Language of document : ECLI:EU:T:2015:4

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

14 ta’ Jannar 2015 (*)

“Rinviju wara annullament — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn korp ta’ Nazzjonijiet Uniti — Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fil-lista inkluża fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Skadenza — Żball skużabbli — Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt għar-rispett tal-proprjetà — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”

Fil-Kawża T‑127/09 RENV,

Abdulbasit Abdulrahim, residenti f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn P. Moser, QC, E. Grieves, barrister, H. Miller u R. Graham, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u G. Étienne, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Paasivirta u G. Valero Jordana, bħala aġenti,

konvenuti,

li għandha bħala għan inizjali, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008, tat-22 ta’ Diċembru 2008, li jemenda għall-103 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (ĠU L 345, p. 60), jew ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn dawn l-atti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura qabel ir-rinviju

1        Fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-isem tar-rikorrent, Abdulbasit Abdulrahim, ġie inkluż fil-lista stabbilita mill-kumitat tas-sanzjonijiet stabbilita bir-riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-15 ta’ Ottubru 1999, dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (iktar ʼil quddiem, rispettivament, il-“lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet” u l-“kumitat tas-sanzjonijiet”). Din l-inklużjoni kienet is-suġġett ta’ stqarrija għall-istampa SC/9481 tal-kumitat tas-sanzjonijiet, ippubblikata fit-23 ta’ Ottubru 2008.

2        Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008, tat-22 ta’ Diċembru 2008, li jemenda għall-103 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (ĠU L 345, p. 60), l-isem ta’ A. Abdulrahim ġie b’hekk inkluż fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294) (iktar ʼil quddiem il-“lista kkontestata”).

3        Fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1330/2008, l-imsemmija inklużjoni hija mmotivata b’dan il-mod:

“[…] Informazzjoni oħra: (a) […]; (b) Involut fil-ġbir tal-fondi f’isem il-Libyan Islamic Fighting Group (il-Grupp ta’ Ġellieda Iżlamiċi Libjani); (c) Kellu pożizzjonijiet għoja fi ħdan [il-Libyan Islamic Fighting Group] fir-Renju Unit; (d) Assoċjat mad-Diretturi tas-Sanabel Relief Agency, Ghuma Abd’rabbah, Taher Nasuf u Abdulbaqi Mohammed Khaled u ma’ membri [oħra tal-Libyan Islamic Fighting Group] fir-Renju Unit, inkluż Ismail Kamoka, membru għoli [tal-Libyan Islamic Fighting Group] fir-Renju Unit li nstab ħati u ġie kkundannat fir-Renju Unit f’Ġunju tal-2007 fuq il-bażi ta’ akkużi ta’ finanzjament tat-terroriżmu.”

4        Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1330/2008 tindika li, “[l]adarba l-lista [tal-kumitat tas-sanzjonijiet] ma tipprovdix l-indirizzi kurrenti tal-persuni naturali kkonċernati, għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ mbagħad tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u tagħtihom l-opportunità li jikkumentaw dwar din il-bażi u tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-kummenti u l-informazzjoni addizzjoni li jista’ jkun hemm”. L-avviż inkwistjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-30 ta’ Diċembru 2008 (C 330, p. 106).

5        Permezz ta’ rikors, li l-oriġinali ffirmat tiegħu ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ April 2009, A. Abdulrahim ippreżenta, kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, kawża li essenzjalment tirrigwarda, minn naħa talba għall-annullament tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1330/2008, jew tar-Regolament Nru 1330/2008, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, u min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn dawn l-atti. Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T-127/09.

6        Wara li kisbet konoxxenza tal-indirizz ta’ A. Abdulrahim permezz tan-notifika tar-rikors, il-Kummissjoni kkomunikat lil dan tal-aħħar ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni tiegħu fil-lista kkontestata permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2009. L-Anness ta’ din l-ittra, intitolat “Raġunijiet għall-iskrizzjoni” (iktar ʼil quddiem l-“espożizzjoni tal-motivi”), huwa redatt kif ġej:

“Adbulbasit Abdulrahim […] ġie inkluż [fil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet] fil-21 ta’ Ottubru 2008, b’applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tar-riżoluzzjoni 1822 (2008) [tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] bħala assoċjat mal-Libyan Islamic Fighting Group (LIFG) peress li pparteċipa fil-finanzjament, fl-organizzazzjoni, fl-iffaċilitar, fil-preparazzjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ atti jew ta’ attivitajiet permezz ta’, b’assoċjazzjoni ma’, f’isem jew għan-nom ta’ din l-aħħar imsemmija entità jew sabiex jappoġjha.

Informazzjoni addizzjonali

Il-Libyan Islamic Fighting Group (LIFG […]) huwa grupp estremista ifformat fl-1990. L-għan inizjali tal-[Libyan Islamic Fighting Group] kien li jissostitwixxi r-reġim tal-kurunell Gaddafi bi Stat Iżlamiku rigoruż. Fis-snin disgħin, il-[Libyan Islamic Fighting Group] eżegwixxa diversi operazzjonijiet fi ħdan il-Libja, inkluż l-attentat ta’ qtil tal-kurunell Gaddafi fl-1996. Wara l-azzjoni tal-Gvern Libjan, li wasslet għall-qtil jew għall-arrest ta’ ċertu numru ta’ membri tal-[Libyan Islamic Fighting Group], diversi membri tal-[Libyan Islamic Fighting Group] telqu mil-Libja.

Fit-3 ta’ Novembru 2007, il-[Libyan Islamic Fighting Group] ingħaqad formalment mal-Al-Qaida. L-għaqda ġiet iddikjarata fuq is-sit tal-internet ġiħadist assoċjat mal-Al-Qaida (il-grupp tal-medja tal-Al-Saheb). L-għaqda ġiet iddikjarata permezz ta’ żewġ videos; l-ewwel mit-tieni kmandant tal-Al-Qaida, Ayman Al-Zawahiri, it-tieni minn Abu Laith Al Libi, li kien dakinhar membru importanti tal-[Libyan Islamic Fighting Group], u mexxej importanti tal-Mujahidin u għalliem għall-Al-Qaida fl-Afganistan, maqtul minn missila Amerikana f’Jannar 2008.

Il-[Libyan Islamic Fighting Group] huwa parti mill-moviment Al-Qaida li jkompli jhedded il-paċi u s-sigurtà globali. Konsegwentement, fis-6 ta’ Ottubru 2001, in-Nazzjonijiet Uniti żiedu il-[Libyan Islamic Fighting Group] fil-lista kkonsolidata tagħhom tal-entitajiet assoċjati mal-Al-Qaida. Il-[Libyan Islamic Fighting Group] ġiet prekluża bħala organizzazzjoni terrorista fir-Renju Unit skont it-Terrorism Act 2000, b’effett mill-14 ta’ Ottubru 2005. Bl-implikazzjoni konsapevoli tiegħu f’entità li hija marbuta mal-Al-Qaida u mal-attivitajiet terroristi tagħha, [M. Abdulrahim] jissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-[kumitat tas-sanzjonijiet].

