretata b’mod konformi mad‑direttiva. Il‑qrati nazzjonali huma obbligati jinterpretaw, sakemm possibbli, il‑liġi nazzjonali b’mod konformi mad‑direttiva (16). Għaldaqstant, jeħtieġ li l‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 tiġi interpretata b’mod konformi mad‑direttiva, u għalhekk, ma titħalliex inapplikata fit‑totalità tagħha. Il‑lakuna legali, li r‑rikorrenti jqabblu ma’ liġi inqas ħarxa, ma tinħoloq bl‑ebda mod.

41.      Interpretazzjoni konformi mad‑direttiva hija effettivament possibbli fil‑kawża preżenti. Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑liġi l‑ġdida tmur kontra d‑direttiva għaliex ma tagħmilx il‑projbizzjoni ta’ insider dealing dipendenti fuq l‑użu effettiv ta’ informazzjoni minn ġewwa, iżda tikkunsidra l‑fatt li wieħed jaġixxi bl‑għarfien ta’ tali informazzjoni bħala suffiċjenti. Jekk tiġi milqugħa din it‑teżi, il‑liġi tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad‑direttiva jekk l‑“użu ta’ informazzjoni minn ġewwa” jiġi kkunsidrat bħala rekwiżit li jwassal għal interpretazzjoni stretta konformi mad‑direttiva. Anki interpretazzjoni konformi mad‑direttiva li tnaqqas il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑insider dealing u għalhekk, li topera favur l‑individwu, tista’ tkun possibbli mingħajr ma jkun hemm problemi.

3.      Konklużjoni parzjali

42.      Fil‑qosor, għandu jiġi kkonstatat li l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari ma tirriżultax mill‑eventwali inkompatibbiltà tal‑liġi l‑ġdida mad‑direttiva. Madankollu, minħabba li mhux eskluż a priori li anki l‑liġi preċedenti għandha tiġi evalwata mill‑qorti nazzjonali abbażi tad‑direttiva, id‑domandi preliminari ma jidhirx li huma manifestament irrilevanti. Konsegwentement, it‑talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B –    Ir‑risposta għad‑domandi preliminari

1.      It‑tieni domanda preliminari

43.      Permezz tat‑tieni domanda preliminari, li għandha tiġi eżaminata l‑ewwel, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6/KE għandux jiġi interpretat fis‑sens li s‑sempliċi fatt li persuna li jkollha fil‑pussess tagħha informazzjoni minn ġewwa takkwista jew tittrasferixxi strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni, ifisser awtomatikament li din il‑persuna “tuża” l‑informazzjoni minn ġewwa. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi miżjud li l‑liġi tal‑Belġju fil‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 hija bbażata mhux biss fuq il‑fatt li xi ħadd għandu informazzjoni minn ġewwa, iżda teħtieġ ukoll li l‑persuna tkun taf jew kellha tkun taf li din kienet informazzjoni minn ġewwa. Għaldaqstant, fil‑kawża preżenti jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk sabiex jirriżulta l‑każ ta’ insider dealing huwiex biżżejjed, mingħajr ebda eċċezzjoni, li wieħed jaġixxi bl‑għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa, jew jekk huwiex neċessarju element ulterjuri.

44.      L‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva jipprovdi li l‑Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit‑tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l‑informazzjoni billi takkwista jew tittrasferixxi strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi l‑informazzjoni.

45.      Jekk jiġu kkunsidrati l‑kliem tal‑Artikolu 2(1), qabelxejn jidher li dan ma jiddeskrivix il‑projbizzjoni ta’ insider dealing bħala akkwist “bl‑għarfien” ta’ informazzjoni minn ġewwa, iżda jeħtieġ li l‑akkwist isir “bl‑użu” (17) tal‑informazzjoni minn ġewwa.

46.      Għaldaqstant, qabelxejn jeħtieġ li jiġi kkonstatat li fl‑użu komuni, il‑kunċetti ta’ “użu” u ta’ “għarfien” ma humiex ikkunsidrati bħala sinonimi, iżda t‑tnejn jippreżentaw tifsira indipendenti. Il‑kelma “għarfien” tfisser sempliċement tkun taf, fis‑sens li tkun taf dwar ċirkustanza partikolari. Min‑naħa l‑oħra, il‑kunċett ta’ “użu”, li jirrikjedi neċessarjament l‑għarfien, iseħħ biss meta dan l‑għarfien jiġi tradott f’azzjoni.

47.      Il‑kwistjoni jekk azzjoni mwettqa b’“għarfien” ta’ informazzjoni minn ġewwa għandhiex dejjem tiġi kkunsidrata bħala li din tal‑aħħar ġiet użata, jew jekk huwiex possibbli li azzjoni mwettqa b’dan l‑għarfien tiġi kkunsidrata wkoll meta ma jkun hemm l‑ebda użu tal‑informazzjoni minn ġewwa, ma tistax tiġi riżolta biss bl‑għajnuna ta’ interpretazzjoni grammatikali.

48.      Filwaqt li fil‑verżjoni Ġermaniża r‑rekwiżit tal‑“użu” jidher ċar, fil‑verżjoni Franċiża, min‑naħa l‑oħra, huwa evidenti li s‑sempliċi azzjoni b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa hija kklassifikata bħala użu ta’ dik l‑informazzjoni.

49.      Fil‑verżjoni Franċiża, id‑direttiva tipprojbixxi lil persuna “d’utiliser cette information en acquérant ou en cédant […]”. Skont traduzzjoni litterali, id‑direttiva tipprojbixxi persuna milli tuża informazzjoni minn ġewwa meta takkwista jew tittrasferixxi strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi l‑informazzjoni. Fil‑verżjoni Franċiża tal‑espressjoni “utiliser en acquérant”, l‑enfasi għaldaqstant hija fuq id‑distinzjoni bejn il‑forom tal‑użu “akkwist” u “trasferiment”, filwaqt li mill‑kliem ta’ din l‑espressjoni jirriżulta li dawn iż‑żewġ operazzjonijiet huma kklassifikati direttament bħala użu tal‑informazzjoni minn ġewwa  (18).

50.      Madankollu, il‑verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dispożizzjoni Komunitarja għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi. F’każ ta’ differenza bejn dawn il‑verżjonijiet, id‑dispożizzjoni għaldaqstant għandha tiġi interpretata skont l‑istruttura ġenerali u l‑għan tal‑leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (19), kif ukoll skont l‑intenzjoni reali tal‑awtur tagħha (20).

