KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)
Kawża C-186/10
Tural Oguz
vs
Secretary of State for the Home Department
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (ir-Renju Unit)]
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali – Klawżola ta’ ‘standstill’ − Applikazzjoni – Projbizzjoni għall-Istati Membri milli jintroduċu xi restrizzjonijiet ġodda għad-dħul fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mil-libertà ta’ stabbiliment – Abbuż ta’ dritt”
I – Introduzzjoni
1. Din il-kawża tirrigwarda l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija. Dan jinvolvi klawżola ta’ standstill li tipprojbixxi lill-partijiet kontraenti milli jintroduċu bejniethom restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi wara l-1 ta’ Jannar 1973.
2. Fl-2008, l-appellant fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni fir-Renju Unit sabiex jikseb permess ħalli jibda jaħdem għal rasu. F’dan ir-rigward, huwa bbaża ruħu, mhux fuq ir-regoli ġuridiċi attwali, imma fuq dawk, iktar favorevoli, li kienu applikabbli fl-1973. Abbażi tal-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt l-awtoritajiet kompetenti rrifjutawlu l-benefiċċju tal-klawżola ta’ standstill minħabba li, qabel ma ressaq l-applikazzjoni tiegħu, huwa kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-permess ta’ residenza tiegħu.
3. Billi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet pożizzjoni dwar il-kontenut u l-portata tal-klawżola ta’ standstill inkluża fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali (2), din il-kawża tagħtiha l-possibbiltà li tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-applikazzjoni tista’ tiġi rrifjutata.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija
4. Fit-12 ta’ Settembru 1963, ir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ekonomika Ewropea kif ukoll l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmaw f’Ankara l-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija. Dan il-ftehim ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-28 ta’ Diċembru 1963 (3). Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, l-għan tiegħu huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u sussegwentment li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (4).
5. Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fil-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (5), li skont l-Artikolu 62 tiegħu, huwa parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, fl-Artikolu 1 tiegħu l-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 tal-Ftehim. Dan jinkludi Titolu II, (“Moviment ta’ persuni u servizzi”, li l-Kapitolu II tiegħu jirrigwarda “[i]d-dritt ta’ l-stabbiliment, tas-servizzi u tat-trasport”.
6. L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II tal-imsemmi Titolu II, jipprovdi s-segwenti:
“1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.
2. […].”
B – Id-dritt nazzjonali
7. Id-dispożizzjonijiet li, fl-1 ta’ Jannar 1973, kienu japplikaw fir-Renju Unit għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza, kienu inklużi fl-iStatement of Immigration Rules for Control after Entry (House of Commons Paper 510, regoli dwar il-kontroll tal-immigrazzjoni wara d-dħul fit-territorju).
8. Matul is-snin, id-dispożizzjonijiet dwar l-immigrazzjoni ġew emendati u ssostitwiti diversi drabi. Dawk li kienu fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni tal-appellat fil-kawża prinċipali li jirrifjuta lill-appellant il-permess ta’ residenza (fil-21 ta’ Ottubru 2008) kienu stabbiliti fil-House of Commons Paper 395 (HC 395).
9. Il-qorti tar-rinviju tosserva – u dan il-fatt ma jqajjimx diskussjoni bejn il-partijiet – li d-dispożizzjonijiet dwar l-immigrazzjoni li, f’Ottubru 2008, fir-Renju Unit kienu jirregolaw l-istabbiliment f’dan l-Istat Membru ta’ persuna sabiex tibda taħdem għal rasha kienu iktar stretti mid-dispożizzjonijiet korrispondenti li kienu applikabbli fl-1 ta’ Jannar 1973.
10. Waħda mill-partijiet (6) qalet, f’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta, li hemm differenza essenzjali fil-fatt li għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet li fl-1973 kienu jirregolaw il-permess biex persuna tibda taħdem għal rasha, ir-regoli l-ġodda jimponu fuq persuna barranija tipprova li għandha kapital ta’ UKL 200 000 (7).
III – Il-fatti u l-kawża prinċipali
11. T. Oguz (iktar ’il quddiem l-“appellant fil-kawża prinċipali” jew l-“appellant”) tħalla jidħol fir-Renju Unit f’Ottubru 2000 billi kellu permess ta’ dħul bħala student. L-awtoritajiet kompetenti sussegwentement estendewlu diversi drabi l-permess ta’ residenza tiegħu bħala student. Dawn il-permessi ta’ residenza kienu suġġetti għall-kundizzjoni li l-appellant seta’, b’mod partikolari, jibda jaħdem għal rasu biss bil-kunsens tas-Secretary of State for the Home Department.
