Language of document : ECLI:EU:C:2022:424

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fil-każ ta’ mewt jew ta’ leżjoni subita minn passiġġier – Kunċett ta’ ‘inċident’ li kkawża l-mewt jew leżjoni – Leżjoni tanġibbli mġarrba matul żbark – Artikolu 20 – Eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru – Kunċett ta’ ‘negliġenza, att jew ommissjoni oħra li jikkawża preġudizzju lill-passiġġier li sofra leżjoni li kkawża d-dannu subit jew li kkontribwixxa għal dan id-dannu’ – Waqgħa ta’ passiġġier li ma jkunx żamm mal-poġġaman ta’ taraġ mobbli ta’ żbark”

Fil-Kawża C‑589/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

JR

vs

Austrian Airlines AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal JR, minn F. Raffaseder, Rechtsanwalt,

–        għal Austrian Airlines AG, minn C. Krones, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Simonsson u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999, li kienet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata għan-nom tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), u li daħlet fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Ġunju 2004.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JR u Austrian Airlines AG, trasportatur tal-ajru, rigward talba għad-danni mressqa minn JR minħabba leżjonijiet tanġibbli allegatament ikkawżati mill-waqgħa tagħha matul l-iżbark ta’ titjira operata minn dan it-trasportatur.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        It-tielet u l-ħames paragrafi tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdu:

“ [L-Istati Kontraenti jirrikonoxxu] l-importanza li tigi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn ghal kumpens ekwu bbażat fuq il-principju ta’ restituzzjoni;

[...]

[L]-azzjoni kollettiva mill-Istat ghal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ certi regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni gdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jigi akkwistat bilanc ekwu ta’ l-interessi”.

4        L-Artikolu 17 ta’ din il-Konvenzjoni, intitolat “Mewt u inġurji tal-passiġġieri – dannu lill-bagalji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trasportatur huwa responsabbli ghad-danni sofferti filkaż ta’ mewt jew ingurji personali ta’ passiggier sakemm biss lincident li kkawża l-mewt jew l-ingurja sehh abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark.”

5        Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Eżonerazzjoni”:

“Jekk it-trasportatur jipprova li d-dannu gie kkawżat jew kontribwit bin-negligenza jew att hażin jew negligenti tal-persuna li titlob kumpens, jew il-persuna li minghandha hu jew hi jiehdu d-drittijiet tieghu/taghha, it-trasportatur ghandu jkun kompletament jew parzjalment eżonerat mir-responsabbiltà tieghu lejn l-attur, sa fejn din in-negligenza jew att hażin jew negligenti kkawżaw jew ikkontribwew ghad-dannu. [...]”

 Iddritt talUnjoni

6        Il-premessa 9 tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 tad‑9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”) hija redatta kif ġej:

“[...] trasportaturi bl-ajru tal-[Unjoni] jistgħu jkunu eżonerati mir-responsabbilità tagħhom f’każijiet ta’ negliġenza kontributorja mill-passiġġier ikkonċernat”.

7        L-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-kunċetti misjuba f’dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 huma ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta’ Montréal.”

8        Il-premessi 10 u 18 tar-Regolament Nru 889/2002 jistabbilixxu:

“(10)      Sistema ta’ responsabbiltà illimitata fil-każta’ mewt jew ta’ korriment tal-passiġġieri hija mixtieqa fil-kuntest ta’ sistema ta’ trasport bl-ajru sikura u moderna.

[...]

(18) Safejn aktar regoli jkunu meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Montréal dwar punti li mhumiex koperti bir-Regolament (KE) Nru 2027/97, tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jagħmlu dawn id-dispożizzjonijiet”.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        Fit‑30 ta’ Mejju 2019, JR, flimkien mal-konjuġi tagħha u binha ta’ sentejn, ivvjaġġaw minn Tessaloniki (il-Greċja) għal Vjenna-Schwechat (l-Awstrija) fuq titjira operata minn Austrian Airlines.

