Language of document : ECLI:EU:T:2008:262

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

9 ta’ Lulju 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Rikapitalizzazzjoni ta’ Alitalia min-naħa tal-awtoritajiet Taljani – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Deċiżjoni meħuda wara sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla deċiżjoni preċedenti – Ammissibbiltà – Ksur tal-Artikolu 233 KE – Ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE – Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-kawża T‑301/01,

Alitalia – Linee aeree italiane SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa, G. M. Roberti, G. Scassellati Sforzolini, F. Moretti u F. Sciaudone, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent, assistit minn A. Abate u G. Conte, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/723/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija Alitalia (ĠU L 271, p. 28),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Alitalia – Linee aeree italiane SpA (iktar ’il quddiem “Alitalia” jew ir-“rikorrenti”) hija kumpannija tal-ajru li, sa l-1 ta’ Lulju 1996, madwar 90 % tal-kapital tagħha kien f’idejn il-kumpannija finanzjarja Taljana tal-Istat, Istituto per la ricostruzione industriale SpA (iktar ’il quddiem l-“IRI”) u, il-bqija tal-kapital, kien f’idejn investituri privati.

2        Fil-bidu tas-snin 90, Alitalia batiet sottokapitalizzazzjoni. Hija kellha tiffaċċja, matul dan l-istess perijodu, diffikultajiet marbutin mal-gwerra tal-Golf, mar-riċessjoni tas-snin 1992 u 1993 fis-settur tal-ajru u kompetizzjoni dejjem tiżdied minħabba l-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru. Dawn il-ġrajjiet wassluha sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha u ttejjeb il-produttività tagħha, madankollu l-isforzi tagħha ma ppermettewliex li terġa’ ssir vijabbli.

3        Din is-sitwazzjoni wasslitha sabiex tadotta, f’Lulju 1996, pjan ta’ ristrutturar għall-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-2000. Dan il-pjan, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 1996, kien jinkludi fażi ta’ tisħiħ u fażi ta’ żvilupp. Fl-aspett finanzjarju tiegħu, il-pjan kien jipprovdi kontribuzzjoni ta’ kapital min-naħa tal-IRI ta’ ammont totali ta’ ITL 2 750 biljun, li kellhom jitħallsu fi tliet fażijiet, fejn it-tieni ħlas minn fosthom kien previst għal Mejju tal-1998 u t-tielet ħlas għal Mejju tal-1999.

4        Il-Kummissjoni ddeċidiet, fid-9 ta’ Ottubru 1996, li tiftaħ il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward taż-żieda fil-kapital prevista mill-pjan (ĠU C 346, p. 13). Matul diversi stadji tal-proċedura, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni ta’ konsulenti indipendenti (iktar ’il quddiem il-“konsulenti tal-Kummissjoni”).

5        Il-pjan inizjali ġie emendat diversi drabi matul il-proċedura. L-aħħar verżjoni tiegħu intbagħtet lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani fis-26 ta’ Ġunju 1997.

6        Fil-15 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 97/789/KE dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija Alitalia (ĠU L 322, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-1997”). Il-Kummissjoni kienet qieset li l-kapital mogħti mill-IRI favur Alitalia kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni, sakemm l-awtoritajiet Taljani jirrispettaw għaxar impenji elenkati fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-1997.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 1998, fid-dawl tal-impenji ġodda meħuda mill-awtoritajiet Taljani wara ksur tal-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni tal-1997, li kien ġie kkonstatati matul l-ewwel sitt xhur ta’ wara l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet rigward il-ħlas tat-tielet fażi ta’ għoti ta’ kapital min-naħa tal-IRI.

8        Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Novembru 1997, Alitalia ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-1997. Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni (T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alitalia I”), il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba għal annullament magħmula minn Alitalia kontra d-Deċiżjoni tal-1997, fid-dawl ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tal-użu min-naħa tal-Kummissjoni tal-istess rata ta’ rendiment minimu (iktar ’il quddiem ir-“rata minima”) bħal dak li hija kienet stabbilixxiet fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/278/KE, dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija Iberia (ĠU L 104, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Iberia”), kif ukoll minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw, minn naħa, l-esklużjoni tal-kalkolu tar-rata ta’ rendiment intern (iktar ’il quddiem ir-“rata interna”) tal-ispejjeż ta’ insolvenza li l-IRI jkollha ssofri fil-każ tal-istralċjar tal-Alitalia u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-emendi magħmula għall-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju tal-1997.

9        Fl-1 ta’ Ġunju 2001, il-konsulenti tal-Kummissjoni għaddew lil din tal-aħħar, fuq talba tagħha, rapport aġġornat tal-analiżi preċedenti tagħhom, li kienet saret fil-kuntest tal-proċedura li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997, sabiex l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-rata minima u tar-rata interna.

10      Fit-18 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/723/KE dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija Alitalia (ĠU L 271, p. 28, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

11      Wara li tesponi, fl-evalwazzjoni ġuridika tagħha, li l-Artikolu 233 KE ma jimponilhiex li terġa’ tiftaħ, fil-każ preżenti, il-proċedura li wassal għad-Deċiżjoni tal-1997 u li terġa’ tapplika l-proċedura kollu qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni tiddedika 20 premessa (premessi 15 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata) għall-analiżi tal-kriterju tal-investitur privat.

12      Fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rata interna tal-operazzjoni, il-Kummissjoni tieħu konjizzjoni tal-obbligu li jiġu inklużi l-ispejjeż ta’ insolvenza, li l-IRI jkollha ssostni fil-każ tal-istralċjar ta’ Alitalia, fil-kalkolu tar-rendiment mistenni. Il-Kummissjoni tikkonkludi l-analiżi tagħha billi ssostni li fl-1997 ir-rata interna tal-investiment tas-somma ta’ ITL 2 750 biljun fil-kapital ta’ Alitalia kienet tammonta, f’dak li jikkonċerna l-IRI, għal 25.2 % jew għal 26.1 % wara l-ipoteżi fiskali li hija tieħu inkunsiderazzjoni (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rata minima li kieku kien jeżiġi investitur privat li jaġixxi skont il-liġijiet tas-suq, il-Kummissjoni tqis, abbażi ta’ informazzjoni fil-pussess tagħha, b’mod partikolari abbażi tar-rapporti tal-konsulenti tagħha, li r-rata minima teqreb it-30 % minħabba l-importanza tas-somma inkwistjoni u fuq kollox tar-riskji li tippreżenta l-operazzjoni, li jibqgħu għoljin minkejja t-titjib li sar fuq il-pjan f’Ġunju tal-1997. F’dan ir-rigward hija tesponi, li r-riskji dovuti għall-kontribuzzjoni ta’ kapital li minnu bbenefikat l-Alitalia f’Lulju tal-1997 huma importanti, minn tal-inqas, daqs dawk dovuti għall-kontribuzzjoni ta’ kapital li minnu bbenefikat Iberia f’Jannar tal-1996. Il-Kummissjoni tispjega, fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, b’liema mod is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi hija paragunabbli, minkejja ċertu differenzi speċifiċi.

14      Fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rata minima annwali li kieku kien jeżiġi investitur li jaġixxi skont il-liġijiet tas-suq sabiex iwettaq għotja ta’ kapital ta’ ITL 2 750 biljun favur Alitalia hija, fiċ-ċirkustanzi attwali, ogħla mir-rata interna ta’ din l-operazzjoni.

15      Bħala konklużjoni (premessi 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tqis li korreġiet iż-żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni li kienu ġew osservati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq. Għall-bqija tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi tad-Deċiżjoni tal-1997 li, fl-opinjoni tagħha, għandhom jitqiesu bħala parti integrali mid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jkun neċessarju li jerġgħu jiġu rripetuti (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Abbażi ta’ dawn il-premessi, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li l-parti dispożittiva tagħha tipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mogħtija mir-[Repubblika Taljana] lill-kumpannija Alitalia […], fil-forma ta’ għotja ta’ kapital ta’ [ITL] 2 750 biljun, pagabbli fi tliet fażijiet, intiża sabiex jiġi żgurat ir-ristrutturar tal-kumpannija skont il-pjan ikkomunikat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 1996 u adattat fis-26 ta’ Ġunju 1997, hija kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim [taż-Żona Ekonomika Ewropea] skont l-Artikolu 87(3)(ċ) [KE] u l-Artikolu 61(3)(ċ), tal-Ftehim [taż-Żona Ekonomika Ewropea], suġġetta għar-rispett tal-impenji u l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni [tal-1997], riprodotti fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni ma topponix il-ħlas tat-[tieni] fażi tal-għoti ta’ kapital lill-kumpannija Alitalia […]

Artikolu 3

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.”

17      L-għaxar kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li jinsabu fil-premessa 1 tagħha huma dawn li ġejjin:

“1)      tadotta mġiba normali ta’ azzjonista fil-konfront ta’ Alitalia li tippermetti li din tiġi mmexxija biss skont il-prinċipji kummerċjali u tillimita l-indħil fit-tmexxija tagħha biss għal dawk ir-raġunijiet li huma strettament marbuta mal-istat ta’ azzjonista tal-Istat Taljan;

2)      ma tagħtix lill-Alitalia la għoti ta’ kapital ġdid, u lanqas għajnuna oħra tkun taħt liema forma tkun, inkluż fil-forma ta’ garanzija ta’ self;

3)      tiggarantixxi li, sal-31 ta’ Diċembru 2000, Alitalia tuża din l-għajnuna esklużivament għall-finijiet tar-ristrutturar tal-kumpannija u mhux biex tixtri ishma ġodda fi trasportaturi bl-ajru oħrajn;

4)      ma tiffavorixxix, ikun b’liema mod ikun, lill-Alitalia meta mqabbla ma’ kumpanniji Komunitarji oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ traffiku (inkluż lejn terzi pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea), tal-allokazzjoni ta’ slots, tal-groundhandling u tal-aċċess għall-installazzjonijiet tal-ajruport, sa fejn trattament preferenzjali jmur kontra d-dritt Komunitarju. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Taljani jikkonfermaw li huma m’għandhom japplikaw l-ebda dispożizzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju u jiggarantixxu:

a)      li jibdew immedjatament u, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, itemmu l-proċedura ta’ reviżjoni tal-Konvenzjoni Nru 4372, tal-15 ta’ April 1992, approvata mid-Digriet tas-16 ta’ April 1992 […], sabiex tkun konformi mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari fir-rigward tad-‘dritt ta’ prijorità’, l-‘interferenza tal-gvern’, il-‘kompatibbiltà mar-regolamenti ta’ liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru’ u l-‘privileġġi relatati mal-ajruporti’;

b)      li reviżjoni de facto tal-Konvenzjoni diġà saret fir-rigward tal-punti msemmija iktar ’il fuq wara skambju ta’ korrispondenza ma’ Alitalia abbażi tal-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni li jipprovdi li din tapplika biss sakemm tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju;

ċ)      li Alitalia tirrinunzja għad-dritt ta’ prijorità derivanti mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni;

d)      li, qabel il-bidu tal-istaġun tax-xitwa tal-1997/1998 fl-ajruporti Taljani, kemm dawk ikkoordinati jew dawk kompletament ikkoordinati, huma jaħtru koordinatur li ma jkollux rabtiet ma’ Alitalia u li jaġixxi b’independenza totali fil-konfront tagħha;

5)      jiggarantixxu li, sal-31 ta’ Diċembru 2000, il-kapaċitajiet offerti mill-ajruplani operati minn Alitalia jew minn operaturi oħra b’mod tali li dawn jikkomportaw riskju kummerċjali għall-Alitalia (ftehim fuq wet-leasing, block-space u joint venture, etc.) ma jaqbżux il-limiti li ġejjin:

a)      in-numru ta’ postijiet disponibbli fuq l-ajruplan ma jaqbiżx it-28 985, li minnhom 26 350 għall-flotta tal-Alitalia nnifisha;

b)      iż-żieda fin-numru ta’ postijiet-kilometri [numru ta’ postijiet disponibbli moltiplikat bil-kilometri mitjura] fuq l-ajruplan offerti matul kull sena

–        ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea, bl-eċċezzjoni tal-Italja, u

–        ġewwa l-Italja,

ma jaqbiżx 2.7 % fejn hu mifhum li l-ebda żieda ma tiġi awtorizzata jekk it-tkabbir tas-swieq korrispondenti tibqa’ inferjuri għal 2.7 %. Madankollu, jekk ir-rata ta’ tkabbir tas-swieq korrispondenti taqbeż il-5 %, l-offerta tkun tista’ tiżdied, għal iktar mit-2.7 %, mill-perċentwali ta’ tkabbir lil hinn minn 5 %;

6)      tiżgura lilha nnifisha li Alitalia jkollha kontabbiltà analitika li tippermetti li jiġi stabbilit, fi żmien qasir, għal kull rotta tal-ajru, il-marġni ta’ vijabbiltà stabbilit abbażi tar-relazzjoni bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha (fejn l-ispiża sħiħa tikkomporta s-somma tal-ispejjeż varjabbli mal-ispejjeż fissi) relatati mar-rotta tal-ajru;

7)      tiggarantixxi li, sal-31 ta’ Diċembru 2000, Alitalia tibqa’ lura milli tipproponi prezzijiet inferjuri għal dawk proposti mill-kompetituri tagħha għal offerta ekwivalenti fuq ir-rotot tal-ajru operati minnha;

8)      tiggarantixxi li Alitalia tittrasferixxi l-ishma tagħha f’Mal[é]v sa mhux iktar tard […];

9)      tiggarantixxi li Alitalia timplementa b’mod sħiħ il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 1996 u mmodifikat fis-26 ta’ Ġunju 1997, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kisba tal-għanijiet ta’ produttività, ta’ vijabbiltà u ta’ tisħiħ finanzjarju skont [il-punt] VI msemmi iktar ’il fuq;

10)      tissottometti lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Marzu tal-1998, [ta’] Marzu tal-1999, [ta’] Marzu tal-2000 u [ta’] Marzu tal-2001, rapport annwali fuq l-iżvilupp tal-pjan ta’ ristrutturar, fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Alitalia u fuq l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni (tipoloġija u identità tal-ko-kontraenti) tal-ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali jew operazzjonali magħmula mill-Alitalia matul is-sena finanzjarja li tkun għaddiet. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni li tinsab f’kull rapport minn konsulent indipendenti magħżul mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet Taljani.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura

18      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Novembru 2001, Alitalia ressqet dan ir-rikors.

19      Fit-13 ta’ Frar 2002, Alitalia ppreżentat barra minn hekk rikors għad-danni, sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997 u d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu hija rrinunzjat għal din il-kawża u l-kawża ġiet imħassra b’digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ April 2003, Alitalia vs Il-Kummissjoni (T‑35/02, li mhux ippubblikata fil-Ġabra).

20      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat irreġistrata taħt ir-riferenzi C‑54/96 u N 318/02, li jikkonċernaw rispettivament il-ħlas tat-tielet parti tal-għajnuna għar-ristrutturar favur Alitalia, approvata mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Lulju 2001, u operazzjoni ġdida ta’ rikapitalizzazzjoni li tlaħħaq l-EUR 1 432 miljun (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002”). Id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 kienet emendata mid-Deċiżjoni C (2002) 3151 finali tas-27 ta’ Awwissu 2002 u kienet is-suġġett ta’ komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-4 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 239, p. 2). Permezz ta’ att iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Novembru 2002, Air One SpA, kumpannija tal-ajru Taljana, talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 (kawża T‑344/02). Alitalia intervjeniet f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Permezz ta’ talba magħquda tal-5 ta’ Settembru 2002, il-partijiet talbu għas-sospensjoni ta’ din il-kawża. Din ġiet sospiża sat-30 ta’ Novembru 2002 b’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2002.

22      Emenda għad-deċiżjoni kkontestata kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-8 ta’ April 2003 (ĠU L 90, p. 54). Fuq naħa, l-aħħar sentenza tal-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn kien ġie indikat li l-ammont ta’ ITL 750 biljun għall-ispejjeż kollha ta’ insolvenza kien ġie aċċettat minn Alitalia, tneħħiet. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sentenza tal-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet emendata d-data relatata mal-valur tas-sehem tal-IRI f’Alitalia fil-31 ta’ Diċembru 2000.

23      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lil Alitalia tadotta pożizzjoni dwar l-allegazzjoni, esposta fil-kontroreplika ddepożitata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ April 2003, li tgħid li Alitalia ma kinitx iktar interessata li tkompli l-kawża mibdija. Alitalia wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2004.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lil Alitalia u lill-Kummissjoni. Il-parijiet wieġbu fit-terminu mogħti.

25      It-trattazzjoni u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn il-Kummissjoni tissuġġetta l-kompatibbiltà tal-għoti ta’ kapital kontenzjuż għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni tal-1997 ;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

28      Il-Kummissjoni ssostni, fil-kontroreplika, li Alitalia ma kellhiex iktar interess li tkompli bir-rikors.

29      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikapitalizzazzjoni ta’ Alitalia ġiet kompletament awtorizzata u mwettqa, ġaladarba, permezz tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002, hija ma qajmitx oġġezzjonijiet rigward il-ħlas tat-tielet u l-aħħar parti tal-għajnuna. Alitalia għaldaqstant ma tikseb l-ebda vantaġġ mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra ta’ dan, dan l-annullament ineħħi l-bażi legali tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002.

30      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li dan ir-rikors ma jistax jiffaċilita kawża għad-danni, ġaladarba l-Alitalia ma komplietx ir-rikors, fil-kawża T-35/02, li hija kienet ressqet għal dan il-għan.

31      Fl-aħħar lok, filwaqt li tenfasizza li rikors, irreġistrat taħt ir-riferenza T‑344/02 u li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tressaq minn Air One kontra d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni tosserva li Alitalia intervjeniet f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tagħha. Hija tqis għaldaqstant li jekk Alitalia tixtieq tippreżerva d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002, hija għandha tbati l-konsegwenzi fir-rigward ta’ dan ir-rikors.

32      Alitalia ssostni, fit-tweġiba tagħha tal-1 ta’ April 2004 għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li hija tilfet l-interess ġuridiku tagħha, li sentenza li tikkonstata li l-għoti ta’ kapital kontenzjuż ma kienx għajnuna mill-Istat jippermettilha li fil-futur tkun tista’ titlob li tingħata din l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tneħħilha din il-possibbiltà, peress li normalment ma tkun tista’ tingħatalha l-ebda għajnuna oħra. Barra minn hekk, din is-sentenza jkollha bħala konsegwenza li l-ħlas tat-tielet parti tas-sussidju ta’ kapital kontenzjuż ma jkollhiex bżonn tiġi suġġetta għal awtorizzazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni.

33      Barra minn hekk, skont Alitalia, is-sentenza li se tagħti l-Qorti tal-Prim’Istanza f’din il-kawża se jkollha effett fuq is-sentenza T-344/02. Diversi motivi ta’ Air One għandhom ikunu miċħuda kemm il-darba l-għoti ta’ kapital kontenzjuż ma jibqax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

34      Fl-aħħar nett, Alitalia tallega li r-rinunzja li seħħet fil-kawża T‑35/02 ma tipprekludihiex milli tippreżenta rikors ġdid għad-danni, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni għal kawża bħal din għadu ma skadiex. F’kull każ, deċiżjoni ta’ annullament f’din il-kawża ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-eventwalità li tippreżenta rikors ġdid għad-danni sabiex tikseb kumpens għad-danni derivanti mid-deċiżjoni kkontestata.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Tali interess jissoponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi ġuridiċi jew, skont formolarju ieħor, li r-rikors jista’, bir-riżultat tiegħu, jipprovdi benifiċċju lill-parti li ressqitu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għandhom jiġu evalwati, bla ħsara għall-kwistjoni differenti tat-telf ta’ interess ġuridiku, meta jitressaq ir-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il-Kummissjoni, T‑131/99, Ġabra p. II‑2023, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din il-kunsiderazzjoni dwar il-mument tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ma tistax tipprekludi lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli tikkonstata li mhemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors fil-każ fejn rikorrent li inizjalment kellu interess ġuridiku tilef kull interess personali meta ġiet annullata d-deċiżjoni kkontestata minħabba avveniment li seħħ wara li jkun tressaq dan ir-rikors. Fil-fatt, sabiex rikorrent ikun jista’ jressaq rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni, jeħtieġ li jżomm interess personali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il-Kummissjoni, T‑28/02, Ġabra p. II‑4119, punti 36 u 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-interess ġuridiku ta’ Alitalia fir-risposta tad-difiża tagħha tal-25 ta’ Marzu 2002. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wara kollox ikkonstatat dan li ġej fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punt 74):

         “[...] [I]l-fatt li fid-Deċiżjoni [tal-1997] l-Kummissjoni kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat l-investiment tal-IRI fil-kapital tar-rikorrenti jikkawża, bla ebda dubju, preġudizzju fil-konfront tal-istess rikorrenti. Fil-fatt, din il-kwalifika ppermettiet lill-Kummissjoni teżamina, fid-Deċiżjoni [tal-1997], il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni u timponi kundizzjonijiet li jaffettwaw direttament l-operazzjonijiet tar-rikorrenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

39      Il-Kummissjoni tinvoka t-telf ta’ interess ġuridiku ta’ Alitalia fil-kontroreplika, tal-24 ta’ April 2003, minħabba fatti ġodda li rriżultaw wara dak iż-żmien. Dawn huma, minn naħa, id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002, sa fejn fiha l-Kummissjoni ddeċidiet b’mod partikolari li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-ħlas tat-tielet parti tal-għajnuna lil Alitalia u, min-naħa l-oħra, id-digriet tat-8 ta’ April 2003, Alitalia vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, li permezz tiegħu l-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda għat-tħassir tal-kawża T-35/02 wara li Alitalia rrinunzjat milli tkompli bil-kawża.

40      Huwa minnu li, fid-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ddeċidiet “li tieħu konjizzjoni tal-ħlas tat-tieni parti tal-għajnuna mogħtija lil [Alitalia] u awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-1997, ikkonfermata fl-2001, u li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-ħlas tat-tielet parti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Alitalia kisbet għaldaqstant il-ħlas tal-għajnuna kollha inkwistjoni. Barra minn hekk, hija m’għadhiex iktar suġġetta għall-kundizzjonijiet u għall-impenji li għandhom jiġu rrispettati matul it-terminu tal-applikazzjoni tal-pjan.

41      Madankollu, billi żammet il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-għoti ta’ kapital kontenzjuż, id-deċiżjoni kkontestata kellha bħala effett li tissuġġetta l-ħlas tat-tielet parti tal-għajnuna għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata sservi bħala bażi legali għad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 sa fejn, fiha, il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ dan it-tielet ħlas.

42      Għalhekk, li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkwalifika l-għoti ta’ kapital kontenzjuż bħala għajnuna mill-Istat, dan l-annullament ikollu konsegwenzi ġuridiċi fuq id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002, liema deċiżjoni tispiċċa mingħajr bażi legali.

43      Huwa minnu li l-partijiet ma jaqblux fir-rigward tan-natura preċiża ta’ dawn il-konsegwenzi.

44      Skont Alitalia, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 issir mingħajr skop fir-rigward tal-ħlas tat-tieni u t-tielet partijiet tal-għajnuna inkwistjoni u l-motivi mressqa f’dan ir-rigward minn Air One fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 fil-kawża T‑344/02 ma jibqgħux effettivi. Għaldaqstant, Air One ma tkunx iktar tista’ tikkontesta dan il-ħlas.

45      Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li hija jkollha, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tinvestiga mill-ġdid l-operazzjoni l-ġdida ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Alitalia tal-2002 sabiex tiddetermina jekk din tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

46      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żewġ każijiet, ir-rikors ta’ Air One kontra d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 sa fejn din tirrigwarda l-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni jsir mingħajr effett, minħabba nuqqas ta’ bażi legali.

47      Għalhekk Alitalia għad għandha interess ġuridiku mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati f’dan ir-rigward.

 Fuq il-mertu

48      Alitalia essenzjalment tinvoka sitt motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq difetti proċedurali, it-tieni fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet fuq ksur tal-Artikolu 233 KE minħabba nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni kkontestata mas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, ir-raba’ fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-ħames fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE fl-iffissar tal-kundizzjonijiet tal-għajnuna u s-sitt wieħed fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE. Fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi diskuss dan is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

49      Dan il-motiv huwa essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet, u jikkomporta, fl-ewwel parti, il-motivazzjoni tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u, għat-tieni parti, dik tal-kundizzjonijiet li din timponi.

1.     Motivazzjoni insuffiċjenti tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata

a)     L-argumenti tal-partijiet

50      Wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar l-obbligu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jimmotivaw l-atti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, Alitalia ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tistrieħ fuq id-Deċiżjoni tal-1997, minħabba li din ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u dan ipproduċa effett retroattiv. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha ssib fiha nnifisha l-leġittimità tagħha stess.

51      Madankollu, l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq fl-ebda każ ma tirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tar-rata minima, il-Kummissjoni tillimita ruħha għal paragun mas-sitwazzjoni kkonċernata fid-deċiżjoni Iberia. Fid-deċiżjoni kkontestata, ma ssir l-ebda riferenza għall-konsultazzjoni ta’ investituri finanzjarji dwar l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-kontenut definittiv tal-programm ma tteħidx inkunsiderazzjoni. Alitalia tirreferi, b’mod partikolari, għall-aċċelerazzjoni tal-proġett li jikkonċerna Alitalia Team SpA (kumpannija low cost), għal ftehim ta’ groundhandling, għall-implementazzjoni tal-proġett ta’ rati ġodda, għat-tluq tal-persunal, biżżejjed aspetti li l-impatt tagħhom seta’, fl-opinjoni tagħha, jiġu evalwati, peress li kienu ddekorrew sitt xhur minn meta l-pjan kien beda jiġi eżegwit.

52      Fir-rigward tar-rata interna, Alitalia ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija talment ftit trasparenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tirrikorri hija stess għal elementi oħra sabiex tkun tista’ tivverifika r-rilevanza tagħha. Għaldaqstant l-informazzjonijiet mogħtija kienu ftit wisq sabiex ikun jista’ jiġi evalwat il-kalkolu tal-valur terminali ta’ Alitalia u l-kalkolu tal-ispejjeż ta’ insolvenza li l-IRI jkollha ssostni fil-każ ta’ stralċjar ta’ Alitalia.

53      Alitalia tallega li l-Kummissjoni setgħet tannetti r-rapport tal-konsulenti tagħha ta’ Ġunju 2001 mad-deċiżjoni kkontestata jew tinkludi l-punti ewlenin tiegħu fit-test inniffsu ta’ din id-deċiżjoni.

54      Minn dan Alitalia tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata min-nuqqas gravi ta’ motivazzjoni u għaldaqstant tikser l-Artikolu 253 KE.

55      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kollha, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid li l-motivi u l-argumenti ta’ Alitalia juru li l-motivazzjoni ssodisfat pjenament il-funzjoni tagħha, jiġifieri li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jifhmu b’liema mod l-istituzzjoni applikat it-Trattat u, jekk ikun il-każ, li jiddefendu d-drittijiet tagħhom, filwaqt li tippermetti lill-Qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha, kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. Minkejja li l-Kummissjoni mhijiex marbuta twieġeb, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni, għall-punti kollha ta’ fatt u tad-dritt invokati mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiv, hija xorta waħda għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, sabiex il-Qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità u sabiex kemm l-Istati Membri kif ukoll iċ-ċittadini kkonċernati, jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      It-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk att Komunitarju jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Għalhekk, ladarba l-parti kkonċernata kienet strettament assoċjata mal-proċess ta’ elaborazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u kienet taf għaldaqstant ir-raġunijiet li għalihom l-amministrazzjoni qieset li ma kellhiex tilqa’ t-talba tagħha, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq il-kuntest maħluq minn din il-parteċipazzjoni. F’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza fis-suġġett jonqsu kunsiderevolment (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 1997, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T‑504/93, Ġabra p. II‑923, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għall-finijiet tal-eżami tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni fil-kuntest preżenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat hija proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna u li l-partijiet ikkonċernati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, fosthom il-benefiċjarja tal-għajnuna, ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma għandu l-imsemmi Stat Membru (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom rwol ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, u li jippermettu li jsiru magħrufa l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni applikat mill-ġdid il-kriterju tal-investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq wara li l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-1997, jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95).

61      Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-determinazzjoni tar-rata minima, qabel kollox għandha ssir riferenza għall-premessi 24 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jiġu deskritti r-raġunijiet ibbażati fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ Alitalia li jiġġustifikaw l-iffissar tar-rata minima għal 30 %. Qabel ma ssemmi r-riskji speċifiċi għall-impriża, il-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata tibda’ hekk:

“Fil-każ preżenti u abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, b’mod partikolari mix-xogħol magħmul [mill-konsulenti tagħha], il-Kummissjoni tqis li [r-rata minima] hija qrib it-30 % minħabba l-importanza tal-ammont inkwistjoni u fuq kollox minħabba r-riskji ppreżentati mill-operazzjoni. Din ir-rata ta’ mill-inqas 30 % effettivament tinkludi l-possibbiltà li l-pjan ma jiżvolġix kif kien previst kif ukoll li r-rendiment reali tal-investiment […] jirriżulta wara kollox sensibbilment iktar dgħajjef. Mill-bqija, ir-rata tista’ biss tkun superjuri għall-ispiża tal-kapital investit meta hija ma tiħux inkunsiderazzjoni r-riskji kollha marbuta mal-kumpannija. Madankollu, minkejja t-tijib konsekuttiv fuq l-adattamenti magħmula fuq il-pjan fi Frar u [f’] Ġunju tal-1997, innotifikati lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 1997, Alitalia tidher bħala impriża li r-riskju speċifiku tagħha jibqa’ għoli ħafna […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

62      Fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timmotiva r-rata minima ffissata f’dan il-każ ukoll permezz ta’ paragun ma’ dik li hija kienet stabbilixxiet fid-Deċiżjoni Iberia (ara l-punti 109 sa 111 iktar ’il quddiem).

