Language of document : ECLI:EU:C:2021:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv – Punt 5 tal-Artikolu 4 – Persuna rikjesta li ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall‑istess atti minn pajjiż terz – Sentenza li ġiet skontata jew li ma tistax tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza – Implimentazzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni – Kunċett ta’ ‘l-istess atti’ – Maħfra ta’ piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali”

Fil-Kawża C‑665/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il‑Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

X

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, M. Ilešič (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X, minn D. W. H. M. Wolters u S. W. Kuijpers, advocaten,

–        għall-Openbaar Ministerie, minn N. Bakkenes u K. van der Schaft,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u F. Halabi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fid‑19 ta’ Settembru 2019 mill-Amtsgericht Berlin-Tiergarten (il-Qorti Distrettwali ta’ Tiergarten, Berlin, il‑Ġermanja) sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra X.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-KFS

3        L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”), li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-Prinċipju ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, jipprevedi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’[p]arti [k]ontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’[p]arti [k]ontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-[p]arti [k]ontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

 Id-Deċiżjoni Qafas

4        Il-premessi 5, 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni [Ewropea] ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. […]

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [TUE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”

5        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

6        L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas intitolat “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ l-esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1)      jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3)      jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

7        L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakulattiv] tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

5)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

[…]”

 Id-dritt Olandiż

8        Id-Deċiżjoni Qafas ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz tal-wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lisdstaten van de Europese Unie (il‑Liġi li Timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri), tad‑29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195), kif emendata fl-aħħar lok bil-Liġi tat‑22 ta’ Frar 2017 (Stb. 2017, Nru 82) (iktar ’il quddiem l-“OLW”).

9        L-Artikolu 9(1)(d) u (e) tal-OLW, li jittrasponi l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tagħha, jipprovdi:

“Il-konsenja tal-persuna rikjesta ma hijiex awtorizzata fir-rigward ta’ att li għalih:

[…]

d.      din il-persuna kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni liberatorja jew li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ta’ qorti Olandiża, jew ta’ deċiżjoni definittiva ekwivalenti ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ pajjiż terz;

e.      din il-persuna ġiet ikkundannata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta:

1)      il-piena jew il-miżura imposta diġà ġiet skontata;

2)      il-piena jew il-miżura imposta ma għadhiex tista’ tiġi eżegwita jew ma tistax tiġi eżegwita iktar;

3)      il-kundanna tikkonsisti f’dikjarazzjoni ta’ ħtija mingħajr piena jew miżura;

4)      il-piena jew il-miżura imposta hija skontata fil-Pajjiżi l‑Baxxi;

[…]”

10      Skont l-Artikolu 28(2) tal-OLW:

“Jekk ir-rechtbank [(il-Qorti Distrettwali)] tikkonstata […] li l-konsenja ma tistax tiġi awtorizzata […], hija għandha tirrifjuta din il-konsenja fid‑deċiżjoni tagħha.”

 Id-dritt Ġermaniż

11      L-Artikolu 51 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali), intitolat “Imputazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Meta piena tiġi imposta barra mill-pajjiż għall-istess att kontra l-persuna kkundannata, din il-piena tiġi imputata, sal-eżekuzzjoni diġà skontata, fuq il-piena l-ġdida.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fid‑19 ta’ Settembru 2019, l-Amtsgericht Berlin-Tiergarten (il-Qorti Distrettwali ta’ Tiergarten, Berlin) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra X intiż għall-konsenja tiegħu sabiex jinbdew proċeduri kriminali għal atti li X allegatament wettqet f’Berlin (il-Ġermanja) fit‑30 ta’ Ottubru 2012.

13      Dakinhar, X allegatament rabat lil Y, li dak iż-żmien kienet is‑sieħba tiegħu, kif ukoll lil Z, bintha ta’ għaxar snin, filwaqt li heddidhom b’sikkina. Sussegwentement, huwa allegatament stupra lil Y qabel ma kkawżalha ġrieħi. Qabel ma telaq mid-dar ta’ Y, huwa sakkar il-kmamar li fihom kienu jinsabu marbuta Y u Z rispettivament bil-għan li jikkawża l-mewt tagħhom.