10      Fl-ajruport ta’ Vienne-Schwechat, fil-mument li tinżel mill-ajruplan, permezz ta’ taraġ mobbli b’poġġaman fuq kull naħa, il-konjuġi ta’ JR, li ppreċedieha u li kien qiegħed iżomm f’kull id bagalja tal-kabina bir-roti, naqas milli jaqa’ fl-aħħar terz ta’ dan it-taraġ. Huwa f’dan l-istess post li JR, li żammet il-basket tagħha b’idejha l-leminija u li kellha lil binha fuq id-driegħ tax-xellug tagħha, waqgħet. Din il-waqgħa waslet, b’mod partikolari, għal ksur tad-driegħ tax-xellug ta’ JR.

11      Din ressqet kawża quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) għad-danni kontra Austrian Airlines għall-ammont ta’ EUR 4 675, flimkien mal-ispejjeż u l-interessi. Hija allegat li l-imsemmi taraġ ma kienx jissodisfa l-obbligu kuntrattwali ta’ Austrian Airlines li tiżgura l-protezzjoni u s-sigurtà tal-passiġġieri tagħha, peress li hija waqgħet minkejja prudenza partikolari min-naħa tagħha meta niżlet it-taraġ inkwistjoni, wara li l-konjuġi tagħha naqas milli jaqa’. Madankollu, hija waqgħet minħabba li dan it-taraġ, li kien mingħajr saqaf, kien sar wisq jiżloq minħabba temp umdu flimkien max-xita rxiex. JR żiedet li t-tarġa li fuqha hija żelqet kienet ukoll żejtnija u maħmuġa.

12      Min-naħa tagħha, Austrian Airlines sostniet li l-wiċċ tat-turġien inkwistjoni kellu toqob jew skanaluturi li jippermettu fluss rapidu tal-ilma, b’tali mod li dan it-taraġ ma kienx jiżloq. Għaldaqstant hija ma naqsitx mill-obbligi kuntrattwali tagħha ta’ protezzjoni u ta’ diliġenza, u lanqas aġixxiet b’mod żbaljat jew illegali. Il-waqgħa ta’ JR kienet dovuta għall-imġiba tagħha stess, peress li hija ma użat l-ebda poġġamani ta’ dan it-taraġ, anki wara li osservat li l-konjuġi tagħha kien naqas milli jaqa’. Barra minn hekk, minkejja l-kunsill ta’ tabib, JR, bi ksur tal-obbligu tagħha li tillimita d-dannu, irrifjutat li tirċievi immedjatament kura fi sptar viċin tal-ajruport u kienet kisbet kura biss filgħaxija tard tat‑30 ta’ Mejju 2019, fatt li seta’ jaggrava l-leżjonijiet tagħha.

13      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2020, il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ikkonstatat li parti mill-passiġġieri tal-ajruplan inkwistjoni kienu, qabel JR, użaw l-istess taraġ mobbli bħal din tal-aħħar u li ebda wieħed minnhom ma kien ilmenta minn post li jiżloq ta’ dan it-taraġ u lanqas ma kien waqa’. Din il-qorti, b’mod partikolari, irrilevat li l-imsemmi taraġ kien tal-metall u ma kellux saqaf, l-ajruport ta’ Vjenna-Schwechat li ma kellux taraġ li kellu saqaf, li t-turġien tiegħu kienu wiesgħa biżżejjed sabiex żewġ persuni jkunu jistgħu jinżlu waħda ħdejn l-oħra, li l-wiċċ ta’ dawn t-turġien, f’folja ċċekjata, kien jirrendihom b’mod partikolari li ma jiżolqux u li dan it-tagħmir kien iċċertifikat u kkontrollat minn Technischer Überwachungsverein (ċentru ta’ kontroll tekniku, l-Awstrija). L-imsemmija qorti kkonstatat li t-taraġ inkwistjoni ma kien jippreżenta ebda difett jew dannu u li, jekk l-imsemmija turġien kienu umdi, huma ma kinux jiżolqu, żejtnija jew ġeneralment maħmuġin peress li kienu biss l-aħħar tliet turġien bi ftit ħmieġ ta’ konsistenza mhux magħrufa, fil-forma ta’ punti. Minn dan hija kkonkludiet li ma kienx possibbli li jiġu ddeterminati r-raġunijiet li għalihom JR kienet waqgħet.

