Language of document : ECLI:EU:C:2019:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nazzjonalità ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf ipso jure tan-nazzjonalità tal-Istat Membru u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Konsegwenzi – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑221/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ April 2017, fil-proċedura

M. G Tjebbes

G. J. Koopman,

E. Saleh Abady,

L. Duboux

vs

Minister van Buitenlandse Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Prechal, M. Vilaras, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. G. Tjebbes, minn A. van Rosmalen,

–        għal G. J. M. Koopman u L. Duboux, minn E. Derksen, advocaat,

–        għal E. Saleh Abady, minn N. van Bremen, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. G. Tjebbes, G. J. M. Koopman, E. Saleh Abady u L. Duboux minn naħa, u l-Minister van Buitenlandse Zaken (il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, il‑“Ministru”), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar sabiex jeżamina l-applikazzjoni rispettiva tagħhom għall-kisba ta’ passaport nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija

3        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, adottata fi New York fit‑30 ta’ Awwissu 1961 u li daħlet fis-seħħ fit‑13 ta’ Diċembru 1975 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija”), hija applikabbli fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill‑11 ta’ Awwissu 1985. L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat kontraenti tipprevedi li l-fatt li individwu jitlef in-nazzjonalità tiegħu jew jiċċaħħad minnha jagħti lok għat-telf ta’ din in-nazzjonalità għall-konjuġi u t-tfal, dan it-telf isir jiddependi fuq il-pussess jew l-akkwist minn dawn tal-aħħar ta’ nazzjonalità oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 7(3) sa (6) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi li:

“3.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu, ħadd ma jista’ jitlef in-nazzjonalità tiegħu jekk minħabba dan il-fatt ikollu jispiċċa apolidu, minħabba li jkun telaq mill-pajjiż fejn ikollu n-nazzjonalità tiegħu, jirrisjedi f’pajjiż barrani, ma jirreġistrax ruħu jew għal kull raġuni analoga oħra.

4.      It-telf tan-nazzjonalità li jaffettwa individwu nnaturalizzat jista’ jkun immotivat minħabba residenza f’pajjiż barrani għal perijodu ta’ żmien, stabbilit mill-Istat kontraenti, li ma jistax ikun inqas minn seba’ snin konsekuttivi sakemm il-persuna kkonċernata ma tiddikjarax lill-awtoritajiet kompetenti l-intenzjoni tagħha li żżomm in-nazzjonalità tagħha.

5.      F’dak li għandu x’jaqsam ma’ individwi mwielda barra mit-territorju tal-Istat kontraenti li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, il-konservazzjoni ta’ dik in-nazzjonalità wara data sussegwenti ta’ sena minn meta jsiru maġġorenni tiġi ssuġġettata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat kontraenti għal kundizzjonijiet ta’ residenza f’din id-data fit-territorju ta’ dan l-Istat jew ta’ reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti.

6.      Bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti minn dan l-artikolu, individwu ma jistax jitlef in-nazzjonalità ta’ Stat kontraenti jekk minħabba dan il-fatt huwa jispiċċa apolidu, u dan, anki jekk dan it-telf ma jkunx espressament eskluż mid-dispożizzjonijiet kollha l-oħra ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità

5        Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata fis-6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità”), hija applikabbli għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill‑1 ta’ Lulju 2001. L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità jipprovdi:

“1.      Stat [k]ontraenti ma jistax jipprevedi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ipso jure jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief fil-każijiet segwenti:

[…]

(e)      nuqqas ta’ rabta effettiva bejn l-Istat [k]ontraenti u ċittadin li jirrisjedi abitwalment barra mill-pajjiż;

[…]

2.      Stat [k]ontraenti jista’ jipprevedi t-telf tan-nazzjonalità tiegħu permezz tat-tfal li l-ġenituri tagħhom jitilfu n-nazzjonalità, bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mis-subparagrafi c u d tal-paragrafu 1. Madankollu, it-tfal ma jitilfux in-nazzjonalità tagħhom jekk mill-inqas wieħed mill-ġenituri tagħhom jżomm din in-nazzjonalità.