Skont l-informazzjoni li għandu l-Gvern tar-Renju Unit, Abdulbasit Abdulrahim huwa kkunsidrat bħala estremista islamiku involut f’attivitajiet b’konnessjoni mat-terroriżmu. Preċedentement huwa okkupa postijiet ta’ kariga għolja fi ħdan il-Libyan Islamic Fighting Group u għadu f’kuntatt mill-qrib mal-persuni responsabbli għolja tal-[Libyan Islamic Fighting Group] fir-Renju Unit. Huwa assoċjat mill-qrib mal-mexxejja tal-aġenzija ta’ assistenza Sanabel – organizzazzjoni karitattiva Libjana li ġiet indikata min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-finanzjatur tal-[Libyan Islamic Fighting Group] […]. Huwa wkoll marbut mill-qrib ma’ Ghuma Abd’rabbah, Tahir Nassuf u Abdulbaqi Mohammed Khaled, li huma kollha suġġetti ta’ indikazzjonijiet pendenti tan-Nazzjonijiet Uniti […].

Il-persuni assoċjati ma’ A. Abdulrahim jinkludu lil Ismail Kamoka, mexxej tal-[Libyan Islamic Fighting Group] fir-Renju Unit. Fil-11 ta’ Ġunju 2007, I. Kamoka xehed li huwa ħati fir-Renju Unit fil-konfront ta’ akkuża li ‘jikkonkludi ftehim jew li huwa involut fi ftehim bil-għan li jirrendi l-beni tiegħu disponibbli għal oħrajn bi ksur tat-taqsima 17 tat-Terrorism Act 2000’. Id-dettalji tar-reat kienu li I. Kamoka, flimkien ma’ żewġ individwi oħra “fit-3 ta’ Ottubru 2005 jew qabel, ikkonkludew ftehim jew kienu involuti fi ftehim li warajh beni ġew jew kellhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ persuni oħra, b’konsapevolezza jew fil-preżenza raġonevoli li jagħtu lok għal suspett li dawn il-beni ser jew jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ terroriżmu’. I. Kamoka ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u disa’ xhur.

[…]”

7        L-espożizzjoni tal-motivi hekk ikkomunikata mill-Kummissjoni tikkorrispondi għas-“sunt tal-motivi” anness mal-ittri mibgħuta lil A. Abdulrahim mill-ministeru tal-affarijiet barranin tal-Commonwealth tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (UK Foreign and Commonwealth Office, iktar ʼil quddiem l-“FCO”) fil-5 ta’ Novembru 2008 u fit-23 ta’ Frar 2009. Din tikkorrispondi wkoll għas-“sunt tal-motivi” li wassal għall-iskrizzjoni ta’ A. Abdulrahim fil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet, kif ippubblikata fid-9 ta’ Marzu 2009.

8        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

9        A. Abdulrahim wieġeb għall-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2009 permezz tal-ittra tal-avukati tiegħu tad-19 ta’ Awwissu 2009, flimkien ma’ serje ta’ annessi maħsuba sabiex jikkonfutaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

10      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2009, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

11      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2009, A. Abdulrahim ġie ammess għall-benefiċċju tal-għajnuna legali u J. Jones u M. Arani ġew innominati sabiex jirrappreżentawh. Permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2010, l-imsemmi digriet tas-26 ta’ Ottubru 2009 ġie emendat sa fejn dan kien jinnomina lil J. Jones u M. Arani bħala avukati sabiex jassistu lill A. Abdulrahim. Skont il-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet il-ġdid, ġew innominati H. Miller u E. Grieves bħala avukati inkarigati sabiex jirrappreżentaw lil A. Abdulrahim, b’effett mill-11 ta’ Marzu 2010.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali rrifjuta li jinkludi fil-proċess “risposta addizzjonali” tal-Kunsill, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2010. Il-Kunsill oġġezzjona għal din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2010.

13      Peress illi l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula mis-sena l-ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha din il-kawża, għaldaqstant, ġiet assenjata.

14      Fit-22 ta’ Diċembru 2010, il-kumitat tas-sanzjonijiet ddeċieda li jħassar l-isem ta’ A. Abdulrahim mil-lista tiegħu.

15      Fis-6 ta’ Jannar 2011, l-avukati ta’ A. Abdulrahim kitbu lill-Kummissjoni sabiex jitolbu t-tħassir ta’ ismu mil-lista kkontestata.

16      Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 36/2011, tat-18 ta’ Jannar 2011, li jemenda għall-143 darba r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 14, p. 11), l-isem ta’ A. Abdulrahim tneħħa mil-lista kkontestata.

17      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2011, A. Abdulrahim ippreżenta talba għal għajnuna legali addizzjonali skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, għat-tkomplija tar-rikors. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ġunju 2011, din it-talba ntlaqgħet parzjalment.

18      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni bagħtet kopja tar-Regolament Nru 36/2011 lill-Qorti Ġenerali.

19      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2011, il-partijiet kienu mistiedna jikkummentaw bil-miktub dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskop tar-rikors ta’ A. Abdulrahim, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011. Huma rrispettaw din it-talba fit-terminu stabbilit.

20      Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Frar 2012 (iktar ʼil quddiem id-“digriet dwar nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni”), il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament, mingħajr il-bżonn għaldaqstant li tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-ammissibbiltà tagħha. Fir-rigward tat-talba għal kumpens, il-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala, fi kwalunkwe każ, manifestament infondata. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, minn naħa qasmet l-ispejjeż marbuta mat-talba għal annullament u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lill-A. Abdulrahim għall-ispejjeż kollha marbuta mat-talba għal kumpens.

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2012, A. Abdulrahim ippreżenta appell kontra d-digriet dwar nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni.

22      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ʼil quddiem is-“sentenza tar-rinviju”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet dwar nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, sa fejn dan kien jistabbilixxi li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament, u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni mill-ġdid fuq ir-rikors għal annullament ta’ A. Abdulrahim, filwaqt li rriżervat l-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkunsidrat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li A. Abdulrahim kien tilef l-interess ġuridiku tiegħu fl-annullament, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

23      Il-kawża ġiet assenjata lit-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali. Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet fil-bidu tas-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li lilha din il-kawża, għaldaqstant, ġiet assenjata.

24      Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ippreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub.

25      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Awwissu 2013, A. Abdulrahim jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament Nru 1330/2008 sa fejn dan jikkonċernah;

–        tirrimborsah l-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kemm qabel kif ukoll wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, u, fi kwalunkwe każ, dawk marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

26      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli u li tikkundanna lil A. Abdulrahim għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

27      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara r-rikors għal annullament inammissibbli u li tikkundanna lil A. Abdulrahim għall-ispejjeż.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-konvenuti jipproduċu, fejn ikun xieraq, l-informazzjoni kollha u l-provi kollha, kemm jekk kunfidenzjali u kemm jekk le, li dawn l-istituzzjonijiet jista’ jkollhom dwar il-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-kumitat tas-sanzjonijiet u li huma jqisu rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fil-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ʼil quddiem is-“sentenza Kadi II”). Il-partijiet ikkonformaw ma’ din l-istedina fit-terminu stabbilit.