12. Għall-ewwel, l-appellant ħadem għal diversi snin bħala impjegat bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti. Il-persuna li kienet tħaddem lill-appellant madankollu tagħtu s-sensja f’Novembru 2006 minħabba raġuni ekonomika. It-tentattivi tal-appellant biex isib impjieg ieħor ma taw l-ebda frott.
13. Fl-20 ta’ Marzu 2008, l-appellant ippreżenta applikazzjoni biex jiġi estiż il-permess ta’ residenza tiegħu fir-Renju Unit bħala persuna li taħdem għal rasha. Huwa bbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-immigrazzjoni li kienu fis-seħħ fir-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 1973 (8), li, skont il-qorti tar-rinviju, huma iktar favorevoli minn dawk li kienu applikabbli fl-2008. Biex jiġġustifika l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-1973, l-appellant ibbaża ruħu fuq il-klawżola ta’ standstill inkluża fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali.
14. L-appellant kien diġà beda l-ħidma professjonali tiegħu għal rasu fi Frar 2008, u kien effettivament ipprattikaha mix-xahar segwenti. Fid-data tal-applikazzjoni tiegħu, l-appellant b’hekk kien diġà ilu xi ftit ġimgħat jaħdem għal rasu u b’hekk kien kiser il-kundizzjoni marbuta mal-permess ta’ residenza tiegħu. L-appellant immotiva l-aġir tiegħu bil-fatt li kien ikkunsidra li kellu d-dritt jibda jaħdem għal rasu meta kien ipprepara u kkompleta l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza bħala imprenditur.
15. Fil-11 ta’ Awwissu 2008, l-appellant waqaf jaħdem għal rasu u informa lill-awtoritajiet kompetenti li ma kienx se jerġa’ jibda jagħmel dan qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.
16. Is-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem anki l-“appellat fil-kawża prinċipali”) ċaħad l-applikazzjoni tal-appellant. Huwa mmotiva din iċ-ċaħda bil-fatt li l-appellant kien stabbilixxa n-negozju tiegħu bi ksur ta’ kundizzjoni tal-permess ta’ residenza preċedenti tiegħu. B’hekk kien hemm lok li jiġi rrifjutat lilu l-benefiċċju tal-klawżola ta’ “standstill” inkluża fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Huwa żied li l-applikazzjoni tiegħu kellha tiġi miċħuda abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar l-immigrazzjoni. Barra minn hekk, iż-żmien tal-permess ta’ residenza eżistenti tiegħu bħala detentur ta’ permess ta’ xogħol tnaqqas, minħabba li huwa ma baqax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-permess ta’ residenza tiegħu.
17. Fl-4 ta’ Novembru 2008, l-appellant appella minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Asylum and Immigration Tribunal (9). Dan l-appell ġie miċħud. Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, dan it-tribunal osserva li, anki jekk l-appellant ċertament ma kienx aġixxa b’mod frawdolenti, madankollu xorta kien kiser, billi stabbilixxa u opera n-negozju tiegħu, il-kundizzjonijiet tal-permess ta’ residenza tiegħu, b’tali mod li ma kellux id-dritt li jinvoka l-klawżola ta’ “standstill” inkluża fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali.
18. L-appellant talab rikonsiderazzjoni ta’ din id-deċiżjoni (10). Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2009, is-Senior Immigration Judge Ward (11) ikkonstata li d-deċiżjoni preċedenti, li permezz tagħha ġie miċħud l-appell, ma kienet ivvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi u li b’hekk kien hemm lok li tiġi kkonfermata.
19. Fil-preżent, il-kawża qegħdha quddiem il-Court of Appeal of England and Wales (12), li hija l-qorti tar-rinviju. Din awtorizzat lis-Centre for Advice on Individual Rights in Europe (iktar ’il quddiem l-“AIRE Centre”) biex jintervjeni fil-kawża prinċipali.
IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. B’deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2010, il-Court of Appeal iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Jekk ċittadin Tork, li jkollu permess joqgħod fir-Renju Unit bil-kundizzjoni li ma jinvolvix ruħu f’negozju jew fi professjoni, jibda jaħdem bħala persuna li taħdem għal rasha bi ksur ta’ din il-kundizzjoni u mbagħad japplika mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jestendi dan il-permess fuq il-bażi tan-negozju li jkun stabbilixxa, ikun[x] eliġibbli sabiex jibbenefika mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija?”
21. T. Oguz, l-AIRE Centre, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni lkoll ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u orali waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
V – Analiżi
22. Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija. Dan jipprevedi li l-partijiet kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
23. L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali b’hekk jipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ kull miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-istabbiliment u, korrelattivament, ir-residenza ta’ ċittadin Tork fit-territorju tiegħu għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli meta daħal fis-seħħ l-imsemmi protokoll addizzjonali fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (13).
24. Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja pereżempju ddeċidiet li l-implementazzjoni ta’ obbligu ta’ viża biex ikunu pprovduti ċerti servizzi, li ma kienx applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali (14).
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li mid-diċitura tal-Artikolu 41(1) jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fi kliem ċar, preċiż u inkundizzjonat, klawżola inekwivoka ta’ “standstill”, li tipprojbixxi lill-partijiet kontraenti milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali. Minn din id-diċitura kif ukoll mill-għan u mill-finalità tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hija ddeduċiet li l-Artikolu 41(1) għandu effett dirett fl-Istati Membri (15).
26. Għaldaqstant, ċittadin Tork jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 41(1) fir-rigward tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru.
27. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Stat Membru jistax jirrifjuta lil ċittadin Tork li kiser kundizzjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu, il-benefiċċju tal-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali. L-appellat fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-fatt li tiġi invokata l-klawżola ta’ standstill f’każ bħal dan jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt u li b’hekk hemm lok li dan jiġi rrifjutat. Il-qorti tar-rinviju espressament eskludiet aġir frawdolenti min-naħa tal-appellant.
28. Nikkunsidra – kif se nuri iktar ’il quddiem – li l-klawżola ta’ standstill inkluża fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma hijiex tali li l-benefiċċju tagħha jista’ jiġi rrifjutat għal raġunijiet ibbażati fuq l-abbuż ta’ dritt. Anzi, huwa fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li, jekk ikun il-każ, għandu jiġi oppost abbuż eventwali ta’ dritt.
29. Il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (16). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni suġġetti għal-liġi ma jistgħux jipprevalu ruħhom b’mod frawdolenti jew abbużiv mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li l-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jikkunsidraw l-imġiba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt (17).
30. Fis-sentenza tagħha Emsland, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-analiżi tal-abbuż fir-rigward ta’ għajnuna finanzjarja fis-settur agrikolu. F’dak il-każ, hija osservat li l-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva teħtieġ, min-naħa l-waħda, għadd ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-għan ta’ dik il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx (18). Hija teħtieġ, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb xi benefiċċju riżultanti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet mitluba għall-kisba tiegħu (19).
31. Kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola ta’ standstill, stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ma toperax bħala regola sostantiva, billi tirrendi inapplikabbli l-liġi sostantiva rilevanti li tissostitwixxi, iżda bħala “regola ta’ natura kważi proċedurali”, li tistabbilixxi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru (20).
32. B’hekk, din il-klawżola ta’ standstill hija kkaratterizzata mill-fatt li hija ma tagħtix drittijiet sostantivi. Minnha ma jirriżulta direttament l-ebda dritt ta’ stabbiliment jew ta’ residenza (21). Hija sempliċement tippreskrivi liema dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali huma applikabbli, filwaqt li tinjora dawk li huma inqas favorevoli minn dawk li kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973.
33. Fil-fehma tiegħi, il-klawżola ta’ standstill, fil-prinċipju, ma għandhiex tkun tista’ twassal, min-natura tagħha stess, biex persuna ma tkunx tista’ tibbenefika minnha minħabba raġunijiet ibbażati fuq l-abbuż ta’ dritt.
34. Fil-fatt, l-Artikolu 41 ma jissuġġetta l-applikazzjoni tiegħu għall-ebda kundizzjoni. Anzi, dan huwa applikabbli mingħajr kundizzjoni. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 41(1) jistabbilixxi projbizzjoni assoluta fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali milli jintroduċu kwalunkwe ostakolu ġdid għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi jaggravaw il-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari (22).
