Language of document : ECLI:EU:T:2014:1060

Kawża T‑251/11

Ir-Repubblika tal-Awstrija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Għajnuna għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija — Liġi Awstrijaka dwar l-elettriku aħdar — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Riżorsi tal-Istat — Imputabbiltà lill-Istat — Natura selettiva — Regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa — Eċċess ta’ poter — Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat — Mekkaniżmu ta’ xiri obbligatorju tal-elettriku aħdar bi prezz ogħla minn dak tas-suq, intiż għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ dan l-elettriku — Mekkaniżmu amministrat minn kumpannija b’responsabbiltà limitata bis-saħħa ta’ konċessjoni Statali — Finanzjament sostnut mill-konsumaturi finali — Kontribuzzjonijiet tal-konsumaturi finali assimilabbli għal taxxa parafiskali — Miżura li tipprevedi eżenzjoni parzjali favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija — Miżura li timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat

(Artikolu 107(1), TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat — Mekkaniżmu ta’ għajnuna stabbilit bil-liġi — Inklużjoni

(Artikolu 107(1), TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw għal eventwali żvantaġġi kompetittivi li jaffettwaw l-impriżi nazzjonali li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li jikkonsmaw l-elettriku — Inklużjoni

(Artikolu 107(1), TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali ġenerali — Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema — Oneru tal-prova

(Artikolu 107(1), TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti — Esklużjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 107(1), TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern — Għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent — Kamp ta’ applikazzjoni — Mekkaniżmu ta’ xiri obbligatorju tal-elettriku aħdar bi prezz ogħla minn dak tas-suq — Finanzjament sostnut mill-konsumaturi finali taħt il-forma ta’ taxxa assimilabbli għal taxxa parafiskali — Miżura li tipprevedi eżenzjoni parzjali favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija — Inklużjoni

(Artikolu 107(3), TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 82/01, paragrafi 58, 59, 70 u 151)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern — Għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent — Għajnuna taħt il-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet ta’ taxxi ambjentali — Tnaqqis ta’ taxxi ambjentali li jaqgħu taħt il-fiskalità mhux armonizzata — Eżami mill-Kummissjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-għajnuna u tal-effetti tagħha — Rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern — Obbligi probatorji tal-Istat Membru

(Artikolu 107(3), TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 82/01, paragrafi 151 sa 159)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Kategoriji ta’ għajnuna, iddefiniti b’mod leġiżlattiv, li jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern — Regolament Nru 800/2008 — Eżenzjoni prevista għall-għajnuna taħt il-forma ta’ tnaqqis ta’ taxxi ambjentali — Kriterji għall-applikazzjoni — Taxxi armonizzati fuq il-livell Ewropew

(Artikolu 107(3), TFUE ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 800/2008, Artikolu 25)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26-31)

2.      Fir-rigward tal-eżami, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ miżura nazzjonali intiża sabiex tinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-elettriku aħdar billi tiggarantixxi, minn naħa, lil kull produttur tal-elettriku aħdar ix-xiri tal-kwantità totali ta’ dan l-elettriku bi prezz fiss ogħla mill-prezz tal-elettriku fis-suq, filwaqt li tipprevedi, min-naħa l-oħra, trasferiment tal-ispejjeż inkorsi b’dan il-mod mid-distributuri tal-elettriku lill-konsumaturi tal-elettriku permezz ta’ prezz obbligatorju marbut max-xiri tal-elettriku aħdar, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-vantaġġ previst favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li għandhom dritt, fuq talba tagħhom, li tingħatalhom eżenzjoni mill-obbligu ta’ xiri ta’ enerġija ħadra permezz tal-pagament ta’ ammont kumpensatorju, kien jimplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, anki jekk dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna jkun ġestit minn ċentru ta’ ħlas tal-elettriku aħdar, li l-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tiegħu kienet is-suġġett ta’ konċessjoni mogħtija lil kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat miżmuma 50.4 % minn azzjonisti taħt il-kontroll privat.