51.      L‑Artikolu 2(3) tad‑direttiva jiċċara espliċitament li l‑għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa fil‑mument tal‑azzjoni ma jikkawżax preġudizzju jekk l‑operazzjoni saret biss biex tiggarantixxi l‑eżekuzzjoni ta’ obbligu li sar dovut għall‑akkwist jew għat‑trasferiment ta’ strumenti finanzjarji. Jekk ikun ċar mill‑bidu jekk u kif l‑azzjoni saret, huwa eskluż li informazzjoni minn ġewwa li waslet sussegwentement tista’ tinfluwenza l‑azzjoni; għaldaqstant, dan ma jistax jiġu kkunsidrat bħala “użu”.

52.      F’dan ir‑rigward, hija rilevanti wkoll it‑tmintax‑il premessa tad‑direttiva. Din tal‑aħħar, minn naħa waħda, tirreferi għall‑fatt li l‑użu (21) ta’ informazzjoni minn ġewwa “jista’” jikkonsisti fl‑akkwist jew fit‑trasferiment b’għarfien ta’ tali informazzjoni. Min‑naħa l‑oħra, hija ssemmi eżempji konkreti li fihom, minkejja li hemm l‑għarfien, xorta ma għandux jiġi kkunsidrat li hemm l‑użu. F’dan il‑punt, għaldaqstant jirriżulta li filwaqt li l‑għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa jikkostitwixxi rekwiżit obbligatorju għal insider dealing illegali, il‑kriterju tal‑azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa ma jiddefinixxix b’mod eżawrjenti l‑portata tal‑projbizzjoni msemmija fl‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva.

53.      Hija biss interpretazzjoni teleoloġika tad‑direttiva li tirreferi għax‑xogħlijiet ta’ tħejjija li wasslu għall‑adozzjoni tagħha, li tippermetti li tingħata risposta definittiva lil din id‑domanda.

54.      Skont it‑tnax‑il premessa, il‑projbizzjoni ta’ insider dealings imposta mid‑direttiva għandha l‑għan li tiżgura l‑integrità tas‑swieq finanzjarji Komunitarji u b’hekk issaħħaħ il‑fiduċja tal‑investituri f’dawn is‑swieq. Dan huwa ppreċiżat fil‑ħmistax‑il premessa. Suq finanzjarju effiċjenti u integrat jirrikjedi l‑fiduċja leġittima tal‑atturi ekonomiċi bi trasparenza reali u sħiħa tas‑suq. Jeħtieġ li jiġu ggarantiti l‑opportunitajiet ugwali u li jiġi pprojbit li, permezz tal‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa, atturi individwali tas‑suq jiġu pprivileġġjati bi preġudizzju għal atturi oħra fis‑suq.

55.      Hija biss projbizzjoni ta’ insider dealing li tista’ tiġi effettivament infurzata fil‑prattika li tista’ tiggarantixxi l‑aħjar operat tas‑swieq finanzjarji. Għaldaqstant, huwa biss jekk il‑projbizzjoni ta’ insider dealings tinvolvi sanzjoni effettiva tal‑ksur, li tali projbizzjoni tirriżulta effettiva u kapaċi tassigura r‑rispett fit‑tul tar‑regoli mill‑atturi kollha tas‑suq. F’dan ir‑rigward, meta abbozza d‑Direttiva l‑ġdida 2003/6, il‑leġiżlatur Komunitarju ħa inkunsiderazzjoni l‑esperjenzi mhux sodisfaċenti li seħħew taħt id‑direttiva ta’ qabel.

56.      Fl‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva preċedenti 89/592, il‑projbizzjoni ta’ insider dealings kienet ifformulata kif ġej: “Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi lil kull persuna li tippossjedi informazzjoni minn ġewwa, [...] milli takkwista jew tittrasferixxi għaliha jew għal ħaddieħor, kemm direttament kif ukoll indirettament, it‑titoli trasferibbli tal‑entità emittenti jew tal‑entitajiet emittenti kkonċernati minn din l‑informazzjoni, billi tisfrutta l‑fatt li hija taf b’din l‑informazzjoni minn ġewwa” (22). Fid‑Direttiva 2003/6, il‑kunċett ta’ “sfruttament” issa ġie ssostitwit mill‑kunċett ta’ “użu” (23).

57.      Bil‑kunċett ta’ “sfruttament”, il‑verżjoni preċedenti tal‑projbizzjoni għalhekk ippreżentat element suġġettiv, intiż fis‑sens ta’ aġir b’għan preċiż. Il‑kriterju ta’ “sfruttament” għaldaqstant seta’ jinftiehem fis‑sens li l‑operazzjoni magħmula kellha titwettaq speċifikament abbażi tal‑informazzjoni minn ġewwa u bl‑għan li jinkiseb profitt jew li jiġi evitat telf (24). Huwa evidenti li jistgħu jqumu problemi mhux żgħar sabiex jiġi ppruvat l‑iskop ta’ lukru.

58.      F’dan il‑kuntest, waqt il‑konsultazzjonijiet dwar id‑Direttiva 2003/6, il‑Parlament Ewropew talab is‑sostituzzjoni tar‑rekwiżit ta’ “sfruttament”, li wasslet b’hekk għall‑verżjoni fis‑seħħ bħalissa tal‑Artikolu 2(1) li tagħmel riferiment biss għal “użu” (25). Il‑Parlament Ewropew kien ibbaża l‑proposta ta’ emenda tiegħu fuq il‑kunsiderazzjoni li fil‑proċedura amministrattiva kellu jiġi sanzjonat is‑sempliċi użu ta’ informazzjoni minn ġewwa u, għaldaqstant kellu jiġi eliminat kull element dwar skop jew intenzjoni (26).

59.      Għaldaqstant għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal‑ “użu”, li huwa nieqes mir‑rekwiżiti suġġettivi u, għalhekk, adattat sabiex jiggarantixxi l‑għan imfittex mil‑leġiżlatur Komunitarju li jissemplifika kemm jista’ jkun l‑applikazzjoni tal‑projbizzjoni ta’ insider dealing. Għaldaqstant, qabelxejn, “użu” ma jirrikjedi l‑ebda deċiżjoni suġġettiva minn persuna biex taġixxi speċifikament abbażi ta’ informazzjoni minn ġewwa li għandha fil‑pussess tagħha. Għalhekk ma hemmx bżonn li l‑għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa jkun influwenza l‑azzjoni fis‑sens ta’ kawżalità stretta, ta’ kundizzjoni sine qua non. Mhux meħtieġ li l‑persuna ma kinetx taġixxi mingħajr l‑informazzjoni minn ġewwa.