35. Kulma tagħmel il-klawżola ta’ standstill huwa li tiddetermina liema dritt nazzjonali huwa applikabbli. Il-kwistjoni dwar jekk dan id-dritt nazzjonali jagħtix dritt ta’ stabbiliment u jekk minn dan jirriżultax sussegwentement dritt ta’ residenza taqa’ biss taħt l-imsemmi dritt nazzjonali.
36. Jekk l-Artikolu 41 jistabbilixxi projbizzjoni assoluta, li l-applikazzjoni tagħha ma teżiġi l-ebda kundizzjoni, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina każ ta’ abbuż ta’ dritt fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma hijiex suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, huwa impossibbli li dawn jiġu sodisfatti artifiċjalment permezz ta’ abbuż ta’ dritt.
37. L-appellat fil-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-appellant għandu jiġi miċħud mill-possibbiltà li jinvoka l-klawżola ta’ standstill minħabba li huwa biss meta beda jaħdem għal rasu mingħajr permess minn qabel, u meta kiser b’dan il-mod il-kundizzjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu, li huwa seta’ jissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-1973 dwar l-immigrazzjoni, li inkella ma kienx ikun jista’ jissodisfa.
38. Minn dan jirriżulta li abbuż eventwali ta’ dritt tal-appellant jikkonċerna l-kundizzjonijiet sostantivi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u mhux il-klawżola ta’ “standstill”. Ġustament, il-kwistjoni tal-abbuż ta’ dritt tagħmel parti mid-dritt sostantiv nazzjonali. L-appellant stess isostni, f’dan ir-rigward li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-1973 dwar l-immigrazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-aġir abbużiv ta’ applikant (23). Il-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma wkoll din il-possibbiltà waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
39. B’hekk, għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt ma huwiex applikabbli għall-Artikolu 41(1) minħabba n-natura assoluta ta’ din id-dispożizzjoni, li ma tistabbilixxi l-ebda kundizzjoni sostantiva, imma tillimita ruħha tiddetermina d-dritt applikabbli.
40. Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tikkorrabora din il-konklużjoni.
41. B’hekk, hija eskludiet, abbażi tal-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt, li l-perijodi ta’ xogħol li ċittadin Tork wettaq biss minħabba aġir frawdolenti li wassal għal kundanna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala regolari għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (24) peress li ċ-ċittadin Tork fir-realtà ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni u minħabba dan il-fatt ma kien jibbenefika legalment minn ebda dritt (25). Bħala eżempju ieħor possibbli ta’ abbuż ta’ dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat il-każ ta’ żwieġ fittizju li seħħ bl-uniku għan li jittieħed benefiċċju abbużiv minn vantaġġi previsti mid-dritt tal-Assoċjazzjoni (26).
42. B’differenza għall-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 41, li ma tinkludi l-ebda dritt sostantiv, l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li kienu applikabbli fil-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, jagħtu huma stess drittijiet sostantivi, jiġifieri dritt għax-xogħol jew għar-residenza. Din hija r-raġuni għaliex il-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt seta’ jiġi invokat ukoll.
43. Iktar ’il quddiem għandha tiġi eżaminata dikjarazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Tum u Dari, u li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li: “Barra minn hekk, lanqas ma ġie pprovat, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, xi element konkret li jista’ jagħti l-impressjoni li, fil-kawżi prinċipali, l-applikazzjoni tal-klawżola standstill stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali kienet ġiet invokata mill-partijiet ikkonċernati bil-għan biss li jibbenefikaw b’mod abużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt Komunitarju” (27).
44. Minn dan, jista’ jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa possibbli, minkejja kollox, li jkunu previsti każijiet fejn il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-abbuż ta’ dritt titqajjem anki fir-rigward tal-klawżola standstill tal-Artikolu 41(1).
45. Madankollu, anki meta jkun hemm il-ħsieb li l-analiżi tal-abbuż tiġi applikata għal sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, wieħed xorta waħda ma jistax jaċċetta l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt.
46. Fil-fatt, il-kriterju deċiżiv biex jiġi konkluż li kien hemm abbuż ta’ dritt huwa jekk persuna tibbażax ruħha fuq dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni biex tikseb benefiċċji manifestament inkompatibbli mal-għanijiet ta’ dik id-dispożizzjoni (28).