[…]”

 Id-dritt tal-Unjoni

6        L-Artikolu 20 TFUE jipprovdi:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

(a)      id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

[…]

(c)      id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta’ l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.

8        L-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedi:

“Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.”

 Id-dritt Olandiż

9        L-Artikolu 6(1)(f) tar-Rijkswet op het Nederlanderschap (il-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-Nazzjonalità”) jipprovdi:

“1.(f)      Wara d-depożitu ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ifformulata għal dan l-effett, in-nazzjonalità Olandiża hija miksuba permezz ta’ konferma skont kif imsemmi fil-paragrafu 3, minn: il-barrani maġġorenni li, f’mument partikolari, kellu nazzjonalità Olandiża […] u għandu awtorizzazzjoni għal żmien indeterminat u jirrisjedi għal mill-inqas sena fil-Pajjiżi l-Baxxi […] sakemm ma kienx tilef in-nazzjonalità Olandiża bis-saħħa tal-Artikolu 15(1)(d) jew (f).”

10      L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Maġġorenni jitlef in-nazzjonalità Olandiża:

[…]

c.      jekk ikollu wkoll nazzjonalità barranija u kellu r-residenza prinċipali tiegħu matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin wara li kien sar maġġorenni, billi kellu ż-żewġ nazzjonalitajiet, barra mill-Pajjiżi l-Baxxi […] u t-territorji li għalihom [it-Trattat UE] huwa applikabbli […]

[…]

3.      Il-perijodu msemmi fl-ewwel paragrafu (c), għandu jitqies bħala mhux interrott jekk il-persuna kkonċernata jkollha r-residenza prinċipali tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi […] jew fit-territorji li għalihom [it-Trattat UE] huwa applikabbli għal perijodu ta’ inqas minn sena.

4.      Il-perijodu msemmi fl-ewwel paragrafu (c) huwa interrott bil-ħruġ ta’ dikjarazzjoni dwar il-pussess tan-nazzjonalità Olandiża jew ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew ta’ karta ta’ identità Olandiża, skont il-[Paspoortwet (il-Liġi dwar il-Passaporti)]. Terminu ġdid ta’ għaxar snin jibda jiddekorri minn dakinhar tal-ħruġ.”

11      L-Artikolu 16 tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità jipprovdi:

“1.      Minuri jitlef in-nazzjonalità Olandiża:

[…]

d.      jekk missieru jew ommu jitlef in-nazzjonalità Olandiża skont l-Artikolu 15(1)(b), (c) jew (d) […]

[…]

2.      It-telf tan-nazzjonalità Olandiża msemmija fl-ewwel paragrafu ma jiħux effett:

a.      jekk u sakemm wieħed mill-ġenituri jkollu fil-pussess tiegħu n-nazzjonalità Olandiża;

[…]

e.      jekk il-minuri twieled fil-pajjiż li tiegħu huwa jkun kiseb in-nazzjonalità u għandu l-post ta’ residenza prinċipali hemmhekk fil-mument tal-akkwist […]

f.      jekk il-minuri għandu jew kellu l-post ta’ residenza prinċipali tiegħu fil-pajjiż li tiegħu huwa jkun kiseb in-nazzjonalità għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin […]

[…]”

12      Bis-saħħa tal-Artikolu IV tar-Rijkswet tot wijziging Rikjkswet op het Nederlanderschap (verkrijging, verlening en verlies van het Nederlanderschap) (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża (akkwist, għoti u telf tan-nazzjonalità Olandiża)), tal‑21 ta’ Diċembru 2000, il-perijodu ta’ għaxar snin li jissemma fl-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità ma jibdiex jiddekorri qabel l‑1 ta’ April 2003.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      M. G. Tjebbes twieldet fid‑29 ta’ Awwissu 1984 f’Vancouver (il-Kanada) u għandha, sa mit-twelid tagħha, in-nazzjonalità Olandiża u Kanadiża. Fid‑9 ta’ Mejju 2003, inħarġilha passaport Olandiż. Il-validità ta’ dan il-passaport kien jiskadi fid‑9 ta’ Mejju 2008. Fil‑25 ta’ April 2014, M. G. Tjebbes ippreżentat applikazzjoni għal passaport mill-konsolat Olandiż f’Calgary (il-Kanada).