63      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni formali fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar fl-evalwazzjoni tar-rata minima.

64      Il-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata fil-fatt tgħid li:

“L-aħħar emendi magħmula fuq il-pjan mill-awtoritajiet Taljani f’Ġunju tal-1997 u nnotifikati uffiċjalment lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 1997 mhumiex ta’ natura tali li jikkonfutaw l-evalwazzjoni tal-valur tar-[rata minima]. Minbara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani li jimponu li għandha tkun l-Alitalia li ssostni l-ispejjeż għal tluq minħabba rtirar kmieni, dawn l-emendi jikkostitwixxu aċċelerazzjoni tat-tnaqqis previst tal-ispejjeż tal-impriża permezz ta’ trasferiment iktar mgħaġġel tal-persunal ta’ Alitalia lejn Alitalia Team, tnaqqis ta’ bejn [ITL] 2 800 u 2 750 biljun mill-ammont totali tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kif ukoll it-trasferiment tal-ishma li l-Alitalia għandha fil-kumpannija Ungeriża Mal[é]v u f’sitt ajruporti reġjonali Taljani. Dawn ċertament inaqqsu r-riskji inerenti fl-operazzjoni u jżidu l-vijabbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, iżda jibqgħu marġinali u jirriżultaw ferm inqas sostanzjali meta mqabbla mal-ewwel emendi magħmula fuq il-pjan mill-awtoritajiet Taljani fi Frar tal-1997. Fil-fatt, l-emendi magħmula fuq il-pjan f’Ġunju tal-1997 għandhom biss effett dgħajjef fuq ir-riżultati prinċipali tal-pjan u fuq id-dividendi mistennija mill-azzjonisti […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

65      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi sussegwentement tabella li tevalwa dan l-effett. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata anki fuq dan il-punt.

66      Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-determinazzjoni tar-rata interna, din tinsab fil-premessi 19 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni għall-kalkolu tagħha, u b’mod partikolari fil-premessa 20 fir-rigward tal-ispejjeż ta’ insolvenza u fil-premessa 22 fir-rigward tal-valur terminali.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li Alitalia kienet assoċjata strettament mal-proċeduri li taw lok għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997, proċeduri li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punti 96 sa 101 iktar ’il quddiem). B’mod partikolari, Alitalia kellha aċċess għat-tieni u t-tielet rapporti tal-konsulenti tal-Kummissjoni, li hija tannetti mar-rikors tal-preżenti kawża.

68      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Alitalia li tgħid li l-Kummissjoni setgħet annettiet mad-deċiżjoni kkontestata r-rapport tal-konsulenti tagħha, tal-1 ta’ Ġunju 2001, din mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan il-każ. Sa fejn din tikkomporta ksur tad-drittijiet tad-difiża, din se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-punti 164 sa 177 iktar ’il quddiem.

69      Jeħtieġ barra minn hekk li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata kemm wara d-Deċiżjoni tal-1997, kif ukoll wara sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla din id-deċiżjoni, is-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 87). Fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, huma deskritti l-fatti li wasslu għall-kawża (punti 1 sa 12), il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997 (punti 13 sa 35) u l-kontenut tad-Deċiżjoni tal-1997 (punti 36 sa 48). Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra p. II‑2031, punt 97).

70      Konsegwentement, fir-rigward tal-elementi msemmija minn Alitalia f’din l-ewwel parti, jiġifieri d-determinazzjoni tar-rata minima u tar-rata interna, u finalment l-implementazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti.

71      Mill-bqija, sa fejn Alitalia tikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-determinazzjoni tar-rata minima u dik tar-rata interna, għandha ssir riferenza għall-punti 178 sa 370 iktar ’il quddiem.

2.     Nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-kundizzjonijiet imposti fid-Deċiżjoni tal-1997

a)     L-argumenti tal-partijiet

72      Alitalia ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni rigward il-kundizzjonijiet li jissuġġettaw il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għoti ta’ kapital kontenzjuż. Hija żżid li l-Kummissjoni ma tistax tippretendi li l-motivi milqugħa fl-1997 jibqgħu validi fl-2001, peress li d-differenza bejn ir-rata minima u r-rata interna ma kintix għadha ta’ 10 %, iżda ta’ 3.9 % biss. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Alitalia tippreċiża li hija ma tikkontestax il-kundizzjonijiet hekk kif ġew imposti fid-Deċiżjoni tal-1997, iżda ttenni l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li terġa’ timponi l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tagħti motivazzjoni adegwata f’dan ir-rigward.

73      Il-Kummissjoni twieġeb li hija wettqet motivazzjoni permezz ta’ referenzi għal dokumenti oħrajn, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet fil-verità jikkostitwixxu impenji mill-awtoritajiet Taljani u mhumiex attribwibbli lill-Kummissjoni, b’tali mod li l-ebda motivazzjoni mhija meħtieġa f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni żżid li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li saret permezz ta’ referenzi għal dokumenti oħra, ma pprekludietx lil Alitalia milli tifhem il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

74      Il-kundizzjonijiet li jimponu li l-għoti ta’ kapital kontenzjuż għandu jkun kompatibbli mas-suq, kif elenkati fid-Deċiżjoni tal-1997, huma ċċitati fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi, bħala motivazzjoni, espliċitament “għall-premessi tat-test tad-Deċiżjoni tal-1997”.

75      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li Alitalia tindika li hija ma tikkontestax manifestament il-kundizzjonijiet hekk kif ġew imposti mid-Deċiżjoni tal-1997, iżda ssostni li huwa impossibbli għall-Kummissjoni li terġa’ timponi l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tagħti motivazzjoni adegwata f’dan ir-rigward.

76      Għandu jiġi għaldaqstant ikkonstatat li t-tieni parti ta’ dan il-motiv imqajjem b’mod ġenerali minn Alitalia ma tikkonċernax il-forma, li hija ma tikkontestax, iżda l-mertu tal-motivazzjoni tal-impożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-istess kundizzjonijiet bħal dawk li ġew imposti fid-Deċiżjoni tal-1997. Din għandha għaldaqstant tiġi eżaminata fil-kuntest tal-punti 399 sa 418 iktar ’il quddiem. Jekk ikun il-każ, jiġu wkoll iċċarati xi affarijiet fil-kuntest tal-eżami ta’ kull waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet bi tweġiba għal ċertu kritika speċifika tal-motivazzjoni magħmula minn Alitalia barra mil-kuntest ta’ dan il-motiv.

77      Għaldaqstant Alitalia ma stabbilixxietx, fil-kuntest ta’ dan il-motiv ta’ natura ġenerali, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan il-motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 233 KE

78      Alitalia tinvoka l-ksur tal-Artikolu 233 KE, kemm fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, minħabba nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ eżami, kif ukoll fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha. Hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien.

1.     L-argumenti tal-partijiet

79      Alitalia ssostni li, wara sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni konvenuta hija obbligata, skont l-Artikolu 233 KE, li tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tneħħi l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, jista’ jkun jinvolvi li r-rikorrenti terġa’ titqiegħed fis-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ġie eżegwit l-istess att.

80      Skont Alitalia, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 233 KE jimponi lill-istituzzjoni sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament billi tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-dispożittiv kif ukoll il-motivi tas-sentenza filwaqt li tevalwa fid-dettall l-effetti tas-sentenza ta’ annullament fuq il-fażijiet preċedenti tal-proċedura. L-istituzzjoni tista’ tkompli bil-proċeduri mill-mument fejn seħħ id-difett, li ġie ssanzjonat mill-qorti, biss meta dan ikun jirrigwarda difett ta’ forma jew ta’ proċedura. L-istituzzjoni hija marbuta terġa’ tiftaħ il-proċedura ab initio meta ma jkollhiex l-elementi istruttorji neċessarji sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-każ eżaminat.

81      Issa, f’dan il-każ, id-difetti ssanzjonati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, huma ta’ natura sostanzjali, jiġifieri l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ eżami.

82      Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, Allitalia tallega, qabel kollox, li l-Qortti tal-Prim’Istanza rrifjutat l-evalwazzjonijiet fuq il-mertu tal-Kummissjoni fuq żewġ punti essenzjali, jiġifieri n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ insolvenza, minn naħa, u tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat f’Ġunju tal-1997, min-naħa l-oħra.

83      Barra minn hekk, skont Alitalia, il-Kummissjoni kellha f’kull każ tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, peress li hija ma kellhiex firxa kompleta u mhux kontroversa ta’ elementi istruttorji kif ukoll peress li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni qajmet diffikultajiet serji li ma kinux ġew solvuti matul il-fażi preliminari. Alitalia tqis, b’mod partikolari, li sondaġġ ġdid fost l-investituri istituzzjonali kien neċessarju sabiex tiġi ddeterminata r-rata minima. In-neċessità tal-kisba ta’ elementi ġodda ta’ analiżi timplika wkoll, fl-opinjoni tagħha, l-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ perizzja teknika ġdida billi tiżgura dibattitu inter partes ma’ Alitalia u mal-awtoritajiet Taljani.

84      Il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 233 KE billi ddeformat manifestament il-kontenut tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, ħaġa li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax.

85      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż ta’ insolvenza huma evalwati għal ITL 750 biljun filwaqt li, skont is-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, dawn kienu jammontaw għal ITL 1 140 biljun. Din iċ-ċifra ta’ ITL 750 biljun ma kinitx suġġetta għal dibattitu inter partes, ma kinitx tinsab fid-Deċiżjoni tal-1997 u ma kinitx ġiet aċċettata minn Alitalia.

86      Fir-rigward tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, Alitalia ssostni li, sabiex tosserva s-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, meta għamlet il-kalkoli mill-ġdid sabiex tieħu din il-verżjoni tal-pjan inkunsiderazzjoni, li tikkonstata inkonfutabbilment li dan kien itejjeb il-vijabbiltà tal-operazzjoni kontenzjuża u kien inaqqas ir-riskji tagħha. Alitalia tallega li konsegwentement ir-rata interna kellha tiżdied filwaqt li r-rata minima kellha titnaqqas. Il-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant, skont Alitalia, tasal għall-konklużjoni li dawn l-aħħar emendi kellhom “biss effett dgħajjef” fuq il-parametri msemmija iktar ’il fuq u tħalli l-kalkoli l-istess kif kienu.

87      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-effett, fir-rigward ir-riskji, tal-aħħar emendi magħmula fuq il-pjan ta’ ristrutturar. Għaldaqstant ir-rata minima baqgħet kif kienet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rrepetietx l-istadji li kienu wassluha sabiex inizjalment tiffissa din ir-rata għal 30 %. Hija ma biddlitx l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li s-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ Alitalia u ta’ Iberia kienu korrispondenti u ma wettqitx konsultazzjoni ġdida.

88      Fir-rigward tar-rata interna, Alitalia tosserva li r-rata ta’ 26.1 % li tinsab fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata hija identika għal dik li nkisbet fi tmiem il-kalkolu li l-Kummissjoni annettiet mal-kontroreplika fil-kawża T‑296/97. Dan kien ġie għaldaqstant sempliċement “irriċiklat” fid-deċiżjoni kkontestata u ma jiħux inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

89      Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-traspożizzjoni fil-konfront ta’ Alitalia, fid-Deċiżjoni tal-1997, tar-rata minima applikata fid-Deċiżjoni Iberia jikkonfutaw il-bażi nnifisha tal-argument tal-Kummissjoni. Skont Alitalia, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma limitatx ruħha, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, li tannulla d-Deċiżjoni tal-1997 minħabba motivazzjoni insuffiċjenti. Hija kkritikat l-ipparagunar innifsu bejn Alitalia u Iberia. Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat kontraddizzjoni bejn, minn naħa, l-għażla magħmula mill-Kummissjoni li tadotta fil-konfront ta’ Alitalia r-rata minima applikata fid-Deċiżjoni Iberia u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-konsulenti tagħha fuq ir-riskji żgħar li l-pjan ta’ ristrutturar ta’ Alitalia kellu meta mqabbel ma’ dak ta’ Iberia. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx iġġustifikat li r-rata minima applikabbli fil-konfront ta’ Alitalia tiġi ffissata għal 30 % b’riferenza għal dik li kienet ġiet deċiża għal Iberia. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant impliċitament kuntradittorja mas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, minnflok ma tkun konformi magħha bħal ma jimponi l-Artikolu 233 KE. Fl-elaborazzjoni ta’ motivazzjoni ġdida insostenn ta’ din ir-rata minima sproporzjonata, il-Kummissjoni toħloq ukoll ġustifikazzjonijiet ġodda li hija qatt ma kienet esprimiet matul il-proċedura amministrattiva u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant għandha tiċħad.

90      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti magħmula minn Alitalia jibbażaw rwieħhom fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata u tal-effetti tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-obbligi li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 233. L-annullament deċiż mill-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonċerna biss l-evalwazzjoni finali magħmula mill-Kummissjoni u mhux il-proċedura ta’ verifika li tat lok għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997. L-illegalità tad-Deċiżjoni tal-1997 għaldaqstant ma testendix għall-atti preparatorji, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet, saħansitra kellha, tkompli l-proċedura ta’ verifika mill-punt preċiż fejn l-illegalità seħħet, jiġifieri mill-mument tal-adozzjoni definittiva tad-Deċiżjoni tal-1997.

91      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza limitat ruħha, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, li tissanzjona n-nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma tikkontesta l-fatt li s-sitwazzjonijiet ta’ Alitalia u ta’ Iberia setgħu kienu paragunabbli. Mill bqija, l-għażla li, fid-deċiżjoni kkontestata, tiġi stabbilita rata minima ta’ 30 % tirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ Alitalia u ma tirriżultax minn riferenza sempliċi u pura għall-każ ta’ Iberia.

92      Mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ispejjeż ta’ insolvenza ġew inklużi fil-kalkolu tar-rata interna. Il-Kummissjoni tfakkar li t-tabella elaborata minnha stess fil-kuntest tal-kawża T‑296/97, u mressqa minn Alitalia bħala annessa mar-rikors ta’ din il-kawża, diġà kienet tikkonstata l-inklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż fil-kalkolu tar-rata interna. Il-Kummissjoni tispjega li hija ħasbet li setgħet tiddeduċi l-qbil ta’ Alitalia fuq l-ammont ta’ ITL 750 biljun minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma kinitx ikkontestatu fil-kuntest tal-kawża T-296/97, meta hija kienet ikkonstatat dan l-ammont fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Il-Kummissjoni ssostni li dan mhuwiex il-każ filwaqt li tiddikjara li dan il-fatt huwa rrilevanti f’dan il-kuntest, minħabba li ma jservix biex fuqu jiġi bbażat ir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni barra minn hekk tippreċiża li r-raġunijiet li wassluha sabiex tiffissa l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż għal ITL 750 biljun huwa espost fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata u kienu ġew ippreżentati fir-rapporti tal-konsulenti tagħha tal-21 ta’ Frar u tat-18 ta’ Ġunju 1997, ippreżentati minn Alitalia bħala anness għar-rikors.

93      Il-Kummissjoni ssostni li wettqet eżami mill-ġdid tar-rata interna u tar-rata minima fid-dawl tal-emendi magħmula fl-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Hija tosserva li r-rata interna, li fid-Deċiżjoni tal-1997 kienet tammonta għal 20 %, ġiet iffissata għal 26.1 % fid-deċiżjoni kkontestata, wara li ġew inklużi l-ispejjeż ta’ insolvenza fil-kalkolu tagħha. Fil-premessi 19 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat l-elementi rilevanti tal-kalkolu.

94      Il-Kummissjoni sussegwentement tenfasizza li d-determinar tar-rata minima tiddependi b’mod partikolari fuq elementi soġġettivi, bħall-attitudni tal-investitur fil-konfront tar-riskju, b’tali mod li kull konsultazzjoni ġdida, magħmula a posteriori, tkun ġiet distorta mill-għarfien tal-iżvilupp tas-settur inġenerali u mill-impriża kkonċernata b’mod partikolari. Il-konsulenti tal-Kummissjoni xorta waħda ħadu effettivament inkunsiderazzjoni l-emendi magħmula mill-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u jidher li qiesu li l-effetti ekonomiċi u finanzjarji tagħhom ma kinux tali li jbiddlu r-rata minima, oriġinalment iffissata għal 30 %.

95      Il-Kummissjoni tfakkar ulterjorment li l-iffissar tar-rata minima li kieku jirrikjedi investitur privat tippresupponi previżjoni u mhux evalwazzjoni a posteriori. Għaldaqstant ir-riżultati tas-sena 1997 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

96      F’kull każ, il-Kummissjoni tallega li, anki fil-preżenza ta’ difett ta’ mertu fl-att annullat, huwa possibbli li deċiżjoni ġdida tiġi bbażata fuq proċedura ta’ eżami li tkun twettqet preċedentement meta l-fatti li għandhom jiġu evalwati jkunu rigorożament l-istess bħal dawk li diġà ġew eżaminati fid-deċiżjoni inizjali. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li ma kienx realistiku li twettaq verifika ġdida fl-2001 fost investituri istituzzjonali, sabiex tiddetermina retrospettivament ir-rata minima li huma kienu jqisu bħala approprjata li kieku kienu taw l-opinjoni tagħhom fl-1997 fid-dawl tal-aħħar emendi għall-pjan ta’ ristrutturar.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      Skont l-Artikolu 233 KE, l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat għandha tadotta l-miżuri li jikkomportaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

98      Sabiex jikkonformaw rwieħhom ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjonijiet għandhom josservaw mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiddeterminaw is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet preċiżi tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jissostitwixxu l-att annullat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27).

99      Il-proċedura intiża għas-sostituzzjoni ta’ dan l-att tista’ għalhekk titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att Komunitarju ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra p. I‑6993, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 34). L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tiġbor fiha fażijiet differenti ma jagħtix neċessarjament lok għall-annullament tal-proċeduri kollha li jippreċedu l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, ta’ mertu jew ta’ proċedura, tas-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Meta, minkejja atti istruttorji li jippermettu analiżi eżawrjenti tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tirriżulta inkompleta u għalhekk tikkawża l-illegalità tad-deċiżjoni, il-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi din id-deċiżjoni tista’ tkompli minn dan il-punt billi ssir analiżi ġdida tal-atti istruttorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 34).

102    Peress li d-dispożittiv tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, jinkludi deċiżjoni ta’ annullament, huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza li għandu jiġi verifikat jekk fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni adottatx il-miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni tas-sentenza u, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk il-motivi ta’ din is-sentenza jobbligawx jew le lill-Kummissjoni tibda’ l-proċeduri ab initio.

103    F’dan ir-rigward għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, il-ġurisprudenza ma tissuġġettax il-possibbiltà li ma jitkomplewx il-proċeduri kollha li jippreċedu l-adozzjoni ta’ att meħud sabiex jissostitwixxi att ieħor bil-kundizzjoni li dan l-att ikun ġie annullat minħabba difetti ta’ proċedura (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, punt 100 iktar ’il fuq, punt 91).

104    Fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat kjarament li “[i]l-metodu applikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni [tal-1997] ma jistax jiġi fih innifsu kkritikat” (punt 99). Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-1997 minħabba li din tal-aħħar kienet ivvizzjata min-“nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn hija żamme[t], fir-rigward tal-investiment tal-IRI, l-istess rata minima bħal dik stabbilita fid-deċiżjoni Iberia” (punt 137). Barra minn hekk, hija annullat id-Deċiżjoni tal-1997 minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, l-ewwel nett, “abbażi tal-motivi mressqa fid-Deċiżjoni [tal-1997], li l-ispejjeż ta’ insolvenza relatati mas-self mogħti mill-Cofiri [li hija kumpannija li tappartjeni għall-grupp IRI] kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu tar-rata interna” (punt 150) u, it-tieni nett, “li l-emendi magħmula għall-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju tal-1997, li, skont hi, kienu jnaqqsu ulterjorment ir-riskji inerenti għal dan il-pjan u jtejbu l-vijabbiltà tal-impriża ma kellhom l-ebda effett fuq il-kalkolu tar-rata minima u tar-rata interna u, għaldaqstant, fuq l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-investiment tal-IRI kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat” (punt 169).

105    Għandhom jiġu eżaminati l-motivi li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza għal dawn il-konklużjonijiet fis-sentenza Alitalia I.

106    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-iffissar tar-rata minima, għandu jiġi osservat li, qabel ma jiġi eżaminat dan il-motiv imqajjem mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat u ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni u l-konsulenti tagħha kienu bbażaw rwieħhom sabiex jiffissaw ir-rata minima. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li “l-ebda element imressaq mir-rikorrenti ma [ppermetta] li jiġi ddubitat li l-esperti li [kienu] ġew ikkonsultati mi[ll-konsulenti tal-Kummissjoni] ma kellhom l-informazzjoni neċessarja sabiex jevalwaw r-rata minima f’dan il-każ” (punt 121).

107    Fil-kuntest tal-eżami tagħha tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, wara li fakkret il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tiffissa r-rata minima għal-livell ta’ 30 % fid-deċiżjoni Iberia (punt 128), il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li r-rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva kollha, kienet sostniet li s-sitwazzjoni tagħha ma kinitx paragunabbli għal dik ta’ Iberia, billi insistiet b’mod partikolari fuq il-fatt li l-elementi ta’ inċertezza li kkaratterizzaw il-kawża Iberia ma kinux preżenti fil-każ tagħha (punt 131). Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu kkonstatat li “il-Kummissjoni ma [kinitx] spjegat fid-Deċiżjoni [tal-1997] għaliex hija qieset li kien neċessarju li fir-rigward tal-investiment tal-IRI tiġi applikata l-istess rata minima ta’ 30 % li hija kienet stabbilixxiet fid-deċiżjoni Iberia, meta konstatazzjonijiet magħmula fid-Deċiżjoni [tal-1997] [taw] lil wieħed x’jifhem, b’mod partikolari, li diversi mill-fatturi ta’ riskju li [kienu] wasslu lill-Kummissjoni sabiex, fid-deċiżjoni Iberia, tiffissa r-rata minima għal dan il-livell ‘għoli ħafna u superjuri sew għar-rati kkonstatati fis-suq’ ma kinux preżenti, jew kienu inqas preżenti fil-każ ta’ Alitalia” (punt 136). Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li d-Deċiżjoni tal-1997 kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

108    Mill-eżami ta’ dan l-ewwel motiv ta’ annullament jirriżulta li hija ma tikkontestax il-proċedura ta’ eżami li wasslet għall-iffissar tar-rata minima ta’ 30 %. Bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma kkunsidrat li r-rata minima ma setgħetx tiġi ffissata għal 30 % u lanqas ma invalidat kull paragun bejn Iberia u Alitalia. Minn dan jirriżulta li dan l-ewwel motiv ta’ annullament tad-Deċiżjoni tal-1997 mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienx jipprekludi li l-att jiġi rrettifikat abbażi tal-elementi disponibbli billi tingħatalhom motivazzjoni iktar iddettaljata.

109    Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, wara li ddeskriviet fit-tul, fil-premessi 25 sa 29, ir-raġunijiet, ibbażati fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ Alitalia, li jiġġustifikaw l-iffissar tar-rata minima għal 30 %, u kkonstatat fil-premessa 30, li din ir-rata kienet identika għal dik li kienet ġiet stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Iberia, il-Kummissjoni tesponi għaliex hija “tqis li r-riskji ppreżentati mill-kontribuzzjoni ta’ kapital li minnu bbenefikat Alitalia f’Lulju tal-1997 huma minn tal-inqas daqstant importanti daqs dawk ippreżentati mill-kontribuzzjoni ta’ kapital li minnu bbenefikat Iberia f’Jannar tal-1996”. Il-Kummissjoni tkompli bil-paragun fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata.

110    F’dan is-sens, fir-rigward tas-sitwazzjoni taż-żewġ impriżi msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tippreċiża għaldaqstant li din “tista’ tixxiebah ħafna f’għajnejn investitur”. Hija tenfasizza li “[d]an l-investitur josserva mingħajr dubju li l-imsieħba soċjali fiż-żewġ każijiet impenjaw rwieħhom sabiex sa ċertu punt jaċċettaw titjib fil-produttività u tnaqqis fl-ispejjeż ta’ produzzjoni fil-kuntest tal-pjan, iżda li [huwa] fuq kollox jikkunsidra l-problemi soċjali li għaddew minnhom iż-żewġ kumpanniji tal-ajru matul is-snin li ppreċedew il-kontribuzzjoni ta’ kapital kif ukoll il-bżonn li t-tnejn li huma għandhom li jbiddlu l-kultura tagħhom ta’ impriża pubblika li għal wisq żmien baqgħet f’sitwazzjoni ta’ monopolju u li jadattawha għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq” (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Sussegwentement fir-rigward tan-natura realistika tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ Alitalia meta mqabbla mal-inċertezza li kkaratterizzat ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Iberia, differenza li ġiet imfakkra wkoll mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tesponi, għal darb’oħra fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-fatturi ta’ riskju li jikkaratterizzaw l-Iberia huma ampjament ikkontrobbilanċjati, f’għajnejn l-investitur, mill-inċertezza doppja li tiffaċċja Alitalia fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-iżvilupp tagħha f’Malpensa, parti essenzjali mill-pjan, u fir-rigward tal-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq intern Taljan tal-avjazzjoni ċivili”. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li “s-suq intern Spanjol tal-avvjazzjoni ċivili ġie lliberalizzat bosta snin qabel is-suq intern Taljan u li fl-1996 diġà [kien] possibbli, li jiġu mkejla l-effetti li din il-liberalizzazzjoni kellha fuq Iberia filwaqt li l-impatt, fuq Alitalia, tal-ftuħ tas-suq intern Taljan għadu imprevidibbli ħafna fl-1997”. Il-Kummissjoni żżid “li Iberia għandha post privileġġjat fis-suq bejn l-Ewropa u l-Amerka Latina filwaqt li Alitalia m’għandhiex vantaġġ paragunabbli”.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni kkonformat ruħha mal-Artikolu 233 KE billi mmotivat id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

113    Fr-rigward, fit-tieni lok, taż-żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett ikkonstatat “li, fid-Deċiżjoni [tal-1997], il-Kummissjoni sostn[iet] li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata interna, hija [kienet] eskludiet l-ispejjeż ta’ insolvenza” (punt 142). Sussegwentement hija esponiet ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għal din l-esklużjoni (punt 144), qabel ma ċaħdithom u żiedet tgħid li r-raġunament tal-Kummissjoni rigward l-ispejjeż ta’ insolvenza kien ċirkolari (punti 146 sa 149). Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “il-Kummissjoni [kienet] wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, abbażi ta’ motivi mressqa fid-Deċiżjoni tal-1997, li l-ispejjeż ta’ insolvenza relatati mas-self mogħti mill-Cofiri kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu tar-rata interna” (punt 150). Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kalkolu allegatament żbaljat tar-rata interna minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ġegħlitha ssostni l-ispiża tal-irtirar kmieni ta’ 700 mill-ħaddiema tagħha (punti 152 sa 156).

114    Għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma tiġi kkontestata l-proċedura ta’ eżami, u lanqas il-verità tal-informazzjoni bażika miġbura matul din il-proċedura, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ insolvenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssanzjonat, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż ta’ insolvenza fil-kalkolu tar-rata interna.

115    Dan l-iżball magħmul fl-għażla u fit-trattament finali tal-informazzjoni disponibbli seta’ jissewwa permezz tal-inklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż fil-kalkolu tar-rata interna. Għaldaqstant il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta tesponi, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li f’dan il-każ jeħtieġ li ssir din l-inklużjoni.

116    Il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż kollha ta’ insolvenza jammontaw għal ITL 750 biljun, ammont li Alitalia ma tistax tallega li saret taf bih fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellha l-possibbiltà li tiddiskutih. Fil-fatt, fir-rapport tal-21 ta’ Frar 1997 (ipprovdut minn Alitalia bħala anness għar-rikors u meqjus mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala li jiforma parti sħiħa mill-motivazzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997), il-konsulenti tal-Kummissjoni jikkonkludu l-analiżi tagħhom tal-ispejjeż ta’ insolvenza billi jiddikjaraw li l-ammont tagħhom ma kellux jaqbeż iċ-ċifra ta’ ITL 750 biljun minflok dik tal-ITL 1 140 biljun sostnuta minn Alitalia.

117    F’dan ir-rigward, bħal ma wara kollox tammetti Alitalia, għandu jiġi kkonstatat li fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx iddeċidiet dwar ir-rilevanza ta’ dan l-ammont ta’ ITL 750 biljun. Madankollu hija lanqas ma kienet ikkonfermat l-ammont ta’ ITL 1 140 biljun allegat minn Alitalia insostenn tal-ewwel rikors tagħha (punt 138). Għaldaqstant mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li, sabiex tikkonforma ruħha mal-motivi tagħha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wieħed minn dawn l-ammonti bħala spejjeż ta’ insolvenza.

118    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Alitalia aċċettat is-somma ta’ ITL 750 biljun, ġiet imħassra mid-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ rettifika (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

119    Barra minn hekk għandu jiġi osservat li fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punt 150), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni “abbażi ta’ motivi mressqa fid-Deċiżjoni [tal-1997]”. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eskludietx li l-Kummissjoni setgħet invokat motivi iktar rilevanti.