14      Ir-reati li għalihom hija mitluba l-konsenja huma s-segwenti:

–        attentat ta’ qtil volontarju tas-sieħba tiegħu;

–        attentat ta’ qtil ta’ bint minuri tas-sieħba tiegħu;

–        stupru tas-sieħba tiegħu;

–        daqqiet u ġrieħi gravi fuq is-sieħba tiegħu;

–        sekwestru volontarju tas-sieħba tiegħu, u

–        sekwestru volontarju tal-bint minuri tas-sieħba tiegħu.

15      Abbażi ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, X ġie arrestat fil‑Pajjiżi l-Baxxi u tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju fit‑18 ta’ Marzu 2020.

16      Huwa informa lil din il-qorti li ma kienx qiegħed jagħti l‑kunsens għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u tqiegħed taħt arrest sakemm tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward.

17      Insostenn tal-oppożizzjoni magħmula kontra l-konsenja tiegħu, X invoka l‑prinċipju ne bis in idem, filwaqt li sostna, b’mod partikolari, li huwa kien suġġett ta’ deċiżjoni definittiva għall-istess atti f’pajjiż terz, jiġifieri l‑Iran.

18      Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, X kien suġġett għal proċeduri kriminali fl-Iran għall-atti hawn fuq imsemmija, bl-eċċezzjoni tas‑sekwestru ta’ Y li, fl-elementi materjali tiegħu, xorta kien inkluż fl‑akkuża ta’ “attentat ta’ qtil volontarju fuq Y”.

19      X ġie kkundannat fl-Iran permezz ta’ sentenza kriminali definittiva għad-daqqiet u ġrieħi gravi li huwa kien ikkawża lil Y, kif ukoll għall‑attentati ta’ qtil ta’ Y u ta’ Z. Għall-kuntrarju, huwa kien illiberat b’mod definittiv mill‑akkużi ta’ stupru ta’ Y u ta’ sekwestru volontarju ta’ Z.

20      Skont id-dritt Iranjan, X kellu jkun suġġett għall-itwal piena ta’ priġunerija imposta fil-konfront tiegħu, jiġifieri piena ta’ priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur. Huwa skonta l-parti l-kbira ta’ din il-piena u bbenefika minn tnaqqis ta’ piena għall-bqija tal-kundanna bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali pproklamata mill-Gwida Suprema tal-Iran, fl‑okkażjoni tal-40 anniversarju tar-rivoluzzjoni Iżlamika.

21      Fir-rigward ta’ daqqiet u ġrieħi gravi li kkawża lil Y, X, barra minn hekk, ġie kkundannat iħallasha diya (somma flus). Minħabba l-insolvenza tiegħu, X ġie awtorizzat iqassam il-ħlas bl-ewwel pagament ta’ 200 000 000 ta’ riali Iranjani (IRR) (madwar EUR 4 245) segwit b’pagamenti mensili ta’ ammont ekwivalenti għal 2 % tad-diya. Wara li ħallas l-ewwel pagament u l-ewwel pagament mensili, X inħeles fl-Iran fil‑5 ta’ Mejju 2019. Fis‑7 ta’ Settembru 2020, l-awtoritajiet Iranjani ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal‑iskadenzi tal-pagamenti sussegwenti.

22      Quddiem il-qorti tar-rinviju, X isostni li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali u ngħata deċiżjoni definittiva fl-Iran għall-istess atti li għalihom qiegħda tintalab il-konsenja tiegħu bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu. Huwa allegatament ġie lliberat b’mod definittiv fir-rigward ta’ parti mill-atti, filwaqt li l-parti l-oħra allegatament wasslet għal kundanna ta’ priġunerija li X skonta kważi kollha u li l-bqija tagħha hija koperta mill-miżura ta’ klemenza msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, X isostni li d-diya ma tikkostitwixxix piena jew miżura, iżda obbligu ta’ ħlas ta’ danni lill-vittma.