14      G. J. M. Koopman twieldet fit-23 ta’ Marzu 1967 f’Hoorn (il-Pajjiżi l-Baxxi). Fil‑21 ta’ Mejju 1985, hija stabbilixxiet ruħha fl-Isvizzera u, fis‑7 ta’ April 1988, hija żżewġet lil P. Duboux li kellu n-nazzjonalità Svizzera. Bħala konsegwenza ta’ din l-unjoni, G. J. M. Koopman kisbet ukoll in-nazzjonalità Svizzera. Hija kellha passaport Olandiż li kien inħarġilha fl‑10 ta’ Lulju 2000 u li kien validu sal‑10 ta’ Lulju 2005. Fit‑8 ta’ Settembru 2014, G. J. M. Koopman ippreżentat applikazzjoni għal passaport fl-Ambaxxata tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’Berne (l-Isvizzera).

15      E. Saleh Abady twieldet fil‑25 ta’ Marzu 1960 f’Teheran (l-Iran). Hija għandha n-nazzjonalità Iranjana inkwantu nazzjonalità ta’ twelidha. Permezz tad-Digriet Irjali tat‑3 ta’ Settembru 1999, hija kisbet ukoll nazzjonalità Olandiża. Fis‑6 ta’ Ottubru 1999, passaport Olandiż, validu sas‑6 ta’ Ottubru 2004, inħarġilha għall-aħħar darba. Fit‑3 ta’ Diċembru 2002, ir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-persuni ġiet sospiża minħabba l-emigrazzjoni tagħha. Minn dik id-data, E. Saleh Abady jidher li kellha r-residenza prinċipali tagħha mingħajr interruzzjoni fl-Iran. Fid‑29 ta’ Ottubru 2014, hija ppreżentat applikazzjoni għal passaport fl-Ambaxxata tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’Teheran (l-Iran).

16      L. Duboux twieldet fit‑13 ta’ April 1995 f’Lausanne (l-Isvizzera). Hija kisbet in-nazzjonalità Olandiża sa mit-twelid tagħha, minħabba n-nazzjonalità doppja ta’ ommha, G. J. M. Koopman kif ukoll in-nazzjonalità Svizzera minħabba n-nazzjonalità Svizzera ta’ missierha, P. Duboux. Ebda passaport Olandiż ma qatt inħareġ lil L. Duboux. Madankollu, hija ġiet irreġistrata bħala minuri, fuq il-passaport ta’ ommha, li nħareġ fl‑10 ta’ Lulju 2000 u kien validu sal‑10 ta’ Lulju 2005. Fit‑13 ta’ April 2013, L. Duboux saret maġġorenni. Fit‑8 ta’ Settembru 2014, hija, flimkien ma’ ommha, ippreżentat applikazzjoni għal passaport fl-Ambaxxata tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’Berne (l-Isvizzera).

17      Permezz ta’ erba’ deċiżjonijiet mogħtija, rispettivament fit‑2 ta’ Mejju u fis‑16 ta’ Settembru 2014 kif ukoll fl‑20 ta’ Jannar u fit‑23 ta’ Frar 2015, il-Ministru rrifjuta li jeżamina l-applikazzjonijiet għal passaport ippreżentati minn M. G. Tjebbes G. J. M. Koopman, E. Saleh Abady u L. Duboux. Il-Ministru, fil-fatt, ikkonstata li dawn il-persuni kienu tilfu ipso jure n-nazzjonalità Olandiża, bis-saħħa tal-Artikolu 15(1)(c) jew l-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità.