120    Barra minn hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li “fil-kutest tal-kawża għal annullament, hija ma [kellhiex] [...] tevalwa mill-ġdid ir-rata interna għall-investiment u li tevalwa jekk l-imsemmija rata, fil-każ fejn l-ispejjeż ta’ insolvenza kienu ġew inklużi fil-kalkolu tagħha, baqgħux inferjuri għar-rata minima” (punt 151). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma eskludietx li r-rata interna tibqa’ inferjuri għar-rata minima.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonformat ruħha mal-Artikolu 233 KE billi inkludiet, mingħajr ma tkompli bil-proċedura ta’ eżami ab initio, l-ispejjeż ta’ insolvenza fil-kalkolu tar-rata interna.

122    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar emendi magħmula għall-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju tal-1997, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox eżaminat il-kronoloġija tal-ġrajjiet (punti 158 sa 161). Sussegwentement hija esponiet l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li l-aħħar emendi li saru għall-pjan ta’ ristrutturar ma setgħux ikollhom effett deċiżiv (punt 163). Hija ċaħdet dan l-argument minħabba li kien jirreferi għal ġrajjiet li seħħew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni [tal-1997] (punt 164). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li, bħal ma ddeskrivietha l-Kummissjoni, ir-rata minima kienet direttament proporzjonali għar-riskju inerenti għall-investiment u li r-rata interna kienet tesprimi, skont il-Kummissjoni, il-vijabbiltà fundamentali tal-operazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu żiedet li “l-Kummissjoni stess [kienet] ikkonstatat fid-Deċiżjoni [tal-1997] li l-aħħar titjib magħmul fuq il-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju 1997 [naqqas] ulterjorment ir-riskji relatati mal-pjan ta’ ristrutturar u [kabbar] ulterjorment il-vijabbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ kapital”. Hija enfasizzat li “għaldaqstant [kien] jidher li dawn l-aħħar emendi [kienu] tali li jgħollu r-rata interna (vijabbiltà miżjuda) u li jnaqqsu r-rata minima (riskji mnaqqsa)” (punt 167). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni jmissha evalwat mill-ġdid ir-rata minima u r-rata interna abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar sabiex tkun tista’ tevalwa korrettament jekk l-investiment tal-IRI kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat (punt 168). Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “il-Kummissjoni [kienet] wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-emendi magħmula għall-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju 1997, li fl-opinjoni tagħha, kienu jnaqqsu ulterjorment ir-riskji inerenti għal dan il-pjan u jtejbu l-vijabbiltà tal-impriża, ma kellhom l-ebda effett fuq il-kalkolu tar-rata minima u tar-rata interna u, għaldaqstant, fuq l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-investiment tal-IRI kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat” (punt 169).

123    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, huwa fl-istadju finali tat-teħid ta’ deċiżjoni, wara l-aħħar titjib magħmul fuq il-pjan ta’ ristrutturar, li jinsab l-iżball ta’ evalwazzjoni kkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija ma tikkontestax il-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ġbir u l-għarfien tal-informazzjoni relatata ma’ dan it-titjib. Hija ma tagħtix deċiżjoni la fuq ir-rata minima u lanqas fuq ir-rata inerna kkalkolati fir-rapporti preċedenti tal-konsulenti tal-Kummissjoni. Bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tagħtix indikazzjonijiet dwar liema għandhom ikunu dawn ir-rati. Bil-kontra, hija ssostni li mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ kawża għal annullament, “li għandha tevalwa mill-ġdid ir-rata minima u r-rata interna għall-investiment u li għandha tagħti deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk investitur privat kienx jasal sabiex iwettaq l-investiment li l-IRI kienet qed tipproponi li twettaq meta ġiet adottata d-Deċiżjoni [tal-1997]” (punt 170).

124    L-obbligu impost fuq il-Kummissjoni mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, jikkonċerna għaldaqstant it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar fil-kalkolu tar-rata minima u tar-rata interna. Għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkonformatx ruħha ma’ dan l-obbligu.

125    Fir-rigward tal-iffissar tar-rata minoma, mill-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li għal dan il-għan il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni emendi għall-pjan dwar it-teħid ta’ responsabbiltà, min-naħa ta’ Alitalia, tal-ispiża tal-programm ta’ rtirar kmieni, l-aċċelerazzjoni fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal permezz ta’ trasferiment iktar mgħaġġel tal-persunal ta’ Alitalia lejn Alitalia Team, it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni ta’ kapital minn ITL 2 800 biljun għal ITL 2 750 biljun kif ukoll it-trasferiment tal-ishma li l-Alitalia kellha fil-kumpannija Ungeriża Malév u f’sitt ajruporti reġjonali Taljani.

126    Fl-istess premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni evalwat ukoll l-effett ta’ dawn l-emendi.

127    Fil-premessi 25 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu invokat numru ta’ ċirkustanzi li, fil-fehma tagħha, jkabbru r-riskji tal-operazzjoni u għaldaqstant ixejjnu l-effetti tal-emendi inkwistjoni.

128    Fir-rigward tal-iffissar tar-rata interna, Alitalia tagħti x’tifhem li r-rata ta’ 26.1 % esposta fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata hija sempliċement ir-riproduzzjoni ta’ rata li diġà ġiet iffissata preċedentement mill-Kummissjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma’ tidhirx li evalwat mill-ġdid din ir-rata skont l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, bħal ma tirrikjedi wara kollox is-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq.

129    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet iffissat ir-rata interna għal perċentwali qrib l-20 % fid-Deċiżjoni tal-1997 (punt VII, it-tmien paragrafu). Ir-rata ta’ 26.1 % mhijiex għaldaqstant ir-riproduzzjoni tar-rata li ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ewwel kawża deċiża permezz tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq.

130    Jirriżulta mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet allegat, “fil-kontroreplika, li din ir-rata, ikkalkolata mill-ġdid abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan [kienet tilħaq] l-iktar l-iktar il-livell ta’ 26.1 %, jekk jiġu inklużi wkoll l-ispejjeż ta’ insolvenza” (punt 163). Ma’ din l-osservazzjoni ġiet annessa tabella. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni din il-perċentwali għas-sempliċi raġuni li, skont il-ġurisprudenza, “sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza [tieħu] inkunsiderazzjoni biss dawk l-elementi li l-Kummissjoni kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata” u li “[k]ull argument tal-Kummissjoni li jirreferi għall-avvenimenti li [seħħew] wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni [tal-1997] [kellu] għaldaqstant jiġi miċħud” (punt 164).

131    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet, fl-istadju tal-kontroreplika fil-kawża T‑296/97, diġà kkalkolat din ir-rata mill-ġdid abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan fejn waslet għall-figura ta’ 26.1 %, iżda l-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma eżaminatha, kienet eskludiet il-possibbiltà li teħodha inkunsiderazzjoni minħabba li ma kinitx tinsab fid-Deċiżjoni tal-1997. Mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li din ir-rata ta’ 26.1 % ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

132    Għaldaqstant xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirreferi, f’dan ir-rigward, għat-tabella elaborata fuq inizjattiva tagħha fil-kuntest tar-rikors preċedenti, fil-kawża T‑296/97, u riprodotta minn Alitalia bħala anness għar-rikors ta’ din il-kawża. Il-Kummissjoni, madankollu, qieset li kien utli li terġa’ tikkonsulta mal-konsulenti li hija kienet diġà kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997 fejn talbithom, b’mod partikolari, li jwettqu “kalkolu tar-rata ta’ rendiment intern tal-kontribuzzjoni ta’ kapital u stima tar-rata minima meħtieġa li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni tas-sentenza [Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq]” (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Fir-rapport tagħhom tal-1 ta’ Ġunju 2001, anness mar-risposta tad-difiża, il-konsulenti tal-Kummissjoni jesponu li l-likwidità prevista fl-anness mal-kontroreplika relatata mal-kawża T-296/97 taqbel ma’ dik ipprovduta minn Alitalia fl-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ Ġunju 1997, bl-eċċezzjoni tal-valur terminali tal-kumpannija fl-aħħar tas-sena 2000, u dan minħabba raġunijiet marbuta mar-rata ta’ tkabbir tal-kumpannija wara din is-sena u mal-valur differenti attribwit għal-likwidità “normalizzata” tas-sena 2000. Barra minn hekk, il-likwidità negattiva li tirriżulta mis-sottoskrizzjoni taż-żieda fil-kapital prevista għal Ġunju tal-1997 (ITL 1 000 biljun), Marzu tal-1998 (ITL 500 biljun) u Marzu tal-1999 (ITL 250 biljun) ġew aġġornati billi intużat rata mingħajr riskju (risk free rate). Barra minn hekk, ġew previsti żewġ ipoteżi fir-rigward tal-ammont tas-sehem tal-IRI, jiġifieri ta’ 79 jew ta’ 86 %.

134    Il-Kummissjoni tesponi wkoll, fil-premessi 19 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, kif hija waslet għar-rata interna ta’ 25.2 jew ta’ 26.1 %, billi segwiet l-ipoteżi prevista. Hija tenfasizza b’mod partikolari, fil-premessa 22, il-metodu tagħha ta’ kif iddeterminat il-valur ta’ Alitalia fl-aħħar tas-sena 2000.

135    Minn dan isegwi li la l-konsulenti tal-Kummissjoni u lanqas hija stess ma kkuntentaw rwieħhom li sempliċement jirripproduċu l-kalkoli preċedenti tagħhom.

136    Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mir-rapport tal-1 ta’ Ġunju 2001 li l-konsulenti tal-Kummissjoni ħadu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis taż-żieda fil-kapital, it-trasferiment ta’ ishma oħra, l-aċċelerazzjoni tar-ristrutturazzjoni ta’ Alitalia u t-teħid tar-responsabbiltà, min-naħa ta’ Alitalia tal-ispiża tal-iskema ta’ rtirar kmieni. Huma kkalkolaw l-effetti ta’ dawn l-ipoteżi l-ġodda fuq l-informazzjoni ekonomika prinċipali tal-pjan.

137    Mill-bqija, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni elementi li hija ma kellhiex meta adottata d-Deċiżjoni tal-1997 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 71). Għaldaqstant hija ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-pjan li seħħ bejn id-Deċiżjoni tal-1997 u d-deċiżjoni kkontestata.

138    Bħala konklużjoni, fir-rigward ta’ dan l-aħħar motiv ta’ annullament tad-Deċiżjoni tal-1997 fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonformat ruħha wkoll mal-Artikolu 233 KE.

139    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 98 sa 101 u 137 iktar ’il fuq, peress li l-fatti li għandhom jiġu evalwati huma l-istess bħal dawk fid-Deċiżjoni tal-1997 u peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssanzjonatx il-proċedura ta’ eżami, il-Kummissjoni setgħet tkompli din il-proċedura mill-istadju fejn in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-iżbalji ta’ evalwazzjoni ġew ikkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija kellha sempliċement, sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 233 KE u tosserva d-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, timmotiva l-għażla tal-istess rata minima bħal dik tad-Deċiżjoni Iberia, tinkludi l-ispejjeż ta’ insolvenza fil-kalkolu tar-rata interna u tieħu inkunsiderazzjoni l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar għall-kalkolu tar-rata minima u tar-rata interna.

140    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn Alitalia ma jikkonfuta din il-konklużjoni.

141    Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni kellha terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sa fejn hija ma kellhiex informazzjoni kompleta u mhux ikkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija mill-Artikolu 88(2) KE, fid-9 ta’ Ottubru 1996, u li din il-proċedura kienet ġiet deċiża permezz tad-Deċiżjoni tal-1997.

142    Peress li d-Deċiżjoni tal-1997 ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura intiża għas-sostituzzjoni ta’ dan l-att setgħet għaldaqstant titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità. Il-Kummissjoni ma kinitx marbuta, wara l-annullament min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-Deċiżjoni tal-1997, li terġa’ tibda l-proċeduri billi terġa’ tmur lura għal qabel il-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità ssanzjonata (ara l-punt 99 iktar ’il fuq). Madankollu, f’dan il-każ, l-illegalitajiet issanzjonati mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jmorrux lura sa minn meta nfetħet il-proċedura.

143    Wara dan, f’dak li jirrigwarda n-natura allegatament indispensabbli, wara l-emendi magħmula għall-pjan ta’ ristrutturar permezz tal-verżjoni tas-26 ta’ Ġunju 1997, tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ komunikazzjoni ġdida u tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex jiġu kkonsultati mill-ġdid l-investituri finanzjarji u l-esperti, għandu jiġi osservat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), ma tipprovdi għall-ftuh mill-ġdid tal-proċedura fil-każ fejn isiru emendi għall-proġett inizjali li jinsab fl-istadju tal-investigazzjoni formali, anki jekk tali emendi huma previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999.

144    Barra minn hekk, mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, b’mod partikolari mill-punti 123, 133, 143 u 163 sa 167, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza widdbet lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx jew ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi li hija kellha u li dwarhom hija kellha għarfien. Peress li kellha l-elementi neċessarji għall-analiżi ġdida mitluba mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u b’mod partikolari l-aħħar titjib magħmul fuq il-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju tal-1997 (punt 167), il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li terġa’ tibda l-investigazzjoni tal-kawża mill-ġdid, u lanqas li tissostanzjaha permezz ta’ konsultazzjoni ġdida tal-investituri u tal-esperti jew permezz ta’ perizzja teknika ġdida.

145    F’dan ir-rigward, bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, jirriżulta mid-dokument li l-Kummissjoni ppreżentat fuq talba mill-Qorti tal-Prim’Istanza u li jiddefinixxi l-inkarigu mogħti lill-konsulenti tagħha wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-1997, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx inkarigathom li jiġbru informazzjoni ġdida iżda li jikkompletaw u jaġġornaw ir-rapport preċedenti tagħhom billi jinkludu fih l-ispejjeż ta’ insolvenza fil-kalkolu tar-rata interna u billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali effetti tal-emendi magħmula fuq il-pjan fl-aħħar verżjoni ta’ Ġunju tal-1997 għall-kalkolu tar-rata interna u tar-rata minima. Huwa wkoll speċifikat fid-deskrizzjon tal-inkarigu mogħti lill-konsulenti tal-Kummissjoni li dawn kienu diġà wettqu l-parti l-kbira tax-xogħol meta kienu kkontribbwixxew għar-redazzjoni tal-kontroreplika ppreżentata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 1999 fil-kawża T‑296/97.

146    Barra minn hekk, ikun f’kull każ kontra l-ġurisprudenza li l-Kummissjoni tiġi obbligata terġa’ tiftaħ il-proċedura sabiex tfittex elementi li seħħew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997. Fil-fatt, sabiex wieħed ifittex jekk l-Istat adottax jew le mġiba ta’ investitur avżat f’ekonomija tas-suq, wieħed għandu jmur lura għall-kuntest taż-żmien li fih il-miżuri ta’ sostenn finanzjarju ġew adottati sabiex tiġi evalwata l-loġika ekonomika tal-imġiba tal-Istat u għaldaqstant li wieħed jastjeni minn kull evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni posterjuri (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

147    Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ difetti ta’ proċedura u t-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni kkontestata mas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, mhumiex fondati.

C –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999

1.     L-argumenti tal-partijiet

148    Alitalia ssostni, fit-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, li, wara l-annullament tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha xahrejn biex tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, l-Kummissjoni kisret dan l-obbligu.

149    Alitalia żżid li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jinkiser jekk istituzzjoni titħalla tagħżel liberament it-termini għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni adottata fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dan huwa minnu iktar u iktar peress li l-Kummissjoni ma użatx id-dritt li tippreżenta appell mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, kisbet l-istatus ta’ res judicata, b’tali mod li Alitalia setgħet tqis li s-sitwazzjoni ġuridika tagħha kienet definittivament ikkjarifikata.

150    Il-passività tal-Kummissjoni bejn in-notifika tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata barra minn hekk kienet tammonta għal deċiżjoni impliċita ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999.

151    Fir-replika, Alitalia żżid li, anki jekk kellu jitqies li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-operazzjoni kontenzjuża u għaldaqstant li kien applikabbli l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, it-tul komplessiv tal-proċedura xorta waħda kien eċċessiv. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha bżonn madwar disa’ xhur, b’effett min-notifika tal-proġett ta’ għajnuna, biex tasal, f’dan il-każ, għal deċiżjoni definittiva. Barra minn hekk, għaddew ftit iktar minn seba’ xhur bejn il-qari tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan it-terminu mhuwiex raġonevoli, minħabba li l-Kummissjoni limitat ruħha sabiex tevalwa mill-ġdid ir-riżultati tal-proċedura ta’ eżami u baqgħet inattiva matul l-ewwel erba’ xhur.

152    Għall-Kummissjoni, il-premessa li fuqha tistrieħ it-tieni parti tal-ewwel motiv hija kjarament żbaljata. Is-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, ma wasslitx il-proċedura għall-istadju tal-fażi preliminari, iżda għall-konklużjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għat-terminu imperattiv ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 iżda għat-terminu mhux perentorju ta’ tmintax-il xahar imsemmi fl-Artikolu 7(6). F’dan il-każ, it-terminu totali ta’ ftit iktar minn sittax-il xahar li kien neċessarju għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa għaldaqstant inferjuri għal dan it-terminu mhux perentorju.

153    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-istituzzjoni, li tkun adottat l-att li ġie annullat, terminu reġonevoli sabiex teżegwixxi s-sentenza ta’ annullament. It-terminu li kellha l-Kummissjoni f’dan il-każ ma jistax għaldaqstant jiġi dedott awtomatikament mill-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999. Bil-kontra ta’ dan jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura u l-importanza tal-miżuri neċessarji għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

154    Skont il-Kummissjoni, l-argument li Alitalia ssostni fir-replika, ibbażat fuq il-qbiż ta’ “terminu raġonevoli” huwa motiv ġdid. Imqajjem tardivament, huwa inammissibbli u, barra minn hekk, infondat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

155    L-obbligu li istituzzjoni Komunitarja għandha li teżegwixxi sentenza ta’ annullament mogħtija minn qorti Komunitarja jirriżulta mill-Artikolu 233 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din l-eżekuzzjoni kienet tirrikjedi l-adozzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri amministrattivi u ma setgħetx normalment issir immedjatament, kif ukoll li l-istituzzjoni kellha terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza li tannulla waħda mid-deċiżjonijiet tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk it-terminu jkunx raġonevoli jew le tiddependi fuq in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra p. II‑381, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    F’dan il-każ, għaddew ftit iktar minn seba’ xhur bejn il-qari tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, dan it-terminu ma jistax jiġi kkunsidrat eċċessiv biex jiġu dedotti l-konsegwenzi prattiċi tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, b’mod partikolari billi ssir, abbażi tal-elementi disponibbli, applikazzjoni ġdida tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq – li jippresupponi analiżi finanzjarja fil-fond.

157    Barra minn hekk, għall-finijiet tal-kontroll tal-għajnuna ġdida li l-Istati Membri jippjanaw li jintroduċu, l-Artikolu 88 KE jopera distinzjoni bejn fażi ta’ eżami preliminari u proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-fażi ta’ eżami preliminari, prevista mill-Artikolu 88(3) KE għandha biss bħala għan li tipprovdi terminu ta’ riflessjoni u ta’ investigazzjoni lill-Kummissjoni li jkun suffiċjenti sabiex tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari fuq il-proġetti li ġew innotifikati lilha sabiex tikkonkludi jew li dawn ma jikkostitwixxux għajnuna, jew li huma kompatibbli mas-suq komuni, jew inkella li d-dubji li jeżistu f’dan ir-rigward jeħtieġu li jsir eżami iktar fil-fond (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 3, u tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, Ġabra p. I‑3175, punt 34). Fid-dawl tal-interess li l-Istat Membru kkonċernat għandu li l-proċedura preliminari tiġi stabbilita malajr, din l-aħħar proċedura, bħala prinċipju, hija ta’ natura urġenti u għandha, minħabba f’dan, tiġi solvuta f’terminu imperattiv ta’ xahrejn mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi notifika kompleta (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Lorenz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punti 49 u 50).

158    Fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ipprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, din hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ma tkunx konvinta, fi tmiem il-fażi tal-eżami preliminari, li pjan ma jikkostitwixxix għajnuna jew li, minkejja li jikkostitwixxi għajnuna, huwa kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, din hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tieħu konjizzjoni sħiħa tal-fatti kollha tal-kawża billi titlob u tikkunsidra, kif għandha d-dmir li tagħmel, il-pariri kollha neċessarji qabel ma tagħti d-deċiżjoni finali tagħha u, min-naħa l-oħra, li tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi li potenzjalment jista’ jkollhom interess billi tagħtihom l-opportunità li jesprimu ruħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 32).

159    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-1997, il-Kummissjoni ma kellhiex terġa’ tibda l-proċeduri kollha ab initio billi tmur lura għal qabel il-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità ssanzjonata, jiġifieri l-istadju finali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara l-punti 97 sa 144 iktar ’il fuq).

160    Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija rregolata, wara d-dħul fis -seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, fis-16 ta’ April 1999, minn terminu indikattiv ta’ 18-il xahar li jibda jiddekorri b’effett minn meta tinfetaħ din il-proċedura. Peress li dan it-terminu ta’ 18-il xahar ipprovdut fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa biss indikattiv, għandu jiġi eżaminat f’dan ir-rigward jekk mill-iżvolġiment tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżultax li l-Kummissjoni naqset milli tosserva terminu raġonevoli jew jekk aġietx b’mod eċċessivament tardiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punti 56 u 57).

161    Issa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE fid-9 ta’ Ottubru 1996 u adottat id-Deċiżjoni tal-1997 fil-15 ta’ Lulju 1997. Wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fit-18 ta’ Lulju 2001. Minn dan jirriżulta li l-investigazzjoni formali kienet damet ftit iktar minn disa’ xhur qabel is-sentenza ta’ annullament u reġgħat kompliet għal ftit iktar minn seba’ xhur wara s-sentenza ta’ annullament. Għaldaqstant, it-tul globali tal-investigazzjoni formali ma jaqbiżx it-terminu previst mir-Regolament Nru 659/1999.

162    Alitalia ma tistax għaldaqstant tiddeduċi li kien hemm ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mis-sempliċi nuqqas ta’ appell mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din is-sentenza ma eskludietx li deċiżjoni kkontestata tiġi adottata mill-ġdid. Barra minn hekk, it-terminu li minnu bbenefikat il-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-konsegwenzi prattiċi ta’ din is-sentenza kien itwal mit-terminu ta’ xahrejn li fih hija kellha tippreżenta l-appell tagħha kontra din is-sentenza.

163    Bħala konklużjoni, it-tieni parti tal-ewwel motiv ibbażat fuq difetti ta’ proċedura għandu jiġi miċħud ukoll.

D –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.     L-argumenti tal-partijiet

164    Alitalia tilmenta dwar l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni wettqet ksur gravi tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet espliċitament l-importanza tad-drittijiet tad-difiża fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u b’mod partikolari ddikjarat li l-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jinvokaw il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

165    Alitalia ssostni li, f’kull każ, il-benefiċjarja ta’ għajnuna għandu jkollha d-dritt li tippreżenta osservazzjonijiet.

166    Issa, minkejja talbiet magħmula għal dan il-għan, hija ma ngħatat l-ebda possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha la fuq l-opportunità li tiġi adottata deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-1997 u lanqas fuq il-kontenut tagħha. Ma kienx hemm diskussjoni kontradittorja mal-awtoritajiet Taljani u ma’ Alitali fuq ir-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni. L-osservanza tal-garanziji proċedurali kollha kienet wisq iżjed neċessarja peress li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li terġa’ tadotta l-pożizzjoni li hija kienet adottat fid-Deċiżjoni tal-1997.

167    Mill-konstatazzjoni li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija disponibbli biss fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tiddeduċi li dan l-Istat Membru biss jista’ jinvoka l-veri u proprji drittijiet tad-difiża.

168    F’kull każ, id-dritt ta’ Alitalia li tippreżenta osservazzjonijiet kien ilu ggarantit b’effett mill-1996 permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Wara din il-pubblikazzjoni, Alitalia kienet effettivament esponiet l-opinjoni tagħha. Ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-1997 ukoll ippermettielha tiddefendi l-argumenti tagħha. Peress li l-għan tal-proċedura ta’ eżami baqa’ l-istess wara s-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, u peress li l-elementi fattwali li fuqhom hija straħet fid-deċiżjoni kkontestata huma strattament identiċi għal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-1997, il-Kummissjoni ssostni li ma kienx neċessarju li Alitalia tiġi mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha mill-ġdid.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

169    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża f’kull tip ta’ proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twasslu għal att li jikkaġuna preġudizzju lil din il-persuna tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandha tiġi assigurata anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tkun tqegħdet f’pożizzjoni, b’effett mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq u l-verità u r-rilevanza tal-fatti, tal-ilmenti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 121, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Issa, il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija disponibbli biss fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat. L-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna u l-entitajiet territorjali infrastatali li jagħtu l-għajnuna, l-istess bħall-kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna, jitqiesu biss bħala persuni “kkonċernati” f’din il-proċedura (ara s-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 122, u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, matul il-fażi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tintima lill-persuni kkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fir-rigward ta’ dan id-dmir, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali jikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-persuni kkonċernati kollha jsiru jafu dwar il-ftuħ ta’ proċedura, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din il-komunikazzjoni hija intiża biss sabiex tinkiseb, min-naħa tal-persuni kkonċernati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni tifhem kif għandha timxi iktar ’il quddiem (ara s-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punti 123 u 124, u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Din il-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-persuni kkonċernati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 88(2) KE. Minn dan isegwi li l-persuni kkonċernati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, punt 169 ’il fuq, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Fid-dawl tal-fatt li Alitalia m’għandhiex id-dritt li tinvoka d-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, għandu jiġi għaldaqstant ivverifikat, abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, jekk hija ġietx assoċjata mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

174    F’dan ir-rigward, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punti 22 sa 31), jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani u Alitalia kienu strettament assoċjati mal-investigazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, qabel ma ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997, li tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata wara l-annullament tal-ewwel waħda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tibbaża l-analiżi l-ġdida tagħha esklużivament fuq l-informazzjoni li hija kellha f’dak iż-żmien (ara l-punt 137 iktar ’il fuq), informazzjoni li fuqha kemm ir-Repubblika Taljana kif ukoll Alitalia kienu diġà adottaw pożizzjoni, b’tali mod li ma kienx hemm għalfejn dawn jerġgħu jiġu kkonsultati. Fl-aħħar nett, id-dritt li terzi kkonċernati għandhom li jesponu l-osservazzjonijiet tagħhom ġie żgurat permezz tal-pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tas-16 ta’ Novembru 1996 (ĠU C 346, p. 13) u l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 ma timponi li dawn għandhom jingħataw mill-ġdid din il-possibbiltà meta l-operazzjoni inizjali tkun ġiet emendata matul l-investigazzjoni.

175    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-argument dwar ir-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2001, minkejja li hemm lok li jiġi konkluż, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li hemm xi obbligu ta’ konsultazzjoni tal-awtoritajiet Taljani fuq dan l-aħħar rapport, minn dan ma jistax jiġi dedott, skont il-ġurisprudenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, li l-istess obbligu għandu jiġi estiż lil terzi kkonċernati. Dawn għandhom essenzjalment rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ma jistgħux jinvokaw drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li fil-konfront tagħhom tinfetaħ proċedura (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

176    F’kull każ, kif jirriżulta mill-punt 145 iktar ’il fuq, l-inkarigu limitat ħafna, mogħtija mill-Kummissjoni lill-konsulenti tagħha, li kien jikkonsisti biss f’li jiġi aġġornat ir-rapport preċedenti tagħhom fid-dawl tal-motivi tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, kien intiż biss sabiex “jipprovdi sempliċi għajnuna teknika lill-Kummissjoni” (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata) fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tagħha ta’ informazzjoni li hija kellha diġà, bħal ma seta’ jagħmel dipartiment tal-istituzzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix, fil-premessi ddedikati għall-evalwazzjoni ġuridika tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kontenzjuż, riferenzi espliċiti għar-rapport tal-1 ta’ Ġunju 2001. Għaldaqstant dan l-aħħar rapport ma jistax jiġi meqjusa bħala dokument essenzjali fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

177    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

178    Alitalia ssostni li l-iżbalji li wettqet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw, fil-parti l-kbira tagħhom, preċiżament il-korrezzjoni tal-iżbalji identifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq. Wara xi osservazzjonijiet preliminari fuq il-kriterju tal-investitur privat, hija tikkontesta d-determinazzjoni tar-rata minima, minn naħa, u tar-rata interna, min-naħa l-oħra.

1.     Determinazzjoni tar-rata minima

179    F’dan ir-rigward, Alitalia tikkontesta l-applikazzjoni fil-każ tagħha tar-rata minima użata fid-deċiżjon Iberia, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u l-użu ta’ premessi żbaljati.

a)     Applikazzjoni fil-konfront ta’ Alitalia tar-rata minima li intużat fid-Deċiżjoni Iberia

 L-argumenti tal-partijiet

180    Alitalia tilmenta li l-Kummissjoni ma pparagunatx bir-reqqa’ dovuta s-sitwazzjoni tagħha ma’ dik ta’ Iberia, li għaliha tirreferi sabiex tiġġustifika r-rata minima ta’ 30 %. L-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata kienu diġà ġew miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq.

