Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fl-20 ta’ Frar 2024 – UR bħala stralċjarju ta’ V GmbH vs DF

(Kawża C-134/24, Tomann 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UR, bħala stralċjarju ta’ V GmbH

Konvenut: DF

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li tkeċċija fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva li teżiġi preavviż tat-temm tal-impjieg tista’ tittermina r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ ħaddiem affettwat biss wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

L-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija teżiġi mhux biss preavviż tat-tkeċċija kollettiva, iżda teżiġi wkoll li dan il-preavviż ikun jissodisfa r-rekwiżiti tar-raba’ subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59?

Il-persuna li timpjega, li kkomunikat it-tkeċċijiet li jeżiġu preavviż tat-temm tal-impjieg mingħajr preavviż tat-tkeċċija kollettiva (regolari), tista’ tagħmel tajjeb għal din l-irregolarità sussegwentement billi tittermina r-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema affettwati mit-tkeċċijiet preċedentement iddikjarati wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

Huwa konformi mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, dritt nazzjonali li jħalli lill-awtorità kompetenti tiddetermina meta jiskadi fil-każ konkret il-perijodu tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-ħaddiem u hija vinkolanti għall-qrati industrjali, jew għandu l-ħaddiem neċessarjament ikollu l-possibbiltà ta’ proċedura ġudizzjarja għall-eżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni amministrattiva?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1         ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327