29      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2014, li warajha ngħalqet il-proċedura orali u l-kawża ġiet iddeliberata.

 Il-fatti

30      A. Abdulrahim jesponi li huwa ċittadin tar-Renju Unit imwieled fil-Libja u li huwa ġie inkluż, qabel xejn fil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet, imbagħad fil-lista kkontestata, fil-kwalità ta’ persuna ssuspettata li tappoġġa t-terroriżmu, fuq talba tar-Renju Unit. Din l-iskrizzjoni kienet inizjalment immotivata, fl-ittra tal-FCO tal-5 ta’ Novembru 2008, miċ-ċirkustanza li huwa kien membru tal-Libyan Islamic Fighting Group (iktar ʼil quddiem il-“LIFG”), li din l-entità kienet marbuta mal-Al-Qaida u li kien għaldaqstant jissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-kumitat tas-sanzjonijiet. Mill-4 ta’ Novembru 2009, madankollu, l-FCO ħadmet attivament sabiex tikseb it-tħassir ta’ isimha mil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet.

31      Barra minn hekk, A. Abdulrahim isostni li huwa qatt ma kien suġġett ta’ prosekuzzjoni fir-Renju Unit jew x’imkien ieħor, inkonnessjoni mal-involviment allegat fin-netwerk tal-Al-Qaida jew fit-terroriżmu. Għaldaqstant huwa qatt ma tpoġġa f’pożizzjoni li jipprova l-innoċenza tiegħu.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tar-rikors odjern wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja

32      Kif irrileva ġustament il-Kunsill, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq talba għal kumpens u fuq l-ispejjeż sostnuti għal din it-talba, inklużi fid-digriet dwar nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, ma ġietx appellata u konsegwentement, saret res judicata. Għaldaqstant, ma hemm lok li tingħata l-ebda deċiżjoni oħra għajr dik dwar it-talba għal annullament.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

33      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-terminu għall-preżentata tar-rikors ta’ xahrejn previst mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif ġie kkalkolat mill-partijiet mit-tmiem tal-erbatax-il ġurnata mill-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1330/2008 fil-Ġurnal Uffiċjali, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u miżjud bit-terminu ta’ darba ta’ għaxart ijiem minħabba d-distanza previst mill-Artikolu 102(2) tal-imsemmi regolament, kien jiskadi fis-16 ta’ Marzu 2009.

34      Huwa wkoll stabbilit li kopja ffirmata tar-rikors u tal-annessi tiegħu waslu fir-Reġistru permezz ta’ faks fis-16 ta’ Marzu 2009, li l-kopji ċċertifikati konformi ta’ dan ir-rikors waslu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2009, bħalma wasal ukoll eżempju ta’ dan tal-aħħar b’firma ġdida, differenti mill-firma fuq il-kopja riċevuta permezz tal-faks, u li l-verżjoni oriġinali tar-rikors waslet biss fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2009, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem wara li jintbagħat permezz tal-faks, kif stabbiliti mill-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

35      Isegwi li fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjonijiet ir-rikors ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu.

36      Ir-rikors jidher li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu wkoll anki jekk, minflok dan tal-aħħar jiġi kkalkolat mill-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1330/2008 fil-Ġurnal Uffiċjali, fit-23 ta’ Diċembru 2008, kif għamlu l-partijiet fl-atti tagħhom, jiġi kkalkolat mid-data tal-avviż ippubblikat għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fil-Ġurnal Uffiċjali, fit-30 ta’ Diċembru 2008 (ara l-punt 4 iktar ʼil fuq), kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 53 sa 59).

37      Madankollu, jirriżulta mill-elementi tal-proċess u mill-ispjegazzjonijiet ta’ A. Abdulrahim inklużi, b’mod partikolari, f’ittra indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2009, sostnuti minn dokumenti ta’ sostenn li huma anness magħhom, li l-avukati ta’ dan tal-aħħar irrikorrew għal servizz tal-posta dipendenti fuq l-operatur postali storiku tar-Renju Unit (iktar ʼil quddiem is-“servizz postali”) fis-16 ta’ Marzu 2009 bejn wieħed u ieħor fil-17.00, bil-għan li jibagħtu l-verżjoni oriġinali ffirmata tar-rikors u l-kopji ċċertifikati konformi tiegħu lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-Lussemburgu. L-indirizz postali tar-Reġistru jidher imsemmi korrettement fuq l-envelop tas-servizz postali użat f’din l-okkażjoni, u l-prezz tas-servizz, jiġifieri 37.29 liri sterlini (GBP), li ġie mħallas.

38      Ladarba informati, fil-25 ta’ Marzu 2009, permezz ta’ telefonata mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, li dan tal-aħħar kien għadu ma rċeviex id-dokumenti fdati lis-servizz postali, l-avukati ta’ A. Abdulrahim bagħtu lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali kopji ċċertifikati konformi oħra tar-rikors, fl-istess jum, permezz tas-servizz postali internazzjonali DHL. F’din l-istess okkażjoni, huma bagħtu lir-Reġistru eżempju tar-rikors b’firma oriġinali ġdida, iżda differenti mill-firma fuq il-verżjoni oriġinali. Dawn id-dokumenti waslu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2009.

39      Irriżulta ulterjorment li, għal xi raġuni li baqgħet ma ġietx spjegata, is-servizz tal-posta ma eżegwiex it-trasport tad-dokumenti kkonċernati, li ġew irritornati lill-avukati ta’ A. Abdulrahim, mingħajr ebda spjegazzjoni, fl-14 ta’ April 2009. Fl-istess jum, dawn tal-aħħar għaldaqstant irrikorrew mill-ġdid għand DHL, li l-għada wassal il-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat, lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

40      Il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fid-digriet tiegħu dwar l-għajnuna legali tas-26 ta’ Ottubru 2009, iċċitat iktar ʼil fuq, li ma jistax jiġi eskluż li dawn l-elementi u spjegazzjonijiet jistabbilixxu l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew ta’ żball skużabbli li waqqaf lil A. Abdulrahim milli jippreżenta l-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu ta’ għaxart ijiem wara l-komunikazzjoni tal-kopja ta’ dan l-oriġinal permezz tal-faks, kif stabbilit mill-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, madankollu, li ċ-ċirkustanzi invokati minn A. Abdulrahim ma jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanzi eċċezzjonali, ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza stabbilita.

42      Fl-ewwel lok, A. Abdulrahim għażel li juża s-servizz l-inqas affidabbli tas-servizz postali, fir-rigward tat-termini tat-trasport u l-possibbiltajiet ta’ segwitu tat-trasport. L-irċevuta mehmuża mal-ittra tal-avukati tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2009 fil-fatt tindika li s-servizz magħżul kien servizz mingħajr segwitu. Barra minn hekk, skont is-sit tal-internet tas-servizz postali, dan is-servizz kellu termini ta’ trasport ta’ mhux inqas minn erbat ijiem, filwaqt li ż-żewġ servizzi l-oħra proposti minn din il-kumpannija jinvolvu segwitu u jibbenefikaw minn termini ta’ trasport ta’ tlett ijiem.

