Language of document : ECLI:EU:C:2019:12

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

10 ta’ Jannar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) u (ċ) – Artikolu 14(1) – Artikolu 24(1) – Tranżazzjonijiet bi ħlas – Tranżazzjonijiet fil-każ ta’ korrispettiv ikkostitwit parzjalment minn servizzi jew minn oġġetti – Kuntratt ta’ twaqqigħ – Kuntratt ta’ xiri għal żarmar”

Fil-Kawża C‑410/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura mibdija minn

A Oy,

fil-preżenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A Oy, minn M. Kallio u H. Huhtala,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ), tal-Artikolu 14(1), kif ukoll tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A Oy dwar l-ipproċessar, għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), tat-tranżazzjonijiet imwettqa skont, minn naħa, kuntratt ta’ twaqqigħ, li jistipula l-obbligu ta’ tneħħija tal-iskart ta’ twaqqigħ mill-fornitur, skart li, sa fejn dan jinkludi l-metall, jista’, bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, jinbiegħ mill-ġdid minn dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ xiri ta’ oġġetti għal żarmar, li jinkludi l-obbligu ta’ twaqqigħ jew ta’ żarmar (iktar ’il quddiem, flimkien, iż-“żarmar”) u ta’ tneħħija ta’ dawn l-oġġetti, kif ukoll it-tneħħija tal-iskart li jirriżulta minn dan, mix-xerrej.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija [oġġetti] magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“‘Provvista ta’ merkanzija [oġġetti]’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

5        L-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija [oġġetti].”

6        Skont l-Artikolu 73 tal-istess direttiva:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

7        L-Artikolu 199(1)(a) u (d) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti li ġejjin:

(a)      il-forniment ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni, inklużi servizzi ta’ tiswijiet, tindif, manutenzjoni, alterazzjoni u demolizzjoni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli, kif ukoll il-kunsinna ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni meqjusa bħala forniment ta’ merkanzija skond l-Artikolu 14(3);

[…]

(d)      il-forniment ta’ materjal użat, materjal użat li ma jkunx jista’ jerġa’ jintuża fl-istess stat, ruttam, skart industrijali u mhux industrijali, skart riċiklabbli, skart semi-proċessat u ċerti prodotti u servizzi, kif elenkati fl-Anness VI”.

8        Il-punti 1 u 4 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista ta’ fornimenti ta’ merkanzija [oġġetti] u servizzi kif imsemmi fil-punt (d) ta’ l-Artikolu 199(1)”, huma fformulati kif ġej:

“(1)      Il-forniment ta’ skart li fih il-ħadid u ta’ dak li ma fihx ħadid, ruttam, u materjali użati inklużi dawk ta’ prodotti semi-kompluti li jirriżultaw mill-ipproċessar, mill-manifattura jew mit-tidwib ta’ metalli ferrużi u mhux ferrużi u l-ligi tagħhom;

[…]

(4)      il-forniment ta’, u ċerti servizzi ta’ proċessar relatati ma’, skart ferruż u mhux ferruż, kif ukoll bċejjeċ tat-taqtigħ, ruttam, skart u materjal użat u riċiklabbli li jkun magħmul minn ħġieġ imkisser, ħġieġ, karti, kartun u bord, ċraret, għadam, ġilda, ġilda artifiċjali, parċmina, ġilda mhux maħduma u ġilda, tendini u nervituri, spag, ċwiemi, ħbula, cables, lastiku u plastik”.

 Id-dritt Finlandiż

9        L-arvonlisäverolaki (1501/1993) (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (1501/1993)), tat-30 ta’ Diċembru 1993, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AVL”), li ttrasponiet fid-dritt Finlandiż id-Direttiva 2006/112, jipprovdi, fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu:

“Il-VAT għandha titħallas lill-Istat skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi:

għall-bejgħ ta’ oġġett jew għal servizz imwettaq fil-Finlandja fil-kuntest ta’ attività kummerċjali”.