14      L-istess qorti, abbażi tal-Artikolu 1295(1) tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn JR billi ddeċidiet, essenzjalment, li Austrian Airlines ma kinitx kisret l-obbligu anċillari tagħha li tiżgura s-sigurtà tal-passiġġieri tagħha u li JR ma kienet ħadet ebda miżura ta’ prekawzjoni sabiex tevita l-waqgħa tagħha.

15      Il-Landesgericht Korneubourg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg, l-Awstrija), adita minn JR b’appell minn din is-sentenza, għandha dubji dwar, minn naħa, jekk il-waqgħa ta’ JR taqax taħt il-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt (C‑532/18, EU:C:2019:1127). Skont din il-qorti, minn din is-sentenza jirriżulta li tali kunċett ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li jseħħu abbord ajruplan, jew matul l-operazzjonijiet kollha ta’ imbark jew ta’ żbark, li fihom oġġett użat għas-servizz tal-passiġġieri kkawża leżjoni tanġibbli lil passiġġier, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn is-sitwazzjonijiet jirriżultawx minn riskju inerenti għat-trasport bl-ajru. Issa, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, peress li l-waqgħa ta’ JR ma kinitx ikkawżata minn tali oġġett.

16      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tqis li JR, minn tal-inqas, ikkontribwixxiet għall-waqgħa tagħha, peress li hija ma żammitx ma’ waħda mill-poġġamani tat-taraġ mobbli stabbilita għall-iżbark tal-passiġġieri, u dan wara li osservat li l-konjuġi tagħha kien naqas milli jaqa’ immedjatament qabilha. B’hekk l-istess qorti tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, dan in-nuqqas konkorrenti “jgħaddi [...] għat-tieni pjan, sakemm jiġi eskluż” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ir-responsabbiltà ta’ Austrian Airlines, skont l-Artikolu 17(1) ta’ din il-konvenzjoni.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 17(1) tal-[Konvenzjoni ta’ Montreal], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri sitwazzjoni fejn passiġġier, huwa u niżel mill-ajruplan, jaqa’ – għal raġuni mhux magħrufa – fl-aħħar terz tat-taraġ mobbli użat sabiex wieħed jitla’ jew jinżel mill-ajruplan u jsofri korriment, liema korriment ma kienx ikkawżat minn oġġett użat għas-servizz lill-passiġġieri[,] fis-sens tas-[sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt (C‑532/18, EU:C:2019:1127)], u dan meta jitqies li t-taraġ ma kienx difettuż u, b’mod partikolari, lanqas ma kien jiżloq?

2)      L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li eventwali responsabbiltà tal-kumpannija tal-ajru hija kompletament eskluża fiċ-ċirkustanzi deskritti[fl-ewwel domanda] u f’sitwazzjoni fejn il-passiġġier ma kienx qiegħed iżomm mal-poġġaman tat-taraġ meta waqa’?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha, għal raġuni indeterminata, passiġġier jaqa’ f’taraġ mobbli stabbilit għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan u jsofri korriment taqa’ taħt il-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż meta t-trasportatur bl-ajru kkonċernat ma jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ diliġenza u ta’ sigurtà f’dan ir-rigward.

19      Skont l-imsemmija dispożizzjoni, it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għad-dannu li seħħ fil-każ ta’ mewt jew ta’ leżjoni tanġibbli mġarrba minn passiġġier, b’dan biss li l-inċident li kkawża l-mewt jew il-leżjoni seħħ abbord l-ajruplan jew matul l-operazzjonijiet kollha ta’ imbark jew ta’ żbark.

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens ordinarju tiegħu u fil-kuntest li fih jaqa’ dan il-kunċett, jinftiehem bħala avveniment involontarju, dannuż u mhux previst u li l-imsemmi kunċett ma jeżiġix li d-dannu jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew li teżisti rabta bejn l- “inċident” u l-operat jew il-moviment tal-ajruplan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punti 34, 35 u 41).

21      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal hija konformi mal-għanijiet tagħha, li jikkonsistu, hekk kif jirriżulta mit-tielet u l-ħames premessi tal-preambolu ta’ din il-konvenzjoni, f’“li tigi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn ghal kumpens ekwu bbażat fuq il-principju ta’ restituzzjoni;”, permezz ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tat-trasportaturi bl-ajru, filwaqt li jinżamm “bilanċ ekwu ta’ l-interessi” tat-trasportaturi bl-ajru u tal-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 36).