43      Fit-tieni lok, A. Abdulrahim ma vverifikax mar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jekk il-verżjoni oriġinali tar-rikors ġietx ippreżentata qabel l-iskadenza. Huwa rreaġixxa biss wara li rċieva telefonata mir-Reġistru. Issa, f’dan il-mument, jiġifieri l-jum ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu, kien diġà tard wisq sabiex tiġi rkuprata l-verżjoni oriġinali tar-rikors mingħand is-servizz postali u li jiġi rrinvijat lill-Qorti Ġenerali fit-termini stabbiliti.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, A. Abdulrahim ma jistax, skont il-Kummissjoni, jibbaża ruħu fuq il-funzjonament ħażin jew in-nuqqas tas-servizz postali sabiex jiġi eżentat mid-dekadenza tar-rikors tiegħu.

45      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika f’każ ta’ diffikultajiet anormali, indipendenti mill-volontà tal-persuna u li jkunu jidhru inevitabbli anki jekk ikun sar kull sforz (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Frar 1984, Acciaierie e Ferriere Busseni vs Il‑Kummissjoni, 284/82, Ġabra p. 557, punt 11; tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il‑Kummissjoni, 42/85, Ġabra p. 3749, punt 10, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2007, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punti 16 u 17). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement li hija l-persuna kkonċernata li għandha tistabbilixxi, minn naħa, li minħabba ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u esterni għaliha kien impossibbli għaliha li tosserva t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma setgħetx tipproteġi ruħha kontra l-konsegwenzi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi billi tieħu l-miżuri adegwati mingħajr ma ssofri sagrifiċċji eċċessivi (sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 72). B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini stabbiliti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2011, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 32). B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini previsti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra p. I‑8849, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, mill-fatti u miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 37 sa 39 iktar ʼil fuq kif ukoll mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-avukati ta’ A. Abdulrahim taw prova ta’ kull sforz rikjest u li huma kkonformaw ruħhom puntwalment, b’mod partikolari, mal-punt 7 tal-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, li jistabbilixxi li l-verżjoni oriġinali ffirmata tar-rikors għandha tintbagħat “mingħajr dewmien, immedjatament mat-trażmissjoni tal-kopja [permezz tal-faks]”. Fil-fatt, il-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat ingħata lis-servizz postali fis-16 ta’ Marzu 2009, jiġifieri fl-istess jum li ntbagħtet kopja permezz tal-faks.

47      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-imsemmija avukati setgħu raġonevolment jistennew li l-imsemmi verżjoni oriġinali ffirmata tasal fir-Reġistru f’terminu inferjuri għal dak ta’ għaxart ijiem li huma kellhom għal dan l-għan, dekorribbli mis-16 ta’ Marzu 2009. Fil-fatt, sabiex jagħmlu dan huma rrikorrew għal servizz b’reputazzjoni ta’ affidabbiltà, dipendenti tal-operatur postali storiku tar-Renju Unit. Is-servizz postali barra minn hekk jindika fuq is-sit tal-internet tiegħu, li huwa jiżgura normalment il-kunsinna ta’ ittri b’indirizz fil-Lussemburgu, fil-kuntest tas-servizz standard tiegħu, li huwa dak li għażlu l-avukati ta’ A. Abdulrahim, f’terminu ta’ erba’ sa sitt ijiem, jiġifieri f’terminu sinjifikattivament inferjuri għal għaxart ijiem li dan kellu, u dan kien jagħtih marġni komdu ta’ sigurtà.

48      Ċertament, kif irrilevaw il-Kummissjoni u l-Kunsill, is-servizz postali jipproponi żewġ servizzi oħra ta’ posta internazzjonali, sinjifikattivament iktar onerużi, li jiżguraw normalment it-trasport ta’ tali posta f’terminu li jvarja bejn jumejn u tlett ijiem u li jippermettu, barra minn dan, is-segwitu tal-posta (tracking).

49      Madankollu, ma jistax jiġi mistenni minn rikorrent, a fortiori meta dan tal-aħħar ikun ibbenefika, bħal f’dan il-każ, mill-għajnuna legali, li huwa jagħżel is-servizz l-iktar oneruż tal-posta internazzjonali proposta mill-operatur postali, meta servizz inqas oneruż propost mill-istess operatur ikun jidher adegwat, bħala prinċipju, biex jiżgura t-trasport tal-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat lejn ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit.

50      Fir-rigward tal-fatt li l-avukati ta’ A. Abdulrahim ma żgurawx, permezz ta’ kuntatt mar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-wasla f’dan tal-aħħar tal-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat, din ma hijiex determinanti fid-dawl tal-ġurisprudenza, li ma tirrikjedix speċifikament it-twettiq ta’ tali pass, iktar u iktar meta t-termini, bħala prinċipju, qegħdin hemm sabiex jiskadu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 1988, Inter-Kom, 71/87, Ġabra p. 1979, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑251/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

51      Fi kwalunkwe każ, l-avukati ta’ A. Abdulrahim ma setgħu jagħmlu xejn iktar sabiex jirrimedjaw in-nuqqas tas-servizz postali, ġaladarba l-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat ingħatat lil dan is-servizz, peress li, minħabba dan l-istess nuqqas, il-verżjoni oriġinali inkwistjoni kienet ġiet “ippostjata ħażin” u ma setgħetx iktar tiġi rkuprata minnhom, indipendentement mill-isforzi tagħhom, bil-ħsieb li din titwassal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali b’mezzi oħra.

52      B’mod iktar speċifiku, fid-data tal-25 ta’ Marzu 2009 bħal kull jum immedjatament preċedenti ieħor, jekk dawn ma ridux sempliċement jistennew filwaqt li jisperaw li s-servizz postali jsib u jwassal b’mod tempestiv il-verżjoni oriġinali li ġiet impostata ħażin, l-avukati ta’ A. Abdulrahim kellhom biss “mezz” wieħed sabiex jipprovaw jirrimedjaw in-nuqqas tas-servizz postali, billi jibagħtu direttament lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali eżempju tar-rikors b’firma ġdida oriġinali, intiż li jissosstitwixxi l-verżjoni oriġinali li ġiet impostata ħażin. Kien proprju dan il-pass li huma adottaw, kif huma stqarrew waqt is-seduta.

53      Il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-avukati ta’ A. Abdulrahim għamlu l-isforzi kollha sabiex jipprovaw jirrimedjaw it-telf fortuwitu tal-verżjoni oriġinali tar-rikors iffirmat u li b’hekk josservaw it-termini previsti.