10      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-AVL, il-persuna li għandha tħallas il-VAT, jiġifieri l-persuna taxxabbli, għal bejgħ fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi hija l-persuna li tbigħ l-oġġett jew il-fornitur tas-servizz, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tal-AVL.

11      Dan l-aħħar artikolu jipprevedi li l-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni jkun applikabbli għax-xerrejja tal-metall u tal-iskart, sakemm ikun professjonist irreġistrat fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT.

12      Skont l-Artikolu 17 tal-AVL, “oġġett” ifisser oġġett tanġibbli, bħall-elettriku, il-gass, l-enerġija għas-sħana, l-enerġija għat-tkessiħ kif ukoll kull prodott tal-enerġija komparabbli. “Servizz” ifisser dak kollu li ma huwiex oġġett li jista’ jinbiegħ fil-kuntest ta’ attività ekonomika.

13      Skont l-Artikolu 18 tal-AVL, “bejgħ ta’ oġġett” ifisser it-trasferiment, bi ħlas, tad-dritt għall-proprjetà ta’ oġġett u “bejgħ ta’ servizz”, ifisser il-provvista ta’ servizz jew kwalunkwe servizz ieħor bi ħlas.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      A hija kumpannija speċjalizzata fis-servizzi ambjentali fis-settur tal-industrija u tal-kostruzzjoni. Hija taħdem għal diversi setturi industrijali, fil-proprjetà immobbli u fil-kostruzzjoni u tipprovdi servizzi ambjentali fil-Finlandja u fl-Isvezja. L-oqsma ta’ attività tagħha jinkludu s-servizzi industrijali u tal-proprjetà immobbli, is-servizzi ta’ twaqqigħ u s-servizzi tar-riċiklaġġ u tal-ipproċessar tal-iskart.

15      Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, A tipprovdi, permezz ta’ kuntratt ta’ twaqqigħ (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ twaqqigħ”), xogħlijiet ta’ twaqqigħ lill-klijenti tagħha. Il-kundizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt huma bbażati fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali stabbiliti mill-impriżi kollha fis-settur tal-kostruzzjoni għas-servizzi ta’ kostruzzjoni. Skont dan it-tip ta’ kuntratt, din il-kumpannija tobbliga ruħha sabiex twaqqa’ l-bini ta’ fabbrika antika tal-klijent tagħha u twettaq il-funzjonijiet ta’ impriża prinċipali u ta’ impriża responsabbli għas-servizzi tas-sit ta’ kostruzzjoni u għad-direzzjoni tax-xogħlijiet. Skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali għas-servizzi ta’ kostruzzjoni, l-obbligi ta’ A għandhom jinkludu wkoll it-tneħħija u l-ipproċessar xieraq tal-materjal għat-tneħħija u tal-iskart.

16      Parti mill-materjal u mill-iskart tikkostitwixxi metall u skart bħal dak imsemmi fl-Artikolu 8d tal-AVL, li fil-mument tal-bejgħ tiegħu l-obbligu fiskali jaqa’ fuq ix-xerrej. Dawn huma parzjalment oġġetti li A tista’ tbigħ mill-ġdid lil impriżi li jixtru l-metall riċiklabbli. Hija tipprova tevalwa minn qabel il-kwantità ta’ dawn l-oġġetti u l-prezz li bih tista’ tbigħhom mill-ġdid u hija tieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-prezz fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ offerta għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, sabiex il-prezz propost lill-klijent għal dawn ix-xogħlijiet ikun l-iktar kompetittiv possibbli. Il-prezz stmat tal-imsemmija oġġetti ma jiġix madankollu diskuss jew iffissat mal-klijent fil-kuntest tal-kuntratt ta’ twaqqigħ, peress li dejjem jiġi propost lill-klijent prezz globali għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ.