22      B’hekk, meta, għal raġuni indeterminata, passiġġier ikun waqa’ f’taraġ mobbli stabbilit għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan u jsofri korriment, din il-waqgħa taqa’ taħt il-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Il-fatt li t-trasportatur tal-ajru kkonċernat ma naqasx mill-obbligi tiegħu ta’ diliġenza u ta’ sigurtà f’dan ir-rigward ma jistax jikkontesta din il-klassifikazzjoni.

23      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ dan it-trasportatur skont din id-dispożizzjoni, huwa suffiċjenti li l-inċident li kkawża l-mewt jew il-leżjoni tanġibbli ta’ passiġġier seħħ abbord l-ajruplan jew matul l-operazzjonijiet kollha ta’ imbark jew ta’ żbark. Din ir-responsabbiltà ma tistax għalhekk tiddependi minn nuqqas jew minn negliġenza min-naħa tal-imsemmi trasportatur.

24      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha, għal raġuni indeterminata, passiġġier waqa’ f’taraġ mobbli stabbilit għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan u jsofri korriment taqa’ taħt il-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż meta t-trasportatur bl-ajru kkonċernat ma jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ diliġenza u ta’ sigurtà f’dan ir-rigward.

 Ittieni mistoqsija

25      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta inċident, li kkawża dannu lil passiġġier, jikkonsisti fil-waqgħa ta’ dan, għal raġuni indeterminata, f’taraġ mobbli stabbilit għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan, il-fatt li dan il-passiġġier ma kienx qiegħed iżomm mal-poġġaman ta’ dan it-taraġ fil-mument tal-waqgħa tiegħu, jista’ jikkostitwixxi prova ta’ negliġenza, ta’ att ieħor jew ta’ ommissjoni li tikkawża dannu min-naħa tal-imsemmi passiġġier li kkawża jew ikkontribwixxa għad-dannu mġarrab minnu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, f’din il-miżura, teżenta lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat mir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-istess passiġġier.

26      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fil-każ li t-trasportatur bl-ajru juri li n-negliġenza jew att jew ommissjoni oħra li tikkawża dannu tal-persuna li titlob kumpens jew tal-persuna li għandha d-drittijiet tagħha tkun ikkawżat id-dannu jew ikkontribwixxiet għalihom, dan it-trasportatur huwa eżentat, kompletament jew parzjalment, mir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward ta’ din il-persuna, sa fejn din in-negliġenza jew dan l-att jew din l-ommissjoni ta’ ħsara oħra jkunu kkawżaw id-dannu jew ikkontribwixxew għalihom.

27      Il-prinċipju li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jistgħu jiġu eżentati mir-responsabbiltà tagħhom f’każ ta’ nuqqas tal-passiġġier ikkonċernat huwa stabbilit ukoll fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 2027/97.

28      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li t-trasportatur tal-ajru jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu jew li jiġi llimitat l-obbligu ta’ kumpens impost fuqu fir-rigward ta’ passiġġier li jkun sofra dannu li jirriżulta minn “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ din il-konvenzjoni, hija intiża sabiex tħares l-“bilanċ ekwu ta’ l-interessi” tat-trasportaturi bl-ajru u tal-passiġġieri, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 39).

29      Peress li l-Konvenzjoni ta’ Montréal u r-Regolament Nru 2027/97 ma jipprevedux dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-prova, li taqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru, ta’ negliġenza, ta’ att ieħor jew ta’ ommissjoni dannuża tal-persuna li titlob kumpens jew tal-persuna li hija għandha d-drittijiet tagħha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 ta’ din il-konvenzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għalih tirreferi b’mod partikolari l-premessa 18 tar-Regolament Nru 889/2002, tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ir-regoli jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif definiti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Vueling Airlines, C‑86/19, EU:C:2020:538, punti 38 sa 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk it-trasportatur tal-ajru kkonċernat ipproduċiex il-prova ta’ negliġenza, ta’ att jew ta’ ommissjoni ta’ dannu min-naħa tal-passiġġier ikkonċernat u, jekk ikun il-każ, li tevalwa sa fejn din in-negliġenza, dan l-att jew din l-ommissjoni kkawżatx jew ikkontribwixxietx għad-dannu subit minn dan il-passiġġier sabiex jeżenta, b’dan il-mod, lil dan it-trasportatur mir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-imsemmi passiġġier, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom seħħ dan id-dannu.