18      Peress li l-ilmenti mressqa kontra dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda mill-Ministru, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw erba’ rikorsi separati quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenzi, rispettivament, tal‑24 ta’ April, tas‑16 ta’ Lulju u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddikjarat bħala infondati r-rikorsi ppreżentati minn M. G. Tjebbes G. J. M. Koopman, E. Saleh Abady. Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, din il-qorti, min-naħa l-oħra, iddikjarat fondat ir-rikors ippreżentat minn L. Duboux u annullat id-deċiżjoni tal-Ministru mogħtija fuq l-ilment tagħha filwaqt li żammet l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni.

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell b’mod separat kontra dawn is-sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).

20      Din il-qorti tindika li hija adita bil-kwistjoni dwar jekk it-telf ipso jure tad-dritt tan-nazzjonalità Olandiża huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari mal-Artikoli 20 u 21 TFUE, moqrija fid-dawl tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104). F’dan ir-rigward, hija tqis li dawn l-artikoli huma applikabbli fil-kawża prinċipali, anki jekk, f’din il-kawża, it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jirriżulta mit-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u mhux ta’ deċiżjoni individwali espliċita li għandha bħala effett li tirtira n-nazzjonalità, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

21      Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk huwiex possibbli li tiġi eżaminata l-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 55 tas-sentenza msemmija fil-punt preċedenti, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u, jekk ikun il-każ, kif dan l-eżami għandu jitwettaq. Għalkemm l-eżami tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Olandiża dwar is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jeħtieġ eżami ta’ kull każ individwali, din il-qorti ma teskludix madankollu, kif il-Ministru sostna, li tali eżami ta’ proporzjonalità tista’ tkun inerenti għas-sistema legali ġenerali, jiġifieri, f’dan il-każ, dik prevista mil-Liġi dwar in-Nazzjonalità.

22      Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iqis, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuni maġġorenni, li jeżistu argumenti konvinċenti favur il-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ kompatibbiltà mal-Artikoli 20 u 21 TFUE tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità. Din il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni tipprevedi perijodu sostanzjali ta’ għaxar snin ta’ residenza barra mill-pajjiż qabel ma tintilef in-nazzjonalità Olandiża, liema fatt jippermetti li wieħed jippreżumi li l-persuni interessati ma għad għandhom ebda rabta jew għandhom biss rabta limitata ħafna mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u, għaldaqstant, mal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, in-nazzjonalità Olandiża tkun tista’ tinżamm b’mod relattivament sempliċi, fid-dawl tal-fatt li dan il-perijodu ta’ għaxar snin jiġi interrott meta l-persuna kkonċernata, matul dan il-perijodu u għal mill-inqas sena mhux interrotta, tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Unjoni Ewropea jew tikseb dikjarazzjoni relatata mal-pussess tan-nazzjonalità Olandiża, dokument tal-ivvjaġġar jew karta ta’ identità Olandiża, fis-sens tal-Liġi dwar il-Passaporti. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li kull persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn “għażla”, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, għandha d-dritt li takkwista permezz ta’ konferma n-nazzjonalità Olandiża li kellha qabel.

23      Barra minn hekk, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jesprimi l-opinjoni provviżorja li l-leġiżlatur Olandiż ma aġixxiex b’mod arbitrarju meta adotta l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità u għaldaqstant ma kisirx l-Artikolu 7 tal-Karta, relatat mar-rispett tal-ħajja privata u familjari.