23      Minn dan X jiddeduċi li, skont l-Artikolu 9(1)(d) u l-punt 1 tal‑Artikolu 9(1)(e) tal-OLW, il-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu għandha tiġi miċħuda. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 9(1) tal-OLW ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn sentenza definittiva mogħtija fi Stat Membru u sentenza definittiva mogħtija fi stat terz. B’dan il-mod, il-leġiżlatur Olandiż uża l-possibbiltà li d-Deċiżjoni Qafas tagħti lill-Istati Membri li jirrifjutaw il-konsenja f’każ ta’ sentenza definittiva u ta’ piena skontata kompletament f’pajjiż terz u, għaldaqstant, il‑qrati Olandiżi huma obbligati jikkonformaw ruħhom magħha.

24      L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) isostni, prinċipalment, li l-eċċezzjoni invokata minn X, ibbażata fuq kundanna preċedenti fl-Iran, ma tistax tintlaqa’. Fir-rigward ta’ kundanna mogħtija f’pajjiż terz, hija fil-fatt il-qorti tar-rinviju, fil-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bis-saħħa tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, li għandha teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(e) tal-OLW sabiex tevalwa jekk il-kundanna mogħtija fl-Iran tistax tkun suġġetta għar-rikonoxximent reċiproku abbażi ta’ fiduċja reċiproka bbażata fuq trattati jew minħabba konswetudni. Fid-dawl tal-ksur tar-relazzjonijiet diplomatiċi u tal-assenza ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif ukoll tal-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u dik tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tali fiduċja fis-sistema legali Iranjana hija nieqsa. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jikkonkludi minn dan li l-kundanna mogħtija kontra X fl-Iran ma tistax tikkostitwixxi raġuni valida għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra X.

25      Sussidjarjament, l-Uffiċċju tal-Prosekutur isostni li l-Artikolu 9(1)(e) tal-OLW ma jipprekludix l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, peress li l-piena mogħtija fl-Iran għadha ma ġietx skontata kollha kemm hi u li din tista’ tiġi eżegwita sussegwentement. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jinvoka, f’dan ir-rigward, il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet Iranjani kontra X minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn dan tal-aħħar tal-iskadenzi stabbiliti għall-ħlas tad-diya. B’mod sussidjarju wkoll, l-Uffiċċju tal-Prosekutur isostni li peress li l-qrati Iranjani ma tawx deċiżjoni fir-rigward tal-kapijiet ta’ akkuża ta’ sekwestru ta’ Y, il-konsenja ta’ X għandha tkun awtorizzata f’dan ir-rigward.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tesprimi, qabelxejn, xi dubji dwar il-kwistjoni jekk il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas ġiex traspost korrettament fid-dritt Olandiż. B’mod partikolari, hija tosserva li din id-dispożizzjoni telenka r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li l-Artikolu 9(1) tal-OLW jipprevedi li, fil-preżenza ta’ tali raġunijiet, l-eżekuzzjoni għandha tiġi rrifjutata, peress li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

27      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex obbligata tirrifjuta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(e) tal-OLW, il-konsenja ta’ X għas-sekwestru volontarju ta’ Y, hija għandha tivverifika jekk dan l-att, ikkunsidrat fil-Ġermanja fil-konfront ta’ X, u l-attentat ta’ qtil volontarju fuq Y, att li għalih X ġie kkundannat fl-Iran, jikkonċernawx l-“istess atti”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-OLW u tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

28      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-atti li għalihom X ġie kkundannat b’mod definittiv fl-Iran, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex tirrifjuta, kompletament jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni tiddependi mill-portata tal-kundizzjoni, prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, dwar il-fatt li, fil-każ ta’ kundanna definittiva f’pajjiż terz għall-istess atti, is-sentenza tkun “ġiet skontata […] jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza”.