31      B’mod partikolari, il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, li l-passiġġier ikkonċernat ma kienx qiegħed iżomm mal-poġġaman tat-taraġ mobbli stabbilit għall-iżbark tal-passiġġieri jista’ ċertament jikkawża jew jikkontribwixxi għal-leżjonijiet tanġibbli subiti minn dan il-passiġġier. Madankollu, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali ma tistax tinjora l-fatt li passiġġier li jivvjaġġa ma’ wild minuri għandu wkoll jiżgura s-sigurtà tiegħu, li jista’ jwassal lil dan il-passiġġier sabiex ma jżommx ma’ tali poġġaman, jew jieqaf jagħmel dan, jew sabiex jieqaf li jagħmel dan, sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jevita li tiġi ppreġudikata s-sigurtà ta’ dan il-wild.

32      Fir-rigward tal-evalwazzjoni, bħala prova ta’ negliġenza, ta’ att ieħor jew ta’ ommissjoni li tikkawża preġudizzju lill-passiġġier ikkonċernat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, tal-fatt, invokat ukoll mill-qorti tar-rinviju, li dan il-passiġġier osserva li, eżatt qablu, il-konjuġi tiegħu naqas milli jaqa’ fit-taraġ mobbli inkwistjoni, ma għandux jiġi injorat il-fatt li l-imsemmi passiġġier isostni li l-osservazzjoni ta’ tali imminenza ta’ waqgħa waslu sabiex ikun partikolarment prudenti meta jinżel it-taraġ. Madankollu, hija din il-qorti li fuqha taqa’ li tivverifika l-importanza ta’ tali affermazzjoni fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

33      Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li l-passiġġier imweġġa’ rrinunzja milli jirċievi kura immedjatament wara li seħħ l-inċident ikkontribwixxa sabiex jaggravaw il-leżjonijiet tanġibbli mġarrba minnu. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok, f’dan il-kuntest, li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-grad ta’ gravità li dawn il-leżjonijiet jidhru li kellhom immedjatament wara li seħħ dan l-inċident kif ukoll l-informazzjoni mogħtija lil dan il-passiġġier fuq il-post mill-korp mediku dwar il-fatt li l-amministrazzjoni tal-kura medika tiġi ttardjata u l-possibbiltà li jirċievi tali kura fil-viċinanzi.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta inċident, li kkawża dannu lil passiġġier, jikkonsisti f’waqgħa tiegħu, għal raġuni mhux determinata, f’taraġ mobbli li tqiegħed għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward ta’ dan il-passiġġier biss sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom dan id-dannu seħħ, dan it-trasportatur bl-ajru jipproduċi prova, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli u bla ħsara għar-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li negliġenza, li att jew ommissjoni oħra ta’ dannu għall-imsemmi passiġġier ikkawża jew ikkontribwixxa għad-dannu mġarrab minnu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Dwar lispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit28 ta’ Mejju 1999, li kienet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid9 ta’ Diċembru 1999 u approvata għan-nom tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal5 ta’ April 2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha, għal raġuni indeterminata, passiġġier jaqgħa f’taraġ mobbli li tqiegħed għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan u jsofri korriment taqa’ taħt il-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż meta t-trasportatur bl-ajru kkonċernat ma jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ diliġenza u ta’ sigurtà f’dan ir-rigward.

2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit28 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta inċident, li kkawża dannu lil passiġġier, jikkonsisti f’waqgħa tiegħu, għal raġuni mhux determinata, f’taraġ mobbli li tqiegħed għall-iżbark tal-passiġġieri ta’ ajruplan, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward ta’ dan il-passiġġier biss sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom dan id-dannu seħħ, dan it-trasportatur bl-ajru jipproduċi prova, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li negliġenza, li att jew ommissjoni oħra ta’ dannu għall-imsemmi passiġġier ikkawża jew ikkontribwixxa għad-dannu mġarrab minnu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.