Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' April 2009 - Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-127/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Abdulbasit Abdulrahim (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Jones, Barrister u M. Arani, Solicitor)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla totalment jew parzjalment ir-Regolament (KE) Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008, u/jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008, sa fejn jikkonċernaw direttament u individwalment lir-rikorrent;

jew, sussidjarjament, tiddikjara li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 u/jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008 ma japplikawx fir-rigward tar-rikorrent;

jew, sussidjarjament, tikkunsidra l-bażi li fuqha l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 u tiddetermina jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżid isem ir-rikorrent fl-Anness I hijiex xierqa u fondata skont il-liġi u l-fatti;

tordna lill-konvenuti jipprovdu, fi żmien qasir, raġunijiet u evidenza insostenn tal-inklużjoni ta' isem ir-rikorrent fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002;

tiddeċiedi li l-inklużjoni ta' isem ir-rikorrent fl-Anness I mhijiex xierqa u fondata skont il-liġi u l-fatti u tordna li isem ir-rikorrent jitħassar mill-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002;

tieħu miżuri oħra li hija tqis xierqa;

tikkundanna lill-konvenut, lill-Kunsill u/jew lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

tordna lill-konvenut, lill-Kunsill u/jew lill-Kummissjoni jħallsu danni lir-rikorrent minħabba telf ta' dħul, telf ta' profitt u danni mhux materjali.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent jitlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008 tat-22 ta' Diċembru 20081 sa fejn ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni. Sussidjarment, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 241 KE, tiddikjara li r-Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1330/2008 ma japplikawx fir-rigward tar-rikorrent. Huwa jitlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-konvenuti jħallsu danni.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent isostni li r-regolamenti kkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tiegħu kif inhuma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel nett, huwa jsostni li r-regolamenti kkontestati jiksru d-dritt għas-smigħ tiegħu, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u d-dritt għal smigħ xieraq peress li l-Kunsill jew il-Kummissjoni qatt ma infurmawh bir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness I u qatt ma rċieva evidenza li tiġġustifika d-deċiżjoni li ismu jitniżżel fil-lista. Għalhekk, ir-rikorrent isostni li huwa ma ngħatax il-possibbiltà li jikkummenta fuq il-motivi u r-raġunijiet għall-inklużjoni ta' ismu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat u konsegwentement, ma setax jikkontesta d-deċiżjoni li ismu jitniżżel fuq il-lista quddiem qorti.

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-miżuri kkontestati jiksru d-dritt għall-proprjetà tiegħu u jikkostitwixxu interferenza sproporzjonata mal-ħajja privata u tal-familja tiegħu.

____________

1 - ĠU 2008 L 345, p. 60