60.      Li tintalab prova li l‑informazzjoni minn ġewwa influwenzat l‑operazzjoni skont l‑imsemmi prinċipju ta’ kawżalità jmur kontra r‑rieda, manifestata b’mod ċar, tal‑leġiżlatur Komunitarju, li jirrinunzja għar‑rekwiżiti suġġettivi.

61.      Għaldaqstant, bħala prinċipju, l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa diġà tikkostitwixxi “użu” skont din id‑ dispożizzjoni.

62.      Madankollu, azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa ma tikkostitwixxix dejjem u inevitabbilment użu pprojbit ta’ informazzjoni minn ġewwa. Fis‑sitwazzjonijiet li fihom ġie eskluż li l‑għarfien ta’ informazzjoni bħal din tista’ tinfluwenza operazzjoni, ma jistax ikun hemm “użu” tal‑informazzjoni minn ġewwa.

63.      F’dan is‑sens it‑tmintax‑il premessa ċċitata iktar ’il fuq tiċċara li azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa ma tikkostitwixxix neċessarjament użu skont l‑Artikolu 2(1), u f’dan ir‑rigward, tistipula xi eċċezzjonijiet li ma jikkostitwixxux insider dealing ipprojbit, minkejja l‑għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa. B’hekk il‑fatt li, pereżempju, persuni awtorizzati biex jeżegwixxu ordnijiet għan‑nom ta’ terzi u li għandhom informazzjoni minn ġewwa jillimitaw ruħhom sabiex iwettqu ordni kif suppost, ma għandux bħala fatt fih innifsu jitqies li jikkostitwixxi użu ta’ informazzjoni minn ġewwa.

64.      Jekk wieħed jikkunsidra l‑ispirtu u l‑għan tad‑direttiva, l‑eċċezzjonijiet imsemmija fit‑tmintax‑il premessa jippreżentaw sitwazzjonijiet li fihom it‑trasparenza tas‑suq mhix mhedda a priori: indipendentement mill‑fatt li l‑operaturi msemmija hemm jiddisponux jew le minn informazzjoni minn ġewwa, ir‑rwol tagħhom fl‑attivitajiet tas‑suq huwa tali li l‑imsemmija informazzjoni ma tinfluwenzahx.

65.      Minħabba li l‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva jipprojbixxi azzjoni mwettqa bl‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa u ma jagħmilx riferiment sempliċement għal azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa, huwa jeskludi pereżempju, mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑projbizzjoni, il‑każijiet imsemmija fit‑tmintax‑il premessa: f’dawn il‑każijiet huwa eskluż a priori li l‑informazzjoni influwenzat l‑azzjoni, sabiex b’hekk ma jistax jingħad li kien hemm użu ta’ informazzjoni minn ġewwa.

66.      Jistgħu jiġu immaġinati wkoll każijiet oħra fejn ġie aċċertat a priori li, minkejja l‑għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa, fil‑mument tal‑azzjoni ma jirriżulta l‑ebda “użu” tal‑informazzjoni, minħabba li din tal‑aħħar a priori ma influwenzatx l‑azzjoni. Il‑Gvern tar‑Renju Unit iċċita, bħala eżempju ulterjuri, l‑azzjoni ta’ persuna li titwettaq b’kuntrast mal‑andament previst tas‑suq: pereżempju, persuna tittrasferixxi azzjonijiet minkejja l‑fatt li għandha informazzjoni minn ġewwa li tagħti indikazzjoni ta’ żieda fil‑prezz, minħabba, pereżempju, bżonn urġenti ta’dħul mill‑bejgħ u għalhekk ma tistax tistenna ż‑żieda fil‑prezz.

67.      F’sitwazzjonijiet ta’ dan it‑tip ma jistax jingħad li l‑persuna inkwistjoni ttrasferiet l‑azzjonijiet bl‑“użu” ta’ informazzjoni minn ġewwa. Jekk persuna taġixxi b’kuntrast mal‑previżjonijiet tas‑suq skont informazzjoni minn ġewwa li għandha, ċertament ma jistax jiġi affermat li hija użat informazzjoni minn ġewwa. Madankollu, jekk jiġi kkunsidrat biss il‑fatt li huwa l‑każ ta’ “azzjoni mwettqa b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa”, f’dan il‑każ trid tiġi rikonoxxuta l‑eżistenza ta’ insider dealing, minħabba li jkun hemm trasferiment b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa.

68.      Għaldaqstant ir‑risposta għat‑tieni domanda preliminari għandha tkun kif ġej:

69.      L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑fatt li persuna jkollha informazzjoni minn ġewwa, u taf, jew għandha tkun taf, li hija informazzjoni minn ġewwa, u takkwista jew tittrasferixxi strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni jinvolvi bħala regola li din il‑persuna “tuża” l‑informazzjoni. Fis‑sitwazzjonijiet fejn huwa stabbilit a priori li informazzjoni minn ġewwa ma tinfluwenzax l‑azzjoni ta’ persuna, is‑sempliċi għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa ma jimplikax l‑użu tagħha wkoll.

2.      It‑tielet domanda preliminari

70.      Permezz tat‑tielet domanda preliminari, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk huwiex neċessarju li tittieħed deċiżjoni deliberata jew bil‑miktub, li tintuża l‑informazzjoni minn ġewwa. F’dan ir‑rigward, jista’ jsir riferiment fil‑parti l‑kbira għall‑osservazzjonijiet li saru dwar it‑tieni domanda preliminari. L‑għan tal‑verżjoni emendata tal‑projbizzjoni ta’ insider dealings kien li jiġi eliminat kull element li jirreferi għal skop jew intenzjoni. Għalhekk mhix neċessarja deċiżjoni deliberata jew bil‑miktub biex isir użu tal‑informazzjoni. Fil‑fatt persuna ma tistax taġixxi b’għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa u teskludi għal kollox tali għarfien. Għall‑kuntrarju, l‑informazzjoni tinfluwenza, bħala regola, deċiżjoni ta’ akkwist jew trasferiment. Konsegwentement, jeħtieġ b’mod ġenerali li jiġi kkunsidrat li hemm ukoll użu ta’ informazzjoni minn ġewwa. Ma hemmx bżonn ta’ prova ulterjuri.