54      Iċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza, każ fortuwitu huma b’hekk issodisfatti f’dan il-każ, peress li l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors kienet interament u esklużivament imputabbli għal funzjonament ħażin jew nuqqas, li baqa’ ma ġiex spjegat, tas-servizz postali, li ma kienx normalment prevedibbli, u li fir-rigward tiegħu saru l-isforzi kollha sabiex jiġi rrimedjat.

55      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u sostnuta mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn A. Abdulrahim wara r-rinviju

56      Il-Kunsill josserva li l-osservazzjonijiet ta’ A. Abdulrahim fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ntbagħtu lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Lulju 2013, filwaqt li, fl-opinjoni tiegħu, il-verżjoni oriġinali ffirmata ta’ dawn l-osservazzjonijiet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem stabbilit fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Id-data meqjusa hija dik tal-preżentata ta’ dawn l-osservazzjonijiet u konsegwentement dik tat-13 ta’ Awwissu 2013. Il-Kunsill ikkunsidra, li dawn l-osservazzjonijiet huma inammissibbli, peress li ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 119(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura.

57      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jibda mill-premessa li l-imsemmi terminu ta’ xahrejn dekorribbli min-notifika tal-persuna kkonċernata bis-sentenza tar-rinviju, miżjud b’terminu ta’ darba ta’ għaxart ijiem minħabba d-distanza, kien diġà skada fit-13 ta’ Awwissu 2013.

58      Issa, mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess tal-proċedura jirriżulta li dan it-terminu jiskadi fir-realtà f’dan l-istess jum, jiġifieri fit-13 ta’ Awwissu 2013. Fil-fatt, in-notifika ta’ A. Abdulrahim bis-sentenza tar-rinviju saret bil-komunikazzjoni lilu tas-sentenza, permezz ta’ ittra rreġistrata li huwa rċieva fit-3 ta’ Ġunju 2013. Għalhekk, it-terminu tal-Artikolu 119(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, miżjud b’terminu ta’ darba ta’ għaxart ijiem minħabba d-distanza, skada fit-13 ta’ Awwissu 2013.

59      Konsegwentement, l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ A. Abdulrahim ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-aħħar jum inkluż f’dan l-imsemmi terminu, u ma hemmx lok li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu tar-rikors għal annullament

60      Formalment, A. Abdulrahim jinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u/jew tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, kif dawn huma protetti mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u sanċiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu li jgawdi paċifikament l-beni u l-proprjetà tiegħu. Ir-raba’ huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja.

61      Sostanzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll, fil-punt 75 tas-sentenza tar-rinviju, li A. Abdulrahim ma invokax biss motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, iżda li huwa “jikkontesta wkoll li kien marbut mal-Al-Qaida” u li huwa “jsostni li l-iskrizzjonij tiegħu fil-lista kkontestata kienet saret sempliċiment minħabba li kien jifforma parti minn komunità ta’ refuġjati Libjani li uħud minnhom, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, kienu involuti f’attivitajiet terroristiċi”.

62      Issa, fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Kadi II (punt 119), li, f’każ ta’ kontestazzjoni mill-persuna kkonċernata tal-legalità tad-deċiżjoni tal-iskrizzjoni jew taż-żamma ta’ isimha fil-lista kkontestata, il-Qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari, bħala stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata tali deċiżjoni, tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti.

63      Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (sentenza Kadi II, punt 120; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59). Huwa preċiżament bil-għan li tikkonforma ruħha, f’dan il-każ, mal-modalitajiet li l-Qorti tal-Ġustizzja assoċjat mal-istħarriġ ġudizzjarju impost fuq il-qorti tal-Unjoni, li l-Qorti Ġenerali adottat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deskritta fil-punt 28 iktar ʼil fuq.

64      Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (sentenza Kadi II, punt 121).

65      Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fis-sunt ipprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna kkonċernata (sentenza Kadi II, punt 122).

66      Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija għalhekk din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha, jiġifieri, f’dan il-każ, l-indikazzjonijiet li jinsabu fis-sunt tal-motivi pprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet, l-osservazzjonijiet u l-elementi li għandhom eventwalment jiġu prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll it-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni tiċħdu inkwantu bħala li jsostni d-deċiżjoni dwar iskrizzjoni jew ta’ żamma tal-iskrizzjoni inkwistjoni (Kadi II, punt 123).

67      Jekk, bil-kontra, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata għas-suġġett tagħhom (sentenza Kadi II, punt 124), fejn xieraq billi timplementa tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi ta’ informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit biżżejjed lill-parti fil-kawża r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, skont il-pjan li għandu jiġi segwit indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 125 sa 129 tas-sentenza Kadi II tagħha.

68      Fir-rigward tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif iddefinit fil-punti 117 sa 129 tas-sentenza Kadi II, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-sunt ipprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet hija biżżejjed preċiża u konkreta, li hija sostnuta u li tikkostitwixxi fiha nnifisha bażi suffiċjenti sabiex issostni dan l-att, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux, ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ dan l-att. F’każ kuntrarju, hija għandha tipproċedi bl-annullament tal-att ikkontestat (sentenza Kadi II, punt 130).

69      Minn dawn l-elementi ta’ analiżi preċedenti jirriżulta li r-rispett tar-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ, minn naħa, mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li hija tikkomunika lill-persuna kkonċernata sunt tal-motivi pprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma ta’ isem ta’ din il-persuna fil-lista kkontestata, li hija tippermettilha li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw provi prodotti minn din il-persuna (sentenza Kadi II, punt 135).

70      Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet jimplika, min-naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati f’dan is-sunt ipprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet kif ukoll, skont il-każ, in-natura stabbilita tal-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu mal-motiv ikkonċernat fid-dawl tal-elementi li ġew ikkomunikati (sentenza Kadi II, punt 136).

71      Min-naħa l-oħra, il-fatt, għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li ma tagħmilx aċċessibbli għall-persuna kkonċernata u, ulterjorment, għall-qorti tal-Unjoni informazzjoni jew provi, li huma biss f’idejn il-kumitat tas-sanzjonijiet jew ta’ membru tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) kkonċernat, relatati mas-sunt tal-motivi li huwa l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax, inkwantu tali, jistabbilixxi konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-istess drittijiet. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi li jinsabu fis-sunt ipprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u elementi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, ma jkollhiex informazzjoni supplimentari jew provi. Bħala konsegwenza, ikun impossibbli għaliha li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux iservu bħala bażi għad-deċiżjoni dwar inklużjoni kkontestata (sentenza Kadi II, punt 137).