181    Barra minn hekk Alitalia ssostni li dawn l-argumenti mhumiex eżatti. Alitalia u Iberia mhumiex kumpanniji ta’ daqs paragunabbli. Il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital huma kunsiderevolment differenti fiż-żewġ każijiet peress li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra rikapitalizzazzjoni li minnha kienet ibbenefikat il-kumpannija Spanjola. Hija manifestament żbaljata li jiġi ddikjarat li iktar ma tkun importanti żieda fil-kapital, iktar ma jkun għoli r-riskju. Id-dikjarazzjoni li tgħid li ż-żewġ kumpanniji joperaw f’suq li mhuwiex ċentrali fl-Ewropa mill-aspett ġeografiku tinterpreta ħażin is-sitwazzjoni ġeografika tan-naħa ta’ fuq u tan-naħa taċ-ċentru tal-Italja. Iberia ma kisbitx il-ftehim sindakali dovuti sabiex ittejjeb il-livell tal-ispejjeż unitarji, iżda ibbenefikat biss minn azzjoni limitata u fuq perijodu qasir, filwaqt li Alitalia diġà kellha ftehim innovativ u li jkopri perijodu twil li kien jipprovdi wkoll li l-ħaddiema jipparteċipaw fl-ishma tal-kumpannija sabiex tiġi ggarantita parteċipazzjoni iktar wiesgħa min-naħa tagħhom. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni ċivili Spanjola rrappreżentat theddida għal Iberia, sa fejn is-servizzi ta’ groundhandling li hija kienet toffri lill-kumpanniji l-oħra ġew illiberalizzati, filwaqt li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni ċivili Taljana offriet l-opportunità lil Alitalia li tiżviluppa proġett f’dan is-settur ta’ attività għaliha stess (self handling). Il-pjanijiet li jikkonċernaw l-ajruport ta’ Malpensa (l-Italja) ma jikkostitwixxux l-element essenzjali tat-tbassir ekonomiku u finanzjarju tal-pjan kontenzjuż. Alitalia lanqas ma tifhem għalhiex il-fatt li mhijiex f’sitwazzjoni privileġġata fuq ċertu konnessjonijiet bl-ajru huwa fattur ta’ riskju li jista’ jkollu effett fuq ir-rata minima. Is-sitwazzjoni tal-kumpannija Iberia, li kienet tinvolvi strajkijiet kontinwi, hija differenti minn dik ta’ Alitalia. L-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni ċivili Taljana ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-pjan kontenzjuż, u dan mingħajr ottimiżmu eċċessiv. Min-naħa l-oħra, ma jkunx korrett li wieħed jallega li diġà kien possibbli li wieħed jevalwa kompletament l-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq Spanjol fuq l-ishma tas-suq ta’ Iberia, meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Iberia.

182    Fl-aħħar nett, ir-riferenza magħmula, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, għal Continental Airlines, għal Air Partners u għal Air Canada hija kompletament irrilevanti.

183    Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li Iberia u Alitalia huma paragunabbli sa fejn it-tnejn li huma, huma ta’ daqs medju u għandhom valur simili. Sussegwentement, Alitalia kienet tbati fuq kollox mill-iżvantaġġ li m’għandhiex suq ipprivileġġat, paragunabbli mas-suq tal-Amerika Latina għal Iberia. Ulterjorment, mill-aspett tas-sitwazzjoni tal-kumpannija, is-sitwazzjoni ta’ Alitalia hija iktar delikata minn dik ta’ Iberia. Barra minn hekk, jeħtieġ, fil-każ ta’ Alitalia, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inċertezza marbuta mal-imminenza tal-liberalizzazzjoni tas-suq Taljan fl-1997.

184    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-użu fallaċi li Alitalia għamlet mill-każ tal-investiment ta’ Air Canada u Air Partners f’Continental Airlines.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

185    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk investiment jissodisfax il-kriterju tal-investitur privat timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Issa, il-Kummissjoni, meta tadotta att li jimplika evalwazzjoni ekonomika daqstant kumplessa, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att, anki jekk bħala prinċipju huwa sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti magħżula sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtriċi tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li mill-analiżi magħmula fil-punti 106 sa 112 iktar ’il fuq jirriżulta li fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkontestatx il-prinċipju nnifsu ta’ paragun bejn Alitalia u Iberia. Il-Qorti tal-Prim’Istanza limitat ruħha li tosserva nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant Alitalia mhijiex iġġustifikata li tallega li hija diġà ċaħdet l-elementi ta’ paragun esposti fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata.

187    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-argumenti li l-partijiet jagħmlu f’dan il-każ.

188    Fl-ewwel lok, fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi numru ta’ elementi paragunabbli li jikkaratterizzaw kemm lil Alitalia kif ukoll lil Iberia. Iż-żewġ kumpanniji għandhom dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 4 biljuni, jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-istess settur ekonomiku u fl-istess kuntest Komunitarju fi proċess ta’ liberalizzazzjoni, għandhom suq intern li mhuwiex ġeografikament ċentrali fl-Ewropa u regolarment irreġistraw telf matul is-snin li ppreċedew il-kontribuzzjoni ta’ kapital li bbenefikaw minnu t-tnejn li huma. Barra minn hekk, meta huma rċevew din il-kontribuzzjoni ta’ kapital, it-tnejn li huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċjli ħafna kkaratterizzata minn dejn kunsiderevoli u minn fondi tagħhom stess li kienu prattikament sfaw fix-xejn. Fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li s-sitwazzjoni tal-kumpannija fiż-żewġ impriżi kienet ukoll simili ħafna f’għajnejn investitur.

189    Madankollu Alitalia tikkontesta diversi minn dawn l-elementi.

190    L-ewwel nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ paragunabbiltà ta’ ċertu ċifri ppreżentati minn Alitalia, għandu jiġi kkonstatat li Iberia u Alitalia, bħal ma tirrikonoxxi mill-bqija din tal-aħħar, huma ta’ daqs medju meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru kbar u żgħar. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pprovdiet numru ta’ tabelli tal-Association of European Airlines (AEA), l-Assoċjazzjoni tal-Kumpanniji tal-Ajru Ewropej. Minn dawn jirriżulta li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ, tan-numru ta’ postijiet-kilometri offerti u tan-numru ta’ passiġġieri-kilometri ttrasportati, Alitalia u Iberia jinsabu fl-istess saff medju.

191    Barra minn hekk, matul is-seduta, il-partijiet ma kkontestawx id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ Alitalia u ta’ Iberia ppreżentat mill-Kummissjoni u kkonfermaw li din id-data setgħet tiġi pparagunata, u dan ġie mniżżel fil-minuti tas-seduta.

192    It-tieni nett, fir-rigward tal-kontestazzjoni min-naħa ta’ Alitalia tal-fatt li ż-żewġ kumpanniji joperaw f’suq li mhuwiex ċentrali fl-Ewropa mill-aspett ġeografiku, għandu jiġi osservat li l-argument huwa essenzjalment ibbażat fuq id-dikjarazzjoni li tgħid li miċ-ċentru san-naħa ta’ fuq tal-Italja ma jistax jitqies bħala mhux ċentrali. Issa, is-suq intern Taljan ikopri t-territorju kollu Taljan u mhux biss in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, b’tali mod li l-paragun ma jistax isir billi jiġu pparagunati mill-aspett ġeografiku n-naħa ta’ fuq tal-Italja u t-territorju kollu Spanjol.

193    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li Spanja u l-Italja għandhom sitwazzjoni ġeografika paragunabbli fl-Ewropa, fejn is-suq intern tagħhom ġewwa l-Ewropa mhuwiex ċentrali.

194    It-tielet nett, fir-rigward tal-kontestazzjoni tax-xebh bejn is-sitwazzjoni soċjali taż-żewġ impriżi, din ma tidhirx li hija fondata. Minn naħa, Alitalia ma tiċħadx l-eżistenza ta’ “problemi soċjali li kkaratterizzaw il-ħajja taż-żewġ kumpanniji tal-ajru matul is-snin li ppreċedew il-kontribuzzjoni ta’ kapital” (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). L-imgħoddi taż-żewġ impriżi kien għaldaqstant, f’dan ir-rigward, paragunabbli u seta’ jinfluwenza investitur, bħal ma tosserva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ġejjieni, jekk Alitalia timplementa l-ftehim sindakali għal perijodu twil, huwa biex tikkuntrastaha mhux għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ Iberia, iżda fil-konfront ta’ “azzjoni limitata u għal perijodu qasir” ta’ Iberia. Din id-differenza, għaldaqstant marbuta essenzjalment mat-terminu tal-azzjonijiet meħuda għall-ġejjieni, ma tistax timplika li kien manifestamet żbaljat li jiġi kkunsidrat li “is-sitwazzjoni soċjali fiż-żewġ impriżi [setgħet] tixxiebah ħafna fil-ħsieb ta’ investitur”.

195    Fit-tieni lok, fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispeċifika wkoll xi elementi li jiddistingwu ż-żewġ kumpanniji fir-rigward tar-riskji, filwaqt li tindika li għal uħud minnhom jingħata kumpens.

196    Jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ammonti kkonċernati ta’ kapital introdotti huma relattivament differenti, rispettivament ta’ EUR 1.42 biljun għal Alitalia u EUR 0.522 biljun għal Iberia, li, skont il-Kummissjoni, iżżid ir-riskji marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Alitalia.

197    F’dan ir-rigward, jekk huwa paċifiku li, bħal ma ssostni Alitalia, għal darbtejn ġie introdott kapital f’Iberia, darba fl-1992 u darb’oħra fl-1995, il-Kummissjoni esprimiet ruħha, fid-deċiżjoni Iberia, biss fuq it-tieni waħda, ta’ EUR 0.522 biljun, billi ffissat ir-rata minima għal 30 % għal din l-operazzjoni biss. Għandu jingħad ukoll, f’din il-kawża, li l-operazzjoni hija ta’ EUR 1.42 biljun. Għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala manifestament żbaljata l-affermazzjoni li, fil-każ ta’ Alitalia, l-operazzjoni kkomportat a priori riskju ogħla għall-investitur.

198    Jirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata li l-produttività ta’ Iberia hija iktar dgħajfa minn dik ta’ Alitalia u li Iberia qegħda tiffaċċja inċertezza fir-rigward tal-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq Spanjol tal-groundhandling. Iberia għandha madankollu post ipprivileġġjat fis-suq tal-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-Ewropa u l-Amerika Latina. Min-naħa tagħha, is-sitwazzjoni ta’ Alitalia tintlaqat minħabba inċertezza doppja marbuta mal-iżvilupp tagħha f’Malpensa u l-liberalizzazzjoni tas-suq Taljan tal-avjazzjoni ċivili.

199    Alitalia ssostni madankollu li ma tifhimx fhiex il-fatt li ma tkunx f’sitwazzjoni pprivileġġata fuq ċertu konnessjonijiet bl-ajru partikolari jista’ jirrappreżenta fattur ta’ riskju.

200    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din l-asserzjoni, li wara kollox mhijiex konformi ma’ dak li qalet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tiġġustifika żball manifest ta’ evalwazzjoni. Alitalia la kkontestat li mhijiex f’sitwazzjoni pprivileġġata fuq ċertu konnessjonijiet bl-ajru u lanqas ma ċaħdet is-sitwazzjoni privileġġata ta’ Iberia fuq ċertu konnessjonijiet bl-ajru inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tispjega fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li permezz tal-Amerika Latina, Iberia kellha suq li għalih hija kellha strateġija kummerċjali b’saħħitha, b’tali mod li l-ġejjieni tagħha kien milqut b’inqas inċertezza, jiġifieri fattur ta’ riskju. Għandu jingħad ukoll li l-fatt li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni privileġġata ta’ kumpannija tal-ajru fuq ċerti konnessjonijiet bl-ajru jista’ jagħtiha vantaġġ billi jitnaqqas dan il-fattur ta’ riskju fir-rigward tagħha ma jidhirx manifestament żbaljat.

201    Fir-rigward, sussegwentement tal-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq Spanjol tal-groundhandling, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tiċħadx, iżda tenfasizza li l-groundhandling jirrappreżenta biss 13 % tad-dħul ta’ Iberia u perċentwali ulterjorment inferjuri fir-rigward tal-grupp kollu (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jingħad ukoll li Alitalia ma tikkontestax dan il-perċentwali, L-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma tista’ għaldaqstant tiġi kkonstatata f’dan ir-rigward.

202    Fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tas-suq Taljan tal-avjazzjoni ċivili, għandu jiġi osservat li Alitalia ma tikkontestax l-effetti, iżda ssostni li ħadithom inkunsiderazzjoni fil-pjan tagħha. Din is-sempliċi ċirkustanza ma tistax tneħħi r-riskju li timplika din il-liberalizzazzjoni fil-ħsieb tal-investituri u għaldaqstant lanqas ma tista’ tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-rata minima. Għandu jiġi wkoll osservat li l-liberalizzazzjoni tas-suq Spanjol tal-avjazzjoni ċivili bdiet qabel dik tas-suq Taljan. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament issostni li hija setgħet diġà tqis l-effetti ta’ din il-liberalizzazzjoni fuq Iberia meta l-impatt, fuq Alitalia, tal-ftuħ tas-suq intern Taljan kien għadu inċert ħafna fl-1997.

203    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argumenti dwar l-ajruport ta’ Malpensa, wara li ċaħdithom fir-rikors, Alitalia ammettiet fir-replika li kien minnu li l-hub ta’ Malpensa kien jirrappreżenta element strateġiku essenzjali għall-iżvilupp tal-kumpannija.

204    Barra minn hekk, jirriżulta mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, li “[i]l-fażi ta’ żvilupp kien ibbażat prinċipalment fuq l-użu tal-hub ta’ konnessjoni bl-ajru ta’ Malpensa mill-1998” (punt 12). Barra minn hekk, il-hub ta’ Malpensa tinsab ukoll fost l-“‘elementi ċentrali’ tal-pjan” imsemmija f’dokument ta’ Alitalia li għalih tirreferi l-istess sentenza (punt 120).

205    Ma jistax għaldaqstant jiġi kkontestat li l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ Malpensa kkostitwixxa parti essenzjali mill-pjan ta’ ristrutturar ta’ Alitalia. Il-fatt li Alitalia ma setgħetx tirifletti fil-kontabbiltà tagħha l-effetti pożittivi tal-iżvilupp ta’ dan il-hub ħlief għall-aħħar sentejn ta’ dan il-pjan ma jistax ineħħi, fil-ħsieb tal-investituri, ir-riskju li din l-operazzjoni tikkomporta u lanqas għaldaqstant ma jista’ jipprekludi li din tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-rata minima. Mhuwiex għaldaqstant kontestabbli li dan ir-riskju kien speċifiku għal Alitalia u ma kienx jikkonċerna Iberia.

206    Bħala konklużjoni, dan l-eżami ma werietx żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fil-paragun tas-sitwazzjoni ta’ Alitalia ma’ dik ta’ Iberia. Jirriżulta min-natura paragunabbli tas-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest, tapplika f’dan il-każ rata minima ta’ 30 % l-istess bħal dik li kienet ġiet applikata fil-kawża Iberia. F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li l-paragun taż-żewġ kumpanniji jsir biss b’mod inċidentali jew konfermattiv fil-motivazzjoni tal-iffissar tar-rata minima għal 30 %.

207    Għandu jingħad ukoll, bħala risposta għall-kontestazzjoni min-naħa ta’ Alitalia tar-riferenza magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, għal Continental Airlines, li, fil-paragun li hija tagħmel mas-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija Amerikana, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni perijodu li jestendi sax-xahar ta’ Novembru 1998. Dan jirrigwarda għaldaqstant elementi li hija ma kellhiex meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997. Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni għandha tibqa’ lura minn kull evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

208    Jeħtieġ għaldaqstant li tiġi kkunsidrata bħala mhux rilevanti r-riferenza magħmula, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kumpannija Amerikana Continental Airlines, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Alitalia f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ rilevanza ta’ din l-indikazzjoni inċidentali u purament konfermattiva ma tistax madankollu taffettwa r-raġunar tal-Kummissjoni, u lanqas il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni serju tar-rilevanza tal-aħħar verżjoni tal-pjan fil-kalkolu tar-rata minima

 L-argumenti tal-partijiet

209    Alitalia tosserva li l-Kummissjoni tammetti, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aħħar emendi magħmula għall-pjan ta’ ristrutturar f’Ġunju 1997 “inaqqsu [...] ir-riskji inerenti għall-operazzjoni”. Skont Alitalia, din il-konstatazzjoni jmissha wasslet lill-Kummissjoni tiddeċiedi rata minima inferjuri għal dik li kienet ġiet preċedentement iffissata.

210    Alitalia żżid li, sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ investiment f’impriża u r-rata minima korrispondenti, l-analisti jieħdu inkunsiderazzjoni l-espożizzjoni finanzjarja tagħha meta mqabbla mal-kapital tagħha. Sabiex dan l-indikatur jinqaleb f’sinjal effettiv tar-riskju finanzjarju, huwa madankollu neċessarju li r-relazzjoni ta’ bejn id-debiti u l-fondi tagħha stess (ingranaġġ) (gearing) tiġi speċifikatament ipparagunata mar-ratio tad-debiti medji tal-impriżi paragunabbli. Għandu jingħad ukol li peress li l-ingranaġġ ta’ Alitalia huwa paragunabbli ma’ dak tal-iktar kompetituri importanti tagħha, dan ma jistax, bil-kontra ta’ dak li qalet il-Kummissjoni fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, jingħadd fost l-elementi li eventwalment jistgħu jimplikaw rata minima ogħla minn dik li normalment hija applikabbli għal investiment fis-settur.

211    Il-Kummissjoni ssostni li l-ipparagunar tal-ingranaġġ ta’ Alitalia meta skada l-pjan ta’ ristrutturar, fis-sena 2000, ma’ dak ta’ kumpanniji oħra, hekk kif għamlet Alitalia, mhuwiex rilevanti.

212    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika n-nuqqas ta’ effett tal-aħħar emendi magħmula fil-pjan fuq il-livell ta’ ingranaġġ u fuq il-valur li dan ikollu fost l-elementi kollha li l-investitur privat jieħu inkunsiderazzjoni meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar jekk għandux jinvesti jew le.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

213    Il-Kummissjoni ssotni, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ Alitalia tnaqqas ir-riskji inerenti għall-operazzjoni u żżid il-vijabbiltà tal-kapital introdott. Hija tikkunsidra madankollu li l-emendi magħmula minnha “jibqgħu marġinali u jirriżultaw ferm inqas sostanzjali mill-ewwel emendi li l-awtoritajiet Taljani għamlu fuq il-pjan fi Frar 1997”.

214    Għandu jiġi mfakkar (ara l-punti 125 sa 136 iktar ’il fuq, kif ukoll il-premessi 10 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-Kummissjoni kkwantifikat l-effett ta’ dawn l-emendi u li, f'dan il-proċess, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-kalkoli magħmula mill-konsulenti tagħha fir-rapport tagħhom tal-1 ta’ Ġunju 2001, li jinsab fl-anness tas-sottomissjonijiet tad-difiża. Alitalia ma ssostni l-ebda lment sostantiv preċiż fir-rigward ta’ dawn il-kalkoli.

215    Fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid hekk:

“Għandu jingħad ukoll li d-debiti ta’ Alitalia u r-ratio ta’ bejn id-debiti u l-fondi tagħha stess (ingranaġġ) għas-[sena] 2000 wara kollox ma nbiddlux b’mod sinjifikanti. Barra minn hekk, din l-aħħar informazzjoni hija, f’għajnejn l-investitur, wisq limitata sabiex ir-riskju jkun jista’ jitkejjel. L-emendi għall-pjan li saru f’Ġunju 1997 jibqgħu għaldaqstant prattikament mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni li jagħmel investitur li jaġixxi abbażi ta’ sempliċi kriterji kummerċjali, fid-dawl tal-persistenza tar-riskji marbuta mal-operazzjoni u deskritti preċedentement.”

216    Jirriżulta mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza li Alitalia ma tikkontestax il-fatt li, fl-aħħar verżjoni tal-pjan, l-ingranaġġ ikkontestat ma kienx ġie emendat b’mod sinjifikanti, iżda ssostni li din l-emenda ma kinitx neċessarja, minħabba li l-ingranaġġ tagħha kien fuq l-istess livell tal-valur medju tas-settur.

217    Il-Kummissjoni għaldaqstant ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li l-ingranaġġ għas-sena 2000 ma kienx inbidel b’mod sinjifikanti. Il-fatt li l-ingranaġġ ta’ Alitalia seta kien jinsab, kif issostni hija stess, fil-medja tas-settur, ma jneħħi xejn minn din il-konstatazzjoni.

218    Għalhekk, Alitalia ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni ma kinitx serjament ħadet inkunsiderazzjoni l-effett tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar fid-determinazzjoni tar-rata minima.

c)      Teħid inkunsiderazzjoni ta’ premessi żbaljati fil-kalkolu tar-rata minima

 L-argumenti tal-partijiet

219    Alitalia tqis li r-rata minima għandha tiġi ffissata skont il-prezz tal-mezzi proprji tal-impriża, jiġifieri skont ir-remunerazzjoni mistennija mill-investiment ta’ kapital ta’ riskju f’din l-impriża. Din ir-remunerazzjoni stess tiġi ddeterminata minn formola li tirrifletti r-riskju ta’ investiment b’mod ġenerali u r-riskju ta’ investiment f’impriża b’mod partikolari.

220    Alitalia ma tifhimx kif il-Kummissjoni tista’, minn naħa, tevalwa l-prezz tal-kapital proprju tal-impriża għal 14 % u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi rata minima ta’ 30 %. Alitalia tqis li l-prezz tal-kapital proprju tal-impriża ta’ 14 %, evalwat skont il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-assi finanzjarji [(MEDAF) (Capital Asset Pricing Model)], diġà jieħu inkunsiderazzjoni elementi ta’ riskju għas-settur tat-trasport bl-ajru kif ukoll tal-fattur ta’ riskju speċifiku tal-impriża. Jirriżulta mir-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 1997 li dawn waslu għal din il-perċentwali billi bbażaw rwieħhom fuq “koeffiċenti β” partikolarment ogħli ta’ 1.23 li jesprimi l-korrelazzjoni bejn ir-rendiment tas-suq u r-rendiment tal-impriża kkwotata fil-Borża kkonċernata, li jirrifletti diġà osservazzjoni tal-valur fir-rigward tar-riskju ppreżentat mill-investiment kontenzjuż.

221    Alitalia tikkritika, f’dan ir-rigward, il-fatturi differenti ta’ riskju elenkati mill-Kummissjoni fil-premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata.

222    Alitalia sussegwentement issostni li hija rreġistrat riżultati operattivi pożittivi matul il-perijodu li ppreċeda l-pjan, filwaqt li ma kellhiex riżultati pożittivi netti matul ċertu snin minħabba żbilanċ bejn il-mezzi proprji tagħha stess u l-mezzi ta’ terzi persuni, żbilanċ li l-pjan ta’ ristrutturar kellu b’mod partikolari l-intenzjoni li jikkoreġi. Barra minn hekk, Alitalia rreġistrat, matul l-ewwel sitt xhur tal-1997, riżultat operattiv iktar favorevoli mill-estimi tal-pjan. Fl-aħħar nett, l-IRI sabet ruħha f’sitwazzjoni partikolari bħala kumpannija holding li diġà kienet azzjonista fil-kumpannija, u għalhekk kellha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-investiment, għarfien aħjar kif ukoll kapaċità interpretattiva aħjar minn tagħha.

223    Fl-analiżi tal-Kummissjoni, li tgħid li l-pjan jibbaża ruħu fuq ipoteżi ottimistiċi fil-qasam tal-iżvilupp tal-produttività, tal-ispejjeż operattivi, tal-fatturi ta’ tagħbija u tad-dħul unitarju tal-kumpannija, Alitalia tikkontesta l-fatt li l-konsulenti tal-Kummissjoni aċċettaw il-previżjonijiet tal-pjan tal-kumpannija mingħajr ma pprovdew sorsi oħra li jistgħu jikkonfutawhom. Il-Kummissjoni saħansitra ammettiet li l-pjan, hekk kif kien ittejjeb u emendat mix-xahar ta’ Jannar 1997, kien realistiku.

224    Fir-rigward tar-rwol tal-hub ta’ Malpensa fir-ristrutturar mistenni, Alitalia ssostni li dan l-element kellu rwol limitat ħafna fil-pjan, anki jekk il-proġett inkwistjoni mingħajr dubju kellu importanza notevoli għall-kumpannija. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-impatt tal-introduzzjoni ta’ din il-hub ta’ titjiriet konnessi kellu juri l-effetti tiegħu biss wara s-sena 2000 u li ma kienx ġie inkluż, bħala prudenza, bil-kalkolu tal-valur aħħari. Fir-rigward tad-distanza li tifred Malpensa minn Milan (l-Italja), din hi paragunabbli ma dik li tifred ajruporti Ewropej oħra mill-belt li magħha huma konnessi, bħal Gatwick jew Stanstead (ir-Renju Unit), Munich (il-Ġermanja) u Oslo (in-Norveġja). L-istess jgħodd fir-rigward il-ħin neċessarju sabiex wieħed jasal l-ajruport ta’ Malpensa minn Milan.

225    Rigward il-liberalizzazzjoni tas-suq intern Taljan, Alitalia tallega li l-pjan żamm debitament inkunsiderazzjoni t-telf tal-ishma tas-suq li kienu iktar importanti għall-Alitalia milli għal trasportaturi oħra bl-ajru Ewropej, billi pprovdiet għat-tnaqqis tar-rendita unitarja medja (yield) reali bi 23 %. Barra minn hekk, Alitalia tgħid li mhuwiex rilevanti għall-Kummissjoni li ssostni li s-suq intern Taljan ġie fil-verità liberalizzat biss fli tmiem is-sena 1995 u li jeżistu inċertezzi kbar fuq kif Alitalia tinsab f’pożizzjoni li tiffaċċja l-kompetizzjoni.

226    Rigward l-ispejjeż unitarji operattivi, Alitalia tallega li dawn kienu konformi ma’ dawk tal-kompetituri prinċipali tagħha. Skont hi, il-Kummissjoni tadotta, fid-deċiżjoni kkontestata, pożizzjoni differenti minn dik li hija kienet adottat, f’dan ir-rigward, fid-Deċiżjoni tal-1997, peress li hija investigat ex post l-iżvilupp tar-riżultati tal-kumpannija.

227    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-diffikultajiet soċjali serji li ffaċċjat Alitalia fl-1995 u fl-1996, hija tenfasizza li t-tibdil li seħħ fil-kultura tal-impriża ġie espress konkretament fil-ftehim sindakali ffirmati fl-1996. Ma seħħ l-ebda strajk matul il-fażi istruttorja kollha.

228    Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li d-determinazzjoni tar-rata minima hija, f’dan il-każ, operazzjoni li għandha tiġi inkluża f’kuntest storiku ddeterminat skont evalwazzjoni prospettiva, li tieħu inkunsiderazzjoni l-livell psikoloġiku u suġġettiv tal-propensità jew tal-avversità għar-riskju f’settur partikolari kif ukoll interdipendenti bħal dak tat-trasport bl-ajru. Il-kalkolu tar-rata minima għandu, skont hi, jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji relatati mal-pjan inkwistjoni.

229    Il-prezz tal-kapital tagħha stess, li hu stmat għal 14 % skont il-MEDAF, huwa eskluż mir-rata minima filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-rata interna. Il-koefficjent β intuża esklużivament fil-kuntest tal-kalkolu globali tas-sehem li l-IRI kellha f’Alitalia fil-31 ta’ Diċembru 2000. Dan il-koeffiċjent jirrifletti r-riskju speċifiku tal-impriża fil-kuntest tal-Borża u mhuwiex sinjifikanti ġaladarba Alitalia ma kinitx suffiċjentement ikkwotata.

230    Rigward ir-riżultati ta’ Alitalia fl-ewwel sitt xhur tal-1997, dawn huma rrilevanti, peress li ma kinux magħrufa meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997.

231    L-argument ta’ Alitalia intiż sabiex jiġi pprovat l-effett limitat tal-hub ta’ titjiriet konnessi ta’ Malpensa huwa totalment f’kuntradizzjoni ma l-aspettattivi li din il-kumpannija esprimiet fil-pjan ta’ ristrutturar sa mill-ewwel verżjoni tagħha. Il-Kummissjoni tikkonfuta wkoll l-argumenti dwar l-ipparagunar tal-hub ta’ Malpensa mal-ajruporti ta’ Gatwick, ta’ Stanstead, ta’ Munich u ta’ Oslo.

232    Skont il-Kummissjoni, l-element ta’ liberalizzazzjoni tas-suq intern Taljan għandu konnotazzjoni importanti ħafna għal Alitalia, peress li r-Repubblika Taljana hija l-uniku Stat Membru tal-Komunità li għamlet użu massimu tal-possibbiltajiet offerti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, p. 8), sabiex tipproteġi s-suq tagħha għall-benefiċċju esklużiv tal-kumpannija nazzjonali tagħha. Għalhekk, fl-1997, meta seħħet il-liberalizzazzjoni u fi tmiem is-sitwazzjoni ta’ monopolju, ir-riskju ta’ konsegwenzi serji għal Alitalia ma setax jiġi eskluż. Barra minn hekk, fost it-tliet eżempji ċċitati minn Alitalia, il-każ tar-Renju ta’ Spanja biss huwa rilevanti, peress li r-Renju Unit u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja lliberalizzaw is-suq tagħhom fi żmien kompletament differenti mill-perijodu ta’ riferenza 1992-1995 magħżul minn Alitalia.