3.      L‑ewwel domanda preliminari

71.      L‑ewwel domanda preliminari tikkonċerna l‑grad ta’ armonizzazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 u, b’mod partikolari tal‑Artikolu 2 tagħha. Din id‑domanda hija irrilevanti għall‑fini tad‑deċiżjoni fil‑kawża prinċipali u għalhekk hija inammissibbli. Kif diġà spjegajt preċedentement, fil‑kuntest tal‑kawża prinċipali, hija applikabbli biss il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25 tal‑Liġi tal‑Belġju dwar il‑kontroll finanzjarju. Madankollu, il‑kwistjoni tal‑grad ta’ armonizzazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 tidher li hija rilevanti biss fid‑dawl tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25.

72.      Fil‑fatt, il‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 biss titlaq mill‑kontenut tal‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva u, filwaqt illi tipprovdi għall‑projbizzjoni iktar ħarxa minn dik tad‑direttiva, tqajjem il‑kwistjoni jekk projbizzjoni ta’ insider dealing li teċċedi dik prevista mid‑direttiva hijiex legali. Il‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25 hija bbażata biss fuq is‑sempliċi għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa u ma tikkunsidrax la l‑eċċezzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 2(3) tad‑Direttiva 2003/6, u lanqas l‑eċċezzjonijiet għall‑projbizzjoni tal‑insider dealinga li jirriżultaw mill‑ispirtu u l‑għan tad‑direttiva u mill‑premessi tagħha.

73.      Min‑naħa l‑oħra, il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu  25 kienet ibbażata, bħad‑direttiva, fuq “użu” tal‑informazzjoni minn ġewwa, u konsegwentement, ma kinitx teċċedi l‑portata tal‑projbizzjoni tad‑direttiva. Madankollu, fid‑dawl tal‑fatt li għall‑finijiet tal‑kawża prinċipali hija rilevanti biss il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25, il‑kwistjoni jekk id‑direttiva tagħtix marġni għal dispożizzjonijiet nazzjonali iktar ħorox tibqa’ purament ipotetika. Għalhekk l‑ewwel domanda preliminari hija inammissibbli.

74.      Madankollu, fil‑każ li l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha tikkunsidra bħala ammissibbli anki l‑ewwel domanda preliminari, sussidjarjament ser neżamina anki l‑problematika mqajma minnha.

75.      L‑ewwel nett, għandu jiġi osservat li l‑kwistjoni tal‑portata tal‑armonizzazzjoni tad‑Direttiva 2003/6 – armonizzazzjoni kompleta jew armonizzazzjoni minima – ma tistax tingħata risposta ġenerali għad‑direttiva fit‑totalità tagħha. Għall‑kuntrarju, jeħtieġ li jiġi eżaminat kull aspett individwali rregolat minnha.

76.      Għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑grad ta’ armonizzazzjoni jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il‑kliem u l‑ispirtu u l‑għan tad‑dispożizzjoni inkwistjoni (27).

77.      Id‑Direttiva 2003/6 għandha dispożizzjonijiet li mill‑kliem tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn jikkostitwixxu regoli minimi u li l‑Istati Membri huma awtorizzati jadottaw dispożizzjonijiet iktar ħorox. Dan japplika, pereżempju, għall‑każ ta’ sanzjoni fir‑rigward ta’ insider dealing. F’dan ir‑rigward, l‑Artikolu 14 tad‑Direttiva 2003/6 jillimita ruħu li jipprovdi li Stati Membri għandhom jipprovdu għall‑miżuri amministrattivi li huma effettivi u dissważivi. Bl‑istess mod, il‑possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet penali wkoll tħalliet espliċitament fid‑diskrezzjoni tal‑Istati Membri. Għalhekk, f’termini ta’ sanzjonijiet, id‑direttiva tinvolvi biss armonizzazzjoni minima.

78.      Min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall‑projbizzjoni espressa ta’ insider dealing imsemmija fl‑Artikolu 2(1), id‑direttiva ma tagħti l‑ebda indikazzjoni espliċita jekk din hijiex eżawrjenti jew le.

79.      Madankollu, l‑ewwel indikazzjoni tista’ tinstab meta jsir paragun mad‑direttiva preċedenti. L‑Artikolu 6 tad‑Direttiva 89/592 kien jippermetti b’mod espliċitu li l‑Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet iktar ħorox minn dawk previsti fid‑direttiva. It‑tieni sentenza tal‑Artikolu 6, b’mod partikolari kienet tippreċiża d‑dritt tal‑Istati Membri li jestendu l‑portata tal‑projbizzjoni tal‑użu ta’ informazzjoni minn ġewwa imsemmija fl‑Artikolu 2. Id‑Direttiva 89/952 però kienet tippermetti l‑adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar ħorox biss bil‑kundizzjoni li l‑miżuri inkwistjoni jkollhom applikazzjoni ġenerali, jiġifieri li l‑portata tal‑imsemmija dispożizzjonijiet tkun identika għall‑persuni fiżiċi jew legali kollha suġġetti għal din il‑leġiżlazzjoni (28).

80.      Il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 6 ma ġietx riprodotta fid‑Direttiva 2003/6. F’din tal‑aħħar ma hemm l‑ebda klawżola ġenerali ta’ riżerva li tippermetti b’mod espliċitu lill‑Istati Membri li jestendu l‑portata tal‑projbizzjoni ta’ insider dealing. Dan jippermetti li jiġi dedott li bħala regola, l‑Istati Membri ma għadhomx jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar ħorox, ħlief fejn id‑direttiva tipprovdi dan espliċitament.

81.      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessi tagħha, anki l‑ispirtu u l‑għan tad‑Direttiva 2003/6 jindikaw li l‑projbizzjoni ta’ insider dealing imsemmija fl‑Artikolu 2(1) għandha tiġi intiża bħala armonizzazzjoni kompleta.

82.      Minn naħa waħda, bil‑projbizzjoni ta’ insider dealing, id‑direttiva tfittex li ssaħħaħ il‑fiduċja tal‑operaturi ekonomiċi fl‑integrità tas‑suq finanzjarju u, għalhekk, is‑swieq stess. Id‑direttiva tiggarantixxi li l‑projbizzjoni inkwistjoni tapplika b’mod ġenerali fl‑Istati Membri kollha u għalhekk, li, f’dan ir‑rigward, ma jibqa’ l‑ebda suq finanzjarju mhux irregolat. L‑operaturi ekonomiċi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jserrħu fuq il‑fatt li l‑projbizzjoni ta’ insider dealing hija valida fil‑Komunità kollha.