72      F’dan il-każ, permezz tal-motivi inklużi fis-sunt tal-motivi, kif ikkomunikati mill-kumitat tas-sanzjonijiet (ara l-punt 6 iktar ʼil fuq), essenzjalment A. Abdulrahim qiegħed jiġi attribwit b’“implikazzjoni konsapevoli […] f’entità li hija marbuta mal-Al-Qaida u mal-attivitajiet terroristi tagħha”, jiġifieri l-LIFG. B’mod iktar preċiż qiegħed jiġi allegat li A. Abdulrahim, fl-ewwel lok, okkupa postijiet ta’ kariga għolja fi ħdan il-LIFG, fit-tieni lok, li dan baqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-persuni responsabbli għolja tal-LIFG fir-Renju Unit, fit-tielet lok, li huwa assoċjat mill-qrib mad-diretturi tal-aġenzija ta’ assistenza Sanabel, fir-raba’ lok, li huma marbut mil-qrib ma’ Ghuma Abd’rabbah, Tahir Nassuf u Abdulbaqi Mohammed Khaled, u, fil-ħames lok, li huwa assoċjat mill-qrib ma’ Ismail Kamoka.

73      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-motiv ta’ ordni ġenerali b’hekk invokat fil-konfront ta’ A. Abdulrahim, dan huwa bbażat fuq il-premessa doppja komuni, iddikjarata b’mod espliċitu fl-espożizzjoni tal-motivi, li ssosnti, minn naħa li, A. Abdulrahim kien “implikat” fil-LIFG u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar kien inizjalment assoċjat mal-Al-Qaida, u sussegwentement ingħaqad ma’ din l-organizzazzjoni, b’tali mod li l-membri u l-assoċjati kollha kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-kumitat tas-sanzjonijiet, bħala persuni marbuta mal-Al-Qaida. L-allegata rabta li A. Abdulrahim kellu mal-Al-Qaida hija bbażata esklużivament minn naħa fuq rabtiet mal-LIFG, u min-naħa l-oħra fuq l-alleanza tal-LIFG mal-Al-Qaida, li l-LIFG ingħaqad magħha uffiċjalment f’Novembru 2007.

74      Issa, din il-premessa doppja ma tidhrix li hija stabbilita b’mod sħiħ u fondata fid-dawl mhux biss tal-konfutazzjonijiet iddettaljati ta’ A. Abdulrahim, iżda wkoll minn konstatazzjonijiet ta’ fatt użati b’mod sovran mill-qrati kompetenti Ingliżi, f’deċiżjonijiet prodotti minn A. Abdulrahim u inklużi fil-proċess.

75      Fir-rigward tas-sustanza ta’ dawn il-konfutazzjonijiet, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iktar partikolari d-dikjarazzjoni bil-miktub (“witness statement”) ta’ A. Abdulrahim tat-13 ta’ Marzu 2009 (Anness 11 tar-rikors), u tal-ittra tal-avukati tiegħu lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Awwissu 2009, b’risposta għall-espożizzjoni tal-motivi (Anness 4 tar-risposta tal-Kunsill), u għall-ittra tal-avukati tiegħu lill-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2010, redatta fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid fil-każ ta’ A. Abdulrahim (Anness 1 tal-osservazzjonijiet ta’ A. Abdulrahim wara r-rinviju).

76      F’dan ir-rigward, A. Abdulrahim isostni, essenzjalment, li huwa qatt ma kien assoċjat mal-Al-Qaida, ma’ Usama bin Laden, jew man-network tat-Taliban u li huwa bl-ebda mod ma kien assoċjat ma’ attivitajiet terroristiċi. Fir-rigward tal-allegata implikazzjoni tiegħu fl-Al-Qaida, huwa jesponi b’mod iktar partikolari li huwa ħarab mil-Libja, peress li kien jopponi r-reġim tal-kurunell Gaddafi u peress li ħajtu kienet mhedda, ir-raġuni li wasslet sabiex jingħata d-dritt għall-ażil fir-Renju Unit. Huwa jiddikjara li ngħaqad mill-ġdid mal-LIFG fl-1996, peress li dan tal-aħħar kien jopponi l-kurunell Gaddafi u kien jippromwovi l-Iżlam, iżda jżid li waqqaf l-involviment fih b’xi mod sa mill-aħħar tal-2000 jew sa mill-bidu tal-2001. Dwar l-allegata assoċjazzjoni tal-LIFG mal-Al-Qaida, huwa jsostni li parti biss mill-“grupp afgan tal-LIFG” ingħaqad mal-Al-Qaida, fl-2007, u dan ġie kkonfermat minn Ayman Al-Zawahiri nnifsu waqt intervista fis-17 ta’ April 2008. Huwa jiddikjara li dispost jipproduċi xhieda li tikkonferma d-dikjarazzjonijiet tiegħu, kif ukoll li jipproduċi opinjoni ta’ espert dwar l-organizzazzjoni u l-attivitajiet tal-LIFG u fuq is-sitwazzjoni fil-Libja, jekk il-Qorti Ġenerali tirrikjedihom.

77      Fin-nuqqas ta’ kull element ieħor ta’ informazzjoni jew ta’ prova prodotta mill-istituzzjonijiet konvenuti li jsostnu l-allegazzjoni marbuta mal-adeżjoni ta’ A. Abdulrahim mal-LIFG, din tal-aħħar tidher stabbilita sal-grad rikjest mil-liġi biss għall-perijodu ta’ bejn l-1996 sa l-aħħar tal-2000 jew sal-bidu tal-2001, jiġifieri perijodu mhux previst speċifikament mill-allegazzjoni ta’ assoċjazzjoni tal-LIFG mal-Al-Qaida, u wisq inqas minn dik ta’ għaqda bejn dawn iż-żewġ entitajiet, f’Novembru 2007. Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu A. Abdulrahim ma kienx għadu membru tal-LIFG għal kważi sena meta dan ġie inkluż fil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet, fis-6 ta’ Ottubru 2001. Jeħtieġ li tiġi rrilevata wkoll id-distanza temporali li tissepara l-perijodu tal-adeżjoni ta’ A. Abdulrahim fil-LIFG, mill-1996 sal-aħħar tal-2000 jew sal-bidu tal-2001, sad-data tal-iskrizzjoni tiegħu fil-lista kkontestata, fit-22 ta’ Diċembru 2008 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi II, punt 156).

78      Sa fejn dawn jinkludu ċerti evalwazzjonijiet rilevanti fuq il-LIFG u l-membri tagħha, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċerti deċiżjonijiet tal-qrati kompetenti Ingliżi, prodotti fil-proċess minn A. Abdulrahim, jiġifieri: is-sentenza tas-27 ta’ April 2007, DD and AS vs Secretary of State for the Home Department SC/50/2005 and SC/42/2005, tal-iSpecial Immigration Appeal Commission (SIAC), is-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2008, AU and Others vs Secretary of State of the Home Department [2008] EWHC 2789 (Admin), tal-High Court of Justice (England & Wales) (Queen’s Bench Division, Administrative Court), u s-sentenza tat-30 ta’ April 2009, AV vs Secretary of State for the Home Department [2009] EWHC 902 (Admin), tal-High Court of Justice (England & Wales) (Queen’s Bench Division, Administrative Court) (rispettivament Annessi 3, 4 u 5 tar-risposta tal-Kummissjoni).