17      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, A tixtri mingħand il-klijenti tagħha magni qodma u tagħmir qadim li, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xiri għal żarmar (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ xiri għal żarmar”), hija għandha twaqqa’ jew iżżarma (iktar ’il quddiem, flimkien “żarmar”) u għandha tneħħi mill-bini jew mis-sit tal-istabbiliment tal-klijent ikkonċernat, kif ukoll tneħħi l-iskart li jirriżulta minn dan, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt. Eżempju ta’ dan it-tip ta’ kuntratt huwa kuntratt li jirrigwarda x-xiri ta’ bini speċifiku li jinsab fuq is-sit ta’ fabbrika. Dan il-kuntratt jipprevedi li A tixtri l-bini u l-kostruzzjonijiet li jinsabu fuq is-superfiċje tal-art tas-sit, kif ukoll il-magni, it-tagħmir u l-oġġetti mobbli l-oħra, u li żżarma u tneħħi hija stess l-oġġetti li hija tkun xtrat.

18      B’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-oġġetti mixtrija, iż-żarmar, it-tneħħija u l-ipproċessar xieraq ta’ dawn l-oġġetti, kif ukoll it-tneħħija tal-iskart li jirriżulta minn dan, joħolqu spejjeż għal A li din tal-aħħar tipprova tevalwa minn qabel sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-prezz li hija tipproponi, bħala fattur li jnaqqas il-prezz ta’ xiri. Il-partijiet għall-kuntratt ma jiddiskutux madankollu dawn l-ispejjeż fin-negozjati tagħhom u lanqas ma jistabbilixxu l-ammont tagħhom fil-kuntratt, peress li fl-ebda ħin l-għan ma huwa li dan l-ammont jiġi kkomunikat lill-bejjiegħ.

19      A talbet deċiżjoni preliminari mingħand l-amministrazzjoni fiskali fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-VAT dovuta, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ twaqqigħ, għall-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xiri għal żarmar, għax-xiri ta’ metall u ta’ skart tal-metall.

20      B’deciżjoni preliminari tal-11 ta’ Ġunju 2015, li tirrigwarda l-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-amministrazzjoni fiskali, minn naħa, iddikjarat li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ twaqqigħ, A għandha titqies li hija qiegħda tbigħ servizz ta’ twaqqigħ lill-klijent tagħha u li hija qiegħda tixtri l-metall mingħandu. Din l-amministrazzjoni kkonkludiet li A għandha tħallas il-VAT fuq is-servizz li hija tipprovdi lill-klijent tagħha kif ukoll, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni, fuq il-metall li hija tixtri mingħandu.

21      Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni fiskali ddikjarat f’din l-istess deċiżjoni preliminari li, f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ xiri għal żarmar, A għandha titqies li qiegħda tipprovdi servizz ta’ twaqqigħ lill-klijent tagħha u li hija qiegħda tixtri l-metall mingħandu. Din l-amministrazzjoni kkonkludiet li A għandha tħallas il-VAT fuq il-provvista ta’ servizzi li hija tipprovdi lill-klijent tagħha kif ukoll, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni, fuq il-metall li hija tixtri mingħandu.

22      Fl-ebda wieħed miż-żewġ każijiet li huma s-suġġett tad-deċiżjoni preliminari, l-amministrazzjoni fiskali ma adottat pożizzjoni dwar l-istabbiliment tal-prezz tal-korrispettiv.

23      A ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni preliminari tal-11 ta’ Ġunju 2015 quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja).

24      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija qieset li, kemm fil-każ tal-kuntratt ta’ twaqqigħ kif ukoll f’dak tal-kuntratt ta’ xiri għal żarmar, A għandha titqies li hija qiegħda tikkonkludi kuntratt ta’ skambju mal-klijent tagħha, li fil-kuntest tiegħu hija tipprovdi servizzi ta’ twaqqigħ u tixtri l-metall u, konsegwentement, hija obbligata tħallas il-VAT kemm fuq is-servizz ipprovdut lill-klijent kif ukoll fuq il-metall li hija tkun xtrat mingħand dan tal-aħħar.