83.      Min‑naħa l‑oħra, id‑direttiva tikkunsidra wkoll mhux biss il‑fatt li applikazzjoni territorjali tal‑projbizzjoni ta’ insider dealings mhux kompleta tista’ tkun sors ta’ konfużjoni għall‑operaturi ekonomiċi, iżda anki li jekk din il‑projbizzjoni tkun differenti minn Stat Membru għall‑ieħor, tista’ tipprekludi l‑funzjonament effettiv tas‑suq intern fil‑kuntest tas‑swieq finanzjarji.

84.      F’dan is‑sens, il‑ħdax‑il premessa ssemmi espressament li d‑direttiva tikkunsidra l‑fatt li r‑rekwiżiti legali dwar insider dealing ivarjaw minn Stat Membru għall‑ieħor, u “atturi ekonomiċi ħafna drabi jitħallew inċerti dwar kunċetti, definizzjonijiet u applikazzjoni”. Din il‑premessa tmur kontra t‑teżi li l‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva jdaħħal biss armonizzazzjoni minima. Fil‑fatt, jekk jiġi ammess li l‑Istati Membri huma ħielsa li jistabbilixxu projbizzjonijiet ta’ insider dealing iktar ħorox, dan ipoġġi l‑atturi ekonomiċi fl‑inċertezza dwar il‑portata tal‑projbizzjoni ta’ insider dealing u ma jassigurax il‑kjarezza mixtieqa.

85.      Fl‑aħħar nett, l‑argument li l‑Artikolu 2 jinvolvi armonizzazzjoni kompleta tal‑projbizzjoni ta’ insider dealings isib konferma ulterjuri fil‑kontenut tal‑projbizzjoni nnifisha.

86.      Fil‑kuntest tar‑risposta għat‑tieni domanda preliminari ġie spjegat kif, bl‑użu tal‑kunċett ta’ “użu”, l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 jimponi projbizzjoni ta’ insider dealings ta’ portata wiesgħa, effikaċi u faċilment punibbli, li abbażi tagħha persuna li għandha fil‑pussess tagħha informazzjoni minn ġewwa tista’ tagħmel operazzjonijiet f’xi każijiet eċċezzjonali biss. Jekk jiġi kkunsidrat ukoll li l‑eċċezzjonijiet li jridu jiġu rikonoxxuti, bħal dawk ifformulati pereżempju fl‑Artikolu 2(3) jew fit‑tmintax‑il premessa kollha huma ekwivalenti għal riduzzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni, jiġifieri jikkonċernaw il‑każijiet mhux koperti bl‑ispirtu u l‑għan tal‑projbizzjoni ta’ insider dealing, ma hemmx neċessità reali u marġni sinjifikattiv għall‑projbizzjonijiet iktar ħorox fl‑livell nazzjonali.

87.      Barra minn hekk, żewġ aspetti jikkonfermaw il‑karattru eżawrjenti tal‑projbizzjoni imposta mid‑direttiva: fl‑ewwel lok, b’dan il‑mod biss wieħed jasal b’mod uniformi għall‑protezzjoni wiesgħa tal‑investituri kif mixtieq; fit‑tieni lok, għall‑fini taċ‑ċertezza tad‑dritt, jiġu eliminati l‑inċertezzi tal‑atturi ekonomiċi dwar il‑portata tal‑projbizzjoni.

88.      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6 jikkostitwixxi armonizzazzjoni kompleta.

89.      Lanqas tista’ tinġibed konklużjoni differenti mill‑fatt li d‑Direttiva 2003/6 hija każ ta’ applikazzjoni tal‑proċedura msejħa Lamfalussy. Din il‑proċedura titlob li dan is‑suġġett jiġi adottat b’tekniki leġiżlattivi fuq iktar minn livell wieħed, kif imsemmi fir‑raba’ premessa. Fil‑livell 1 jiġu stabbiliti prinċipji qafas ta’ karattru ġenerali permezz tad‑direttiva, waqt li fil‑livell 2, sussegwentement, jiġu adottati miżuri tekniċi ta’ implementazzjoni mill‑Kummissjoni, bl‑assistenza ta’ kumitat.

90.      Madankollu, mill‑applikazzjoni tal‑proċedura Lamfalussy, ma tista’ tinġibed l‑ebda konklużjoni dwar il‑kwistjoni jekk id‑direttiva tarmonizzax b’mod eżawrjenti oqsma partikolari jew jekk tippermettix regoli derogatorji mill‑Istati Membri. Fil‑fatt, din il‑proċedura ma tirrigwardax il‑grad ta’ armonizzazzjoni, iżda l‑mod ta’ kif jiġu adottati liġijiet fuq livell tad‑dritt Komunitarju.

91.      Fl‑aħħar, għad irid jiġi eżaminat l‑argument tal‑Kummissjoni, li permezz tiegħu din tal‑aħħar tara fl‑użu tal‑kunċett ta’ “użu” imsemmi fl‑Artikolu 2(1), il‑prova tal‑fatt li huwa biss każ ta’ armonizzazzjoni minima. Il‑fatt li l‑kunċett ta’ “użu” mhux iddefinit fid‑direttiva jfisser li huwa kunċett ġuridiku indeterminat, li fl‑applikazzjoni tiegħu, l‑Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, a priori, kuntrarjament għall‑każ ta’ armonizzazzjoni kompleta.

92.      Dan ir‑raġunament mhux konvinċenti. Id‑Direttiva 2003/6, fl‑Artikolu 2(1), għandha definizzjoni ta’ insider dealings. Il‑Kummissjoni tirrikonoxxi, bir‑raġun, li d‑direttiva ma tiddefinixxix, min‑naħa tagħha, kull terminu użat f’tali definizzjoni. B’hekk, id‑direttiva ma fiha l‑ebda definizzjoni tat‑terminu “użu”. Dan ma jfissirx però li l‑Istati Membri jistgħu jipproċedu liberament sabiex jagħtu definizzjoni tiegħu b’mod diskrezzjonali. Il‑kunċett ta’ użu pjuttost jikkostitwixxi kunċett Komunitarju awtonomu li għandu jiġi stabbilit b’mod uniformi għall‑Istati Membri kollha.