79      Minn naħa, dawn id-deċiżjonijiet jikkonfermaw, essenzjalment, li, tal-inqas sa Marzu 2004, il-LIFG ma kienx meqjus mis-servizzi tas-sigurtà tar-Renju Unit bħala li jirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali, peress li l-għan prinċipali tiegħu kien it-tibdil tal-Gvern Libjan. Is-sentenza tas-SIAC b’hekk tindika, b’mod partikolari, li l-LIFG kien ikklassifikat bħala organizzazzjoni terroristika fl-Istati Uniti mhux qabel l-2004, u fir-Renju Unit mhux qabel l-14 ta’ Ottubru 2005.

80      Min-naħa l-oħra, minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta essenzjalment li, skont il-qrati kompetenti Ingliżi, anki wara l-2001 u sal-2007 u lil hinn, ma kinux il-membri kollha tal-LIFG li kienu assoċjati jew li saru parti mill-Al-Qaida, iżda biss parti minnhom. Dawn il-qrati b’hekk irrifjutaw li jiddikjaraw li l-fatt li persuna kienet marbuta mal-LIFG juri awtomatikament li din il-persuna kellha rabta mal-Al-Qaida. L-approċċ adottat minn dawn il-qrati kkonsista f’dikjarazzjoni li ċerti membri tal-LIFG setgħu jkunu allinjati mal-Al-Qaida jew marbuta magħha, filwaqt oħrajn baqgħu ċċentrati esklużivament fil-Libja. Għaldaqstant, fl-opinjoni tagħhom jeħtieġ li jiġu eżaminati abbażi ta’ każ b’każ ir-rabtiet mal-Al-Qaida, abbażi tal-azzjonijiet partikolari ta’ kull persuna kkonċernata.

81      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li tnejn minn dawn it-tliet deċiżjonijiet ingħataw qabel l-iskrizzjoni tal-isem ta’ A. Abdulrahim fil-lista kkontestata.

82      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt innifsu tal-adeżjoni ta’ A. Abdulrahim fil-LIFG, fil-perijodu li matulu huwa jirrikonoxxi li kien membru fih, ma kienx ta’ natura li fuqu tista’ tiġi bbażata l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, bħala persuna marbuta mal-Al-Qaida.

83      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-motivi iktar speċifiċi invokati fil-konfront ta’ A. Abdulrahim fis-sunt tal-motivi pprovdut mill-kumitat tas-sanzjonijiet u riprodott fis-sunt tal-motivi, dawn huma kemm insuffiċjentement preċiżi u konkreti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għall-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, kif ukoll, u fi kwalunkwe każ, ma humiex sostnuti minn ebda element ta’ informazzjoni jew prova li tippermetti li tiġi stabbilita l-fondatezza fattwali, minkejja li huma kkontestati punt b’punt, b’mod vigoruż u ddettaljat minn A. Abdulrahim.

84      Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel motiv speċifiku invokat fl-espożizzjoni tal-motivi u mqassra fil-punt 72 iktar ʼil fuq, ma ġie prodott l-ebda element ta’ informazzjoni jew prova li ssostni l-allegazzjoni li huwa bbażat fuqha, minkejja li A. Abdulrahim ċaħad li huwa “okkupa postijiet b’karigi għolja fi ħdan il-LIFG”.

85      Fir-rigward tat-tieni motiv speċifiku invokat fl-espożizzjoni tal-motivi u mqassar fil-punt 72 iktar ʼil fuq, l-allegazzjoni li A. Abdulrahim “żamm kuntatt mill-qrib mal-persuni responsabbli għolja tal-LIFG fir-Renju Unit” huwa insuffiċjentement preċiż u konkret, peress li ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar l-identità tal-persuni kkonċernati u lanqas dwar in-natura ta’ dawn il-“kuntatti mill-qrib”. Fi kwalunkwe każ, hija ma tidhirx sostnuta sal-grad rikjest mil-liġi fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet iddettaljati ta’ A. Abdulrahim kif imqassra fil-punt 76 iktar ʼil fuq.

86      Fir-rigward tat-tielet motiv speċifiku invokat fl-espożizzjoni tal-motivi u mqassar fil-punt 72 iktar ʼil fuq, ma tressaq l-ebda element ta’ informazzjoni jew prova li ssostni l-allegazzjoni li huwa bbażat fuqha, minkejja li A. Abdulrahim ċaħad li huwa “assoċjat mill-qrib mad-diretturi tal-aġenzija ta’ assistenza Sanabel”.

87      Fir-rigward tar-raba’ motiv speċifiku invokat fl-espożizzjoni tal-motivi u mqassar fil-punt 72 iktar ʼil fuq, li A. Abdulrahim kien “marbut mill-qrib ma’ Ghuma Abd’rabbah, Tahir Nassuf u Abdulbaqi Mohammed Khaled”, A. Abdulrahim espona b’mod partikolari, fid-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2009 u fl-ittra tal-avukati tiegħu lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Awwissu 2009, li huwa kien jaf lill-ewwel wieħed sempliċement mill-perspettiva “soċjali”, peress li kien joriġina mill-istess reġjun fil-Libja bħalu, li kien mar darba biss fid-dar tat-tieni wieħed u kien rah l-aħħar darba fl-2003 jew fl-2004, u li t-tielet wieħed, li kien missieru tar-rispett, ukoll kien ġie b’mod żbaljat inkluż fil-lista kkontestata, minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mal-LIFG. Fl-atti tiegħu, A. Abdulrahim indika wkoll li kien jaf diversi membri tal-komunità Libjana li jirrisjedu fir-Renju Unit, peress li din tal-aħħar kienet komunità żgħira u l-maġġoranza tar-refuġjati kienu jafu lil xulxin u jgħinu lil xulxin, iżda li kien impossibbli li jkun jaf jekk membru minn din il-komunità kienx involut fit-terroriżmu jew le. Fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni ddettaljata oħra dwar dawn it-tliet persuni, in-natura tar-rabtiet tagħhom ma’ A. Abdulrahim u l-involviment personali tagħhom f’xi attività terroristika, l-imsemmi raba’ motiv speċifiku ma jidhrix li huwa sostnut sal grad rikjest mil-liġi.

88      Fir-rigward tal-ħames motiv speċifiku invokat fl-espożizzjoni tal-motivi u mqassar fil-punt 72 iktar ʼil fuq, li A. Abdulrahim kien “assoċjat mill-qrib ma’ Ismail Kamoka”, li kien xehed ħati fir-Renju Unit, f’Ġunju tal-2007, b’risposta għall-akkuża ta’ parteċipazzjoni f’impriża terroristika, A. Abdulrahim espona b’mod partikolari, fid-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2009 u fl-ittra tal-avukati tiegħu lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Awwissu 2009, li huwa kien iltaqa’ ma’ I. Kamoka fl-Arabja Sawdija matul l-istudji universitarji tiegħu, li dan tal-aħħar kien irrefuġja ruħu fir-Renju Unit madwar sentejn qablu, li huma kienu b’hekk iltaqgħu mill-ġdid, għall-aħħar darba sentejn jew sentejn u nofs qabel, iżda li kien injora l-kundanni kriminali possibbli kollha li kien suġġett għalihom. Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet iddettaljati, ma jistax jitqies li huwa stabbilit sal-grad rikjest mil-liġi li A. Abdulrahim kien “assoċjat mill-qrib” ta’ I. Kamoka. Sussegwentement, kundanna kriminali eventwali ta’ dan tal-aħħar inkonnessjoni ma’ attività terroristika, anki jekk preżunta stabbilita, ma tistax tintuża kontra A. Abdulrahim, fin-nuqqas ta’ kull element ta’ spjegazzjoni ieħor dwar l-involviment personali ta’ dan tal-aħħar f’tali attività. Konsegwentement, il-ħames motiv speċifikat ma jidhrix li huwa sostnut sal-grad rikjest mil-liġi.

