Language of document : ECLI:EU:T:2014:758

Kawża T‑461/12

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Hansestadt Lübeck

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Tariffi tal-ajruport – Ajruport ta’ Lübeck – Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE – Artikolu 107(1) TFUE – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2014

Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Regolament relattiv għat-tariffi ta’ ajruport partikolari – Regolament li japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport – Kriterju insuffiċjenti biex tiġi stabbilita s-selettività tal-imsemmi Regolament

(Artikolu 107 TFUE)

Il-karattru selettiv ta’ miżura tal-Istat jikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprojbixxi l-għajnuna, li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”, jiġifieri l-għajnuna selettiva. Għalhekk, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura tal-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbel ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

Madankollu, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li jagħmlu parti minnha.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-karattru eventwalment selettiv fir-rigward ta’ ċerti impriżi ta’ livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz speċifiku f’settur partikolari, għandha, b’mod partikolari, issir riferenza għall-impriżi kollha li jużaw, jew li jistgħu jużaw, dan l-oġġett jew servizz determinat u li jiġi eżaminat jekk humiex biss xi wħud minnhom li jibbenefikaw, jew jistgħu jibbenefikaw, minn tali vantaġġ. B’hekk, is-sitwazzjoni tal-impriżi li ma jridux, jew li ma jistgħux, jużaw l-oġġett jew is-servizz inkwistjoni ma hijiex direttament rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fi kliem ieħor, il-karattru selettiv ta’ miżura li tikkonsisti f’livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz ipprovdut minn din l-entità jista’ jiġi evalwat biss fir-rigward tal-klijenti, attwali jew potenzjali, tal-entità msemmija u tal-oġġett jew tas-servizz speċifiku inkwistjoni, u mhux fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klijenti ta’ impriżi oħra tas-settur li jipprovdu oġġetti jew servizzi simili. Qabel kollox, kieku kellu jitqies li kull livell tariffarju mhux diskriminatorju applikat minn entità pubblika b’korrispettiv għal oġġett jew għal servizz partikolari għandu karattru selettiv, dan iwassal, essenzjalment, biex jitwessa’ b’mod eċċessiv il-kunċett ta’ għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, biex eventwali vantaġġ mogħti minn entità pubblika, fil-kuntest tal-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi speċifiċi, jiffavorixxi lil ċerti impriżi, huwa neċessarju li impriżi li jużaw, jew li jixtiequ jużaw, dan l-oġġett jew servizz ma jibbenefikawx, jew ma jistgħux jibbenefikaw, mill-vantaġġ imsemmi min-naħa ta’ din l-entità f’dan il-kuntest speċifiku.

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftah il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward ta’ diversi miżuri relattivi għal ajruport partikolari, fosthom, b’mod partikolari, ir-regoli relattivi għat-tariffi ta’ dan l-ajruport, is-sempliċi fatt li r-regoli msemmija japplikaw biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport ma huwiex kriterju rilevanti biex jitqies li dan għandu karattru selettiv.

(ara l-punti 44-46, 53, 54)