24      Madankollu, skont l-opinjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), sa fejn ma huwiex eskluż li l-eżami tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Olandiża dwar is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati jeħtieġ eżami ta’ kull każ individwali, ma hemm ebda garanzija li sistema legali ġenerali, bħal dik prevista mil-Liġi dwar in-Nazzjonalità, hija konformi mal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

25      F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-minuri, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità jirrifletti l-importanza mogħtija mil-leġiżlatur nazzjonali għall-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk huwiex proporzjonat li jiġi rtirat minn minuri l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-drittijiet assoċjati miegħu, biss sabiex tinżamm l-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja u sa fejn l-interess superjuri tat-tifel, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandu jkollu rwol f’dan ir-rigward. Hija tirrileva li l-wild minuri ftit għandu influwenza fuq iż-żamma tan-nazzjonalità Olandiża tiegħu u li l-possibbiltajiet ta’ interruzzjoni ta’ ċerti termini jew il-ksib, pereżempju, ta’ dikjarazzjoni dwar il-pussess tan-nazzjonalità Olandiża ma jikkostitwixxux raġunijiet ta’ eċċezzjoni għall-minuri. Għalhekk, il-konformità tal-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġietx stabbilita b’mod ċar.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-[Karta], fis-sens li minħabba l-assenza ta’ eżami individwali fil-kuntest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi li t-telf tan-nazzjonalità jġib miegħu fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, huma jipprekludu dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skonthom:

a)      persuna maġġuri, li għandha wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat terz, titlef ipso jure n-nazzjonalità tal-Istat Membru tagħha u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, minħabba li matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin hija kellha r-residenza prinċipali tagħha f’pajjiż barrani u barra mill-[Unjoni], filwaqt li jeżistu possibbiltajiet sabiex dan it-terminu ta’ għaxar snin jiġi interrott,

b)      persuna minuri titlef ipso jure, taħt ċerti ċirkustanzi, in-nazzjonalità tal-Istat Membru tagħha u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħala konsegwenza tat-telf tan-nazzjonalità mill-ġenitur tagħha, kif jidher fl-ipoteżi msemmija […] fil-punt (a)?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li jirriżulta, fir-rigward tal-persuni li ma għandhomx ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, fit-telf tal-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, mingħajr ma jkun sar eżami individwali, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-konsegwenzi ta’ dan it-telf fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

28      Qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ġewwa l-Unjoni, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE.

29      Wara din il-kjarifika, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi dwar in-Nazzjonalità tipprovdi, fl-Artikolu 15(1)(c) tagħha, li maġġorenni jitlef in-nazzjonalità Olandiża jekk ikollu wkoll nazzjonalità barranija u jekk kellu r-residenza prinċipali tiegħu matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin wara li kien sar maġġorenni, billi kellu ż-żewġ nazzjonalitajiet, barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u t-territorji li għalihom japplika t-Trattat UE. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1)(d) tal-istess liġi jipprevedi li minuri jitlef, bħala prinċipju, in-nazzjonalità Olandiża jekk missieru jew ommu jitlef n-nazzjonalità Olandiża fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15(1)(c) tal-liġi msemmija.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja li d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf tan-nazzjonalità taqa’, skont id-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, il-fatt li kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ma jipprekludix madankollu li, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 39 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita, li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss u li, minħabba t-telf ta’ din in-nazzjonalità, jaffaċċjaw it-telf tal-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE kif ukoll tad-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha stess, taħt id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tan-nazzjonalità, josservaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 42 u 45).

33      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu li Stat Membru jkun irid jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010 Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 51).

34      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, il-leġiżlatur Olandiż ried jintroduċi sistema intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġu esklużi l-effetti avversi tal-pussess, mill-istess persuna, ta’ nazzjonalitajiet multipli. Il-Gvern Olandiż jispeċifika, barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet li ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fost l-għanijiet tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità hemm dak li jipprevjeni li persuni jiksbu jew iżommu n-nazzjonalità Olandiża filwaqt li ma jkollhomx jew ma jkollhomx iktar rabta mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-għan tal-Artikolu 16(1)(d) ta’ din il-liġi huwa, min-naħa tiegħu, li jistabbilixxi mill-ġdid l-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja.