89      Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ebda element ta’ informazzjoni bbażat fuq l-espożizzjoni tal-motivi ma jippermetti li jiġi stabbilit sal-grad rikjest mil-liġi li A. Abdulrahim kien materjalment marbut mal-Al-Qaida fid-data tal-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata.

90      Id-dokumenti annessi mar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2014, lanqas ma jippermettu li tiġi kkonstatata l-fondatezza tal-motivi użati kontra A. Abdulrahim. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti jidhru bħala a priori irrilevanti sa fejn dawn, fil-maġġoranza tagħhom, seħħew wara kemm l-iskrizzjoni tal-isem ta’ A. Abdulrahim fil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet kif ukoll wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1330/2008 u għaldaqstant ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni la mill-kumitat tas-sanzjonijiet u lanqas mill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi evalwata l-opportunità tal-iffriżar tal-fondi ta’ A. Abdulrahim.

91      B’mod iktar partikolari, ix-xhieda bil-miktub (“witness statement”) tal-kap tad-dipartiment ta’ kontra t-terroriżmu tal-FCO tat-18 ta’ Mejju 2011 quddiem il-High Court, fil-kawża The Queen on the application of Abdulbasit Abdulrahim vs Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs (Anness 1 għar-risposta tal-Kummissjoni), tirrileva, essenzjalment, li d-deċiżjoni inizjali tal-FCO li tipproponi l-iskrizzjoni ta’ A. Abdulrahim fil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet, f’Lulju 2008, kienet ibbażata essenzjalment fuq il-fatt li “l-uffiċjali responsabbli mill-fajl kienu jemmnu li kien jeżisti fajl konvinċenti li [A. Abdulrahim] kien membru tal-[LIFG]” u, għaldaqstant, “assoċjat mal-Al-Qaida” (punt 21). L-ebda element ta’ informazzjoni jew ta’ prova ma jsostni dan it-twemmin, minkejja li l-espożizzjoni tal-motivi kkomunikata mir-Renju Unit lill-kumitat tas-sanzjonijiet, wara din id-deċiżjoni, sabiex tiġġustifika din l-iskrizzjoni, tikkorrispondi fil-punti kollha mas-sunt tal-motivi tal-kumitat tas-sanzjonijiet.

92      L-Anness 2 tar-risposta tal-Kummissjoni tikkonsisti fi traskrizzjoni tad-diskors ta’ Ayman Al Zawahiri u ta’ Abu Laith Al Libi tat-3 ta’ Novembru 2007, li jiddikjara l-għaqda formali bejn il-LIFG u l-Al-Qaida. Madankollu dan id-dokument jidher irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti diġà waqt l-eżami tal-motiv ta’ ordni ġenerali invokat fil-konfront ta’ A. Abdulrahim (ara l-punti 73 sa 82 iktar ʼil fuq).

93      L-Anness 3 tar-risposta tal-Kummissjoni jikkonsisti f’ittra tat-8 ta’ Diċembru 2010, mibgħuta mir-rappreżentant permanenti tar-Renju Unit lill-President tal-kumitat tas-sanzjonijiet, li tesponi, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom dan l-Istat Membru kien isostni t-talba ta’ tħassir ta’ A. Abdulrahim mil-lista tal-kumitat tas-sanzjonijiet, iżda ma tispeċifikax ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l-iskrizzjoni tiegħu fl-imsemmija lista ġiet ikkunsidrata bħala ġġustifikata f’Lulju tal-2008.

94      L-Anness 4 tar-risposta tal-Kummissjoni hija ittra tal-FCO tat-18 ta’ Jannar 2014 lill-Kummissjoni, li ntbagħtet flimkien mad-dokumenti mehmuża fl-Annessi 1, 2 u 3.

95      L-Annessi 5 u 6 tar-risposta tal-Kummissjoni huma artikoli tal-istampa li jittrattaw l-għaqda bejn il-LIFG u l-Al-Qaida, fl-2007. Dawn huma irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet diġà esposti fl-eżami tal-motiv ta’ ordni ġenerali invokat fil-konfront ta’ A. Abdulrahim (ara l-punti 73 sa 82 iktar ʼil fuq).

96      Fl-aħħar, l-Annessi 7, 8 u 9 tar-risposta tal-Kummissjoni huma artikoli jew studji li jikkonsistu, essenzjalment, f’informazzjoni ġenerika marbuta jew mal-LIFG, jew mal-Al-Qaida, jew mat-terroriżmu Iżlamiku fir-Renju Unit, u li bl-ebda mod ma jikkonċernaw il-każ partikolari ta’ A. Abdulrahim.

97      Mill-analiżi preċedenti u mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ebda waħda mill-allegazzjonijiet imressqa fil-konfront ta’ A. Abdulrahim fl-espożizzjoni tal-motivi pprovduti mill-kumitat tas-sanzjonijiet ma kienet ta’ natura li tiġġustifika l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ din tal-aħħar, u dan minħabba jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jew l-assenza ta’ elementi ta’ informazzjoni jew prova li ssostni l-motiv ikkonċernat fil-preżenza ta’ negazzjonijiet iddettaljati tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi II, punt 163).

98      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Regolament Nru 1330/2008 għandu jiġi annullat, fuq il-punti ta’ liġi msemmija fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi II, punt 164), mingħajr il-bżonn għaldaqstant li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi, l-ilmenti u l-argumenti l-oħra ta’ A. Abdulrahim.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li dawn tilfu, hemm lok li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti għar-rikors għal annullament, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet ta’ A. Abdulrahim.

100    Skont l-Artikolu 97(3) tal-istess regoli, peress li A. Abdulrahim ingħata l-għajnuna legali u l-Qorti Ġenerali kkundannat lill-istituzzjonijiet konvenuti għall-ispejjeż sostnuti minnu, dawn l-istituzzjonijiet huma obbligati jħallsu lill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali s-somom imħallsa bħala għajnuna legali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, huwa annullat, sa fejn dan jikkonċerna lil A. Abdulbasit Abdulrahim.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati li jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż esposti minn A. Abdulrahim għar-rikors għal annullament, kif ukoll l-ammonti mħallsa mill-Qorti Ġenerali bħala għajnuna legali.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Jannar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.