Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-545/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: L. Zaharieva, T. Mitova, M. Georgieva, aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq 1 :

l-Artikolu 1(3), sa fejn jikkonċerna l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ma huwiex possibbli, ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob l-annullament tal-Artikolu 1(3) fl-intier tiegħu; u

l-Artikolu 2(4)(a). Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ma huwiex possibbli, ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob l-annullament tal-Artikolu 2(4) fl-intier tiegħu.

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-talba prinċipali għall-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat ma tistax tintlaqa’, tannulla r-Regolament 2020/1055 fl-intier tiegħu; u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tinvoka 7 motivi:

Ksur tal-Artikolu 90 TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3(3) TUE, mal-Artikolu 11 TFUE, mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 3(5) TUE, mal-Artikolu 208(2) u mal-Artikolu 216(2) TFUE u mal-Ftehim ta’ Pariġi.

Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 2).

Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 18 TFUE u l-Artikoli 21 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri quddiem it-Trattati (Artikolu 4(2) TUE) u, jekk meħtieġ, tal-Artikolu 95(1) TFUE.

Ksur tal-Artikolu 91(1) TFUE.

Ksur tal-Artikolu 90 TFUE, tal-Artikolu 91(2) TFUE u tal-Artikolu 94 TFUE, u tal-Artikolu 3(3) TUE.

Ksur tal-libertà ta’ eżerċizzju ta’ professjoni, tad-dritt għal stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Ksur tal-Artikolu 58(1) TFUE inkonnessjoni mal-Artikolu 91 TFUE u, sussidjarjament, tal-Artikolu 56 TFUE.

____________

1     ĠU 2020, L 249, p. 17.