233    Rigward l-ispejjeż unitarji operattivi, il-Kummissjoni tenfasizza li, fir-raba’ inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jirreferu għall-perijodu 1996-1997 u mhux għas-sena 2000, data li fiha kellu jintemm il-pjan. Għaldaqstant, hija ssostni li ma jistax jiġi kkontestat li l-ispejjeż unitarji ta’ Alitalia kienu superjuri bi 12 % għall-medja tal-kompetituri Ewropej tagħha.

234    Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ strajkijiet mhuwiex konklużiv. Fil-fatt, ir-rata minima kienet taqbeż sew it-30 % li kieku kienu saru strajkijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

235    Alitalia tgħamel, minn naħa, ċertu lmenti dovuti għall-metodu tal-kalkolu tar-rata minima u tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-għażla tar-riskji li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina din ir-rata.

–       Il-metodu għall-kalkolu tar-rata minima

236    Fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punti 98 u 99), il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonstatat li l-Kummissjoni, sabiex tevalwa jekk l-investiment tal-IRI kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat, u għaldaqstant sabiex tevalwa jekk dan kienx jikkomporta elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ispirat ruħha mill-prinċipji tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU 1994, C 350, p. 5, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni”). Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet, fid-Deċiżjoni tal-1997 (punt VII), ipparagunat l-ammont tal-investiment tal-IRI mal-valur tal-cash-flows futuri mistennija mill-pjan aġġornat permezz tar-rata minima li jirrikjedi investitur privat. Hija kienet ikkonkludiet li, f’dan il-każ, ir-rata interna baqgħet inferjuri għar-rata minima u li, għalhekk, l-investiment ma kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet tgħid li l-metodu applikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-1997 ma jistax jiġi fih innifsu kkritikat.

237    Fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li, “[f]il-każ preżenti u abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, b’mod partikolari mix-xogħol imwettaq mill-[konsulenti tagħha]”, hija tqis li “r-[rata minima] hija qrib it-30 % minħabba l-importanza tas-somma inkwistjoni u fuq kollox tar-riskji ppreżentati mill-operazzjoni”. Hija tippreċiża li “[d]in ir-rata ta’ mill-inqas 30 % tinkludi fil-fatt il-possibbiltà li l-pjan ma jiżvolġix kif kien previst kif ukoll li, wara kollox, ir-rendiment reali tal-investiment kien kunsiderevolment iktar dgħajjef”. Hija tkompli billi tindika li, “[m]ill-bqija, ir-rata tista’ biss tkun superjuri għall-prezz tal-kapital proprju meta dan ma jiħux inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-kumpannija”.

238    Fir-rigward tal-ilment magħmul minn Alitalia fir-rigward tal-proporzjon ta’ wieħed għal kull tnejn bejn ir-rata ta’ 14 % iffissata għall-ispiża tal-investiment kapitali tagħha u r-rata minima, jirriżulta kjarament mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-investiment kapitali ta’ Alitalia kkalkolata bl-għajnuna tal-MEDAF, l-ewwel nett, sabiex tevalwa l-valur tal-ishma tal-IRI f’Alitalia f’Diċembru 2000 (premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata) u, sussegwentement, sabiex tiddetermina, abbażi ta’ din id-data, ir-rata interna (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata) u mhux ir-rata minima.

239    Il-kliem tat-tieni u tat-tielet rapporti tal-konsulenti tal-Kummissjoni, annessi mar-rikors, jikkonfermaw ukoll li r-rata ta’ 14 % ġiet ikkalkolata għall-evalwazzjoni ta’ wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tar-rata interna.

240    Peress li din ir-rata ta’ 14 % sservi għall-kalkolu tar-rata interna, u mhux għal dik tar-rata minima, Alitalia żbaljatament tikkontestaha fil-kuntest tal-kritika tagħha tad-determinazzjoni tar-rata minima ta’ 30 % u li hija tipproponi l-proporzjon ta’ wieħed għal kull tnejn bejn dawn iż-żewġ taxxi.

241    Barra minn hekk, fil-premess 22 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ispiża tal-investiment kapitali, ikkalkolata permezz tal-koeffiċjent β ta’ Alitalia, tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji derivanti mis-sitwazzjoni komplessiva tal-kumpannija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Borża, kif ukoll ir-riskji inerenti għas-settur ikkonċernat. Il-Kummissjoni tippreċiża li, peress li Alitalia ma kinitx suffiċjentement ikkwotata fis-snin 1996-1997, l-istima ta’ 14 % u tal-koeffiċjent β ta’ Alitalia kkalkolat fis-sena 2000 huwa l-frott ta’ operazzjoni neċessarjament teoretika u bbażata fuq il-koeffiċjent β ta’ kumpanniji oħra tal-ajru paragunabbli. Hija tenfasizza li l-koeffiċjent β hekk ikkalkolat ma jistax jirrifletti r-riskju speċifiku ta’ Alitalia fis-snin 1996-1997 u li l-ispiża medja peżata tal-kapital iddefinita fuq din il-bażi “ma tiħux inkunsiderazzjoni r-riskju speċifiku ta’ Alitalia” (premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

242    Għandu jingħad ukoll li r-rata minima tieħu inkunsiderazzjoni “is-somma inkwistjoni u fuq kollox [i]r-riskji ppreżentati mill-operazzjoni” (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-metodu tal-Kummissjoni huwa għaldaqstant koerenti, tant li Alitalia stess issostni li d-determinazzjoni tar-rata minima mhijiex ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ formola matematika, iżda ta’ konstatazzjonijiet empiriċi li għandhom isiru mingħajr ma jintesew l-għanijiet fir-rigward tal-investimenti ta’ investitur paragunabbli għall-investitur pubbliku (ara, ukoll, il-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

243    Fl-aħħar nett, wieħed għandu jżid li l-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-pożizzjoni partikolari tal-IRI, bħala holding li diġà hija azzjonista fil-kumpannija, ma pprovditilhiex tagħrif u spjegazzjonijiet aħjar għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-investiment. Għandu fil-fatt jiġi enfasizzat li l-IRI hija holding li l-ishma tagħha huma kollha kemm huma fil-pussess tal-Istat Taljan. Għandu jingħad ukoll li l-parametri ta’riferenza għall-kalkolu tar-rata minma mhumiex dawk tal-Istat, iżda dawk tas-suq. Barra minn hekk, peress li hija diġà azzjonista f’Alitalia, l-IRI jista’ jkollha interess sabiex teżaġera l-valur tal-kumpannija. Għalhekk wieħed ma jistax jassumi li l-involviment tal-IRI fil-kapital ta’ Alitalia neċessarjament jagħtiha iktar kapaċità sabiex tevalwa r-rata minima li jirrikjedi investitur privat li jimxi skont il-liġijiet tas-suq.

244    Għalhekk, l-ilmenti li Alitalia tagħmel fir-rigward tal-metodu applikat mill-Kummissjoni mhumiex fondati.

–       Riskji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni

245    Peress li Alitalia tikkontesta r-riskji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għad-determinazzjoni tar-rata minima, jeħtieġ li dawn jiġu eżaminati wieħed wara l-ieħor.

246    Fir-rigward, l-ewwel nett tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, fis-settur tat-trasport bl-ajru, il-marġini huma tradizzjonalment dgħajjfa u l-volatilità tal-profitti u tat-telf hija għolja (l-ewwel inċiż tal-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata), Alitalia ma tikkontestahiex fiha nnifisha. L-argument tagħha huwa pjuttost li l-elementi ta’ riskju marbuta mas-settur ta’ attività diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni f’kuntest ieħor.

247    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, fid-deċiżjoni kkontestata, dan it-teħid inkunsiderazzjoni, permezz tal-użu tal-koeffiċjent ß fil-formola tal-MEDAF, huwa limitat għad-determinazzjoni ta’ wieħed mill-elementi tar-rata interna, jiġifieri l-valur terminali fl-aħħar tas-sena 2000 (premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-koeffiċjent ß ma jesprimix speċifikament ir-riskju marbut mas-settur ikkonċernat. Kif tammetti Alitalia, dan jippermetti li tiġi mkejla l-korrelazzjoni bejn il-varjabbiltà tar-rendiment tas-suq u l-varjabbiltà tar-rendiment tal-impriża li għaliha saret l-evalwazzjoni.

248    Min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tar-rata minima ma tinsabx fl-istess kunsiderazzjoni bħal dik tar-rata interna, li tirriżulta pjuttost mill-applikazzjoni ta’ formola matematika. Din tirrigwarda l-evalwazzjoni, b’mod empiriku u prospettiv, tar-rata minima li jirrikjedi investitur privat li jaġixxi skont il-liġijiet tas-suq sabiex iwettaq operazzjoni finanzjarja ta’ dan it-tip, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riskji ppreżentati minnha (ara l-punt 242 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, investitur privat għandu d-dritt li jieħu inkunsiderazzjoni, fost ir-riskji speċifiċi marbutin ma’ l-operazzjoni inkwistjoni, il-fatt li din tinsab fis-settur tat-trasport bl-ajru fejn il-marġini huma tradizzjonalment dgħajfa u l-volatilità tal-profitti u tat-telf hija għolja.

249    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi semmiet dan ir-riskju fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata.

250    It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ riżultati operattivi pożittivi sinjifikanti ta’ Alitalia (it-tieni inċiż tal-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li lanqas hija stess ma tikkontesta dan. Il-fatt li l-pjan kontenzjuż seta’ b’mod partikolari jkollu bħala għan li jirrimedja għal nuqqas ta’ kapitalizzazzjoni ma jbiddel xejn mis-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ Alitalia, li kkostitwiet riskju li seta’ ttieħed inkunsiderazzjoni minn investitur privat qabel ma jissottoskrivi kull żieda fil-kapital.

251    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li Alitalia rreġistrat, matul l-ewwel sitt xhur tal-1997, riżultat operattiv iktar favorevoli mill-previżjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li din id-data tista’ taffettwa riżultati ulterjuri tal-pjan, f’kull każ dawn kienu magħrufa f’perijodu wara l-evalwazzjoni tar-riskju fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-1997 u għaldaqstant ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

252    Rigward l-istima li tikkonċerna r-riżultati tal-ewwel tliet xhur tal-1997 u li kienet turi titjib aħjar milli previst, għandu jiġi enfasizzat li din kienet tistrieħ fuq figuri provviżorji u mhux riveduti, fatt li Alitalia ma kkontestatx. In-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data inkwistjoni, flimkien man-natura qasira sew tal-perijodu kkunsidrat, ippermettew lill-Kummissjoni sabiex ma tikkunsidrax li dawn kienu jikkonfutaw l-evalwazzjoni tagħha tar-riskju marbut man-nuqqas ta’ riżultati operattivi pożittivi sinjifikanti ta’ Alitalia sa mill-aħħar tas-snin 80, minkejja t-titjib fis-sitwazzjoni sa mill-1994.

253    It-tielet nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-pjan huwa bbażat fuq ipoteżi ottimistiċi fil-qasam tal-evoluzzjoni tal-produttività, tal-ispejjeż operattivi, tal-koeffiċjenti ta’ tagħbija u tad-dħul unitarju tal-kumpannija (l-ewwel inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li r-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 1997, anness mar-rikors, isemmi, minn naħa, ċertu tibdil magħmul fuq il-pjan preċedenti filwaqt li jenfasizza li l-pjan emendat huwa iktar prudenti mill-pjan inizjali. Madankollu, min-naħa l-oħra, dan ir-rapport jindika l-fatt li l-pjan jibqa’ jinkludi numru ta’ elementi ottimistiċi u li ċertu għanijiet jistgħu jkunu diffiċli sabiex jintlaħqu. Għandu jingħad ukoll li l-elementi li dan jelenka huma preċiżament dawk imsemmija fl-ewwel inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata u li fil-konfront tagħhom din il-premessa tikkonstata “ipoteżi ottimistiċi”.

254    Barra minn hekk, fir-rapport addizzjonali, anness mar-rapport tat-18 ta’ Ġunju 1997, il-konsulenti tal-Kummissjoni jevalwaw il-vijabbiltà ġenerali tal-pjan ta’ ristrutturar u l-adegwatezza tal-għotja ta’ kapital kontenzjuż. Huma jispjegaw li, fir-rapporti preċedenti tagħhom, huma kienu analizzaw il-karatteristiċi tal-pjan sabiex jevalwaw ir-rata ta’ rendiment li investitur potenzjali kien raġonevolment jitlob sabiex jinvesti f’Alitalia. Il-konsulenti tal-Kummissjoni jżidu li, f’dan il-kuntest, l-elementi li ġew meqjusa bħala “ottimistiċi” kienu intużaw sabiex tiġi evalwata r-rata ta’ rendiment rikjesta minn investitur privat. Madankollu, huma jkomplu billi jsostnu li dawn l-elementi ma jimplikawx in-nuqqas tal-vijabbiltà tal-pjan.

255    Għalhekk Alitalia ma tistax tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ipoteżi ottimistiċi fil-pjan ta’ ristrutturar tagħha billi tinvoka l-fatt li, f’dan ir-rapport kumplementari, il-konsulenti tal-Kummissjoni kkonkludew għall-vijabbiltà ġenerali tal-pjan ta’ ristrutturar. Fil-fatt, dan ir-rapport kumplementari kif ukoll ir-rapport prinċipali tat-18 ta’ Ġunju 1997 jikkonstataw preċiżament dawn l-elementi ottimistiċi.

256    F’kull każ, il-fatt li ċertu ipoteżi partikolari jiġu kkunsidrati bħala ġenerużi jew ottimistiċi ma jistax jiġi meqjus fih innifsu bħala kontraddiċenti ma’ evalwazzjoni tal-vijabbiltà ġenerali tal-pjan ta’ ristrutturar.

257    Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, fil-verifiki li saru dwar l-istat tal-iżvilupp tal-pjan, il-Kummissjoni jew il-konsulenti tagħha baqgħu ma kkonstatawx il-kisba tal-għanijiet fil-qasam tal-produttività u tal-ispejjeż operattivi. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-parti tar-rapport stabbilit mill-konsulenti tal-Kummissjoni fix-xahar ta’ Lulju 1999, ippreżentata minn Alitalia bħala anness għar-replika, li l-ispejjeż operattivi kienu ogħla mill-previżjonijiet tal-pjan u li, minkejja li f’ċerti każijiet kienet aħjar milli fl-1997, il-produttività ma kinitx laħqet l-għanijiet stabbiliti.

258    F’kull każ, dan l-argument ta’ Alitalia u d-data ppreżentata insostenn għandhom jiġu miċħuda sa fejn jistrieħu fuq elementi ex post.

259    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi inkludiet, fost il-fatturi supplimentari ta’ riskju li investitur privat seta’ jieħu inkunsiderazzjoni, il-fatt li l-pjan kien ibbażat fuq ipoteżi ottimistiċi fil-qasam tal-iżvilupp tal-produttività, tal-ispejjeż operattivi, tal-koeffiċjenti ta’ tagħbija u tad-dħul unitarju tal-kumpannija.

260    Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-riskju marbut mal-fatt li l-potenzjalità preċiża tal-infrastruttura ġdida ta’ Malpensa kif ukoll il-metodi għall-implementazzjoni ta’ dan il-hub ta’ konnessjoni bl-ajru jibqgħu parzjalment mhux magħrufa (it-tieni inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata), għandha ssir riferenza għall-punti 203 u 204 iktar ’il fuq, fejn jirriżulta li l-ajruport ta’ Malpensa kien element importanti ħafna tal-pjan ta’ ristrutturar. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi sostniet li r-ristrutturar mistenni kien fil-biċċa l-kbira jiddependi mit-twaqqif taċ-ċentru ajroportwali ta’ Malpensa b’effett mill-1998.

261    Alitalia ma kkontestatx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kompetizzjoni setgħet xorta waħda tgawdi mill-iżvilupp tal-ajruport ta’ Malpensa, minħabba li jkun hemm ferm iktar slots disponibbli milli fl-ajruport ta’ Linate (l-Italja), li huwa kunsiderevolment mimli. Għandu jingħad ukoll li l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi riskju għal Alitalia.

262    Rigward l-ipparagunar, fil-qasam tad-distanza, ma’ ajruporti oħra Ewropej, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li d-distanza bejn l-ajruport ta’ Munich u ċ-ċentru ta’ Munich, jiġifieri 37 km, mhijiex paragunabbli ma’ dik bejn l-ajruport ta’ Malpensa maċ-ċentru ta’ Milan, kemm jekk wieħed jaċċetta l-figura mogħtija mill-Kummissjoni, jiġifieri 55 km, jew inkella dik ta’ 48 km allegata minn Alitalia. Għat-tliet ajruporti l-oħra, din id-distanza tista’ titqies bħala paragunabbli. Malpensa tinsab għaldaqstant fost l-iktar ajruporti distanti miċ-ċentru tal-belt li huwa jservi. Madankollu, l-ipparagunar magħmul minn Alitalia jintlaqat minn ċertu oġġezzjonijiet dwar il-paragunabbiltà tad-daqs tal-ajruporti inkwistjoni jew tal-post tagħhom fi ħdan is-sistema ajruportwali kkonċernata. Fil-fatt, minn naħa, l-ajruport ta’ Oslo m’għandux l-istess daqs bħal dak ta’ Milan u, min-naħa l-oħra, l-ajruporti ta’ Gatwick u ta’ Stanstead mhumiex l-ajruporti prinċipali ta’ Londra (ir-Renju Unit), bil-kontra tal-ajruport ta’ Malpensa li kellu jkun l-ajruport prinċipali għal Milan. Ir-riskju marbut mad-distanza setgħet għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala iktar importanti fil-każ ta’ Malpensa.

263    F’kull każ, ir-riskju essenzjali marbut mat-twaqqif taċ-ċentru ajruportwali ta’ Malpensa b’effett mill-1998 huwa spjegat fil-qosor fl-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata b’dawn il-kliem:

“Fil-fatt, il-potenzjal eżatt tal-infrastruttura ġdida kif ukoll il-metodu ta’ kif għandha tiġi mwaqqfa [l-hub tal-konnessjonijiet bl-ajru] għadhom parzjalment mhux magħrufa.”

264    Alitalia ma kkontestatx dan. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-twaqqif tal-hub ta’ konnessjoni bl-ajru minn Malpensa kien jikkostitwixxi fattur ta’ riskju supplimentari li investitur privat seta’ jieħu inkunsiderazzjoni.

265    Il-ħames nett, fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tas-suq intern Taljan (it-tielet inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa paċifiku li dan ma seħħx qabel tmiem is-sena 1995.

266    Għandu jingħad li fl-argument tagħha intiż sabiex tiġi ġustifikata r-rendita ta’ 23 % li hija applikat fil-pjan tagħha, Alitalia użat bħala paragun ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Spanja.

267    Għandu jiġi osservat li la r-Renju Unit u lanqas il-Ġermanja ma kienu, matul il-perijodu ta’ riferenza, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-Italja. Dawn iż-żewġ pajjiżi kienu fil-fatt fetħu s-suq intern tagħhom fil-bidu u fl-aħħar tas-snin 80 rispettivament. Sussegwentement, huma lliberalizzaw is-suq tagħhom kompletament fuq livell Komunitarju, fl-1993 u fl-1997 rispettivament, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Alitalia. Din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik tal-Italja li pproċediet għal-liberalizzazzjoni taż-żewġt iswieq, dak intern u dak Komunitarju, kważi flimkien, rispettivament fl-1996 u fl-1997, u b’dan il-mod obbligat lil Alitalia tiffaċċja kompetizzjoni ġdida fuq iż-żewġ fronti fl-istess ħin. Din is-sitwazzjoni żiedet għaldaqstant ir-riskji tal-operazzjoni f’għajnejn investitur privat.

268    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi semmiet, fost il-fatturi ta’ riskju li seta’ jieħu inkunsiderazzjoni investitur privat, il-liberalizzazzjoni tas-suq intern Taljan fl-aħħar tas-sena 1995 u l-inċertezzi fuq il-mod ta’ kif Alitalia, li sa dak iż-żmien kienet f’pożizzjoni ta’ monopolju, tkun f’pożizzjoni li tiffaċċja l-kompetizzjoni.

269    Is-sitt nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ispejjeż unitarji ta’ Alitalia jibqgħu ogħla minn dawk tal-kompetituri Komunitarji prinċipali tagħha (ir-raba’ inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li l-użu ta’ dan il-kliem ma jeskludix titjib fis-sitwazzjoni. Bil-kontra, l-użu tal-verb “jibqgħu” tidher saħansitra li timplika dan.

270    Il-Kummissjoni ssostni li bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-figuri li ġew ikkomunikati lilha fl-1996. Alitalia tosserva li dawn il-figuri kienu fil-verità jmorru lura għall-1994, fejn il-ispejjeż tagħha kienu tjiebu sussegwentement. Biex tipprova dan it-titjib, hija tippreżenta data statistika minn pubblikazzjoni tal-AEA annessa mar-replika.

271    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kellha tuża d-data disponibbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-1997 (ara l-punt 137 iktar ’il fuq). Għandu jingħad li d-data statistika ppreżentata minn Alitalia hija derivanti minn pubblikazzjoni kunfidenzjali tal-AEA, liema kopja annessa mal-atti ma tinkludix id-data uffiċjali tal-ħruġ, iżda l-indikazzjoni miktuba bl-idejn tad-data tas-26 ta’ Ġunju 1998. Il-Kummissjoni tallega li din il-pubblikazzjoni waslet għandha biss fl-aħħar tal-1997 u li ġiet ippreżentata għall-ewwel darba minn Alitalia fl-istadju tar-replika f’din il-kawża. Għaldaqstant Alitalia ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet taf jew setgħet kienet taf dwar din id-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-1997.

272    Ma jistax jiġi għaldaqstant ilmentat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data li hija kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-1997 u talli żammet mal-fatt li l-ispejjeż unitarji ta’Alitalia baqgħu ogħla bi 12 % meta mqabbla mal-impriżi kompetituri, bħal ma ġie espost fid-deċiżjoni tal-1997.

273    Is-seba’ nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li l-kumpannija ffaċċjat diffikultajiet trejdjunjonistiċi serji fl-1995 u fl-1996 u li, b’mod iktar ġenerali, il-bidla fil-kultura tal-impriża għaddiet mir-riskju li tkun diffiċli biex tiġi amministrata (il-ħames inċiż tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel element huwa stabbilit u li dan seta’ jwassal investitur privat sabiex jikkunsidra l-bidla neċessarja fl-impriża bħala riskju, u dan minkejja l-konklużjoni ta’ ftehim sindakali li ma setgħux iwarrbu l-inċertezzi kollha relatati mar-reazzjoni tal-persunal.

274    Fi tmiem l-eżami tar-riskji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-iffissar ta’ rata minima ta’ 30 %, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

275    Għandu jiġi għaldaqstant miċħud il-motiv ibbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-rata minima.

2.     Determinazzjoni tar-rata interna

276    F’dan il-kuntest, Alitalia tikkontesta l-ammont tal-ispejjeż ta’ insolvenza inklużi mill-Kummissjoni fil-kalkolu tar-rata interna, l-evalwazzjoni tar-rata interna abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan, il-parametri użati mill-Kummissjoni u l-effett tal-konverżjoni tas-self ta’ kapital fuq il-kalkolu tar-rata interna.

a)     Ammont tal-ispejjeż ta’ insolvenza

277    Il-kwistjoni tal-inklużjoni tal-ispejjeż ta’ insolvenza diġà ġiet ittrattata fil-punti 113 sa 121 iktar ’il fuq, iżda biss mill-aspett tal-ksur tal-Artikolu 233 KE fir-rigward tal-kontenut tas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq. Hawnhekk, il-kwistjoni hija dik li jiġi determinat jekk, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni la kkunsidratx fatti li ma kinux eżatti, u lanqas ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

278    Alitalia tfakkar l-ewwel nett li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qatt ma aċċettat il-figura ta’ ITL 750 biljun ikkalkolata mill-Kummissjoni.

279    Alitalia tosserva li l-ewwel parti taż-żieda fil-kapital ippermettitilha tħallas lura ITL 900 biljun ta’ self fuq terminu qasir lill-IRI, li ma kinux jitħallsu lura li kieku l-kumpannija kienet falliet. Dawn l-ITL 900 biljun jikkostitwixxu l-limitu minimu u mhux massimu tal-ispejjeż ta’ insolvenza li setgħu għaldaqstant jiġu evitati. Fir-rigward ta’ dan il-ħlas lura ta’ ITL 900 biljun, l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ insolvenza għal ITL 750 biljun ma tistax tinftiehem u mhijiex immotivata.

280    B’mod iktar konkret, Alitalia tosserva kif hija kkwantifikat għal ITL 1 140 biljun l-ispiża għall-IRI fil-każ ta’ falliment eventwali tal-kumpannija, figura li tikkostitwixxi, skont hi, medja bejn l-ammonti minimi u massimi tal-ispejjeż ta’ insolvenza. Alitalia tallega li l-ispejjeż ta’ insolvenza indikati fid-deċiżjoni kkontestata għandhom għaldaqstant jiġu inkrementati b’ITL 236 biljun, li jikkawża żieda fir-rata interna ta’ iktar minn 4 %.

281    Alitalia tikkontesta l-argument li stmat iżżejjed ir-riskji ta’ telf fuq il-ħlasijiet akkont għax-xiri tal-flotta ta’ ajruplani fuq terminu qasir. Skont hi, il-ħlas bil-quddiem fuq l-ajruplani ma jistgħux jiġu rkuprati fil-każ ta’ falliment.

282    Alitalia tiċħad ukoll li ma stmatx biżżejjed il-valur tal-flotta fis-suq. L-istima tagħha, f’dan l-aħħar każ, hija bbażata fuq il-valuri ta’ bejgħ indikati fil-gwidi kummerċjali, fir-rigward ta’ liema jeħtieġ, fl-opinjoni tagħha, li jiġi applikat żvalutar ta’ bejn 25 u 45 % skont jekk il-bejgħ isirx meta l-impriża tkun għaddejja bl-operat tagħha jew jekk ikunx sfurzat. Il-valur tal-ajruplani li jinbiegħu f’ammont ta’ tnejn jew tlieta għandu jitnaqqas b’mill-inqas 12 % u jeħtieġ li jsiru evalwazzjonijiet għal kull tip ta’ ajruplan. Fl-aħħar nett, il-perċentwali tal-iżvalutar m’għandhiex tinqabeż u għandha tkun ta’ bejn 10 u 15 % għall-bejgħ bl-ingrossa meta mqabbel mal-prezz bl-imnut, fir-rigward ta’ liema jkollhom jiżdiedu l-20 % previsti mill-Kummissjoni, jiġifieri total ta’ bejn 30 u 35 %. Alitalia ssostni barra minn hekk li l-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda element insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha.

283    Alitalia barra minn hekk tiċħad illi stmat iżżejjed l-ispejjeż ta’ stralċ. Fl-istima tagħha ta’ dawn l-ispejjeż ta’ madwar 10 % tal-valur li jista’ jinkiseb, Alitalia tinkludi ż-żmien neċessarju sabiex tiġi konkluża l-proċedura u l-ispejjeż tal-proċedura ta’ stralċ. Hija ssostni, fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż ta’ stralċ, li mhuwiex possibbli għaliha li tikkontesta l-ammont ikkunsidrat mill-Kummissjoni, peress li dan l-ammont mhuwiex indikat u li l-istima tiegħu hija bbażata, skont ir-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 1997, fuq l-esperjenza tagħhom stess.

284    Alitalia ssemmi fl-aħħar nett il-fatt li l-istralċ tagħha jkollu impatt negattiv fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-IRI u dan billi jġib miegħu deterjorazzjoni tal-evalwazzjoni tad-dejn ta’ Alitalia u jagħti lok għal spejjeż ta’ insolvenza iktar għoljin. Biex tkun prudenti, hija madankollu ma kkwantifikatx dan l-effett.

285    Komplessivament, Alitalia tfakkar li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ insolvenza għal valur medju ta’ ITL 1 140 biljun, ir-rendiment tal-investiment kien ikun ta’ 33 %.

286    Il-Kummissjoni tieħu konjizzjoni tal-fatt li Alitalia ma aċċettatx it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ammont ta’ ITL 750 biljun, filwaqt li spjegat kif hija waslet għal din il-konklużjoni.

287    Rigward ir-raġunijiet li wassluha sabiex tiffissa dan l-ammont, il-Kummissjoni tosserva li dawn jinsabu fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-rapporti tal-konsulenti tagħha, tal-21 ta’ Frar u tat-18 ta’ Ġunju 1997. Hija tippreċiża li t-tabella li hija elaborat fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, u li hija riprodotta minn Alitalia bħala anness mar-rikors kienet diġà tinkludi l-ispejjeż ta’ insolvenza fil-kalkolu tar-rata interna.

288    Il-Kummissjoni tikkontesta barra minn hekk l-affermazzjoni ta’ Alitalia li tgħid li hija sistematikament għażlet valuri estremi sabiex tiddetermina r-rata interna. F’dan ir-rigward, hija tagħti eżempji ta’ parametri favorevoli għal Alitalia li hija użat f’dan il-kalkolu.

289    Il-Kummissjoni tfakkar li kull korrezzjoni ta’ żball li ma turix ir-rata interna bħala inqas mir-rata minima ta’ 30 % hija mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni turi, f’tabelli differenti, id-differenzi li jeżistu bejn l-evalwazzjoni tagħha u dik ta’ Alitalia u tattribwixxihom għall-evalwazzjoni tal-flotta li kienet tiggarantixxi d-dejn u għal dik tal-ħlas derivanti mill-istralċ tal-assi lill-kredituri mhux assigurati.