4.      Ir‑raba’ u l‑ħames domandi preliminari

93.      Dawn iż‑żewġ domandi jirrigwardaw il‑proporzjonalità tas‑sanzjoni. Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita l‑proporzjonalità ta’ sanzjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l‑profitt magħmul, u jekk f’dan ir‑rigward, huwiex rilevanti wkoll il‑fatt li l‑pubblikazzjoni tal‑informazzjoni minn ġewwa influwenzat b’mod sinjifikattiv il‑perkors tal‑istrument finanzjarju, u kif għandu jiġi evalwat dan il‑“karattru sinjifikattiv”. Barra minn hekk il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi liema data għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evalwat il‑vantaġġ finanzjarju miksub.

94.      B’riferiment għat‑tip u l‑livell ta’ sanzjonijiet, l‑Artikolu 14 tad‑Direttiva 2003/6 jistabbilixxi biss li l‑Istati Membri għandhom jiżguraw, inkonformità mal‑liġi nazzjonali tagħhom, li jistgħu jittieħdu miżuri amministrattivi xierqa jew jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi meta ma jkunx hemm konformità mal‑projbizzjoni tad‑direttiva. L‑Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il‑miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi. Id‑direttiva ma tipprovdix kriterji konkreti għall‑evalwazzjoni tal‑proporzjonalità ta’ sanzjoni.

95.      Fir‑rigward tal‑evalwazzjoni tal‑grad ta’ influwenza fuq il‑prezzijiet, id‑Direttiva 2003/6 tesprimi ruħha biss fl‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1(1), fil‑kuntest tad‑definizzjoni ta’ informazzjoni minn ġewwa. Abbażi ta’ tali definizzjoni, informazzjoni hija minn ġewwa jekk meta ssir pubblika, tkun tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il‑prezz tal‑istrumenti finanzjarji.

96.      L‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1(1) jirrigwarda d‑determinazzjoni ex ante tal‑possibbiltà li informazzjoni tinfluwenza l‑prezzijiet. Id‑direttiva ma ssemmix li użu pprojbit ta’ informazzjoni minn ġewwa jista’ jseħħ biss jekk din twassal għal żieda fil‑prezzijiet.

97.      Il‑kwistjoni jekk u b’liema mod, il‑prezzijiet effettivament ġew influwenzati tista’ però tittieħed inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tal‑livell tas‑sanzjoni fil‑kuntest tal‑istħarriġ tal‑proporzjonalità. Il‑livell ta’ varjazzjoni tal‑prezz wara l‑pubblikazzjoni tal‑informazzjoni minn ġewwa jista’ jkun ħjiel tal‑importanza u tal‑potenzjal tal‑informazzjoni minn ġewwa. Tali elementi jistgħu jidħlu fl‑istħarriġ tal‑proporzjonalità.

98.      Barra minn hekk, l‑ammont taż‑żieda tal‑prezzijiet huwa rilevanti wkoll għall‑fini tal‑kalkolu tal‑profitti magħmula.

99.      Fir‑rigward tat‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑profitti magħmula, mit‑tmienja u tletin premessa jirriżulta li s‑sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati mal‑gravità tal‑ksur u mal‑profitti magħmula. Id‑direttiva ma tipprovdix id‑dettalji dwar il‑kalkolu tal‑profitti magħmula, b’mod partikolari dwar il‑perijodu li fuqu għandu jiġi bbażat dan il‑kalkolu. Għall‑kuntrarju, hija tagħti lill‑Istati Membri r‑responsabbiltà li jistabbilixxu t‑tip u l‑forma tas‑sanzjoni. Dawn tal‑aħħar huma marbutin, skont l‑Artikolu 14, li jipprovdu, skont l‑ordinament intern tagħhom, sanzjonijiet li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

5.      Is‑sitt domanda preliminari

100. B’din id‑domanda preliminari, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 14 tad‑Direttiva għandux jiġi interpretat fis‑sens li, “jekk Stat Membru jkun ħaseb għall‑possibbiltà ta’ sanzjoni kriminali li tingħata flimkien mas‑sanzjoni amministrattiva, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tan‑natura proporzjonata tas‑sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑possibbiltà u/jew il‑livell ta’ sanzjoni kriminali pekunjarja”.

101. Il‑konvenuta fil‑kawża prinċipali ssostni li din id‑domanda preliminari hija ipotetika u, konsegwentement, inammissibbli. Hija għandha raġun peress li mill‑indikazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju ma jirriżultax li din il‑kawża kienet tirrigwarda sanzjoni amministrattiva li ngħatat wara li sanzjoni kriminali kienet ġiet imposta preċedentement. Pjuttost huwa l‑każ ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni għall‑ewwel darba. Mhux imsemmi l‑fatt li saret kawża penali preċedenti għall‑istess fatti, u lanqas li din għad trid issir. Madankollu, fil‑proċeduri amministrattivi huwa diffiċili tittieħed inkunsiderazzjoni sanzjoni kriminali li tista’ potenzjalment tiġi imposta fil‑futur.

102. Barra minn hekk, il‑konvenuta fil‑kawża prinċipali u l‑Gvern tal‑Belġju indikaw li l‑liġi tal‑Belġju tikkontempla l‑possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni sanzjoni amministrativa imposta preċedentement (29), fil‑każ ta’ kawża kriminali sussegwenti.

103. Il‑kwistjoni jekk kawża kriminali li saret sussegwentement għandhiex tikkunsidra sanzjoni amministrattiva imposta preċedentement, tista’ tkun rilevanti mhux biss fir‑rigward tal‑ proporzjonalità tas‑sanzjoni, iżda anki tal‑projbizzjoni ta’ ne bis in idem (30). Madankollu, din il‑kwistjoni titqajjem biss f’kawża kriminali sussegwenti, li tiġi wara kawża amministrattiva.

C –    Dwar ix‑xiri lura tal‑azzjonijiet

104. Fl‑aħħar, għad irid jiġi analizzat aspett wieħed, li fir‑rigward tiegħu, il‑qorti tar‑rinvju madankollu ma għamlet l‑ebda domanda konkreta. Fil‑motivazzjoni tat‑talba tagħha għal domanda preliminari hija però sostniet li l‑leġiżlatur tal‑Belġju ma għamilx trażpozizzjoni tal‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 2003/6 fit‑terminu stabbilit.

105. Skont l‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 2003/6, il‑projbizzjonijiet imposti mid‑direttiva ma għandhomx japplikaw għall‑kummerċ f’azzjonijiet tagħhom stess fi programmi “xiri lura” sakemm dan il‑kummerċ hu mwettaq skont miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont il‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 17(2). Id‑dispożizzjonijiet relattivi ta’ implementazzjoni ġew adottati permezz tar‑Regolament (KE) Nru 2273/2003 (31).