25      A ppreżentat appell kontra din is-sentenza tal-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja).

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ tal-kuntratt ta’ twaqqigħ, A tipprovdi servizz bi ħlas u li, fil-każ tal-kuntratt ta’ xiri għal żarmar, hija tixtri oġġett bi ħlas. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda għalhekk il-punt dwar jekk, fl-ewwel każ, A tixtrix ukoll oġġett bi ħlas u jekk, fit-tieni każ, hija tipprovdix ukoll servizz bi ħlas. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li A tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-imsemmija kuntratti bħala kuntratti ta’ skambju, minħabba li, skont din il-kumpannija, il-metall ma jikkostitwixxix, fil-każ tal-kuntratt ta’ twaqqigħ, korrispettiv għas-servizz ta’ twaqqigħ u s-servizz ta’ twaqqigħ ma jikkostitwixxix, fil-każ tal-kuntratt ta’ xiri għal żarmar, korrispettiv għax-xiri tal-metall, fl-assenza ta’ rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizz jew il-kunsinna ta’ oġġett kkonċernata u l-korrispettiv irċevut.

27      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ mwettqa minn kumpannija li n-negozju tagħha jinkludi t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jikkonsistu fi tranżazzjoni waħda biss, meta l-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ tkun obbligata, skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt eżistenti bejn il-kumpannija appaltatriċi u l-appaltant, tneħħi l-iskart tat-twaqqigħ u tkun tista’, dment li l-iskart tat-twaqqigħ ikun jinkludi l-metall, tbiegħ mill-ġdid il-metall lil impriżi li jixtru metall riċiklabbli?

Jew inkella, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2006/112], kuntratt bħal dan dwar xogħlijiet ta’ twaqqigħ għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi żewġ tranżazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, il-provvista tas-servizz ta’ xogħolijiet ta’ twaqqigħ mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ lill-appaltant ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, min-naħa l-oħra, ix-xiri tal-metall għall-bejgħ mill-ġdid, mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, mingħand l-appaltant tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li, fl-istabbiliment tal-prezz għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, il-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ħadet inkunsiderazzjoni, bħala fattur ta’ tnaqqis tal-prezz, il-fatt li hija tista’ tikseb dħul mill-irkupru ta’ skart tat-twaqqigħ?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li l-kwantità u l-valur tal-iskart tat-twaqqigħ li jista’ jiġi rkuprat ma ġewx miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ u li lanqas ma ġie miftiehem li dawn għandhom jiġu nnotifikati sussegwentement lill-appaltatur tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, u l-fatt li l-kwantità u l-valur tal-iskart tat-twaqqigħ jkunu magħrufa biss meta dan jinbiegħ mill-ġdid mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ?

2)      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2006/112], għandhom jiġu interpretati fis-sens li tkun teżisti tranżazzjoni waħda biss, li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ oġġetti mill-proprjetarju tal-oġġett li għandu jitwaqqa’ lill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, fil-każ li fih kumpannija li n-negozju tagħha jinkludi t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, tiftiehem permezz ta’ kuntratt mal-proprjetarju ta’ oġġett li għandu jitwaqqa’, li l-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ għandha tixtri l-oġġett li għandu jitwaqqa’ u tobbliga ruħha, taħt piena ta’ penali kuntrattwali, li twaqqa’ l-oġġett u li tneħħi l-iskart tat-twaqqigħ fit-terminu previst mill-kuntratt?

Jew inkella, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva [2006/112], kuntratt bħal dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi żewġ tranżazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, il-bejgħ ta’ oġġetti mill-proprjetarju tal-oġġett li għandu jitwaqqa’ lill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ twaqqigħ ipprovdut mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ lill-bejjiegħ tal-oġġetti?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li, fl-istabbiliment tal-prezz tal-offerta tagħha ta’ xiri tal-oġġetti, il-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ħadet inkunsiderazzjoni, bħala fattur ta’ tnaqqis tal-prezz, l-ispejjeż li ser ikollha tbati sabiex iżżarma u t-tneħħi l-oġġetti?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li l-bejjiegħ tal-oġġetti huwa konxju mill-fatt li l-ispejjeż li l-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ser ikollha tbati sabiex iżżarma u tneħħi l-oġġetti, ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fattur ta’ tnaqqis tal-prezz ta’ dawn l-oġġetti, fid-dawl tal-fatt li xejn ma ġie miftiehem bejn il-partijiet fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż u li ma huwiex previst li f’xi mument l-ammont effettiv jew stmat ta’ dawn l-ispejjeż għandu jiġi kkomunikat lill-bejjiegħ tal-oġġetti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u mal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont kuntratt ta’ twaqqigħ, il-fornitur, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, għandu jwettaq xogħlijiet ta’ twaqqigħ u jista’, sa fejn l-iskart ta’ twaqqigħ jinkludi l-metall, ibigħ mill-ġdid dan il-metall, dan il-kuntratt jinkludix tranżazzjoni waħda jew żewġ tranżazzjonijiet għall-finijiet tal-VAT.