29      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk miżura ta’ klemenza bħal dik li minnha bbenefika X fl-Iran għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmi punt 5 tal-Artikolu 4.

30      Peress li qieset li r-risposta għad-domanda dwar jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ X jistax jiġi eżegwit tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa jekk l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex tiġi rrifjutata?

2)      Il-kunċett ta’ ‘l-istess atti’, li jinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑[Deċiżjoni Qafas] u l-istess kunċett li jinsab fil‑punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, u, jekk dan ma huwiex il-każ, kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett fl-ewwel dispożizzjoni ċċitata?

3)      Il-kundizzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Qafas] li teżiġi li l-kundanna “ġiet skontata […] jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza” għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi wkoll għas‑sitwazzjoni fejn il-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata definittivament għall-istess fatti għal piena ta’ priġunerija li hija tkun skontat parti minnha fil-pajjiż li fih ingħatat il-kundanna u li bbenefikat għall-bqija tal-kundanna minn maħfra tal-piena, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal fatti gravi, bħal fil-każ tal-persuna rikjesta, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali?”

 It-talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

31      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ taħt l-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Għaldaqstant, dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza ddefinita fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura u, konsegwentement, jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

33      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tinsab attwalment imċaħħda mil-libertà tagħha u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżura ta’ detenzjoni li X huwa s-suġġett tagħha ġiet ordnata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih u li ż-żamma ta’ din il-miżura tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑18 ta’ Diċembru 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt intern tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li bis-saħħa tagħha l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas. Konsegwentement, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 3 tagħha, raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, fl-Artikoli 4 u 4a, raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fir-rigward tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattivi elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni. Għalhekk, dawn huma liberi li jittrasponu jew le dawn il-motivi fid-dritt intern tagħhom. Huma jistgħu wkoll jagħżlu li jillimitaw is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, u b’hekk jiffaċilitaw il-konsenja tal-persuni rikjesti, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punti 58, 59 u 61).

42      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-kliem tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “tista’ tirrifjuta” li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġunijiet elenkati fil-punti 1 sa 7 ta’ dan l-artikolu li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-fatt li mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ din l-awtorità jkun jirriżulta li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti minn pajjiż terz, bil-kundizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, din tkun ġiet skontata, jew tkun qiegħda tiġi eżegwita jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed skont il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza.

43      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, b’mod partikolari mill-użu tal-verb “seta’”, flimkien mal-infinittiv tal-verb “irrifjuta”, li s-suġġett tiegħu hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, jirriżulta li din tal-aħħar għandha, hija stess, tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kwistjoni jekk hemmx lok, jew le, li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġunijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dan isegwi li, meta jagħżlu li jittrasponu raġuni jew diversi raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jirrifjutaw li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew li jaqa’ formalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija raġunijiet, mingħajr il-possibbiltà għalihom li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

45      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas hija kkorroborata mill-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu.

46      L-ewwel nett, fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat għal diversi drabi, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, filwaqt li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 39).

47      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, dispożizzjoni nazzjonali li ċċaħħad lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mill-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi, speċifiċi għal kull każ, li jistgħu jwassluha sabiex tqis li l-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-konsenja ma humiex fundamentalment issodisfatti, ikollha l-effett li tissostitwixxi s-sempliċi possibbiltà, prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, b’obbligu reali, u b’hekk tittrasforma f’regola ta’ prinċipju l-eċċezzjoni li tikkostitwixxi r-rifjut tal-konsenja.

48      It-tieni nett, il-kliem tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi pparagunat ma’ dak tal-Artikolu 3 tagħha li, konformement mat-titolu tiegħu, jistabbilixxi raġunijiet għal “nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju”, li abbażi tagħhom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “għandha tirrifjuta” l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni taħt l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas.