Fil-fatt, l-imsemmija kumpannija b’responsabbiltà limitata hija inkarigata li tamministra s-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu. Is-sistema prevista minn din il-liġi tista’ tiġi ddefinita fis-sens li tikkostitwixxi konċessjoni Statali, peress li l-fondi inkwistjoni jitħallsu esklużivament għal finijiet ta’ interess pubbliku, iddefiniti mil-leġiżlatur nazzjonali. Barra minn hekk, is-suppliment ta’ prezz obbligatorju marbut max-xiri tal-elettriku aħdar huwa assimilabbli għal taxxa, parafiskali, fuq l-elettriku, li hija stabbilita minn awtorità pubblika, u dan għal finijiet ta’ interess pubbliku u skont kriterju oġġettiv. Għaldaqstant, l-ammonti inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala fondi li għandhom bħala oriġini riżorsi tal-Istat, assimilabbli għal taxxa parafiskali.

Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-korp inkarigat li jamministra s-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu jieħu l-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat, l-azzjoni ta’ dan il-korp, fil-kuntest tal-konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet imposti fuq iċ-ċentru tal-ħlas tal-elettriku aħdar, ma hijiex, madankollu, dik ta’ entità ekonomika li taġixxi liberament fis-suq sabiex tikseb qligħ, iżda azzjoni delimitata mil-leġiżlatur nazzjonali li llimitaha fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-konċessjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ kontroll strett tal-konkordanza tal-azzjonijiet tal-imsemmi korp mal-kuntest leġiżlattiv previst, imwettaq minn diversi awtoritajiet Statali fuq bosta livelli, tikkorrobora l-konklużjoni li l-imsemmi korp ma jaġixxix f’ismu stess u liberament, iżda fil-fatt inkwantu amministratur, li jeżegwixxi konċessjoni, ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi Statali.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tafferma li l-vantaġġ previst favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija jixbah, f’dan il-każ, oneru supplimentari għall-Istat, sa fejn kull tnaqqis tal-ammont tat-taxxa, li huma responsabbli għall-ħlas tagħha, jista’ jitqies li jwassal għal telf fid-dħul tal-Istat.

(ara l-punti 67, 68, 70, 72, 75, 76, 83)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 85-87)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 94, 111-116)

5.      Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li jagħmlu parti minnha. Min-naħa l-oħra, eżenzjonijiet fiskali li jirriżultaw minn għan barrani għas-sistema ta’ tassazzjoni li huma jagħmlu parti minnha ma jistgħux jevitaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE.

Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti permezz ta’ miżura fiskali, id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha importanza ikbar għaliex l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss bi tqabbil ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” tippreżumi, qabel kollox, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa bi tqabbil ma’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li mbagħad għandha tiġi evalwata u stabbilita n-natura eventwalment selettiva tal-vantaġġ mogħti permezz tal-miżura fiskali inkwistjoni, u dan billi jintwera li din il-miżura tidderoga mis-sistema komuni msemmija, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan assenjat lis-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

Huwa, f’dan il-kuntest, l-Istat Membru li jkun introduċa differenzazzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-oneri li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema inkwistjoni.

(ara l-punti 96, 97, 117)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 123-130)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 155-165)

8.      Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt il-forma ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali, mill-paragrafi 152 et seq tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent jirriżulta li dawn tal-aħħar jipprevedu żewġ tipi ta’ eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis ta’ taxxi ambjentali, b’mod partikolari skont jekk humiex armonizzati jew le t-taxxi inkwistjoni u skont ir-rispett tal-livell minimu Komunitarju ta’ tassazzjoni.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-għajnuna taħt il-forma ta’ tnaqqis ta’ taxxi ambjentali li jaqgħu taħt il-fiskalità mhux armonizzata, mill-paragrafi 154 sa 159 tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni, fl-eżami tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-imsemmija għajnuna, tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri tal-Unjoni sabiex tevalwa s-sistemi fiskali inkwistjoni, sabiex tanalizza, b’mod partikolari, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-effetti tagħha fuq il-livell tas-setturi ekonomiċi kkonċernati.

Meta l-Kummissjoni tikkonkludi, fid-dawl tal-elementi li jkollha fid-dispożizzjoni tagħha, li l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ tnaqqis ta’ taxxi ambjentali hija inkompatibbli mas-suq intern, huwa l-Istat Membru li għandu jipprova li l-imsemmija għajnuna kellha tiġi eżentata. Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-fatti li huwa ta’ natura tali li jiġġustifika l annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il provi miġjuba mill-Istat Membru għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati fl-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 167, 178-180)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 200-203)