29      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, huma suġġetti għall-VAT, rispettivament, “il-provvista ta’ merkanzija [oġġetti] magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” u “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

30      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 jiddefinixxi l-kunsinna ta’ oġġetti bħala “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”, filwaqt li l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-provvista ta’ servizzi bħala “kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija [oġġetti]”.

31      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ), tad-Direttiva 2006/112, tippreżupponi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi u korrispettiv effettivament irċevut mill-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta tkun teżisti relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fil-kuntest tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur tkun tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Serebryannay vek, C-283/12, EU:C:2013:599, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-kuntratt ta’ twaqqigħ, il-fornitur, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jobbliga ruħu li jipprovdi provvista ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, li tinkludi wkoll it-tneħħija u l-ipproċessar xieraq tal-materjal għat-tneħħija u tal-iskart kontra l-ħlas ta’ prezz mill-klijent. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li dan il-fornitur jipprova jevalwa minn qabel il-kwantità ta’ materjal u ta’ skart għat-tneħħija kif ukoll il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom, sabiex dan jiġi kkunsidrat fl-istabbiliment tal-prezz għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont l-imsemmi kuntratt, sa fejn l-iskart ta’ twaqqigħ jinkludi l-metall, l-imsemmi fornitur jista’ jbigħ mill-ġdid dan il-metall lil impriżi li jixtru l-metall riċiklabbli.

33      Huwa paċifiku fil-kawża prinċipali li l-kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ tipprovdi lill-klijenti tagħha, bi ħlas, xogħlijiet ta’ twaqqigħ, fit-territorju ta’ Stat Membru, u, għaldaqstant, twettaq provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

34      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk dan is-servizz jingħatax, barra minn hekk, inkambju għal kunsinna ta’ oġġetti, jiġifieri l-kunsinna ta’ metall riċiklabbli li jinsab fl-iskart u fil-materjal użat, b’tali mod li l-bażi taxxabbli tal-imsemmija provvista tkun ikkostitwita kemm mill-prezz imħallas mill-klijent kif ukoll minn din il-kunsinna.

35      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi jista’ jikkonsisti f’kunsinna ta’ oġġetti u jikkostitwixxi l-bażi taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112, sakemm madankollu tkun teżisti rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti u li l-valur ta’ din tal-aħħar ikun jista’ jiġi espress fi flus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey, C-549/11, EU:C:2012:832, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika meta kunsinna ta’ oġġetti ssir inkambju għal provvista ta’ servizzi, sakemm dawn l-istess kundizzjonijiet huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Serebryannay vek, C-283/12, EU:C:2013:599, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kuntratti ta’ skambju, li fihom il-korrispettiv huwa bħala definizzjoni in natura, u t-tranżazzjonijiet li għalihom il-korrispettiv huwa monetarju huma, mill-perspettiva ekonomika u kummerċjali, żewġ sitwazzjonijiet identiċi (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Serebryannay vek, C-283/12, EU:C:2013:599, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fornitur, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, minbarra li jirċievi remunerazzjoni monetarja mill-klijent tiegħu għall-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jakkwista, skont il-kuntratt ta’ twaqqigħ, il-metall riċiklabbli minn dan tal-aħħar li huwa jista’, sussegwentement, ibigħ mill-ġdid. Għaldaqstant, teżisti, f’din is-sitwazzjoni, kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112.