49      Barra minn hekk, il-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas huwa, huwa stess, kważi identiku għal dak tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha, ħlief għall-fatt li l-ewwel wieħed jikkonċerna l-każ ta’ persuna iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti “f’pajjiż terz”, filwaqt li t-tieni wieħed jirrigwarda l-każ ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva għall-istess atti “minn Stat Membru”.

50      Issa, l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas tirriżulta mir-rekwiżit relatat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

51      Dan il-prinċipju, hekk kif iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jimplika li persuna ma tistax tiġi suġġetta għal proċeduri kriminali fi Stat Membru minħabba reat li għalih hija tkun diġà ġiet illiberata jew ikkundannata “fl-Unjoni”.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità), C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 30). Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom.

53      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Tali fiduċja reċiproka teżisti wkoll bejn l-Istati li huma parti għall-KFS, li l-Artikolu 54 tagħha jipprekludi li persuna li tkun diġà ġiet iġġudikata b’mod definittiv minn Stat kontraenti tiġi “mixlija” minn Stat kontraenti ieħor (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Bil-kontra, fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiżi terzi li ma humiex parti f’dan il-ftehim jew ta’ dawk li ma għandhomx relazzjonijiet privileġġati oħra mal-Unjoni ma tistax, bħala prinċipju, tiġi preżunta, li jimplika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, skont il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, tingħata marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari kollha ta’ kull każ, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna rikjesta tkun ġiet iġġudikata u, jekk ikun il-każ, il-fatt li s-sentenza kontriha tkun ġiet eżegwita, hemmx lok li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

56      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għan tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas li, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u konformement mal-Artikolu 67(1) TFUE, huwa li jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiggarantixxi ċ-ċertezza legali tal-persuna rikjesta billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din tkun ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti f’pajjiż terz, sakemm, fil-każ ta’ sentenza, din tkun ġiet skontata jew tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 54 tal-KFS, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 44).

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni dwar jekk il-kundanna tkunx ġiet skontata jew tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza, sa fejn għandha l-effett, jekk ma tiġix issodisfatta, li timponi l-konsenja tal-persuna rikjesta sabiex din tiġi suġġetta għal proċeduri jew tiskonta l-piena ta’ priġunerija imposta kontriha, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew li jikkonsisti fil-prevenzjoni, fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, tal-impunità tar-reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 47, u, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 77).

58      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li tkun tali li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, mingħajr madankollu ma titqiegħed fid-dubju l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, li tagħha l-mandat ta’ arrest Ewropew, hekk kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 63).

59      Issa, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxu l-bażi tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ma humiex awtomatikament trasponibbli fir-rigward tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ pajjiżi terzi, it-twettiq tal-għan, stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE, ta’ prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontriha fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jista’ jiġi kompromess jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun marbuta li tirrifjuta, indipendentement miċ-ċirkustanza speċifiċi ta’ kull każ, il-konsenja tal-persuna rikjesta għar-raġuni msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

60      Minn dan isegwi li l-applikazzjoni konkreta tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, għal dan il-għan, għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilha twettaq eżami każ b’każ billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li fihom il-persuna rikjesta tkun ġiet iġġudikata fil-pajjiż terz, sabiex tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ konsenja ta’ din il-persuna jkunx tali li jippreġudika l-interess leġittimu tal-Istati Membri kollha fil-prevenzjoni tal-kriminalità fi ħdan l-ispjazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