106. Skont l‑informazzjoni fid‑deċiżjoni tar‑rinviju, meta r‑rikorrenti għamlu l‑operazzjonijiet inkwistjoni fil‑kawża preżenti, l‑imsemmi regolament kien għadu ma daħalx fis‑seħħ. Madankollu, fil‑frattemp huwa daħal fis‑seħħ.

107. F’dan ir‑rigward, jeħtieġ li jitfakkar li mill‑prinċipju ġenerali tal‑liġi inqas ħarxa rikonoxxut mid‑dritt Komunitarju (32) jirriżulta li, fejn jiġu sodisfatti r‑rekwiżiti tiegħu, l‑eċċezzjonijiet għall‑projbizzjoni msemmija fl‑Artikolu 8 tad‑direttiva għandhom japplikaw anki għar‑rikorrenti. Mill‑Artikolu 8 tad‑direttiva jirriżulta b’mod partikolari li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il‑leġiżlatur Komunitarju ma jikkunsidrax ix‑xiri lura ta’ azzjonijiet tagħhom stess fil‑kuntest ta’ programm ta’ għażliet għall‑akkwist ta’ azzjonijiet għall‑impjegati, bħala użu pprojbit ta’ informazzjoni minn ġewwa. Konsegwentement, illum, ir‑rikorrenti ma għandhomx jiġu sanzjonati għall‑aġir li jaqa’ taħt din l‑ipoteżi eċċezzjonali. Anki jekk il‑leġiżlatur tal‑Belġju kien għadu ma ttrasponiex dan l‑artikolu, is‑sanzjonijiet imposti fuq ir‑rikorrenti ma jikkorispondux mar‑rieda tal‑leġiżlatur Komunitarju u għandhom jiġu revokati. Madankollu dan japplika biss bil‑kundizzjoni li l‑azzjoni tar‑rikorrenti tissodisfa b’mod każwali r‑rekwiżiti għall‑programm “xiri lura” indikati fir‑Regolament Nru 2273/2003 li kien għadu ma daħalx fis‑seħħ. B’mod partikolari, madankollu, fil‑każ li kellu jiġi ppruvat fil‑kawża quddiem il‑qorti tar‑rinviju li r‑rikorrenti sussegwentement biddlu l‑ordni tal‑akkwist fir‑rigward tan‑numru ta’ azzjonijiet, il‑prezz u l‑urġenza, ir‑rekwiżiti tar‑regolament ma setgħux jiġu sodisfatti. Vjolazzjoni tal‑projbizzjoni ta’ insider dealings għalhekk ma tistax tiġi injorata skont l‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 2003/6 moqri flimkien mar‑Regolament Nru 2273/2003.

V –    Konklużjoni

108. Għaldaqstant, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet hawn fuq magħmula, nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi d‑domandi preliminari magħmula kif ġej:

–        L‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/6/KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑fatt li persuna jkollha informazzjoni minn ġewwa u taf, jew għandha tkun taf, li hija informazzjoni minn ġewwa u takkwista jew tittrasferixxi strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l‑informazzjoni, bħala regola jfisser li din il‑persuna “tuża” l‑informazzjoni. Fis‑sitwazzjonijiet fejn ġie stabbilit a priori li informazzjoni minn ġewwa ma tinfluwenzax l‑azzjoni ta’ persuna, is‑sempliċi għarfien ta’ informazzjoni minn ġewwa ma jimplikax ukoll l‑użu tagħha.

–        L‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/6/KE ma jippermettix lill‑Istati Membri li jimponu projbizzjoni ta’ insider dealing iktar ħarxa minn dik tad‑direttiva.

–        Il‑forma konkreta tas‑sanzjonijiet titħalla f’idejn l‑Istati Membri, li fir‑rigward tagħhom, madankollu, huma obbligati jiggarantixxu li l‑miżuri adottati huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.


1 – Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2 – Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/6/KE, tat‑28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas‑suq (abbuż tas‑suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367, iktar ’il quddiem: id‑“Direttiva 2003/6”).


3 – Direttiva tal‑Kunsill 89/592/KEE, tat‑13 ta’ Novembru 1989, li tikkonċerna l‑koordinazzjoni tal‑liġijiet dwar l‑insider dealing (ĠU L 334, p. 30, iktar ’il quddiem, id‑“Direttiva 89/592”).


4 – Mit‑talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax b’mod ċar jekk fil‑mument tal‑akkwist tal‑azzjonijiet, C. Van Raemdonck kienx għadu direttur ta’ Spector jew jekk kienx biss ex direttur.


5 – Sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax, (C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 15), tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves, (C‑48/07, Ġabra p. I‑10627, punt 16, u l‑ġurisprudenza ċċitata).


6 – Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, (244/80, Ġabra p. 3045, punt 27), kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, (C‑295/04 sa C‑298/04 Ġabra p. I‑6619, punt 27).


7 – Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, (C‑202/04 u C‑94/04, Ġabra p.  I‑11421, punt 25, u l‑ġurisprudenza ċċitata).


8 – Pun 18 tad‑digriet tar‑rinviju.


9 – Però, f’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti żiedu li d‑deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25, iżda li l‑konvenuta kienet de facto applikat l‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25. Ma huwiex ċar x’riedu jfissru preċiżament ir‑rikorrenti b’tali applikazzjoni de facto. Huwa possibbli li riedu jesprimu li l‑konvenuta interpretat l‑verżjoni preċedenti tal‑Artikolu 25 fid‑dawl tal‑verżjoni l‑ġdida tal‑Artikolu 25. Modus operandi bħal dan jista’ jiġġenera problemi fir‑rigward tal‑prinċipju nulla poena sine lege. Il‑qorti tar‑rinviju għandha tevalwa din iċ‑ċirkustanza.


10 – Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 115); fil‑konklużjonijiet ippreżentati minni f’din il‑kawża pproponejt soluzzjoni differenti, li l‑Qorti tal‑Ġustizzja madankollu ma segwitx. Skont il‑ġurisprudenza, mid‑data li fiha direttiva tkun daħlet fis‑seħħ, il‑qrati tal‑Istati Membri għandhom jastjenu, sa fejn huwa possibbli, milli jinterpretaw id‑dritt intern b’mod li jirriskjaw li jikkompromettu serjament, wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, ir‑realizzazzjoni tal‑iskop imfittex minn din id‑direttiva; ara, f’dan ir‑rigward is‑sentenza Adeneler et, punt 123.


11 – Ara s‑sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punt 36).


