Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – British Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-341/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Airways plc (Harmondsworth, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Turner, QC, R. O’Donoghue, barrister u A. Lyle-Smythe, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), fit-totalità tagħha jew f’parti;

barra minn hekk, jew sussidjarjament, u fil-kuntest tal-kompetenza sħiħa tal-Qorti Ġenerali, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi jew tikser forma proċedurali sostanzjali billi tadotta deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur li huwa bbażat fuq żewġ evalwazzjonijiet inkonsistenti tal-fatti u tad-dritt rilevanti u li għalhekk huwa inkoerenti, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u li jista’ joħloq konfużjoni fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni tikser l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE billi tadotta miżura intiża sabiex tirrispondi għall-iżbalji fundamentali li l-Qorti Ġenerali identifikat fis-sentenza T-48/11, billi tadotta mill-ġdid deċiżjoni kontra r-rikorrenti, li jamplifika dawn l-iżbalji minflok jirrimedjahom.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi jew tikser forma proċedurali sostanzjali u ma timmotivax il-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, l-impożizzjoni ta’ multa hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur li ma tinsabx fil-miżura inkwistjoni u li ma taqbilx mal-konstatazzjonijiet inklużi fil-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, jew sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni dwar dan il-punt jeċċedi l-kompetenzi ta’ din.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE/l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE għal allegati restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot lejn l-Unjoni/iż-ŻEE. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li tali restrizzjonijiet ma jaqgħux taħt il-portata territorjali tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi meta tapplika l-Artikolu 101 TFUE/l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE għall-koordinazzjoni ta’ sovrataxxa għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru lejn/minn ċerti pajjiżi minħabba sistemi leġiżlattivi u legali applikabbli u l-effetti prattiċi tagħhom u minħabba li t-tnaqqis tal-multa applikata f’dan ir-rigward kienet arbitrarja u inadegwata. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti ġurisdizzjonijiet huwa manifestament inadegwat.

Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni twettaq żball meta tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur relatat ma(n-nuqqas ta’) ħlas tal-Kummissjoni fuq is-sovrataxxa.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni twettaq żball meta tiddetermina l-“valur tal-bejgħ” għall-finijiet tal-impożizzjoni tal-emendi fid-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, hija għandha tqis li huwa biss id-dħul ibbażat fuq sovrataxxi li huwa rilevanti u għandha teskludi d-dħul mill-bejgħ minn servizzi lejn l-Unjoni/iż-ŻEE.

It-tmien motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni twettaq żball meta tikkonstata li r-rikorrenti kienet id-disa’ waħda li talbet miżura ta’ klemenza u għalhekk għandha dritt biss għal tnaqqis ta’ 10 % tal-multa meta fil-fatt din kienet l-ewwel waħda li talbet miżura ta’ klemenza wara l-applikant għal immunità u li l-informazzjoni tagħha kellha valur miżjud sinjifikattiv.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni tevalwa ħażin id-data tal-bidu tal-ksur tar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, id-data tal-bidu rilevanti hija Ottubru 2001 u l-provi invokati sabiex tinstab data oħra ma jipprovawx b’mod suffiċjenti fid-dritt din id-data l-oħra.

____________