61      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher li teskludi, ħlief jekk tirrikorri għal interpretazzjoni contra legem, li l-OLW tista’ tiġi applikata b’mod li tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tali marġni ta’ diskrezzjoni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li peress li d-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex effett dirett, qorti ta’ Stat Membru ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li twarrab l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra d-Deċiżjoni Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Min-naħa l-oħra, għalkemm in-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas tagħti lok, fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali, għal obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-iskop ta’ din id-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 72, 73 u 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fid-dawl ta’ dan, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-iskop tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, il-Gvern Olandiż indika, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li proposta ta’ liġi intiża sabiex temenda l-Artikolu 9 tal-OLW, bl-għan li dan isir konformi mad-Deċiżjoni Qafas, kienet fil-proċess ta’ adozzjoni.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod partikolari jekk, fid-dawl ta’ din l-emenda leġiżlattiva potenzjali, id-dritt Olandiż jistax jiġi applikat b’mod li jwassal għal riżultat kompatibbli ma’ dak previst mid-Deċiżjoni Qafas.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt intern tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

68      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “l-istess atti”, li jinsab f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi.

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “l-istess atti” li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għal dak li jikkonċerna ta’ dan il-kunċett, dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 38).

71      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “l-istess atti” kien jinsab ukoll fl-Artikolu 54 tal-KFS u, fid-dawl tal-għan komuni ta’ dan l-artikolu u tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, li jikkonsisti f’li jiġi evitat li persuna terġa’ tkun ipproċessata jew iġġudikata għall-istess atti, hija ddeċidiet li dawn iż-żewġ kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod identiku, bħala li jirrigwardaw biss il-materjalità tal-fatti u li jinkludu ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod indissoċjabbli bejniethom, indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti jew tal-interess ġuridiku protett (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Bħall-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, il-punt 5 tal-Artikolu 4 tagħha ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, b’tali mod li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “l-istess atti” li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandhom ukoll jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li dan il-kunċett huwa fformulat f’termini strettament identiċi għal dak li jinsab fl-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas.

74      Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest li dawn iż-żewġ kunċetti jagħmlu parti minnu, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas huwa f’kull punt paragunabbli ma’ dak tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha, ħlief għall-fatt li din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tipprevedi waħda mir-“raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja” tal-mandat ta’ arrest Ewropew, tikkonċerna sentenza mogħtija “minn Stat Membru”, filwaqt li l-punt 5 tal-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li jistabbilixxi waħda mir-“raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakulattiv]”, jirrigwarda sentenzi mogħtija “minn Stat terz”.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali jeżiġu li l-kunċetti fformulati f’termini identiċi f’kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, kif ukoll fl-Artikolu 54 tal-KFS, jingħataw l-istess portata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 33).

76      Il-fatt li l-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jikkonċerna s-sentenzi mogħtija fl-Unjoni filwaqt li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tagħha jkopri dawk mogħtija f’pajjiż terz ma jistax, bħala tali, jiġġustifika li tingħata portata differenti lill-imsemmi kunċett.

77      Huwa minnu li, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jippreżumi neċessarjament l-eżistenza ta’ fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż li fih tkun ingħatat is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck, C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-livell għoli ta’ fiduċja eżistenti bejn l-Istati Membri ma jistax jiġi preżunt fir-rigward tal-pajjiżi terzi u, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ ġustizzja kriminali ta’ dawn tal-aħħar.

78      Madankollu, hemm lok, minn naħa, li jiġi enfasizzat li huwa preċiżament minħabba din l-inċertezza li l-leġiżlatur tal-Unjoni żamm fost ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, iktar milli fost ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju, il-fatt li l-persuna rikjesta kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva f’pajjiż terz.

79      Fil-fatt, b’dan il-mod, huwa jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għal din ir-raġuni, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-konsenja ta’ persuni rikjesti, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punti 58 u 59).

80      Barra minn hekk, sa fejn, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta, il-fiduċja li hija tista’ leġittimament tagħti lis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż terz ikkonċernat.

81      Min-naħa l-oħra, l-għoti lill-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, lill-kunċett ta’ “l-istess atti”, fis-sens tagħha, ta’ portata iktar limitata minn dik irrikonoxxuta fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas u fl-Artikolu 54 tal-KFS, diffiċilment jista’ jiġi rrikonċiljat ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, peress li din il-konvenzjoni hija applikabbli mhux biss għall-Istati Membri, iżda wkoll għal ċerti pajjiżi terzi li aderixxew magħha.

