Language of document : ECLI:EU:C:2019:189

Kawża C-221/17

M. G. Tjebbes et

vs

Minister van Buitenlandse Zaken

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Marzu 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nazzjonalità ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf ipso jure tan-nazzjonalità tal-Istat Membru u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Konsegwenzi – Proporzjonalità”

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ċittadin tal-Unjoni li għandu biss in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss u li tilef din in-nazzjonalità ipso jure – Inklużjoni

(Artikolu 20 TFUE)

(ara l-punt 32)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Nazzjonalità ta’ Stat Membru – Telf ipso jure ta’ din in-nazzjonalità minħabba l-assenza ta’ rabta effettiva ma’ dan l-Istat Membru – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, li jeżaminaw l-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ nazzjonalità u li tiġi rkuprata ex tunc mill-persuni kkonċernati – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikolu 20 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 24)

(ara l-punti 35, 39, 40, 42, 44-48 u d-dispożittiv)

Sunt

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix it-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u, konsegwentement, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fil-każ ta’ interruzzjoni fit-tul tar-rabta effettiva bejn il-persuna kkonċernata u dan l-Istat Membru

Fit‑12 ta’ Marzu 2019, fis-sentenza Tjebbes et (C‑221/17), il-Qorti tal-Ġustizzja, milqugħa fl-Awla Manja, eżaminat il-kwistjoni dwar jekk it-telf ipso iure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li jwassal għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-kawża prinċipali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Olandiż kien irrifjuta li jeżamina l-applikazzjonijiet għal passaport ta’ ċittadini Olandiżi li għandhom nazzjonalità oħra ta’ Stat terz, minħabba li dawn il-persuni, li fosthom persuna minuri, kienu tilfu ipso jure n-nazzjonalità Olandiża tagħhom. Ir-rifjut tal-Ministru Olandiż kien ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni dwar in-Nazzjonalità Olandiża, li bis-saħħa tagħha maġġorenni jitlef din in-nazzjonalità jekk huwa jkollu wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat ieħor u jekk kellu r-residenza prinċipali tiegħu għal perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra mill-Unjoni. Barra minn hekk, skont din l-istess leġiżlazzjoni, minuri jitlef, bħala prinċipju, in-nazzjonalità Olandiża tiegħu jekk missieru jew ommu titlef din in-nazzjonalità minħabba l-assenza ta’ residenza tagħha fi ħdan l-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf tan-nazzjonalità tiegħu, anki jekk dan it-telf iwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa leġittimu għal Stat Membru li jikkunsidra li n-nazzjonalità tirrifletti l-manifestazzjoni ta’ rabta effettiva bejnu u ċ-ċittadini tiegħu, u li konsegwentement jorbot mal-assenza jew mal-waqfien ta’ tali rabta effettiva t-telf tan-nazzjonalità tiegħu. Bl-istess mod huwa leġittimu li Stat Membru jkun irid jipproteġi l-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan l-istess familja billi jipprovdi li minuri jitlef in-nazzjonalità tiegħu meta wieħed mill-ġenituri tiegħu jitlef tiegħu.

Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni tkun kompatibbli mal-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija għandha tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż, jekk ikun il-każ, lill-qrati nazzjonali, li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi tat-telf ipso jure tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat u, eventwalment, li jirkupraw ex tunc in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, fl-okkażjoni tat-talba, mingħandhom, ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew ta’ kull dokument ieħor li juri n-nazzjonalità tagħhom.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw jekk dan it-telf ta’ nazzjonalità, li jinkludi dak tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi li din tinvolvi fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, tal-membri tal-familja tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Tali eżami jeħtieġ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll dik tal-familja tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk it-telf ta’ nazzjonalità għandux konsegwenzi li jaffettwaw b’mod sproporzjonat, fir-rigward tal-għan tal-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja tal-familja u professjonali tiegħu, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata, li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li, wara t-telf ipso jure tan-nazzjonalità tagħha u tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-persuna kkonċernata tkun esposta għal limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju ta’ Stati Membri, inklużi, jekk ikun il-każ, diffikultajiet partikolari sabiex tkompli tmur fi Stat Membru jew ieħor sabiex hemmhekk iżżomm rabtiet effettivi u regolari ma’ membri tal-familja tagħha, li teżerċita l-attività professjonali tagħha hemmhekk jew li tieħu l-passi meħtieġa sabiex teżerċita tali attività hemmhekk. Huma wkoll rilevanti, minn naħa, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma kinitx tista’ tirrinunzja għan-nazzjonalità ta’ Stat terz u, min-naħa l-oħra, ir-riskju serju ta’ deterjorament sostanzjali tas-sigurtà jew tal-libertà tagħha li tmur u tiġi li għalih tkun esposta l-persuna kkonċernata minħabba l-impossibbiltà li tibbenefika, fit-territorju tal-Istat terz li fih din il-persuna tirrisjedi, mill-protezzjoni konsulari skont l-Artikolu 20(2)(c) TFUE.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ persuni minuri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom dmir li jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza eventwali ta’ ċirkustanzi li minnhom jirriżulta li t-telf, mill-minuri kkonċernat, tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat ma jikkorrispondix, minħabba l-konsegwenzi ta’ tali telf għal dan il-minuri fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, għall-interess superjuri tal-wild, kif stabbilit fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.