38      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-kunsinna hijiex imwettqa “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-korrispettiv li sservi ta’ bażi taxxabbli għal tranżazzjoni huwa valur suġġettiv. Fin-nuqqas ta’ somma flus miftiehma mill-partijiet, dan il-valur, sabiex ikun suġġettiv, għandu jkun dak li l-benefiċjarju tal-provvista ta’ servizzi, li tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-kunsinna ta’ oġġetti, jattribwixxi lis-servizzi li huwa jrid jikseb u jikkorrispondi għas-somma li huwa dispost li jħallas għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey, C‑549/11, EU:C:2012:832, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunsinna tal-metall riċiklabbli hija pprovduta b’korrispettiv jekk ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jattribwixxi valur għal tali kunsinna, li huwa jieħu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-prezz propost għall-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

40      Ma tipprekludix din il-konklużjoni l-fatt li l-kwantità u l-valur tal-metall li jista’ jinsab fl-iskart ta’ twaqqigħ ma ġewx miftiehma fil-kuntratt ta’ twaqqigħ.

41      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta, fil-fatt, li kwalunkwe diffikultajiet tekniċi fid-determinazzjoni tal-ammont tal-korrispettiv ma jippermettux, minħabba dan il-fatt biss, li jiġi konkluż li dan ma jeżistix (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago, C‑172/96, EU:C:1998:354, punt 31).

42      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ imsemmi fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, huwa possibbli li jiġi ddeterminat il-valur tal-kunsinna tal-metall riċiklabbli. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, dan il-valur għandu jiġi kkunsidrat li huwa ugwali għall-ammont tat-tnaqqis mill-fornitur tal-prezz tas-servizz tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ.

43      Lanqas ma jista’ jipprekludi l-konklużjoni mnissla fil-punt 39 ta’ din is-sentenza l-fatt li d-destinatarju tas-servizz ta’ twaqqigħ ma jafx l-ammont eżatt tal-valur tal-metall riklabbli, kif evalwat mill-fornitur tas-servizz (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago, C-172/96, EU:C:1998:354, punt 49).

44      Għaldaqstant, f’każ bħal dan, jiġu skambjati tranżazzjonijiet reċiproċi, fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed, bejn il-fornitur u l-klijent tiegħu, b’tali mod li teżisti rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, bejn il-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u l-kunsinna tal-metall riċiklabbli.

45      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunsinna tal-metall riċiklabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix tranżazzjoni taxxabbli, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas hija suġġetta għall-VAT biss sakemm issir “minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

46      F’tali każ, il-bażi taxxabbli tal-provvista ta’ servizzi li jkunu s-suġġett ta’ kuntratt ta’ twaqqigħ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkostitwit mill-prezz effettivament imħallas mill-klijent kif ukoll mill-valur attribwit, mill-fornitur, għall-metall riċiklabbli, kif rifless fl-ammont tat-tnaqqis fil-prezz iffatturat għas-servizz.

47      Madankollu, jista’ jkun il-każ li, xi kultant, dan il-valur ma jirriflettix ir-realtà ekonomika u kummerċjali, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT. F’tali każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti rilevanti kollha, l-assenza ta’ abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, EU:C:2013:409, punti 39, 46 u 52).

48      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u mal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont kuntratt ta’ twaqqigħ, il-fornitur, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, għandu jwettaq xogħlijiet ta’ twaqqigħ u jista’, sa fejn l-iskart ta’ twaqqigħ ikun fih il-metall, ibigħ mill-ġdid dan il-metall, dan il-kuntratt ikun jinkludi provvista ta’ servizzi bi ħlas, jiġifieri l-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, barra minn hekk, kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas, jiġifieri l-kunsinna tal-imsemmi metall, jekk ix-xerrej, jiġifieri din il-kumpannija, jattribwixxi valur għal din il-kunsinna, li huwa jieħu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-prezz propost għall-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, peress li l-imsemmija kunsinna hija madankollu suġġetta għall-VAT sakemm hija titwettaq minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u mal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont kuntratt ta’ xiri għal żarmar, ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jixtri oġġett għal żarmar, u jobbliga ruħu, taħt piena ta’ multa kuntrattwali, li jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll li jneħħi l-iskart li jirriżulta f’terminu stabbilit fil-kuntratt, dan il-kuntratt jinkludix tranżazzjoni waħda jew żewġ tranżazzjonijiet għall-finijiet tal-VAT.