290    Il-Kummissjoni sussegwentement tikkunsidra li l-fatt li Alitalia ħallset lura self li jammonta għal ITL 900 biljun permezz tal-ewwel fażi ta’ żieda fil-kapital ma jiġġustifikax li l-ispejjeż ta’ insolvenza jiġu evalwati bħala l-istess ammont.

291    Il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ Alitalia minn aspetti differenti. Hija tipprovdi tabella li tenfasizza d-differenzi bejn l-evalwazzjonijiet magħmula mill-partijiet fir-rigward tal-ħlasijiet intiżi għall-kredituri u tippreċiża li dawn jikkonċernaw it-titoli “Ħlasijiet bil-quddiem fuq l-ajruplani”, “Flotta”, “Krediti” u “Spejjeż ta’ stralċ”.

292    Fir-rigward tal-ħlas bil-quddiem fuq l-ajruplani, il-Kummissjoni tqis li dawn jistgħu jiġu 100 % rkuprati. Fil-fatt, il-klawżola li tipprovdi l-possibbiltà ta’ xoljiment tal-kuntratti tal-provvista tal-ajruplani ma teskludix il-possibbiltà tal-ħlas lura tal-ħlas li jkun sar bil-quddiem. Barra minn hekk, mhuwiex iġġustifikat, fid-dawl tal-informazzjoni li kienet disponibbli dak iż-żmien, li wieħed jibbaża ruħu fuq telf totali ta’ dawn il-krediti, u lanqas li tiġi eskluża l-possibbiltà li l-kuntratti jingħataw lil kumpanniji oħra.

293    Fir-rigward tal-valur tal-flotta fil-każ ta’ falliment, il-Kummissjoni tippreċiża li l-evalwazzjoni għandha tuża l-valuri tal-1996 u mhux dawk tal-1999 jew tal-2000, kif tallega żbaljatament Alitalia. Il-Kummissjoni tgħid li bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni ddettaljata tar-rapport tal-konsulenti tagħha ta’ Ġunju 1997, li jgħid li l-valur fis-suq tal-ajruplani għandu jiġi żvalutat b’bejn 10 u 20 %. Sabiex tiġi vverifikata l-istima tagħha, il-konsulenti tal-Kummissjoni użaw, bl-għajnuna ta’ espert fis-settur, gwida kummerċjali li tindika fid-dettal il-prezz tal-ajruplani kummerċjali. Il-perċentwali ta’ żvalutar li ma kellhiex tinqabeż tikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 20 % meta mqabbel mal-prezz bl-ingrossa, prezz li diġà huwa mnaqqas bi 8 jew b’9 % meta mqabbel mal-prezz bl-imnut.

294    Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ stralċ, il-Kummissjoni tevalwahom għal bejn ITL 64 u 92 biljun, filwaqt li Alitalia tqis li dawn għandhom ikunu ta’ bejn ITL 287 u 427 biljun. Il-Kummissjoni ssostni li, għall-finijiet ta’ stima korretta ta’ dawn l-ispejjeż, wieħed jista’ jiddistingwi, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, żewġ skemi differenti ta’ stralċ, jiġifieri l-istralċ volontarju jew il-proċeduri kollettivi. L-istralċ volontarju jsir permezz ta’ stralċjarju estern u l-ispejjeż tiegħu jammontaw għal 1 % tal-assi miġbura, li magħhom jiżdiedu l-ispejjeż ta’ remunerazzjoni li tammonta għal 0.75 % tal-passiv li ġie definittivament evalwat, figuri li huma dawk li normalment jitolbu l-kontabilisti esperti Taljani. Fil-każ ta’ proċeduri kollettiv, ikun ir-riċevitur jew il-kummissarju ġudizzjarju li jirċievi sa 0.9 % tal-assi miġbura, li magħhom tiżdied remunerazzjoni li ma taqbiżx 0.37 % tal-passiv evalwat (Artikoli 1 u 2 tad-Digriet Ministerjali Nru 570, tal-20 ta’ Lulju 1992). Fiż-żewġ każijiet, jeħtieġ li jiġu sussegwentement eżaminati l-ispejjeż sostnuti għall-evalwazzjonijiet mill-esperti li jippermettu l-evalwazzjoni tal-valur tal-bejgħ ta’ proprjetà inkluża fl-istralċ. Dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu kkwantifikati abbażi ta’ skala differenti għal dik tal-esperti. Fil-każ ta’ Alitalia, hemm lok sabiex wieħed jirreferi għall-iskala tal-inġinjiera u l-arkitetti, li jitolbu, f’każijiet ta’ dan it-tip, dritt ta’ 0.05 % fuq kull proprjetà evalwata. Jekk jiġu applikati r-rati massimi għal-istralċjatur jew għar-riċevitur u għall-espert, l-ispejjeż tal-istralċ jammontaw għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, għal 2.2 % tat-total tal-assi stralċati fil-każ ta’ stralċ jew għal 1.49 % tat-total tal-assi stralċati fil-kuntest ta’ proċediment kollettiv.

295    Rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fattur taż-żmien fil-kalkolu tal-ispejjeż ta’ insolvenza, il-Kummissjoni tallega li mhuwiex korrett li wieħed isostni li perijodu ta’ sitt snin kien meħtieġ sabiex jiġu stralċati l-assi kollha ta’ Alitalia. Din il-figura hija fil-fatt dovuta għall-applikazzjoni ta’ statistika medja – li wara kollox hija relatata biss b’mod marġinali għal p.l.cs jew għal gruppi industrijali kbar – fil-konfront ta’ operatur fundamentalment differenti bħal kumpannija nazzjonali kbira. Iżda, anki li kieku kellu jittieħed inkunsiderazzjoni dan it-terminu medju ta’ sitt snin, ikun assolutament mhux veru u lanqas ma jkun jista’ jiġi pprovat li l-ammont totali tal-proċedura għandu jiġi msarraf f’daqqa meta din tintemm, peress li l-kredituri jistgħu jitħallsu hekk kif ikun qed jiżvolġi l-istralċ tal-patrimonju. Għaldaqstant huwa impossibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż u kredibbli l-effett tal-fattur taż-żmien. Barra minn hekk, li kieku wieħed xtaq jieħu inkunsiderazzjoni telf fuq il-krediti minħabba l-fattur taż-żmien, din għandha ssir b’riferenza mhux għall-valur nominali tal-krediti nnifishom, iżda għall-valur aġġornat ta’ dawn il-krediti, valur li jkun kunsiderevolment inferjuri.

296    Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħar nett, li l-impatt tal-istralċ ta’ Alitalia fuq l-IRI huwa insinjifikanti. Fil-fatt, l-uniku nfieq relatat mal-ispejjeż ta’ insolvenza huwa kkostitwit mid-dejn iggarantit mill-IRI li jammonta għal ITL 41 biljun. Dan l-ammont jirrappreżenta mhux iktar minn 0.16 % tad-dejn finanzjarju tal-grupp IRI, li mhu xejn meta pparagunat maż-żieda fil-kapital ta’ ITL 2 750 biljun, b’mod li dan ma jaffettwax l-evalwazzjoni globali tal-grupp IRI.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

297    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ppubblikat, fit-8 ta’ April 2003, rettifika għad-deċiżjoni kkontestata, fejn hija ħadet konjizzjoni tal-fatt li Alitalia ma kinitx aċċettat l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ insolvenza għall-ammont ta’ ITL 750 biljun (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

298    Rigward il-motivazzjoni wara din iċ-ċifra, din tinsab fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 1997, imsemmija fl-istess premessa u li għaliha Alitalia kellha aċċess (ara l-punt 66 u 67 iktar ’il fuq). Din il-motivazzjoni ġiet sussegwentement ippreċiżata fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fis-sottomissjonijiet tad-difiża. Ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-ammont ta’ ITL 750 biljun ma kienx immotivat.

299    Alitalia tikkontesta madankollu dan l-ammont ta’ ITL 750 biljun, bl-istess mod bħal mal-Kummissjoni tikkontesta ċ-ċifra ta’ ITL 1 140 biljun sostnuta minn Alitalia f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ qbil ta’ bejniethom jikkonċerna essenzjalment il-metodu ta’ kif ittieħed inkunsiderazzjoni l-ħlas lura ta’ ITL 900 biljun ta’ self fuq terminu qasir, l-irkupru ta’ ħlas bil-quddiem fuq ix-xiri ta’ ajruplani ġodda, il-valur tal-flotta fil-każ ta’ falliment u l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ stralċ.

300    L-ewwel nett, fir-rigward tad-diskussjoni bejn il-partijiet dwar il-kwistjoni dwar jekk l-ITL 900 biljun ta’ self imħallsa lura bl-għajnuna tal-ewwel parti ta’ żieda fil-kapital kinux ikkostitwixxew il-limitu minimu jew massimu tal-ispejjeż ta’ insolvenza li setgħu ġew evitati, dan mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ammont ikkunsidrat mill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ insolvenza. Mill-bqija, l-ebda element sostnut mill-partijiet ma jiġġustifika li s-somma mħallsa lura ta’ ITL 900 biljun tiġi kkunsidrata fiha nnifisha bħala limitu minimu jew massimu tal-ispejjeż ta’ insolvenza li setgħu ġew evitati.

301    It-tieni nett, fir-rigward tan-natura rkuprabbli jew le tal-ħlasijiet bil-quddiem imħallsa għax-xiri ta’ ajruplani ġodda, għandu jiġi osservat li, bħal ma ammettiet Alitalia, il-Kummissjoni ma kinitx taf, meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997, dwar il-protokoll għall-ftehim konkluż bejn il-produttriċi tal-ajruplani McDonnell Douglas u Alitalia, li kien jipprovdi li din tal-aħħar irrinunċjat milli tixtri ħames ajruplani filwaqt li McDonnell Douglas żammet il-ħlas bil-quddiem ta’ USD 500 000 għal kull ajruplan. Il-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tieħu dan l-element inkunsiderazzjoni.

302    Barra minn hekk, minkejja li hemm lok li dan l-eżempju jiġi milqugħ fil-kuntest tal-eżami tal-prattika f’dan ir-rigward, f’kull każ, Alitalia mhijiex fondata li tinvoka xi tip ta’ konsegwenza min-nuqqas ta’ rkupru tal-ħlas bil-quddiem għall-ħames ajruplani fir-rigward tal-ordnijiet l-oħra, u dan iktar u iktar meta hija stess tenfasizza l-intuitu personae li jikkaratterizza dan il-protokoll għall-ftehim.

303    Alitalia ssostni, barra minn hekk, il-fatt li, “ġeneralment”, il-kuntratti ta’ xiri ta’ ajruplani li hija kkonkludiet ma kinux jipprovdu li jitħallas lura ħlas bil-quddiem eventwali. Madankollu hija ma pprovdietx il-prova ta’ dan.

304    Fil-fatt, il-klawżola ta’ xoljiment tal-kuntratt minħabba insolvenza (Termination for insolvency), stipulata fil-kuntratt ta’ xiri ta’ assi (Asset Purchase Agreement) konkluż bejn Airbus Industrie u Alitalia fl-1989 u anness mar-rikors, ma teskludix il-ħlas lura ta’ dawn il-ħlasijiet bil-quddiem. Hija ma tiddefinixxix espliċitament id-drittijiet tal-bejjiegħ fil-konfront tax-xerrej insolventi. Hija lanqas ma tipprovdi a fortiori l-ħlas lura komplet tal-ħlas bil-quddiem lix-xerrej. F’kull każ, kuntratt wieħed biss ma jistax ikun suffiċjenti biex tiġi stabbilita prattika ġenerali.

305    Barra minn hekk Alitalia ma pprovatx l-eżistenza, fiż-żmien ta’ meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997, ta’ prattika preċedentement segwita li tistabbilixxi t-telf kollu tal-ħlasijiet bil-quddiem fuq ix-xiri ta’ ajruplani ġodda. Ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma bbażatx il-kalkoli tagħha fuq in-nuqqas ta’ rkupru ta’ dan il-ħlas bil-quddiem kollu.

306    Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li, fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, Alitalia, meta invokat din l-impossibbiltà totali li tirkupra dan il-ħlas bil-quddiem, ma qisitx li kien utli li tesprimi l-fehma tagħha dwar l-impatt li rkupru parzjali ta’ dan il-ħlas bil-quddiem jista’ jkollu fuq l-ammont tal-ispejjeż ta’ insolvenza u fuq il-kalkolu tar-rata interna. Għandu jingħad li jirriżulta mis-simulazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-possibbiltà li jiġi rkuprat sa 50 % tal-ħlas bil-quddiem ma tinfluwenzax ir-rata interna u li nuqqas ta’ rkupru tal-ħlas bil-quddiem jew irkupru limitat għal 25 % jwassal għal żieda ta’ 1 % fir-rata interna.

307    Minn dan jirriżulta li, anki li kieku kellu jitqies bħala żbaljat il-prinċipju ta’ rkupru sħiħ tal-ħlas bil-quddiem, dan l-iżball ikun mingħajr effett fuq il-konstatazzjoni finali tal-Kummissjoni li tgħid li r-rata interna hija inferjuri għar-rata minima. Dan l-iżball huwa mingħajr effett u mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, ma setax kellu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

308    It-tielet nett, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ tal-flotta fis-suq, billi tirreferi għar-rapport tal-konsulenit tagħha, tat-18 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni tesponi, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont sostnut mill-awtoritajiet Taljani kien stmat iżżejjed.

309    F’dan ir-rapport, huwa ppreċiżat:

“Alitalia, in assessing the current market value of its used aircraft, reduced the current value indicated in aircraft catalogues, applying a discount ranging between 25 and 45 %. Lower discount rates (10-20 %) might be more reasonable, if one also considers that Alitalia, in its calculation, includes, in addition to the discounts, the financial effects of a one year selling process.”

310    Jirriżulta barra minn hekk mis-sottomissjonijiet tad-difiża li, sabiex jivverifikaw l-ewwel stima tal-1997, il-konsulenti tal-Kummissjoni użaw, bl-għajnuna ta’ espert fis-settur, parametru meħud minn gwida kummerċjali, li jindika b’mod dettaljat il-prezz tal-ajruplani kummerċjali. Din il-gwida tipproponi l-kriterju li ġej:

“Fleet values are discounted from wholesale price (average price paid by dealers or airlines for four or more aircrafts) at one half of one per cent times number of aircraft in fleet not to exceed 20 per cent discount.”

311    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna lilha, Alitalia ma tibbaża r-rikors min-naħa tagħha għal żvalutar ta’ bejn 25 u 45 % fuq ebda element probatorju. Hija ssostni li l-gwidi kummerċjali jindikaw perċentwali ta’ żvalutar fil-każ ta’ bejgħ ta’ żewġ ajruplani jew iktar f’daqqa, mingħajr madankollu ma jipprovdu għal każijiet eċċezzjonali ta’ bejgħ. Il-każ tagħha huwa għaldaqstant eċċezzjonali u jeħtieġ żvalutar partikolarment għoli li tiddefinixxi hija stess, mingħajr ma tiċċita xi dokumentazzjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Għalkemm huwa minnu li Alitalia tirreferi għad-dikjarazzjonijiet li s-Sur B, il-President tal-International Aircraft Remarketing LLC, kien għamel f’konferenza li saret fl-2001.

312    Madankollu, apparti n-natura pjuttost personali tal-evalwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, li tmur lura għas-sena 2001 u mhux għall-epoka kkonċernata, għandu jiġi enfasizzat li l-iżvalutar li huwa semma fid-dikjarazzjonijet tiegħu, jiġifieri żvalutar ta’ bejn 15 u 30 %, huwa medjament eqreb għall-iżvalutar applikat mill-Kummissjoni (20 %) milli għall-iżvalutar allegata minn Alitalia (35 % bħala medja).

313    Għaldaqstant, l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi applikat żvalutar ta’ 20 % għall-prezz tal-bejgħ previst mill-gwidi kummerċjali, li fihom jittieħed inkunsiderazzjoni t-tip ta’ ajruplan u jekk il-mudell huwiex reċenti jew qadima.

314    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li Alitalia tikkontradixxi lilha nnifisha meta ssostni, minn naħa, li jeħtieġ li jiġi inkluż żvalutar supplimentari minħabba l-bejgħ f’daqqa ta’ numru kbir ta’ ajruplani tal-istess tip u, min-naħa l-oħra, li l-bejgħ ta’ flotta daqshekk kbira ma ssirx minn ġurnata għall-oħra u li l-kalkoli għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fattur taż-żmien.

315    Rigward l-argument li Alitalia tallega li tista’ tibbaża fuq l-iżvalutar importanti minħabba bejgħ ġudizzjarju u n-natura mhux probatorja tal-eżempju oppost iċċitat mill-Kummissjoni minħabba li l-mudell ta’ ajruplan inkwistjoni huwa rikjest ħafna fis-suq, jista’ jiġi dedott mid-dibattitu bejn il-partijiet li, għall-istess mudell ta’ ajruplan, anki jekk id-domanda għalih hija għolja, il-prezz miksub fil-każ ta’ bejgħ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment jista’ jkun kemxejn inferjuri jew kemxejn superjuri għall-prezzijiet indikati fil-gwidi kummerċjali.

316    Madankollu, jirriżulta mit-tabella ppreżentata f’dan ir-rigward minn Alitalia fir-replika li l-prezz tal-bejgħ miksub fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment huwa f’kull każ ogħla mill-prezz bl-igross indikat fil-gwida kummerċjali li qed jiġi ċċitat għal paragun. Għandu jingħad li l-Kummissjoni tibbaża l-kalkoli tagħha fuq il-prezzijiet bl-ingrossa filwaqt li żvalutar ta’ mhux iktar minn 20 % għandu jiġi applikat fuq dawn il-prezzijiet bl-ingrossa (ara l-punt 310 iktar ’il fuq). Dawn iż-żewġ eżempji mogħtija minn Alitalia jsostnu għaldaqstant it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-ajruplani fil-każ ta’ falliment mhux bilfors ma jagħtix lok għal tnaqqis kunsiderevoli fil-prezz tagħhom. L-eżempji ċċitati minn Alitalia xorta waħda ma jsostnux it-teżi tagħha ta’ żvalutar ta’ bejn 25 u 45 % (jew ta’ 35 % bħala medja).

317    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-flotta fuq il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid li kien jeżisti meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997.

318    Alitalia għaldaqstant ma ppruvatx li, billi tapplika żvalutar ta’ 20 % fuq il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid bl-ingrossa tal-ajruplani indikati fil-gwidi kummerċjali sabiex tevalwa l-valur tal-flotta tagħha stess, il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

319    Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-ispejjeż ta’ stralċ imsemmija fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkritika wkoll lill-awtoritajiet Taljani talli stamthom iżżejjed. Barra minn hekk, ir-rapport tal-konsulenti tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 1997, li hija ssemmi, jgħid dan li ġej:

“Alitalia determined the liquidation costs (essentially the compensation of the officiel reveiver and the expenses he supposed to occur) as a percentage (10 %) of the realised assets. According to the official professional fees and to our experience, the mentioned amount appears too high.”

320    Għandu jiġi osservat qabel kollox li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, fil-motivazzjoni tal-ispejjeż ta’ stralċ, il-Kummissjoni jew il-konsulenti tagħha ma llimitawx rwieħhom li jinvokaw l-esperjenza tagħhom stess, iżda esponew ukoll il-parametri professjonali fis-seħħ.

321    Għandu jingħad li jirriżulta mis-sottomissjonijiet tad-difiża li l-kalkolu tal-ispejjeż ta’ stralċ jistrieħ b’mod essenzjali fuq il-parametri professjonali filwaqt li s-sehem mogħti lill-esperjenza huwa relattiv ħafna. Fil-fatt, il-Kummissjoni użat il-parametri uffiċjali tal-ordni tal-kontabbilisti esperti għall-istralċjatur estern, u dawk tad-Digriet Ministerjali Nru 570, tal-20 ta’ Lulju 1992, għar-riċevitur tal-falliment kif ukoll il-parametri tal-inġinjiera u tal-arkitetti għall-espert, parametri li hija applikat għall-valuri patrimonjali li jinsabu fl-istima tal-ispejjeż ta’ insolvenza (Estimated insolvency statements), tal-31 ta’ Marzu 1996, ipprovduta minn Alitalia. Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tariffi massimi previsti kemm għall-istralċjatur jew għar-riċevitur kif ukoll għall-espert. Alitalia kienet għaldaqstant fil-pussess tad-data neċessarja sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ stralċ magħmula mill-Kummissjoni. Hija ma tistax tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

322    Alitalia wara kollox ma kkontestatx l-użu ta’ dawn il-parametri tal-ordnijiet professjonisti Taljani. Hija ssostni li l-ispejjeż ta’ stralċ m’għandhomx jieqfu mal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni, iżda għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ż-żmien neċessarju sabiex tintemm il-proċedura ta’ stralċ kif ukoll l-esperjenza miksuba f’dan il-qasam mill-IRI fil-grupp tagħha.

323    Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fattur taż-żmien, anke jekk jitqies li huwa minnu li proċedura ta’ din in-natura tista’ ttul sitt snin, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż ta’ stralċ jinfirxu b’mod regolari tul dan il-perijodu kollu bil-bejgħ tal-assi jseħħ fi tmiem dan il-perijodu.

324    Wara kollox Alitalia ma spjegatx kif, u lanqas sa fejn, dan il-fattur taż-żmien għandu jitqies biex jiġi inkluż fil-perċentwali ta’ 10 % tal-ispejjeż ta’ stralċ li hija tapplika. Fir-replika, huma fil-fatt l-ispejjeż kollha ta’ insolvenza li Alitalia kkalkolat mill-ġdid, billi aġġornat il-krediti li setgħu, fil-fehma tagħha, jiġu rkuprati. Konsegwentement, minbarra l-fatt li din l-istima l-ġdida tal-ispejjeż ta’ insolvenza għandha tiġi miċħuda, peress li ġiet imqajma għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, hija ma tikkonċernax preċiżament l-ispejjeż ta’ stralċ.

325    Rigward l-eżempji li ssemmi Alitalia meta tirreferi għall-esperjenza miksuba mill-IRI fil-kuntest tal-grupp tagħha, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma tiġi kkontestata minn Alitalia f’dan ir-rigward, li dawn jikkonċernaw stralċ volontarju u mhux każijiet ta’ falliment. Għaldaqstant dawn iċ-ċifri mhumiex sinjifikanti.

326    F’kull każ, Alitalia ma tipprovdi l-ebda preċiżjoni dwar il-metodu u l-kalkoli li wassluha sabiex tevalwa l-ispejjeż ta’ stralċ għal 10 % tal-assi. Barra minn hekk hija ma pprovdiet l-ebda element tali li jistabbilixxi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-ispejjeż ta’ stralċ.

327    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi evalwat l-ispejjeż ta’ insolvenza għal ITL 750 biljun.

b)     Evalwazzjoni tar-rata interna abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar

 L-argumenti tal-partijiet

328    Alitalia ssostni li, billi qieset, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-emendi magħmula għall-pjan f’Ġunju tal-1997 kellhom biss effett żgħir fuq ir-riżultati prinċipali tal-pjan u fuq id-dividendi mistennija mill-azzjonisti, il-Kummissjoni injorat kompletament l-informazzjoni fattwali li tirrappreżenta l-aċċellerazzjoni tat-twaqqif tal-kumpannija low-cost, Alitalia Team, u l-bidu tal-proġetti prinċipali ta’ waqfien u ta’ ottimizzazzjoni tal-ispejjeż li kellhom bħala effett li jnaqqsu r-riskju relatat mal-kisba tal-għanijiet u tal-vijabbiltà tal-pjan.

329    Qabel kollox, Alitalia ssostni li l-fatt li użat ir-rata ta’ 79 % bħala rata tas-sehem tal-IRI fil-kapital tal-kumpannija, huwa att li jikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Abbażi tal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, din il-perċentwali jmissha kienet ta’ 86 %.

330    Alitalia tosserva li l-elementi li jispjegaw il-kalkolu tar-rata interna, magħmul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jinsabu biss fil-premessa 22 ta’ din id-deċiżjoni, liema premessa, madankollu, xorta waħda tipprovdi indikazzjonijiet estremament limitati u li ma jippermettu f’ebda każ li wieħed jifhem kompletament il-kalkoli magħmula. Il-ftit parametri indikati fid-deċiżjoni kkontestata huma l-istess bħal dawk li jinsabu fit-tabella annessa mal-kontroreplika fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-1997.

331    Alitalia tallega li l-Kummissjoni għandha tispjega kif hija tasal għar-rata ta’ 26.1 % billi fl-istess ħin tibbaża ruħha kemm fuq il-verżjoni l-qadima u kif ukoll fuq dik ġdida tal-pjan.

332    Il-Kummissjoni twieġeb li l-azzjonijiet strateġiċi previsti fl-aħħar verżjoni tal-pjan itejjbu l-perspettivi tiegħu iżda waħedhom ma jistgħux jikkostitwixxu prova tal-possibbiltajiet effettivi tiegħu li jwettaqhom. Il-kontenut tal-pjan il-ġdid kellu effett fuq l-evalwazzjoni tar-rata interna biss sa ċertu punt.

333    Skont il-Kummissjoni, l-artikolazzjoni tal-kalkolu tagħha f’żewġ ipoteżi, jiġifieri rata tas-sehem ta’ IRI fil-kapital ta’ Alitalia ta’ 79 % jew ta’ 86 %, kienet dovuta għall-inċertezza, li kien hemm fix-xahar ta’ Lulju 1997, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli. Madankollu, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata interna, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-iktar perċentwali favorevoli fosthom (86 %) u waslet għall-konklużjoni li r-rata interna ma kellhiex taqbeż is-26.1 %.

334    Il-Kummissjoni tikkundanna żball materjali spjaċevoli fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-valur tas-sehem tal-IRI fil-kapital ta’ Alitalia f’Diċembru tal-2000, li ma jammontax għal ITL 4 206 biljun jew għal 4 330 biljun iżda għal ITL 4 179 biljun jew għal 4 550 biljun. Huwa madankollu abbażi ta’ figuri korretti li l-Kummissjoni kkalkolat ir-rata interna ta’ 25.2 % jew ta’ 26.1 %.

335    Rigward il-metodu ta’ kalkolu li ppermettielha tasal għal dan ir-riżultat, il-Kummissjoni tirreferi għat-tabella ta’ spjegazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet tad-difiża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

336    Fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, jeħtieġ li ssir riferenza għall-punti 124 sa 138 iktar ’il fuq.

337    Fir-rigward tar-rettifika tal-iżball materjali kkundannat mill-Kummissjoni, jeħtieġ li ssir riferenza għall-punt 22 iktar ’il fuq.

338    Rigward id-dettall tal-parametri u tal-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tar-rata interna, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-parti li ġejja ta’ dan il-motiv (punti 352 sa 361 iktar ’il quddiem).

339    Il-kontestazzjoni min-naħa ta’ Alitalia tal-użu tar-rata ta’ 79 %, minnflok dik ta’ 86 %, bħala rata tas-sehem tal-IRI fil-kapital ta’ Alitalia mhijiex konvinċenti. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rata interna hija ta’ 25.2 % jew ta’ 26.1 % skont jekk wieħed jiħux inkunsiderazzjoni ipoteżi jew oħra u mhux billi wieħed jibbaża ruħu biss fuq ir-rata ta’ 79 %. Ir-rata ta’ 86 % hija għaldaqstant f’kull każ meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, anki jekk wieħed iqis l-ogħla figura li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ 86 %, ir-rata interna tibqa’ inferjuri għar-rata minima.

340    Fl-aħħar nett, sa fejn l-argumenti ta’ Alitalia huma intiża sabiex tiġi invokata motivazzjoni ineżistenti jew insuffiċjenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat li Alitalia ma tistax tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tar-rata interna (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Fuq il-mertu, il-premessi 19 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu li jinftiehem il-metodu kif ukoll id-data bażika użati mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola r-rata interna. L-ewwel żewġ rapporti tal-konsulenti tal-Kummissjoni, li kienu jiffurmaw parti sħiħa mid-Deċiżjoni tal-1997, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, jipprovdu d-dettalji ta’ dan.

341    Barra minn hekk, is-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, (punt 163) issemmi l-fatt li l-Kummissjoni kienet sostniet fil-kontroreplika li r-rata interna, kkalkolata mill-ġdid abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan, laħqet livell ta’ 26.1 % meta ġew inklużi l-ispejjeż ta’ insolvenza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi f’dan ir-rigward għall-kontroreplika u għal anness tal-kontroreplika ddepożitati fil-kuntest tal-kawża T‑296/97. Għandu jingħad li fir-rikors imressaq għal din il-kawża Alitalia ssostni li hija kellha aċċess għal dan l-aħħar dokument u għall-anness tiegħu.

342    Barra minn hekk, b’risposta għall-argumenti magħmula minn Alitalia fir-rikors, il-Kummissjoni tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet supplimentari fuq il-parametri li hija użat sabiex tikkalkola r-rata interna. Minn dan jirriżulta li Alitalia ma tistax tallega li m’għandhiex elementi neċessarji sabiex tikkontesta l-kalkolu tar-rata interna magħmul mill-Kummissjoni.

c)     In-natura żbaljata ta’ ċertu parametri użati mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

343    Fl-ewwel lok, filwaqt li l-kalkolu tar-rata interna li hija l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata huwa l-istess bħal dak ippreżentat mill-Kummissjoni bħala anness mal-kontroreplika ddepożitata fil-kawża T-296/97, Alitalia ssostni li l-kalkolu tal-valur tal-impriża fih żball, peress li jieħu inkunsiderazzjoni l-marġini gross operattiv (iktar ’il quddiem il-“MGO”) indikat fil-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tal-pjan u mhux fl-aħħar verżjoni tiegħu, jiġifieri ITL 1 485 biljun.