82      Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, bħall-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, il-punt 5 tal-Artikolu 4 tagħha huwa intiż sabiex jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali tal-persuna rikjesta billi tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha, il-fatt li din tkun ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti fi Stat Membru ieħor, u dan jargumenta wkoll favur interpretazzjoni koerenti tal-kunċett ta’ “l-istess atti” li jinsab fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “l-istess atti” li jinsab f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi.

 Fuq it-tielet domanda

84      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, li jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sentenza tkun ġiet skontata, tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza, għandux jiġi interpretat fis-sens li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv għall-istess atti permezz ta’ piena ta’ priġunerija li parti minnha tkun ġiet eżegwita f’pajjiż terz li fih tkun ingħatat is-sentenza, filwaqt li tkun ibbenefikat għall-bqija tal-kundanna minn maħfra tal-piena, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal atti gravi, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali.

85      Skont il-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha jkun jirriżulta li l-persuna rikjesta tkun ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti minn pajjiż terz, “bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni għall-eżekuzzjoni”).

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi b’mod ġenerali għal-“liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza”, mingħajr ma jillimita iktar il-kawża tal-impossibbiltà li tiġi eżegwita l-kundanna.

87      Għaldaqstant, bħala prinċipju, għandhom jiġu rrikonoxxuti l-miżuri kollha ta’ klemenza previsti mil-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza li għandhom bħala effett li l-piena mogħtija ma tistax tiġi eżegwita iżjed u dan, indipendentement, b’mod partikolari, mill-gravità tal-atti, tal-awtorità li tat il-miżura kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet li minnhom hija tirriżulta.

88      Minn dan isegwi li maħfra tal-piena, mogħtija konformement mad-dritt tal-pajjiż li ta s-sentenza, ma tistax a priori tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, inkluż meta din tkun ingħatat minn awtorità mhux ġudizzjarja bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li tibbenefika wkoll lil persuni kkundannati għal atti gravi, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali.

89      Din l-interpretazzjoni, ibbażata fuq il-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, hija kkorroborata mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u mill-iskop tagħha, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mill-għan tad-Deċiżjoni Qafas.

90      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li fih jaqa’ l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini kważi identiċi għal dik li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas. L-Artikolu 54 tal-KFS jinkludi wkoll tali kundizzjoni fformulata b’mod kompletament simili.

91      Konsegwentement, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 74 sa 81 ta’ din is-sentenza, din il-kundizzjoni għandha tingħata portata identika.

92      Minn naħa, għandu jiġi osservat li, skont il-kelmiet tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew “jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu”.

93      L-amnestija, sa fejn ġeneralment għandha l-għan li tneħħi n-natura illegali tal-atti li hija tkopri, bil-konsegwenza li r-reat ma jkunx jista’ jagħti lok għal prosekuzzjonijiet u, jekk tkun diġà ngħatat sentenza, li tintemm l-eżekuzzjoni tagħha, timplika għalhekk, bħala prinċipju, li l-piena mogħtija ma tistax tiġi eżegwita iżjed, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

94      Madankollu, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li ppreveda speċifikament l-ipoteżi tal-amnestija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, kellu l-intenzjoni jeskludi l-amnestija fl-Istat Membru li jagħti s-sentenza, jew anki miżuri oħra ta’ klemenza adottati minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan l-Istat, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u mill-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

95      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, il-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi għall-ipoteżi speċifika li fiha r-reat imwettaq mill-persuna rikjesta ma jistax jagħti lok għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni minħabba l-fatt li huwa kopert minn amnestija f’dan l-Istat Membru, filwaqt li l-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 u fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas tirrigwarda s-sitwazzjoni, fundamentalment differenti, li fiha l-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata f’pajjiż terz jew fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

96      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-iskop tal-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, mill-punt 57 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tikkonsisti fil-prevenzjoni, fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, tal-impunità tar-reati.