50      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xiri għal żarmar, ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jixtri bini qadim, kostruzzjonijiet li jinsabu fuq is-superfiċje tal-art tas-sit ta’ fabbrika kif ukoll magni, tagħmir u oġġetti mobbli oħra, li huwa għandu, skont il-kuntratt, iżarma u jneħħi, kif ukoll li jneħħi l-iskart li jirriżulta minn dan, f’terminu stabbilit, mill-bini jew mis-sit tal-fabbrika, taħt piena ta’ multa kuntrattwali. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li x-xerrej jipprova jevalwa minn qabel l-ispejjeż għaż-żarmar, għat-tneħħija u għall-ipproċessar xieraq tal-oġġetti li għandhom jiżżarmaw, sabiex dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-prezz ta’ xiri propost.

51      Huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, tali kuntratt jinkludi l-kunsinna ta’ oġġett bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri l-kunsinna ta’ oġġett li għandu jiżżarma kontra l-ħlas ta’ prezz ta’ xiri. Sakemm din il-kunsinna titwettaq “minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, din tkun, f’tali sitwazzjoni, tranżazzjoni taxxabbli.

52      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija provvista titwettaqx, barra minn hekk, inkambju għal provvista ta’ servizzi, jiġifieri, xogħlijiet ta’ żarmar u ta’ tneħħija, b’tali mod li l-bażi taxxabbli ta’ din l-istess kunsinna tkun komposta kemm mill-prezz ta’ xiri msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u minn din il-provvista.

53      F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-fatti indikati fil-punt 50 ta’ din is-sentenza jidher li jirriżulta li x-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, minbarra li jħallas il-prezz ta’ xiri miftiehem fil-kuntratt għall-kunsinna tal-oġġett li għandu jiżżarma, għandu, bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, iżarma u jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll ineħħi l-iskart li jirriżulta minn dan, f’terminu determinat, taħt piena ta’ multa kuntrattwali. Sa fejn ix-xerrej għandu jżarma u jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll ineħħi l-iskart li jirriżulta minn dan, b’tali mod li jissodisfa speċifikament il-bżonnijiet tal-bejjiegħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, teżisti, f’din is-sitwazzjoni, provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/112.

54      Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-provvista ta’ xogħlijiet ta’ żarmar u ta’ tneħħija hija pprovduta b’korrispettiv jekk ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jattribwixxi valur għal din il-provvista li huwa jieħu inkunsiderazzjoni fil-prezz ta’ xiri li jipproponi, bħala fattur li jnaqqas dan il-prezz, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 40, 41 u 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi speċifikat li ma jipprekludux din il-konklużjoni la l-fatt li l-ispejjeż tal-provvista ta’ xogħlijiet ta’ żarmar u ta’ tneħħija ma ġewx miftiehma bejn il-partijiet u lanqas il-fatt li l-bejjiegħ ma jafx l-ammont tal-ispejjeż li jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-prezz ta’ xiri propost.

56      Fi kwalunkwe każ, fil-każ imsemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, huwa possibbli li jiġi ddeterminat il-valur tal-provvista ta’ xogħlijiet ta’ żarmar u ta’ tneħħija. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, dan il-valur għandu jiġi kkunsidrat li huwa ugwali għall-ammont li x-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jieħu inkunsiderazzjoni, bħala fattur li jnaqqas il-prezz ta’ xiri tal-oġġett li għandu jiżżarma.

57      Għalhekk, f’tali każ, tranżazzjonijiet reċiproċi jiġu skambjati, fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed, bejn ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, u l-benefiċjarju, jiġifieri l-fornitur tal-oġġett li għandu jiżżarma, u teżisti għalhekk rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, bejn il-kunsinna tal-oġġett li għandu jiżżarma u l-provvista ta’ xogħlijiet ta’ żarmar u ta’ tneħħija.