35      Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li jippermettilu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf tan-nazzjonalità, huwa leġittimu li Stat Membru jqis li n-nazzjonalità tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu, u li jorbot konsegwentement l-assenza jew it-tmiem ta’ tali rabta effettiva mat-telf tan-nazzjonalità tiegħu. Huwa wkoll leġittimu li Stat Membru jkun jixtieq jipproteġi l-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan l-istess familja.

36      F’dan ir-rigward, kriterju, bħal dak previst fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, ibbażat fuq ir-residenza abitwali taċ-ċittadini tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra minn dan l-Istat Membru u t-territorji li għalihom japplika t-Trattat UE jista’ jitqies li jirrifletti n-nuqqas ta’ tali rabta effettiva. Bl-istess mod, jista’ jiġi kkunsidrat, hekk kif jindika l-Gvern Olandiż fir-rigward tal-Artikolu 16(1)(d) ta’ din il-liġi, li l-assenza ta’ rabta effettiva bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jimplika, bħala prinċipju, l-assenza ta’ din ir-rabta bejn dan il-wild u dan l-Istat Membru.

37      Il-leġittimità, bħala prinċipju, tat-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru f’sitwazzjonijiet bħal dawn hija, barra minn hekk, ikkorroborata bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(3) sa (6) tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, li jipprevedu, f’sitwazzjonijiet simili, li individwu jista’ jitlef in-nazzjonalità ta’ Stat kontraenti, sakemm dan ma jsirx persuna mingħajr stat. Dan ir-riskju ta’ apolidija, f’dan il-każ, huwa eskluż permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-applikazzjoni tagħhom hija suġġetta għall-pussess, mill-persuna kkonċernata, minbarra tan-nazzjonalità Olandiża, ta’ dik ta’ Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1)(e) u (2) tal-Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità jistabbilixxi li Stat parti jista’ jipprevedi t-telf tan-nazzjonalità tiegħu, b’mod partikolari, fil-każ ta’ maġġorenni, fejn kwalunkwe rabta effettiva tkun assenti bejn dak l-Istat u ċittadin li jirrisjedi abitwalment barra mill-pajjiż u, fil-każ ta’ minuri, fir-rigward tal-wild li l-ġenituri tiegħu jitilfu n-nazzjonalità ta’ dak l-Istat.

38      Din il-leġittimità hija msaħħa wkoll mill-fatt li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, meta l-persuna kkonċernata titlob, fil-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 15(1)(c), tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni dwar il-pussess tan-nazzjonalità Olandiża, ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew karta tal-identità Olandiża, fis-sens tal-Liġi dwar il-Passaporti, il-leġiżlatur Olandiż iqis li din il-persuna beħsiebha żżomm rabta effettiva mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, hekk kif jindika l-fatt li, skont l-Artikolu 15(4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, il-ħruġ ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti jinterrompi l-imsemmi perijodu u jeskludi, konsegwentement, it-telf tan-nazzjonalità Olandiża.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità u fl-Artikolu 16(1)(d) ta’ din il-liġi, Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf tan-nazzjonalità tiegħu, anki jekk dan it-telf iwassal, għall-persuna kkonċernata, għal dak tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni.

40      Madankollu, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-qrati nazzjonali li jivverifikaw jekk it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, meta jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-drittijiet li jirriżultaw minnu, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi li jkollu fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, tal-membri tal-familja tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 55 u 56).

41      It-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li kieku r-regoli nazzjonali rilevanti ma kienu jippermettu, f’ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li jinvolvi dan it-telf għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

42      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jintervjeni ipso jure u jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, li jirkupraw ex tunc in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, fl-okkażjoni tal-applikazzjoni, minnha, għal dokument tal-ivvjaġġar jew prova oħra tan-nazzjonalità tagħha.