344    Fit-tieni lok, Alitalia tallega li, fil-kalkolu tal-partijiet taż-żidiet fil-kapital li saru fl-1996 u fl-1997, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża r-rata bla riskju ta’ 6.6 %. Il-kalkolu tar-rata interna ma jipprovdix l-aġġornament tal-“cash flows” iżda jikkomporta l-investiment tagħhom mill-ġdid fir-rata interna. L-ipoteżi ta’ aġġornament bla riskju hija ekwivalenti għall-argument li jeżisti obbligu legali li jimponi lill-investitur iħallas iż-żieda fil-kapital f’kull każ, minħabba raġunijiet kuntrattwali, kif ukoll li l-investitur ikun f’pożizzjoni li jwettaq il-ħlas bl-livell ta’ affidabbiltà li jqiegħdu f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik ta’ bank ċentrali ta’ pajjiż li għandu ekonomija b’saħħitha. Għandu jingħad li f’dan il-każ, l-IRI ma kellhiex l-obbligu li tħallas il-kapital indipendentement mill-iżvilupp tal-investiment. Barra minn hekk, Alitalia ssostni li l-IRI kellha, bħala impriża, spiża ta’ dejn li kienet ogħla mir-rata bla riskju.

345    Fit-tielet lok, Alitalia ssostni li l-previżjonijiet tal-pjan kienu jinkludu fondi ta’ kontinġenza (contingency costs) li jirrappreżentaw 30 % tal-profitti bħala prekawzjoni għal dewmien eventwali fit-twettieq tal-pjan. Hija tqis madankollu li l-kalkolu tal-“cash flows” tas-sena inkwistjoni ma kellux jinkludi dawn l-ammonti, peress li l-istat tal-iżvilupp tal-proġetti kien jaqbeż il-previżjonijiet. Kien hemm għaldaqstant kontraddizzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni li, minn naħa, ma tnaqqasx it-taxxa ta’ rendiment mistennija, anki fid-dawl tal-aħħar verżjoni tal-pjan li tinkludi elelementi ta’ kawtela kunsiderevoli (contingency), billi ddeċidiet li tiffissha għal 30 % u, min-naħa l-oħra, ma tridx tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-valur ta’ Alitalia, il-fatt li l-elementi ta’ prudenza kellhom jonqsu matul iż-żmien.

346    Fir-raba’ lok, Alitalia ssostni li r-rata ta’ tkabbir ta’ 4.5 % tal-“cash flows” fuq terminu twil adottata mill-Kummissjoni tippenalizza l-valur terminali tal-impriża fil-31 ta’ Diċembru 2000. Il-Kummissjoni tasal għal din ir-rata billi tuża, b’mod partikolari, żewġ parametri fundamentali, jiġifieri l-varjazzjoni tar-rendita u l-moltiplikatur tat-trasport bl-ajru, fejn il-valuri tagħom huma iktar baxxi minn dawk previsti mis-sorsi esterni. Il-Kummissjoni ma tidhirx li ħadet inkunsiderazzjoni l-effett pożittiv tal-ajruport ta’ Malpensa fuq it-traffiku ta’ Alitalia. Alitalia tosserva li s-settur tat-trasport bl-ajru għadu ma kisibx il-massimu ta’ tkabbir tiegħu fl-Ewropa. Madankollu, anki li kieku wieħed kellu jieħu s-sitwazzjoni Amerikana bħala riferenza, il-previżjonijiet ta’ tkabbir tat-traffiku tal-passiġġieri fis-suq tal-Amerika ta’ Fuq huma ta’ madwar 6.6 %. Skont Alitalia, kien għaldaqstant raġonevoli li wieħed jistenna tkabbir nominali ta’ 6.5 %, jew tkabbir reali ta’ 3.9 %, matul l-ewwel ħames snin, imbagħad stabilizzar ta’ din il-figura rispettivament għal-4.5 % jew għal 1.95 %.

347    Skont Alitalia, is-sempliċi korrezzjoni ta’ dawn l-aħħar tliet elementi tasal għar-rata interna ta’ 42.3 %, u dan anki jekk l-ispejjeż ta’ insolvenza jinżammu għal ITL 750 biljun.

348    Il-Kummissjoni ssostni li l-valur tal-impriża ġie bbażat fuq MGO ta’ ITL 1 485 biljun. Fis-sottomissjonijiet tad-difiża hija tesponi mill-ġdid il-kalkoli li permezz tagħhom waslet għar-rata interna ta’ 26.1 %.

349    L-użu tal-metodu ta’ aġġornament tal-partijiet futuri tal-għajnuna bir-rata bla riskju ta’ 6.6 % huwa ġustifikat min-natura nnifisha tal-fluss. Iż-żieda fil-kapital tal-kumpannija sottoskritta mill-IRI tirrappreżenta spiża għal Alitalia, liema spiża mhijiex ta’ natura imprevedibbli u li għaliha kien previst terminu ta’ ħlas li m’għandux jitqies bħala “spejjeż-opportunità”. Barra minn hekk, l-allegazzjoni ta’ Alitalia li kellha tnaqqas il-bqija tal-partijiet taż-żieda fil-kapital għal 61.9 % ma tistax tagħti lok għal rappreżentazzjoni korretta tal-evalwazzjoni tal-pjan ta’ investiment, peress li l-ħlasijiet li l-IRI għad fadlilha tħallas ikollhom valur ridott ħafna meta mqabbla mar-realtà.

350    Rigward il-fondi ta’ kontinġenza, il-Kummissjoni tenfasizza li, fl-aħħar verżjoni tal-pjan, dawn kienu jammontaw għal ITL 47 biljun, li, meta jiġu pparagunati tal-MGO ta’ ITL 1 485 biljun, l-effett tagħhom huwa limitat għal 3.2 %. Barra minn hekk, hija ssostni li kellu jiġi previst aspett ta’ prudenza, anki għal sena normali, minħabba n-natura ambizzjuża tal-pjan ta’ ristrutturar, in-numru għoli ta’ proġetti, is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ekwilibriju li fiha kienet tinsab il-kumpannija kif ukoll l-andament ġenerali tas-settur. Skont it-teżi ta’ Alitalia, hija ssodisfat l-għanijiet kollha tagħha fl-2000 b’mod li l-ebda prudenza ma kienet neċessarja.

351    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-prudenza hija meħtieġa fl-iffissar tar-rata tat-tkabbir tal-“cash flows”. Is-settur tal-avjazzjoni fl-Ewropa huwa viċin il-limitu ta’ tkabbir tiegħu b’mod li m’għadhiex mistennija żieda kunsiderevoli fl-iżvilupp tiegħu. Skont ċertu awturi, il-fattur ta’ tkabbir jew il-“fattur g” jikkostitwixxi s-sempliċi rata ta’ inflazzjoni mistennija. Fil-każ partikolari ta’ Alitalia, it-tneħħija tal-effetti tal-infalzzjoni, evalwati għal 2.5 %, tippermetti, billi tiġi applikata l-ekwazzjoni ta’ Fischer, li wieħed jasal għal rata ta’ tkabbir reali ta’ 1.95 %. Il-Kummissjoni tiċċita wkoll id-Dissertazzjoni fuq l-Evalwazzjoni tal-Impriżi, ta’ Guatri, li jgħid li jirriżulta minn ħafna indikazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari minn dawk Amerikani, li l-fattur g ġeneralment jinsab bejn 0 u 5 %, fejn il-valuri li jinsabu bejn 1 u 3 % huma l-iżjed frekwenti. Il-Kummissjoni tosserva wkoll żball fil-formola applikata minn Alitalia biex tikkalkola l-valur finali peress li naqset milli timmoltiplika n-numeratur b’(1 + g), skont il-formola ta’ Gordon.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

352    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-MGO, għandu jiġi kkonstatat li l-kalkoli, li wasslu l-Kummissjoni sabiex tiffissa r-rata interna għal 26.1 % u li hija turi fis-sottomissjonijiet tad-difiża, jieħdu ċertament inkunsiderazzjoni l-figura ta’ ITL 1 485 biljun li huwa dak tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni tippreżenta wkoll, fil-kontroreplika, kalkoli li minnhom jirriżulta li, billi bbażat ruħha fuq il-MGO tal-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tal-pjan, jiġifieri ITL 1 462 biljun, ir-rata interna miksuba tammonta għal 24.6 %. Għaldaqstant, Alitalia żbaljatament tinvoka t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ MGO żbaljata.

353    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rata bla riskju ta’ 6.6 % fil-kalkolu tal-aġġornament tal-partijiet taż-żieda fil-kapital previsti, fiż-żmien ikkonċernat, l-IRI kienet diġà ssottoskriviet ruħha għaż-żieda fil-kapital ta’ Alitalia, u dan indipendentement mill-iżvilupp pożittiv jew negattiv tas-sitwazzjoni u tar-riżultati tal-investiment tagħha. Din iż-żieda fil-kapital ma kinitx għaldaqstant ta’ natura imprevedibbli għal Alitalia. Peress li l-investitur kien f’pożizzjoni li jħallas b’livell għoli ta’ affidabbiltà, il-“cash flows” bejn l-IRI u l-Alitalia ma kinux paragunabbli għall-flussi l-oħrajn suġġetti għaċ-ċirkustanzi tat-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturar. F’ċirkustanzi simili, l-applikazzjoni tar-rata bla riskju kkontestata tidher fondata. B’hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għamlet użu mir-rata bla riskju għall-kalkolu tal-aġġornament tal-partijiet taż-żieda fil-kapital mill-IRI.

354    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ta’ Alitalia rigward il-fondi ta’ kontinġenza, hija tirreferi essenzjalment, minn naħa, għan-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ żvilupp tal-pjan u, min-naħa l-oħra, l-użu doppju flimkien mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan ir-riskju fir-rata minima. Għandu jingħad, fir-rigward tal-ewwel element, li għandu jiġi mfakkar li, sabiex evalwat ir-rata interna, il-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq l-elementi li hija kellha meta adottat id-Deċiżjoni tal-1997 (ara l-punt 137 iktar ’il fuq). Għaldaqstant hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-mod li bih żvolġa sussegwentement il-pjan u t-tnaqqis eventwali tar-riskji, jekk wieħed iqis li dan kollu ġie stabbilit. Fir-rigward tat-tieni element, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ġenerali tal-investiment minn investitur privat fil-kalkolu tar-rata minima ma jistax, fih innifsu, jipprojbixxi l-inklużjoni, fil-kalkolu tar-rata interna, ta’ fondi ta’ kontinġenza ġġustifikati miċ-ċirkustanzi. Fid-dawl tal-kuntest tal-operazzjoni, u b’mod partikolari tad-dejn tal-kumpannija, l-importanza tal-pjan ta’ ristrutturar u tal-aspettattivi għas-settur fl-1997, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkalkolat l-ammont ta’ ITL 47 biljun bħala fondi ta’ kontinġenza.

355    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kontestazzjoni minn Alitalia tar-rata ta’ tkabbir tal-“cash flows”, din mhijiex konvinċenti. Fil-fatt, sabiex tiġġustifika l-affermazzjoni tagħha li tgħid li huwa raġonveoli li wieħed jistenna tkabbir nominali ta’ 6.5 % (jew tkabbir reali ta’ 3.9 %), Alitalia tillimita ruħha li tinvoka r-rapport annwali tal-1996 tal-International Air Transport Association (IATA), l-Assoċjazzjoni tat-Trasport bl-Ajru Internazzjonali – li hija ma ppreżentatx – li jgħid li l-previżjonijiet ta’ tkabbir fit-traffiku tal-passiġġieri fis-suq tal-Amerika ta’ Fuq huma ta’ 6.6 % fis-sena, kif ukoll dak tal-2001 – li hija lanqas ma ppreżentat – li jgħid li t-tkabbir tad-dħul mill-bejgħ tal-linji tal-ajru Amerikani, bejn l-1996 u l-2000, kien ta’ 3.7 % fis-sena. Fir-rigward tal-kontestazzjoni minn Alitalia tat-tibdil fir-rendita u tal-moltiplikatur tat-trasport bl-ajru applikati mill-Kummissjoni, din tistrieħ fuq studju li sar minn Boeing.

356    Għandu jingħad li fir-rapport tat-18 ta’ Ġunju 1997, il-konsulenti tal-Kummissjoni jinvestigaw il-figuri li ttieħdu inkunsiderazzjoni minn Alitalia għaż-żewġ elementi u jispjegaw l-għażla tagħhom għal kull wieħed minnhom:

“On the basis of our analysis, we determined the GNP multiplier in 1.4. This value is consistent with the US Dept of Transportation analysis on the US market for the period 1980-1995.

The most important reasons behind our decision are the following :

–        higher values (UBS, Boeing) refer to the world-wide market ;

–        Alitalia’s most relevant markets (domestic and international) can be considered, after the US one, amongst the more mature, with lower prospective growth rates ;

–        as a consequence, in the long term, the US market multiplier (which has recently reduced) seems to be more realistic.

With reference to the real yield growth rate adopted by Alitalia on the basis of the Boeing studies, some considerations can be made:

–        in the long term, a study from McDonell Douglas foresees an average decline of 1.47 % ;

–        both the mentioned studies (McDonell Douglas, Boeing) were prepared by aircrafts manufacturers ; therefore they can be considered optimistic ;

–        the estimate were prepared referring to the world-wide market, while Alitalia market has to be considered much more competitive than the average ;

–        AEA historical data appear to be lower than those from Boeing and the forecasts for the period 1996-2000 are more prudent.

On the basis of the above and our experience, it appears that the negative trend of the yield could be worse.”

357    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiġġustifika l-għażla tagħha ta’ rata ta’ tkabbir reali ta’ 1.95 % billi tiċċita d-Dissertazzjoni fuq l-Evalwazzjoni tal-Impriżi ta’ Guatri, li jgħid li jirriżulta minn bosta indikazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari Amerikani, li l-fattur ta’ tkabbir huwa ġeneralment inkluż bejn 0 u 5 %. Il-Kummissjoni tipproduċi sussegwentement tabella li tiġi mill-istess sors fejn jirriżulta li l-valuri medji huma bejn 1 u 3 %. L-għażla tal-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala estrema.

358    Rigward l-effett fuq ir-rata ta’ tkabbir ta’ Alitalia tal-iżvilupp tal-ajruport ta’ Malpenza, l-evalwazzjoni tagħha kienet ċertament diffiċli abbażi tad-data disponibbli f’Lulju tal-1997. Il-prudenza li wriet il-Kummissjoni fir-rigward ta’ din iċ-ċirkustanza ma tistax tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 260 sa 264 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-ftuħ tas-suq tal-ajru Taljan għall-kompetizzjoni kien jinvolvi diversi sitwazzjonijiet mhux magħrufa li kienu tali li jqajmu xi dubji dwar l-ipoteżi li Alitalia jkollha rata ta’ tkabbir ogħla mill-bqija tas-settur. Għall-inqas din l-ipoteżi ma setgħetx titqies bħala fatt stabbilit.

359    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u l-marġini ta’ diskrezzjoni wiesgħa li kellha l-Kummissjoni f’dan is-suġġett ekonomiku kumpless, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ffissat ir-rata tat-tkabbir tal-“cash flows” għal 4.5 % (jew tkabbir reali ta’ 1.95 %).

360    Għandu jiġi fl-aħħar nett osservat li Alitalia tidher li qed tammetti fir-replika l-iżball enfasizzat mill-Kummissjoni fil-formola li hija applikat sabiex tikkalkola l-valur finali.

361    Għaldaqstant din l-analiżi ma wriet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-parametri li ntużaw mill-Kummissjoni għall-kalkolu tar-rata interna.

d)     L-effett tal-konverżjoni tas-self f’kapital fuq il-kalkolu tar-rata interna

 L-argumenti tal-partijiet

362    Skont Alitalia, peress li l-parti l-kbira tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ ITL 1 000 biljun serviet sabiex jitħallas lura self mill-IRI li kien jammonta għal ITL 900 biljun u għandha titqies bħala konverżjoni ta’ self f’kapital, iż-żieda fil-kapital li l-IRI kellha l-intenzjoni li twettaq fil-verità kienet biss ta’ ITL 1 850 biljun.

363    Jekk dan l-ammont jittieħed inkunsiderazzjoni, ir-rata interna tkun ta’ 28.7 %. Din tammonta saħansitra għal 30.1 % jekk il-MGO tiġi korretta b’ITL 1 462 biljun żbaljatament ikkunsidrata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rata minima jmissha ġiet riveduta l-isfel, peress li l-introduzzjoni ta’ fondi kienet limitata.

364    Il-Kummissjoni twieġeb li, f’kull każ, ir-rata interna tibqa’ inferjuri għar-rata minima, peress li tammonta għal 28.7 %. Il-Kummissjoni tikkontesta t-teżi ta’ Alitalia li tgħid li, fin-nuqqas tal-operazzjoni ta’ konverżjoni, il-kapital kollu kien jintilef fil-kuntest tal-proċedura ta’ stralċ. Fil-fatt, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha tippermetti li l-kredituri mhux assigurati jiġu sodifatti sa 30 % tal-ammont tagħhom.

365    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-introduzzjoni ta’ ITL 2 750 biljun fil-kapital ta’ Alitalia u l-ħlas lura tas-self tal-Cofiri jikkostitwixxu żewġ operazzjonijiet distinti. F’dan il-każ, l-ammont tal-investiment huwa ta’ ITL 2 750 biljun, li minnhom 1 850 biljun kienu taħt forma ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital u 900 biljun taħt forma ta’ konverżjoni tas-self f’kapital.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

366    Għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punt 145), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li “[m]a [kienx] ikkontestat li l-parti l-kbira tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ ITL 1 000 biljun fl-1996 [kienet] serviet sabiex jitħallas lura lill-IRI self li jammonta għal madwar ITL 900 biljun u li din l-operazzjoni [setgħet] tiġi kkunsidrata bħala konverżjoni ta’ self f’kapital”.

367    Madankollu, filwaqt li l-partijiet jaqblu fir-rigward tal-kwalifika tal-operazzjoni ta’ konverżjoni ta’ self f’kapital, huma ma jaqblux fir-rigward tal-konsegwenzi derivanti minn dan. Skont Alitalia, l-ammont ta’ self imħallas lura għandu jiġi purament u sempliċement imnaqqas mill-ammont taż-żieda fil-kapital li l-IRI kellha l-intenzjoni li tagħmel.

368    Għandu jingħad li ma jistax jiġi kkontestat li l-ħlas lura tas-self kif ukoll il-kontribuzzjoni ta’ kapital kontenzjuża jikkostitwixxu żewġ operazzjonijiet separati li ma jistgħux minħabba f’hekk jitqiegħdu fuq l-istess livell, anki jekk, minn aspett aritmetiku, is-somma kkontribwita hija ekwivalenti globalment għas-somma mħallsa lura. Il-konverżjoni tas-self f’kapital tbiddel in-natura tat-titolu miżmum u l-effetti derivanti minn dan għad-dententur tat-titolu. Is-self effettivament jipproduċi mgħaxijiet ta’ ċertu rata kif ukoll skadenzi partikolari filwaqt li r-rendiment tal-ishma huwa ta’ natura inċerta. Barra minn hekk, fil-każ ta’ stralċ, l-ordni ta’ preferenza tal-kredituri hija differenti, fejn l-azzjonist jiġi biss wara l-kredituri l-oħra. Minn dan jirriżulta li, f’għajnejn investitur privat, iċ-ċirkustanzi marbuta maż-żewġ operazzjonijiet huma differenti. Il-kontribuzzjoni ta’ kapital tal-IRI ta’ ITL 1 000 biljun fl-1996, anki jekk din fil-parti l-kbira serviet sabiex tħallas lura s-self tal-Cofiri li kien jammonta għal ITL 900 biljun, xorta tibqa’ investiment għall-IRI, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali fid-determinazzjoni tar-rata interna. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma naqqsitx sempliċement is-self imħallas lura mill-ammont totali tal-investiment, jiġifieri ITL 2 750 biljun.

369    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk, fin-nuqqas ta’ konverżjoni tas-self f’kapital, il-kapital kollu kienx jintilef jew le mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effett tal-imsemmija konverżjoni tas-self f’kapital fuq il-kalkolu tar-rata interna hekk kif saret mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, f’kull każ, ir-rata interna kkalkolata minn Alitalia abbażi tal-figura ta’ ITL 1 850 biljun, jiġifieri tnaqqis magħmul fuq l-ammont tal-konverżjoni tas-self f’kapital, tibqa’ inferjuri għar-rata minima.

370    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tar-rata interna.

F –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3) KE

371    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Alitalia tikkritika r-ripetizzjoni, mingħajr eżami mill-ġdid, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kundizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-1997 qabel ma din ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tqis li dawn il-kundizzjonijiet huma sproporzjonati, diskriminatorji, illegali u mhux iġġustifikati.

372    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ineteress ġuridiku. Għaldaqstant hemm lok li wieħed jibda’ billi tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

1.     Fuq l-ammissibbiltà

a)     L-argumenti tal-partijiet

373    Il-Kummissjoni tallega li l-kundizzjonijiet inkwistjoni la ġew imposti fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-Deċiżjoni tal-1997, iżda fil-verità huma impenji li daħlu għalihom l-awtoritajiet Taljani. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tagħha, li dawn l-impenji ma jikkostitwixxux element estrinsiku iżda jiffurmaw parti sħiħa mill-pjan li fuq il-kompatibbiltà tiegħu hija tat deċiżjoni. Dawn l-impenji mhumiex attribwibbli lill-Kummissjoni, iżda lill-awtoritajiet Taljani.

374    F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Kummissjoni mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni (T‑212/00, Ġabra p. II‑347) jirriżulta li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jippreġudikax l-interessi ta’ Alitalia, b’tali mod li hija m’għandhiex interess ġuridiku. Raġunament analogu ġie żviluppat mill-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑242/00, Ġabra p. I‑5603, I‑5605).

375    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tqajjem ukoll dubji dwar l-“effett utli” tal-ilmenti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet inkwistjoni. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-2001, madwar seba’ xhur wara t-tmiem tal-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar iffissata għall-31 ta’ Diċembru 2000, li kienet timplika l-waqfien f’daqqa tal-obbligi ta’ Alitalia skont il-kondizzjonijiet ikkontestati. L-annullament eventwali tagħhom b’konsegwenza ma jagħti l-ebda vantaġġ lil Alitalia, kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak ġuridiku.

376    Alitalia tqis li la s-sentenza u lanqas il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tinvoka mhuma tali li jsostnu t-teżi tagħha. Fil-fatt, fis-sentenza Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, punt 374 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eskludietx il-possibbiltà li l-impriża kkonċernata tikkontesta l-elementi ta’ deċiżjoni li jikkawżawlha preġudizzju, fil-każ fejn dan jirriżulta minn konċessjonijiet magħmula lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

377    Jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li l-għajnuna inkwistjoni hija ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, “suġġett għar-rispett tal-impenji u [tal-]kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni [tal-1997] riprodotti fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni”.

378    Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punti 13 sa 35), ċertament turi li l-awtoritajiet Taljani impenjaw rwieħhom, fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 1997, sabiex josservaw ċertu kundizzjonijiet. Madankollu, jirriżulta minn din l-istess sentenza (punti 29 u 30) li l-Kummissjoni kienet, inizjalment, indikat lil Alitalia u lill-awtoritajiet Taljani li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni favorevoli bbażata fuq il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq f’din il-kwistjoni. Sussegwentement, hija bagħtet dokument informali lil Alitalia li kien jinkludi, minn naħa, indikazzjonijiet mixtieqa sabiex jittejjeb il-pjan ta’ ristrutturar u, min-naħa l-oħra, indikazzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna lil Alitalia.

379    Barra minn hekk, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li l-Komunikazzjoni fuq l-Avjazzjoni (punt 38) timponilha l-obbligu li tawtorizza l-għajnuna f’każijiet eċċezzjonali “billi tissuġġetta l-pjanijiet ta’ ristrutturar ikkonċernati għal kundizzjonijiet restrittivi ħafna”. Hija tispjega li hija ispirat ruħha konstantement minn dawn ir-regoli billi ssuġġettat għal kundizzjonijiet paragunabbli ma’ dawk ta’ Alitalia l-għajnuna preċedentement awtorizzata lill-kumpanniji l-oħra. Il-Kummissjoni żżid li, b’dan il-mod, li kieku hija naqset milli tissuġġetta l-għajnuna mogħtija lil Alitalia għall-kundizzjonijiet li llum qed jiġu kkritikati, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun illegali minħabba ksur tal-Artikolu 87 KE, tal-Komunikazzjoni fuq l-Avjazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ dritt bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali.

380    Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tippreżenta dawn il-kundizzjonijiet daqs li kieku mhumiex attribwibbli lilha iżda bħala li jirriżultaw biss mill-impenji tal-awtoritajiet Taljani. Ċertament, dawn il-kundizzjonijiet kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, Alitalia u l-awtoritajiet Taljani u dawn tal-aħħar impenjaw rwieħhom illi josservawhom. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98, Ġabra p. II-867, punt 40). Fil-kuntest ta’ din il-kompetenza esklużiva, il-Kummissjoni setgħet – jew saħansitra kellha, kif issostni hija stess – torbot id-deċiżjoni tagħha ta’ kompatibbiltà ma’ ċertu kundizzjonijiet.

381    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv imressaq kontra l-kundizzjonijet li għalihom hija suġġetta l-osservanza tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli minħabba li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex attribwibbli lill-Kummissjoni.

382    Din il-konklużjoni mhijiex ikkonfutata mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni.

383    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li fis-sentenza Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, punt 374 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat ir-rikors inammissibbli, hija ma bbażatx ruħha f’dan is-sens fuq l-argument sostnut mill-Kummissjoni, li jgħid li l-għażla tal-koeffiċenti korrettur ikkontestat kienet saret direttament mill-awtoritajiet Taljani u mhux minnha stess. Din is-sentenza ma tistax għaldaqstant tiġi interpretata bħala li teskludi l-possibbiltà li impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna tikkontesta, quddiem il-Qrati Komunitarji, il-kundizzjonijiet li magħhom hija marbuta deċiżjoni li tippreġudikaha, fl-ipoteżi fejn dawn kienu s-suġġett ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll ta’ impenji min-naħa ta’ dawn tal-aħħar.

384    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, is-sentenza Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, punt 374 iktar ’il fuq, ma tistrieħx fuq il-fatt li deċiżjoni li tawtorizza għajnuna ma tistax tikkawża preġudizzju fuq id-drittijiet ta’ Stat Membru u tal-impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna. Bil-kontra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat f’dan ir-rigward li s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata ddikjarat l-għajnuna nnotifikata bħala kompatibbli mas-suq komuni, u għaldaqstant ma kinitx tikkawża preġudizzju, bħala prinċipju, lir-rikorrenti f’din il-kawża, ma jeskludix id-dmir tagħha li teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni pproduċietx effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-imsemmija rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċċitat, f’dan ir-rigward, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni (T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punt 79).

385    Fir-rigward tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 374 iktar ’il fuq, b’differenza għall-każ inkwistjoni, il-kawża kienet bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni. Ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġie ddikjarat inammissibbli minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx fiha nnifisha ta’ natura sfavorevoli għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għaldaqstant ma kinitx tikkawżalha preġudizzju. Għandu jingħad li ma jistax jiġi kkunsidrat li, fil-każ inkwistjoni, l-awtoritajiet Taljani stess talbu li l-kundizzjonijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata tissuġġetta d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna jiġu imposti fuqhom u li d-deċiżjoni kkontestata minħabba f’hekk mhijiex ta’ natura sfavorevoli għar-Repubblika Taljana. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma a fortiori validi għal Alitalia li lilha, wara kollox, id-deċiżjoni kkontestata tikkawżalha preġudizzju, kif ġie kkonstatat fil-punt 38 iktar ’il fuq.

386    Rigward l-“effett utili” tal-motiv dwar il-kundizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-kuntest tat-talbiet prinċipali tagħha, Alitalia ssemmi l-illegalità ta’ dawn il-kundizzjonijiet bħala motiv ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, annullament fir-rigward ta’ liema hija jibqa’ jkollha interess kif jirriżulta mill-punti 35 sa 47 iktar ’il fuq. Alitalia għaldaqstant iżżomm interess ġuridiku li tipprova l-illegalità tal-kundizzjonijiet inkwistjoni.