58      F’tali każ, il-bażi taxxabbli tal-kunsinna tal-oġġett li għandu jiżżarma hija, għaldaqstant, ikkostitwita mill-prezz effettivament imħallas għax-xiri ta’ dan l-oġġett kif ukoll mill-ammont li jikkorrispondi għall-fattur li jittieħed inkunsiderazzjoni mix-xerrej għat-tnaqqis tal-prezz ta’ xiri propost.

59      Madankollu, jista’ jkun il-każ li, xi kultant, dan l-ammont ma jkunx jirrifletti r-realtà ekonomika u kummerċjali li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT, f’liema każ, skont din il-ġurisprudenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, l-assenza ta’ abbuż.

60      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ), tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u mal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont kuntratt ta’ xiri għal żarmar, ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jixtri oġġett għal żarmar, u jobbliga ruħu, taħt piena ta’ multa kuntrattwali, li jżarma u li jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll li jneħħi l-iskart f’terminu stabbilit fil-kuntratt, dan il-kuntratt jinkludi kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas, jiġifieri l-kunsinna ta’ oġġett li għandu jiżżarma, liema kunsinna hija suġġett għall-VAT biss sakemm titwettaq minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Sa fejn ix-xerrej għandu jżarma u jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll ineħħi l-iskart li jirriżulta minn dan, b’tali mod li jissodisfa speċifikament il-bżonnijiet tal-bejjiegħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dan il-kuntratt jinkludi, barra minn hekk, provvista ta’ servizzi bi ħlas, jiġifieri l-provvista ta’ xogħlijiet ta’ żarmar u ta’ tneħħija, jekk dan ix-xerrej jattribwixxi valur għal din il-provvista li huwa jieħu inkunsiderazzjoni fil-prezz li jipproponi, bħala fattur li jnaqqas il-prezz ta’ xiri tal-oġġett li għandu jiżżarma, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u mal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont kuntratt ta’ twaqqigħ, il-fornitur, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, għandu jwettaq xogħlijiet ta’ twaqqigħ u jista’, sa fejn l-iskart ta’ twaqqigħ ikun fih il-metall, ibigħ mill-ġdid dan il-metall, dan il-kuntratt ikun jinkludi provvista ta’ servizzi bi ħlas, jiġifieri l-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, barra minn hekk, kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas, jiġifieri l-kunsinna tal-imsemmi metall, jekk ix-xerrej, jiġifieri din il-kumpannija, jattribwixxi valur għal din il-kunsinna, li huwa jieħu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-prezz propost għall-provvista tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, peress li l-imsemmija kunsinna hija madankollu suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud sakemm hija titwettaq minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

2)      L-Artikolu 2(1), (a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont kuntratt ta’ xiri għal żarmar, ix-xerrej, jiġifieri kumpannija ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jixtri oġġett għal żarmar, u jobbliga ruħu, taħt piena ta’ multa kuntrattwali, li jżarma u li jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll li jneħħi l-iskart f’terminu stabbilit fil-kuntratt, dan il-kuntratt jinkludi kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas, jiġifieri l-kunsinna ta’ oġġett li għandu jiżżarma, liema kunsinna hija suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud biss sakemm titwettaq minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Sa fejn ix-xerrej għandu jwaqqa’ jew iżarma u jneħħi dan l-oġġett, kif ukoll ineħħi l-iskart li jirriżulta minn dan, b’tali mod li jissodisfa speċifikament il-bżonnijiet tal-bejjiegħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dan il-kuntratt jinkludi, barra minn hekk, provvista ta’ servizzi bi ħlas, jiġifieri l-provvista ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew ta’ żarmar u ta’ tneħħija, jekk dan ix-xerrej jattribwixxi valur għal din il-provvista li huwa jieħu inkunsiderazzjoni fil-prezz li jipproponi, bħala fattur li jnaqqas il-prezz ta’ xiri tal-oġġett li għandu jiżżarma, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.