12 – Ġurisprudenza stabbilita sa mis‑sentenza Dzodzi (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 11); ara, barra minn hekk, is‑sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, Ġabra 2007 p. I‑10893, punti 21 u 22).


13 – Ara, f’dan ir‑rigward, il‑konklużjonijiet ippreżentati minni fl‑14 ta’ Ottubru 2004, fil‑kawża Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02 Ġabra p. I‑3565, punt 161) u fl‑10 ta’ Ġunju 2004, fil‑kawża Niselli, (C‑457/02, Ġabra p. I‑10853, punt 69).


14 – Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea ġiet solennement ipproklamata l‑ewwel fis‑7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1) u sussegwentement fit‑12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasburg (ĠU C 303, p. 1). Għalkemm din bħala tali għad ma għandhiex effetti legali vinkolanti ekwiparabbli ma’ dawk tad‑dritt primarju, hija tipprovdi, bħala sors legali ta’ riferiment, indikazzjonijiet fuq id‑drittijiet fondamentali ggarantiti mill‑ordinament ġuridiku Komunitarju; ara wkoll, f’dan ir‑rigward, is‑sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38), u l‑punt 108 tal‑konklużjonijiet tat‑8 ta’ Settembru 2005 f’din il‑kawża, kif ukoll is‑sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37).


15 – Sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑35650); ara wkoll, f’dan ir‑rigward, il‑konklużjonijiet ippreżentati minni f’din il‑kawża (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13).


16 – Ara, fost l‑oħrajn, is‑sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 114), kif ukoll Adeneler et, (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10, punt 115).


17 – Bl‑Olandiż, l‑Artikolu 2(1) jipprovdi dan li ġej: “[…] om gebruik te maken […]”.


18 – L‑istess japplika għall‑verżjoni Ingliża, li hija fformulata hekk: “using that information by acquiring or disposing”.


19 – Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht, (19/67, Ġabra p. 445, p. 456); tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, (30/77, Ġabra p. 1999, punt 14; Sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex (C‑56/06, Ġabra p. I‑4859, punt 27), kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C‑426/05, Ġabra p  I‑685, punt 25).


20 – Sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder, (29/69, Ġabra p. 419, punt 3); tas‑7 ta’ Lulju 1988, Moksel Import u Export, (55/87, Ġabra p. 3845, punt 49); tal‑20 ta’ Novembru 2001, Jany et, (C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 47), kif ukoll tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk, (C‑188/03, Ġabra p. I‑885, punt 33).


21 – Il‑fatt li, fil‑verżjoni Ġermaniża, fit‑tmintax‑il premessa jidher it‑terminu “Ausnutzung” u mhux “Nutzung” bħal ma jidher fl‑Artikolu 2(1), jidher li huwa żball editorjali. Il‑verżjonijiet lingwistiċi l‑oħra, bħal pereżempju l‑verżjoni Franċiża, Ingliża u Olandiża, fit‑tmintax‑il premessa jadottaw l‑istess terminu msemmi fl‑Artikolu 2(1) tad‑direttiva.


22 – Il‑korsiv huwa tiegħi.


23 – Kuntrarjament, pereżempju, għall‑verżjoni Franċiża (fejn it‑termini “en exploitant” ġew issostitwiti bit‑terminu “utiliser”) jew il‑verżjoni Ingliża (fejn it‑termini “taking advantage” ġew issostitwiti bit‑terminu “using”), fil‑verżjoni Olandiża kemm fid‑Direttiva 89/592 (“met gebruikmaking”) kif ukoll fid‑Direttiva  2003/6 (“om gebruik te maken”) jinstab l‑istess terminu sabiex jiġi espress l‑“użu” tal‑informazzjoni. L‑element suġġettiv ġie espress fil‑verżjoni Olandiża tad‑Direttiva 89/592 permezz ta’ avverb (“welbewust”); fil‑fatt hija tipprovdi hekk: “met gebruikmaking, welbewust, van deze voorwetenschap”.


24 – Ara, f’dan ir‑rigward, anki l‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Mengozzi, ippreżentati fis‑26 ta’ Ottubru 2006, Georgakis, (C‑391/04, Ġabra 2007, p. I‑3741, punt 51).


25 – Fil‑verżjoni Olandiża ma tidher l‑ebda modifika meta mqabbla mal‑abbozz tad‑ direttiva, peress li dan kien diġà jitkellem dwar “użu” (“gebruik te maken”).


26 – Ara r‑relazzjoni tad‑deputat R. Goebbels tas‑27 ta’ Frar 2002 (PE 307.438 A5‑0069/2002, p. 25) dwar il‑proposta ta’ direttiva tal‑Parlament Europew u tal‑Kunsill dwar insider dealing u manipulazzjoni tas‑suq (abbuż tas‑suq) (2001/0118(COD)), approvata mill‑Parlament Ewropew b’riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑14 ta’ Marzu 2002. Fil‑verżjoni Olandiża, il‑paragrafu inkwistjoni b’din il‑ġustifikazzjoni madankollu ma ġiex riprodott; probabbilment minħabba l‑fatt li fil‑verżjoni Olandiża ma kien hemm bżonn tal‑ebda modifika fit‑test tad‑direttiva.


27 – Ara s‑sentenza tal‑25 ta’ April 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, (C‑52/00, Ġabra p.I‑3827, punt 16).


28 – Ara s‑sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2001, Verdonck et, (C‑28/99, Ġabra p.  ‑3399, punt 35).


29 – Huma jirreferu f’dan ir‑rigward għall‑Artikolu 73 tal‑Liġi dwar il‑kontroll finanzjarju, fil‑verżjoni tagħha tat‑2 ta’ Awwissu 2002.


30 – Ara, f’dan ir‑rigward, sentenzi tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, tal‑14 ta’ Settembru 1999, Ponsetti vs Franza, Nri 36855/97 u 41731/98, Reports of Judgements and Decisions 1999‑VI, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2004, Rosenquist vs L‑Isvezja, Nru 60619/00.


31 – Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003, tat‑22 ta’ Diċembru 2003, li jimplementa d‑Direttiva 2003/6/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill rigward l‑eżenzjonijiet għall‑programmi tax‑xiri lura u l‑istabbilizzazzjoni tal‑istrumenti finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 342)


32 – Ara s‑sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2004, Niselli, (C‑457/02, Ġabra p. I‑10853) kif ukoll Berlusconi (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 15) u l‑konklużjonijiet ippreżentati minni f’dawn il‑kawżi.