43      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika, essenzjalment, li kemm il-Ministru kif ukoll il-qrati kompetenti għandhom, skont id-dritt nazzjonali, jeżaminaw il-possibbiltà li tinżamm in-nazzjonalità Olandiża fil-kuntest tal-proċedura dwar applikazzjonijiet ta’ tiġdid ta’ passaporti, billi twettaq evalwazzjoni kompleta fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

44      Dan l-eżami jeħtieġ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll dik tal-familja tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, meta din tkun tinvolvi dik tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikollux konsegwenzi li jaffettwaw b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Tali konsegwenzi jistgħu jkunu ipotetiċi jew potenzjali.

45      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ta’ proporzjonalità, huma, b’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li tali telf ta’ nazzjonalità jkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, fejn dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 70).

46      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata, li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali għandhom iwettqu f’dan il-każ, wieħed għandu jsemmi, b’mod partikolari, il-fatt li, wara t-telf ipso jure tan-nazzjonalità Olandiża u tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-persuna kkonċernata tkun esposta għal limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi, jekk ikun il-każ, diffikultajiet partikolari sabiex tkompli tmur fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk iżżomm rabtiet effettivi u regolari ma’ membri tal-familja tagħha, li teżerċita l-attività professjonali tagħha jew li tieħu l-passi meħtieġa sabiex teżerċita tali attività hemmhekk. Huma wkoll rilevanti, minn naħa, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma setgħetx tirrinunzja għan-nazzjonalità ta’ Stat terz u li, minħabba dan il-fatt, taqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità u, min-naħa l-oħra, ir-riskju serju ta’ deterjorament sostanzjali tas-sigurtà jew tal-libertà tagħha li tmur u tiġi li għalih tkun esposta l-persuna kkonċernata minħabba l-impossibbiltà li tibbenefika, fit-territorju tal-Istat terz li fih din il-persuna tirrisjedi, mill-protezzjoni konsulari skont l-Artikolu 20(2)(c) TFUE.

47      Fil-każ ta’ minuri, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti għandhom, barra minn hekk, jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami individwali tagħhom, l-eżistenza eventwali ta’ ċirkustanzi li minnhom jirriżulta li t-telf, mill-minuri kkonċernat, tan-nazzjonalità Olandiża tiegħu, li hija marbuta mil-leġiżlatur nazzjonali mat-telf tan-nazzjonalità Olandiża ta’ wieħed mill-ġenituri tiegħu għall-finijiet taż-żamma tal-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja, ma tikkorrispondix, minħabba l-konsegwenzi ta’ tali telf għal dan il-minuri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, għall-aħjar interess tat-tfal, kif stabbilita fl-Artikolu 24 tal-Karta.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li jwassal, fir-rigward tal-persuni li ma jkollhomx ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf tal-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta magħhom, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ nazzjonalità u, possibbilment, li jirkupraw ex tunc in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, fl-okkażjoni tal-applikazzjoni, minn dawn tal-aħħar, għal dokument tal-ivvjaġġar jew prova oħra tan-nazzjonalità tagħhom. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, dawn l-awtoritajiet u qrati għandhom jivverifikaw jekk it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, li jġib miegħu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi tiegħu fuq is-sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq dik tal-membri tal-familja tiegħu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda magħmula, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tal-Gvern Olandiż, esposta waqt is-seduta, intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza li tingħata f’każ li hija tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Olandiża mal-Artikolu 20 TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li jwassal, fir-rigward tal-persuni li ma jkollhomx ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf tal-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea u tad-drittijiet marbuta magħhom, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ nazzjonalità u, possibbilment, li jirkupraw ex tunc in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, fl-okkażjoni tal-applikazzjoni, minn dawn tal-aħħar, għal dokument tal-ivvjaġġar jew prova oħra tan-nazzjonalità tagħhom. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, dawn l-awtoritajiet u qrati għandhom jivverifikaw jekk it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, li jġib miegħu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi tiegħu fuq is-sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq dik tal-membri tal-familja tiegħu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.


Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.