47. Il-klawżola ta’ standstill għandha bħala għan u finalità li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-implementazzjoni progressiva tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz tal-projbizzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali li jintroduċu ostakoli ġodda għall-imsemmija libertajiet sabiex ma jirrendux iktar diffiċli t-twettiq b’mod gradwali ta’ dawn tal-aħħar bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija (29).
48. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, il-klawżola ta’ standstill timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-“projbizzjoni assoluta” (30) milli jintroduċu ostakoli ġodda għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet billi jaggravaw il-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari. B’hekk, l-għan tagħha huwa li l-iktar dispożizzjonijiet favorevoli jkunu, fil-prinċipju, applikabbli biss bejn il-partijiet kontraenti.
49. Il-fatt li ċittadin Tork li kiser kundizzjoni tal-permess ta’ residenza li ngħatalu preċedentement jista’ jinvoka wkoll il-klawżola ma huwiex inkompatibbli ma’ dak il-għan.
50. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar ma aċċettatx li kien hemm abbuż ta’ dritt la fil-kawża Tum u Dari ċċitata iktar ’il fuq u lanqas fil-kawża paragunabbli Savas.
51. Fil-kawża Tum u Dari, il-klawżola ta’ standstill kienet invokata minn żewġ persuni li kienu residenti fi Stat Membru bi ksur ta’ ordni ta’ espulsjoni maħruġa wara li l-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom ġew miċħuda. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ċaħdet l-argument li ċittadin Tork jista’ jinvoka l-klawżola ta’ standstill biss jekk ikun daħal fi Stat Membru b’mod regolari (31). Fil-kawża Savas, il-parti kkonċernata kienet invokat il-klawżola ta’ standstill wara li kienet kisret id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Madankollu, dan il-fatt ma wassalx lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tħallihiex tinvoka l-klawżola ta’ standstill (32).
52. Fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni ma għandhiex tkun differenti f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn il-persuna li qed tinvoka l-klawżola ta’ standstill għandha anki permess ta’ residenza – bil-kontra tal-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni dwarhom – u kisret biss waħda mill-kundizzjonijiet ta’ dak il-permess. Barra minn hekk, l-appellant fil-kawża prinċipali lanqas ma daħal illegalment fir-Renju Unit, imma kellu permess ta’ dħul u anki permess ta’ xogħol, anki jekk mhux biex jaħdem għal rasu. Kulma għamel kien li kiser kundizzjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu billi beda jaħdem għal rasu, attività li inċidentalment malajr waqaf jagħmilha.
53. Iktar ’il quddiem għandha tiġi eżaminata wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kondova (33). L-appellat fil-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju Unit it-tnejn isemmuha.
54. Dik il-kawża kienet tirrigwarda l-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija min-naħa l-oħra (34).
55. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin Bulgaru li, bl-intenzjoni li jibda jaħdem bħala ħaddiem jew bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru, jeludi l-kontrolli rilevanti tal-awtoritajiet nazzjonali, permezz ta’ dikjarazzjoni falza li mar f’dan l-Istat għal finijiet ta’ xogħol staġjonali, iqiegħed lilu nnifsu barra mill-isfera ta’ protezzjoni li intitolat għaliha abbażi tal-Ftehim Ewropa (35).
56. F’dawn il-kundizzjonijiet, li kieku kien permess li ċ-ċittadini Bulgari jippreżentaw fi kwalunkwe mument applikazzjoni għal stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti, minkejja ksur preċedenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, l-imsemmija ċittadini setgħu jiġu mwassla jibqgħu fit-territorju tal-imsemmi Stat f’sitwazzjoni ta’ illegalità u ma jkunux suġġetti għas-sistema nazzjonali ta’ kontroll ħlief ladarba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti sostantivi previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni (36).
57. F’din il-kawża, l-appellat fil-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju Unit qed jibbażaw irwieħhom fuq din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jiċħdu lill-appellant il-benefiċċju tal-klawżola ta’ standstill. Sabiex ikun iġġustifikat il-paralleliżmu li huma jistabblixxu bejn iż-żewġ kawżi, huma jsostnu dan l-argument li diġà ġie diskuss, li abbażi tiegħu l-ksur tal-kundizzjoni li kien ħati tiegħu l-appellant kellu l-effett li jqiegħdu f’pożizzjoni li jissodisfa d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-1973 dwar l-immigrazzjoni.