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 67(3) TFUE, l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-ħtieġa, għall-Unjoni, li tagħmel ħilitha sabiex tiżgura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll ta’ ġlieda kontriha, permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 62).

98      F’dan il-kuntest, il-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni għandha importanza partikolari peress li, fil-każ li ma tkunx issodisfatta, hija għandha l-effett li tipprevjeni l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u, għaldaqstant, li timponi l-konsenja tal-persuna rikjesta sabiex din tiġi suġġetta għal proċeduri kriminali jew tiskonta l-piena ta’ priġunerija mogħtija kontriha.

99      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit kemm fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fl-Artikolu 54 tal-KFS ma huwiex maħsub biss sabiex tiġi evitata, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-impunità tal-persuni kkundannati permezz ta’ sentenza kriminali definittiva, iżda huwa maħsub ukoll sabiex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-korpi pubbliċi li jkunu saru definittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 77).

100    Issa, iċ-ċertezza legali tal-persuni li kienu s-suġġett ta’ sentenza definittiva ma tistax tiġi ggarantita b’mod utli ħlief jekk dawn ikunu żgurati li, meta jinstabu ħatja u meta l-piena mogħtija lilhom ma tkunx tista’ tiġi iktar eżegwita taħt il-liġi tal-pajjiż li jkun ta s-sentenza, huma jkunu jistgħu jiċċaqalqu fi ħdan l-Unjoni mingħajr il-biża’ li jitressqu proċeduri ġodda kontrihom għall-istess atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain, C‑297/07, EU:C:2008:708, punti 49 sa 50), inkluż meta huma jibbenefikaw minn maħfra tal-piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li ma tkunx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali.

101    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, li fl-applikazzjoni tagħha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni, tali awtorità għandha, hekk kif ġie indikat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, tibbenefika, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva prevista fl-punt 5 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, minn marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilha twettaq eżami każ b’każ billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Fost dawn hemm, b’mod partikolari, il-fatt li l-persuna rikjesta tkun ibbenefikat minn miżura ta’ klemenza ġenerali, il-portata ta’ din il-miżura, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom ittieħdet l-imsemmija miżura.

102    Dan l-eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti għandu jsir fid-dawl tal-għanijiet, imfakkra fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, imfittxija fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod iktar ġenerali, tal-għan, stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE, ta’ prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontriha fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

103    B’mod partikolari, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tibbilanċja, minn naħa, il-prevenzjoni tal-impunità kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, il-garanzija taċ-ċertezza legali tal-persuna kkonċernata, sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skont l-Artikolu 67(1) u (3) TFUE.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, li jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sentenza tkun ġiet skontata, tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv għall-istess atti permezz ta’ piena ta’ priġunerija li parti minnha tkun ġiet eżegwita f’pajjiż terz li fih tkun ingħatat is-sentenza, filwaqt li tkun ibbenefikat għall-bqija tal-kundanna minn maħfra tal-piena, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal atti gravi, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali. Hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha, li għandha tibbilanċja, minn naħa, il-prevenzjoni tal-impunità kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, il-garanzija taċ-ċertezza legali tal-persuna kkonċernata.

 Fuq l-ispejjeż

105    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas talKunsill tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt intern tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni.

2)      Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “l-istess atti” li jinsab f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi.

3)      Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sentenza tkun ġiet skontata, tkun qiegħda tiġi skontata jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv għall-istess atti permezz ta’ piena ta’ priġunerija li parti minnha tkun ġiet eżegwita f’pajjiż terz li fih tkun ingħatat is-sentenza, filwaqt li tkun ibbenefikat għall-bqija tal-kundanna minn maħfra tal-piena, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal atti gravi, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali. Hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha, li għandha tibbilanċja, minn naħa, il-prevenzjoni tal-impunità kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, il-garanzija taċ-ċertezza legali tal-persuna kkonċernata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.