58. Is-sentenza ċċitata, madankollu, ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża. Fil-fatt, b’differenza għall-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim KEE-Turkija, il-Ftehim Ewropa, li kien applikabbli fil-kawża Kondova, kien jagħti dritt ta’ stabbiliment. L-Artikolu 45 tiegħu kien jipprevedi trattament ugwali bejn iċ-ċittadini Bulgari u dawk tal-Istati Membri. L-ewwel dħul biss kien jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 59 tal-Ftehim Ewropa. Għaldaqstant, ma huwiex sorprendenti li, fil-kawża Kondova, li fiha l-Ftehim jagħti dritt sostantiv, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat ukoll il-possibbiltà li l-benefiċċju ta’ dan id-dritt sostantiv jiġi miċħud għal raġunijiet ta’ abbuż ta’ dritt.
59. Il-konklużjoni li tinsilet mill-kawża Kondova madankollu ma tistax tiġi trasposta għal klawżola ta’ standstill bħall-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, il-klawżola ta’ standstill tal-Protokoll Addizzjonali fil-fatt la tagħti dritt sostantiv ta’ stabbiliment u lanqas ta’ trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, imma kulma tagħmel huwa li tiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli.
60. Fl-aħħar nett, għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma hijiex tali li l-benefiċċju tagħha jiġi miċħud għal raġunijiet ibbażati fuq l-abbuż ta’ dritt. Anzi, huwa fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li, jekk ikun il-każ, għandu jiġi oppost abbuż eventwali ta’ dritt. Barra minn hekk, skont il-partijiet, id-dritt nazzjonali jipprevedi l-possibbiltà li tali abbuż jittieħed inkunsiderazzjoni.
61. Fl-aħħar nett, għandu jissemma wkoll, fil-qosor, aspett li jirriżulta mill-argument tal-appellant. Fin-nota tiegħu, huwa osserva li kien hemm linji gwida bil-miktub tas-Secretary of State maħsuba għal dawk inkarigati mill-każijiet (37), fejn jingħad li l-awtoritajiet jistgħu jaċċettaw li ċittadin Tork jibda jaħdem għal rasu jekk dan ikollu permess ta’ residenza u jkun ippreżenta applikazzjoni biex il-permess ta’ residenza tiegħu jiġi estiż abbażi tan-negozju tiegħu. Is-Secretary of State kien b’hekk stabbilixxa prattika amministrattiva li kienet tinjora l-ksur tal-obbligu li jimponi li qabel ma wieħed jibda jaħdem għal rasu huwa għandu jikseb permess.
62. Sitwazzjoni bħal din tqajjem il-kwistjoni interessanti dwar sa fejn l-abbandun ta’ prattika amministrattiva (38) iktar favorevoli li kienet ġiet stabbilita fil-frattemp, jistax huwa stess jikkostitwixxi ksur tal-klawżola ta’ standstill. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar iddeċidiet li r-revoka ta’ dispożizzjoni iktar favorevoli, implementata wara d-data msemmija fi klawżola ta’ standstill, tikser ukoll il-projbizzjoni li jiġu stabbiliti “restrizzjonijiet ġodda” anki jekk l-istat tad-dritt ġdid ma jwassalx għal sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik li kienet tapplika fid-data prevista fil-klawżola ta’ standstill (39). Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma fformulatx domanda f’dan is-sens, peress li dan il-punt ma ġiex diskuss mill-partijiet u peress li l-elementi korrispondenti lanqas ma jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-kawża ma hijiex tali li tippermetti eżami dettaljat ta’ din il-problema.
VI – Konklużjoni
63. Għar-raġunijiet kollha esposti hawn fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Court of Appeal of England and Wales bil-mod li ġej:
“Ċittadin Tork, li l-permess ta’ residenza tiegħu fir-Renju Unit huwa suġġett għall-kundizzjoni li ma jinvolvix ruħu f’negozju jew fi professjoni, iżda li jibda jaħdem għal rasu bi ksur ta’ din il-kundizzjoni u mbagħad jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu fuq il-bażi tan-negozju li jkun stabbilixxa, huwa eliġibbli, indipendentement minn ksur tal-kundizzjonijiet tal-permess ta’ residenza tiegħu, sabiex jibbenefika mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija.”