387    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li att li diġà ġie eżegwit dejjem jista’ jkollu konsegwenzi legali. Fil-fatt, l-att seta’ pproduċa effetti legali matul il-perijodu li fih huwa kien fis-seħħ u l-effetti tiegħu ma jkunux neċessarjament telqu minħabba l-eżekuzzjoni tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 41). Għandu jingħad li mill-inqas, il-kundizzjonijiet li jimponu, b’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-kapaċitajiet offerti u ċ-ċessjoni ta’ ishma affettwaw id-drittijiet ta’ Alitalia matul l-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ ċertu kundizzjonijiet bħat-trasferiment ta’ ishma, taw lok għal effetti fit-tul fuq is-sitwazzjoni ta’ Alitalia li komplew wara li ntemmet l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

388    Alitalia għaldaqstant għandha interess ġuridiku li tikkontesta l-kundizzjonijiet inkwistjoni.

2.     Fuq il-mertu

389    Alitalia tressaq numru ta’ lmenti kontra l-kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Uħud minnhom huma ta’ natura ġenerali filwaqt li l-oħrajn huma speċifiċi għal ċertu kundizzjonijiet partikolari. Jeħtieġ għaldaqstant li dawn jiġu eżaminati separatement.

a)     Ilmenti mressqa kontra kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata inġenerali

 L-argumenti tal-partijiet

390    Alitalia ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tfakkar il-kundizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-1997. Għandu jingħad li peress li din tal-aħħar ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn il-kundizzjonijiet huma neqsin minn kull bażi legali. Alitalia tippreċiża li hija ma tikkontestax kundizzjonijiet bħal dawk li ġew imposti fid-Deċiżjoni tal-1997, iżda hija ssostni l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li terġa’ timponi l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tagħti deċiżjoni adegwata f’dan ir-rigward.

391    Alitalia tallega barra minn hekk li l-Kummissjoni jmissha investigat mill-ġdid il-kundizzjonijiet kontenzjużi fid-dawl tal-aħħar verżjoni tal-pjan u taż-żieda fil-vijabbiltà li din iġġib magħha. Dan l-obbligu jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-1997, b’mod partikolari minħabba li din ma kinitx ġiet adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-aħħar verżjon tal-pjan ta’ ristrutturar.

392    Alitalia tallega fl-aħħar nett li dawn il-kundizzjonijiet huma f’kull ipoteżi sproporzjonati, diskriminatorji, illegali u inġustifikati. Sa fejn il-pjan ta’ ristrutturar kien josserva l-kriterji tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, imissu ġie approvat hekk kif kien mingħajr il-ħtieġa li jiġu imposti kundizzjonijiet supplimentari. Dawn tal-aħħar b’hekk imponew sagrifiċċji u restrizzjonijiet estremament serji fuq il-kumpannija, u dan kontra l-linji gwida [komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE lill-impriżi pubbliċi tas-settur tal-manifattura (ĠU 1993, C 307, p.3)] li pprovdew għall-iffissar ta’ kundizzjonijiet biss f’żewġ każijiet. Permezz ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ddiskriminat serjament lil Alitalia meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra tal-ajru li reċentement kienu s-suġġett ta’ proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fosthom b’mod partikolari Air France. Il-Kummissjoni qatt ma imponiet fl-istess waqt numru ta’ limiti daqstant importanti u stretti fuq l-awtonomija tal-amministrazzjoni ta’ kumpannija. Kundizzjonijiet ta’ dan it-tip ma jistgħux jiġu ppreżentati bħala risposta għall-allegata mġiba abbużiva ta’ Alitalia, li jmisshom kienu s-suġġett ta’ proċedura separata.

393    Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tiddeċiedi b’mod adegwat il-kundizzjonijiet ikkontestati, li jikkostitwixxu l-frott ta’ riflessjonijiet twal u laqgħat trilaterali bejn l-awtoritajiet Taljani, Alitalia u hija stess, għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni estremament serja li fiha kienet tinsab il-kumpannija fl-1996.

394    Fir-rigward tal-allegata illegalità tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li Alitalia tidher li qed tinjora r-rabta stretta ħafna li torbot il-kundizzjonijiet mal-pjan u li tifforma l-istruttura tagħha. Fil-kritika tagħha, Alitalia twarrab totalment ir-rekwiżit ta’ interess Komunitarju meta dan jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u skont il-punt 41 tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

395    Fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li, apparti l-kundizzjonijiet Nri 4 u 8, li huma speċifiċi għall-każ ta’ Alitalia, il-parti l-kbira tagħhom huma komuni u jiġu inklużi fl-awtorizzazzjonijiet kollha ta’ għajnuna għar-ristrutturar. Huma biss tlieta minnhom, jiġifieri l-kundizzjonijiet Nri 3, 5 u 7, li għandhom impatt ekonomiku-finanzjarju effettiv, li ma jimplikaw xejn affattu l-effetti preġudikanti li Alitalia tinvoka mingħajr ma tipprovdi l-iċken prova. F’dan il-kuntest, ikun totalment żejjed li wieħed jistabbilixxi xi forma ta’ sproporzjonalità.

396    Fir-rigward tal-allegata neċessità li jiġu investigati mill-ġdid il-kundizzjonijiet wara li ġie emendat il-pjan, il-Kummissjoni tenfasizza li Alitalia ma tippreċiżax il-kundizzjonijiet imsemmija, u lanqas l-effetti prattiċi li għandu jkollha l-investigazzjoni mill-ġdid tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmija kundizzjonijiet jidhru li ġew iffinalizzati wara u fid-dawl tal-aħħar emendi magħmula għall-pjan. Fl-aħħar nett, peress li r-rata ta’ vijabbiltà tal-pjan inbidlet minn 25.7 % għal 26.1 %, mhuwiex possibbli li minn dan wieħed jiddeduċi effetti partikolari fuq il-portata tal-kundizzjonijiet.

397    Rigward in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata.

398    Rigward l-allegata diskriminazzjoni, b’mod partikolari meta mqabbla ma’ Air France, li tagħha kienet vittma Alitalia, il-Kummissjoni tenfasizza li Alitalia tidher li qed teskludi l-fatt li d-definizzjoni tal-kriterji ta’ ċertu kundizzjonijiet saret mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/653/KE tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar iż-żieda fil-kapital innotifikat minn Air France (ĠU L 254, p. 73, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France”), fuq talba espliċita tal-awtoritajiet Taljani, ġustament f’isem il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

399    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ bażi legali tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar isibu qabel kollox il-bażi tagħhom fin-notifika, mill-awtoritajiet Taljani, tal-pjan ta’ ristrutturar, imbagħad fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999. Dan ir-regolament jipprovdi, fil-fatt li:

“Il-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni pożittiva kondizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni u tista’ tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata.”

400    Il-kundizzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala neqsin minn bażi legali.

401    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat obbligu ta’ investigazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet fid-dawl tal-aħħar verżjoni tal-pjan, mis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punt 33), li l-impenji tal-awtoritajiet Taljani, li jinsabu fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 1997 (annessi mas-sottomissjonijiet tad-difiża), li jaqblu eżattament mal-kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li dawn intbagħtu lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani fl-istess waqt li ntbagħtet il-verżjoni definittiva tal-pjan ta’ ristrutturar.

402    Minn din is-simultanjetà bejn il-komunikazzjoni tal-aħħar verżjoni tal-pjan u dik tal-impenji tal-awtoritajiet Taljani, u għaldaqstant mill-kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata li huma identiċi għalihom, jirriżulta li dawn ma jirrikjedux l-investigazzjoni mill-ġdid bil-għan li jiġu aġġornati f’din l-aħħar verżjoni.

403    Barra minn hekk, fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet kollha inkwistjoni ma kellhomx bħala għan li l-impriża terġa’ ssir vijabbli. Bosta minn dawn il-kundizzjonijiet kienu intiżi sabiex jipprevjenu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, b’mod li ż-żieda tar-rata interna ma kellhiex neċessarjament twassal għall-aġġustament tagħhom. Għandu jingħad li Alitalia ma tressaq l-ebda argument preċiż li jieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza.

404    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegata illegalità tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, kompetenti li tagħti deċiżjoni li tawtorizza għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE ta’ kundizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw li l-għajnuna awtorizzata ma tbiddilx il-kundizzjonijiet kummerċjali b’mod li jmur kontra l-interess komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, T-244/93 u T-486/93, Ġabra p. II-2265, punt 55, u British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 288).

405    Hija barra minn hekk ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha direzzjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz ta’ atti, bħal mhuma l-linji gwida kkonċernati, sa fejn dawn jinkludu regoli li jindikaw kif għandha timxi din l-istituzzjoni mingħajr ma tmur kontra r-regoli tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T-17/03, Ġabra p. II-1139, punt 42).

406    Għandu jingħad li l-Komunikazzjoni fuq l-Avjazzjoni, li għaliha tirreferi l-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, teżiġi li l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi inkluża fi pjan intiż sabiex tissaħħaħ il-kumpannija tal-ajru b’mod li, fi żmien raġonevoli, hija tkun tista’ terġa’ ssir vijabbli. Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna għar-ristrutturar biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna u taħt kundizzjonijiet stretti ħafna [punt 38 (1) u (2), u punt 41].

407    Minn dan isegwi li, f’deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tista’ timponi kull kundizzjoni li hija tqis indispensabbli sabiex tiżgura li l-impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna, wara li din tiġi ristrutturata, issir vijabbli.

408    Min-naħa l-oħra, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha imposti f’dan il-kuntest ikunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriża. Bil-kontra ta’ dan mill-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għandha wkoll tipprova tillimita kemm jista’ jkun id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (punt 41) u tishar sabiex il-Gvern jibqa’ lura milli jinvolvi ruħu fl-amministrazzjoni tal-kumpannija għal raġunijiet li mhumiex dawk derivanti mid-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà [punt 38 (5)] kif ukoll sabiex l-għajnuna tintuża esklużivament għall-finijiet tal-programm ta’ ristrutturar u ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-bżonnijiet [punt 38 (6)].

409    Bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, il-punt 38(3) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni bl-ebda mod ma jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet biss f’żewġ każijiet, jiġifieri jekk ir-ritorn għall-vijabbiltà finanzjarja jew is-sitwazzjoni ta’ kapaċità eċċessiva tas-suq jirrikjedu dan. Fil-fatt, dan il-punt jgħid hekk:

“Jekk ir-ritorn għall-vijabbiltà finanzjarja jew is-sitwazzjoni tas-suq jirrikjedu tnaqqis fil-kapaċità, dan għandu jkun previst fil-programm.”

410    Sa fejn jista’ jkun li Alitalia tidher li qed tinvoka l-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà tad-9 ta’ Ottubru 1999 (ĠU C 288, p. 2), għandu jiġi mfakkar li dawn mhumiex applikabbli fil-każ inkwistjoni, peress li l-pjan ta’ ristrutturar ġie kkomunikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani permezz tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 1996. Barra minn hekk, dawn ma jsostnux it-teżi ta’ Alitalia. Fil-fatt, il-punt 3.2.2(ċ)(i) tal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà jipprovdu li “fejn ikun hemm eċċess fuq livell Komunitarju jew fuq iż-ŻEE fil-kapaċità produttiva f’suq servut mir-reċipjent [mill-benefiċjarju tal-għajnuna], il-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jagħmel kontribuzzjoni, fi proporzjon ma’ [skont] l-ammont ta’ għajnuna riċevuta u l-impatt tagħha fuq is-suq, għat-titjib tal-kondizzjonijiet tas-suq billi jirriduċi irriversibbilment il-kapaċità produttiva”. Il-punt 3.2.2(ċ)(ii) ta’ dawn il-linji gwida jippreċiża li “fejn, min-naħa l-oħra, m’hemmx eċċess strutturali fuq livell Komunitarju jew taż-ŻEE fil-kapaċità produttiva f’suq servut mir-reċipjent [mill-benefiċjarju tal-għajnuna], il-Kummissjoni xorta tinvestiga jekk ikunx hemm bżonn miżuri kompensatorji.”

411    Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant timponi kundizzjonijiet anki fin-nuqqas ta’ kapaċità strutturali eċċessiva. Bil-kontra ta’ dak li ssostni Alitalia, il-Kummissjoni ma kellhiex għaldaqstant tipprova l-eżistenza ta’ kapaċità strutturali eċċessiva sabiex tkun tista’ timponi kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna.

412    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument ġenerali dwar in-natura sproporzjonata tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, is-sempliċi fatt li r-rata ta’ vijabbiltà ttejbet fl-aħħar verżjoni tal-pjan ma jistax ifisser li l-Kummissjoni kellha taċċettaha hekk kif kienet, mingħajr kundizzjonijiet. Kif ġie enfasizzat diġà, il-Kummissjoni għandha wkoll tipprova tillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-pjan. Hija tista’ għaldaqstant f’dan ir-rigward timponi kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni tal-pjan.

413    Barra minn hekk, l-argument ta’ Alitalia jibqa’ wieħed ġenerali, mingħajr ebda element preċiż tali li jsostni t-teżi tagħha. Minn naħa, Alitalia ma tistabbilixxix b’liema mod il-kundizzjonijiet imposti huma sproporzjonati fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi mistenni li s-sitwazzjoni li fiha hija kienet tinsab kienet paragunabbli ma’ dik tal-kumpanniji li diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u li huma ċċitati iktar ’il fuq. Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li l-awtonomija ta’ amministrazzjoni tagħha kienet naqset kunsiderevolment, dan ma jistax iservi sabiex tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata tal-kundizzjonijiet li ġew imposti fuqha.

414    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument dwar l-iffissar ta’ kundizzjonijiet li jiddiskriminaw lil Alitalia meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari Air France, dan għandu jiġi ttrattat fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti speċifiċi għal ċertu kundizzjonijiet. Madankollu, f’dan l-istadju, mil-lat ġenerali, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ilment analogu fis-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq (punt 443). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkunsidrat li, fir-rigward ta’ dan il-qafas tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tipprovdi spjegazzjonijiet speċifiċi li jipparagunaw il-pjan ta’ Air France u pjanijiet ta’ ristrutturar ta’ kumpanniji tal-ajru oħra bħal Lufthansa u British Airways. Fil-fatt, dawn il-pjanijiet jikkonċernaw kumpanniji oħra ristrutturati fi żminijiet differenti. Għaldaqstant, paragun ta’ dan it-tip mhuwiex biżżejjed bħala bażi tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, u dan fid-dawl tal-fatt li l-kuntest ivarja.

415    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-impossibbiltà li dawn jerġgħu jiġu imposti fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, jeħtieġ li ssir riferenza għall-punti 74 sa 77 iktar ’il fuq.

416    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, sabiex tadotta u timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha terġa’ tidħol fil-kuntest taż-żmien li fih ġew adottati l-miżuri ta’ sostenn finanzjarju u għaldaqstant li tirrikorri għall-elementi li hija kellha meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997, b’mod li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi posterjuri (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

417    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li r-rata minima hija superjuri meta mqabbla mar-rata interna, minkejja ż-żieda f’din tal-aħħar. Il-konklużjoni finali, jiġifieri l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-operazzjoni inkwistjoni, tibqa’ għaldaqstant identika għal dik tal-analiżi magħmula fid-Deċiżjoni tal-1997. Għandu jingħad li din il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat timplika l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, li magħha huma marbuta l-kundizzjonijiet inkwistjoni. Peress li dawn m’għandhomx rabta diretta mar-rata interna, iż-żieda f’din tal-aħħar ma kinitx tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tbiddilhom b’motivazzjoni ad hoc.

418    Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti ġenerali kollha li Alitalia tagħmel kontra l-kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

b)     Ilmenti speċifiċi mressqa kontra ċertu kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata

419    Alitalia tikkontesta b’mod speċifiku l-kundizzjonijet Nri 2 sa 8 li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Hemm lok li kull waħda minnhom tiġi eżaminata separatament.

 Kundizzjoni Nru 2: projbizzjoni ta’ għajnuna ġdida

–       L-argumenti tal-partijiet

420    Skont Alitalia, il-kundizzjoni li tgħid li l-awtoritajiet Taljani għandhom jimpenjaw rwieħhom li “ma [jagħtux] lil Alitalia la sussidju ġdid ta’ kapital, u lanqas għajnuna oħra tkun taħt liema forma tkun, inkluż taħt forma ta’ garanzija ta’ self”, hija, minħabba n-natura ġenerali tagħha, arbitrarja u eċċessivamet oneruża għaliha, fuq kollox fi żmien fejn is-settur kollu inkwistjoni għaddej minn kriżi estremament serja.

421    Din il-kundizzjoni tmur kontra l-loġika tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni sempliċement f’din il-komunikazzjoni li l-għajnuna għar-ristrutturar tista’ bħala prinċipju tingħata darba biss. Hawnhekk hija tippreċiża li ebda għajnuna supplimentari m’għandha tkun neċessarja matul it-terminu tal-programm, filwaqt li “tħalli l-bieb miftuħ għall-ġejjieni”.

422    Fl-aħħar nett, Alitalia tallega li mhuwiex minnu li wieħed isostni li din il-kundizzjoni tinsab fid-deċiżjonijiet kollha li jawtorizzaw għajnuna għar-ristrutturar favur kumpanniji tal-ajru kompetitriċi. Fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Lulju 1992, dwar kontribuzzjoni ta’ kapital u programm sħiħ ta’ ristrutturar u ta’ investiment favur il-kumpannija Iberia, il-Kummissjoni, fil-fatt, tidher li imponiet bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna, b’mod partikolari, li l-għajnuna tkun “l-aħħar waħda matul it-terminu tal-pjan strateġiku”.

423    Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni Nru 2 hija pjenament ġustifikata u la tista’ tiġi kkwalifikata bħala arbitrarja u lanqas bħala eċċessivament oneruża. Din il-kundizzjoni tinsab fid-deċiżjonijiet kollha li jawtorizzaw għajnuna għar-ristrutturar favur kumpanniji tal-ajru.

424    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-projbizzjoni ta’ għajnuna tirriżulta mill-Artikolu 87(1) KE u li huwa ovvju li deċiżjoni individwali ma tistax temenda t-Trattat. Huwa għaldaqstant f’dan l-kuntest li, skont il-Kummissjoni, il-kundizzjoni imposta għandha tiġi moqrija u interpretata. Din tal-aħħar għandha neċessarjament portata relattiva, minħabba li hija applikabbli biss matul ir-ristrutturar ta’ Alitalia u ma tmurx kontra l-għoti ta’ għajnuna orizzontali għal investimenti differenti u li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dawk imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturar, ħlief għall-osservanza tal-Artikolu 87(3) KE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

425    Il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata tal-projbizzjoni, bħala prinċipju, ta’ għajnuna ġdida msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Alitalia tara’ f’dan ir-rigward kundizzjoni ġenerali u arbitrarja mingħajr limitazzjoni fiż-żmien.

426    Fir-rigward tan-natura ġenerali tal-projbizzjoni bħala prinċipju tal-għajnuna mill-Istat, din tirriżulta mill-Artikolu 87(1) KE, u mhux mid-deċiżjoni kkontestata. Din il-projbizzjoni ma tipprekludi fl-ebda każ lill-Istat Membri milli jinnotifkaw pjanijiet ġodda ta’ għajnuna, skont l-Artikolu 88(3)KE. Inkarigata mill-investigazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ddefiniet il-linji gwida li jirregolaw l-evalwazzjoni tagħha tal-pjanijiet ta’ ċertu tip jew f’ċertu setturi, fosthom dak tal-avjazzjoni permezz tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

427    Għandu jingħad li mill-punt 38(2) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni “normalment teżiġi l-assigurazzjoni bil-miktub tal-gvern li l-għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi l-aħħar għotja ta’ kapital pubbliku, tkun taħt liema forma tkun, matul it-terminu tal-programm, u dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju”.

428    Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kundizzjoni Nru 2 ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala li hija ta’ natura ġenerali u arbitrarja.

429    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ limitazzjoni fiż-żmien tal-kundizzjoni Nru 2, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani u ċċitati fid-deċiżjonijiet ikkontestati huma, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni u kif tikkonferma l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tad-difiża, limitati għat-terminu tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-portata tal-kundizzjoni Nru 2 bħala tali hija għaldaqstant neċessarjament limitata fiż-żmien.

430    Rigward il-preżenza ta’ din il-kundizzjoni fid-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-Kummissjoni tal-istess tip li jawtorizzaw għajnuna għar-ristrutturar favur kumpanniji tal-ajru, Alitalia żbaljatament tikkontestaha billi tinvoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 1992, li tawtorizza għajnuna għar-ristrutturar favur il-kumpannija Iberia. Fil-fatt, bħal ma ssostni Alitalia stess fir-replika, f’din id-deċiżjoni, waħda mill-kundizzjonijiet kienet li l-għajnuna tkun “l-aħħar waħda matul it-terminu tal-pjan strateġiku”. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament issostni li, f’din id-deċiżjoni, il-projbizzjoni hija indikata bi kliem kemxejn differenti meta mqabbla ma’ dawk tad-deċiżjoni kkontestata, iżda s-sustanza hija identika, peress li fiż-żewġ każijiet il-kundizzjoni hija limitata għat-terminu tal-pjan ta’ ristrutturar (ara l-punt preċedenti). Is-sempliċi eżempju invokat minn Alitalia mhuwiex għaldaqstant ta’ natura li jipprekludi l-preżenza tat-tali kundizzjoni fid-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni tal-istess tip.

431    Alitalia lanqas ma ppruvat tistabbilixxi li l-preżenza ta’ din il-kundizzjoni kienet ġustifikata fil-każijiet tal-kumpanniji l-oħra msemmija iżda mhux fil-każ tagħha.

432    Għaldaqstant, il-kundizzjoni Nru 2 mhija affettwata minn l-ebda wieħed mid-difetti allegati minn Alitalia u l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward għandhom konsegwentement jiġu miċħuda.

 Kundizzjoni Nru 3: projbizzjoni mix-xiri ta’ ishma fi trasportaturi bl-ajru oħrajn

–       L-argumenti tal-partijiet

433    Alitalia tinvoka n-natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-kundizzjoni Nru 3 li tgħid li l-awtoritajiet Taljani għandhom “jiggarantixxu li, sal-31 ta’ Diċembru 2000, Alitalia tuża din l-għajnuna esklużivament għall-finijiet tar-ristrutturar tal-kumpannija u mhux biex tixtri ishma ġodda fi trasportaturi bl-ajru oħrajn”.

434    Alitalia ssostni li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/118/KE tal-21 ta’ Diċembru 1993, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Irlanda lill-grupp Aer Lingus (ĠU 1994, L 54, p. 30, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Aer Lingus ”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/696/KE tas-7 ta’ Ottubru 1994, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat Grieg lill-kumpannija Olympic Airways (ĠU L 273, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Olympic Airways”), jillimitaw rwieħhom sabiex jimponu fuq dawn il-kumpanniji l-projbizzjoni milli jixtru ishma f’kumpanniji tal-ajru oħra Komunitarji jew taż-ŻEE. Hija żżid li l-ebda projbizzjoni ta’ dan it-tip ma kienet tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/555/KEE tal-24 ta’ Lulju 1991, dwar l-għajnuna li l-Gvern Belġjan kellu l-intenzjoni li jagħti lit-trasportatur bl-ajru Komunitarju Sabena (ĠU L 300, p. 48, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sabena”).

435    Alitalia tallega barra minn hekk li s-sitwazzjoni tagħha mhijiex paragunabbli ma’ dik ta’ Air France li kienet ferm iktar kritika, b’mod li projbizzjoni setgħet tkun ġustifikata fil-każ ta’ din tal-aħħar. Hija tqis li din il-projbizzjoni hija assolutament sproporzjonata fil-konfront tagħha ladarba ġie stabbilit li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna huma adattati għall-ħtiġijiet tar-ristrutturar u jiżguraw rendiment ogħla minn dik normali fis-settur.

436    Alitalia żżid li n-natura eċċessiva u diskriminatorja tal-kundizzjoni Nru 3 hija ferm iktar evidenti meta wieħed jaraha fid-dawl tal-kundizzjoni Nru 8 li timponi lill-Alitalia sabiex tittrasferixxi l-ishma tagħha f’Malév. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni imponiet lil Air France sempliċement li teħles minn kull attività li m’għandhiex x’taqsam man-negozju prinċipali tal-impriża (core business).

437    Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet Nri 3, 5 u 7, li jikkostitwixxu l-għadma iebsa tar-ristrutturar, għandhom jiġu “kkunsidrati f’daqqa”, peress li jirrigwardaw l-istess għan, li huwa dak li terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà u l-kompetittività ta’ Alitalia fl-għatba tas-sena 2000 kif ukoll dak li jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni inerenti għall-għajnuna. Dawn joħolqu ekwilibriju bejn l-interess ta’ Alitalia u l-interess komuni.

438    Il-Kummissjoni tispjega sussegwentement li l-portata tal-projbizzjoni mix-xiri ta’ ishma ġodda tikkonċerna l-liberalizzazzjoni fuq livell taż-ŻEE tas-suq tal-avjazzjoni fl-1997. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

439    Il-Kummissjoni tosserva f’dan ir-rigward li d-deċiżjonijiet Aer Lingus u Olympic Airways, invokati minn Alitalia, jippreċedu din il-liberalizzazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-kumpanniji joperaw essenzjalment f’kuntest reġjonali u għaldaqstant mhumiex protagonisti fis-suq dinji. Dan mhuwiex il-każ ta’ Air France. Għandu jingħad li d-Deċiżjoni Air France tinkludi l-istess projbizzjoni bħal dik prevista fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ Alitalia, li hija ġġustifikata mill-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom strateġiji dinjija u minn ċertu aspetti huma kompetituri fl-istess swieq.

440    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni Nru 3 ma tikkostitwixxix limitu inġustifikat għall-użu tal-fondi tagħha minn Alitalia, iżda l-korollarju tal-obbligu li din tal-aħħar għandha li tuża l-għajnuna biss għar-ristrutturar u mhux għat-tkabbir tagħha, skont il-punt 38(4) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

441    Huwa paċifiku li s-settur tat-trasport bl-ajru fil-Komunità ġie liberalizzat f’fażijiet, fejn il-programm ta’ liberalizzazzjoni ġie fi tmiemu fl-1997. Din il-liberalizzazzjoni tikkostitwixxi element ċentrali tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni kif tixhed id-daħla tagħha. Bit-titolu “Liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fil-Komunità”, il-Kummissjoni tgħid:

“1. Fl-imgħoddi, it-trasport bl-ajru fil-Komunità kien ikkaratterizzat minn intervent qawwi tal-Istat kif ukoll mill-bilateraliżmu.

[…]

Għandu jingħad li minn dak iż-żmien il-Kunsill ġab fi tmiemu l-programm ta’ liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fil-Komunità. F’kuntest ta’ kompetizzjoni dejjem tikber fil-Komunità, l-applikazzjoni iktar stretta tar-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għaldaqstant twieġeb ħtieġa evidenti.

2. Il-miżuri relatati mal-liberalizzazzjoni tas-suq u mal-kompetizzjoni li laħqu daħlu fis-seħħ bidlu b’mod fundamentali l-ambjent ekonomiku tat-trasport bl-ajru.

[…]

F’ambjent iktar kompetittiv, l-għajnuna mill-Istat jista’ jkollha importanza strateġika kunsiderevolment ogħla għall-gvernijiet li jixtiequ jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-kumpanniji ‘tagħhom stess’. Dan jista’ jagħti lok għal politika ta’ sussidji tali li tikkomprometti kemm l-interess komuni kif ukoll l-għanijiet fundamentali tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni.”

442    Barra minn hekk, fil-punt 38(2) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “il-kisba tas-suq komuni tal-avjazzjoni fl-1997 iżid kunsiderevolment il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”. Hija żżid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija “tkun tista’ tawtorizza l-għajnuna għar-ristrutturar biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna u taħt kundizzjonijiet stretti ħafna”. Il-Kummissjoni terġa’ ttenni dan lejn l-aħħar tal-punt 41.

443    Fil-punt 38 (4) tal-komunkazzjoni fuq l-avjazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li “il-pjan iffinanzjat bl-għajnuna mill-Ista jista’ jiġi kkunsidrat li ‘mhuwiex kontra l-interess komuni’ […] biss sakemm ma jkunx jinvolvi tkabbir, li jfisser li m’għandux ikollu bħala għan li jkabbar il-kapaċità u l-offerta tal-kumpannija kkonċernata b’detriment għall-kompetituri diretti Ewropej tagħha”.

444    Fl-aħħar nett, fil-punt 38 (6) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, il-Kummissjoni tindika li l-għajnuna “għandha tintuża esklużivament għall-finijiet tal-pjan ta’ ristrutturar u m’għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla ma’ dak li hu meħtieġ”. Hija tikkonkludi f’dan ir-rigward li “[m]atul il-perijodu ta’ ristrutturar, il-kumpannija għandha għaldaqstant tibqa’ lura milli tixtri ishma fil-kapital ta’ trasportaturi bl-ajru oħrajn”.

445    Minn dan jirriżulta li l-kundizzjoni Nru 3 imposta fuq Alitalia tissemma espliċitament fost il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni hekk kif ġew spjegati fil-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-kundizzjonijiet, li jidħlu f’kuntest ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru, ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li jgħid li għajnuna għar-ristrutturar tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni jekk ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. It-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-interess komuni huwa għaldaqstant konformi mad-dritt Komunitarju.

446    L-applikazzjoni tal-kundizzjoni Nru 3 mhijiex għaldaqstant diskriminatorja fil-konfront ta’ Alitalia.

447    Ċertament, fid-deċiżjonijiet Aer Lingus U Olympic Airways, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tipprojbixxi lil dawn il-kumpanniji milli jixtru ishma fi kwalunkwe trasportatur bl-ajru, rispettivament, tal-Komunità jew taż-ŻEE. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, iż-żewġ deċiżjonijiet jippreċedu l-liberalizzazzjoni tas-suq u l-adozzjoni tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni (Diċembru 1994). Din il-konstatazzjoni hija valida a fortiori għad-deċiżjoni Sabena li, filwaqt li huwa minnu li din ma kinitx tinkludi projbizzjoni ta’ dan it-tip, hija tmur lura għas-sena 1991. Peress li ma jagħmlux parti mill-istess kuntest, il-kundizzjonijiet iffissati f’dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux għaldaqstant jiġu pparagunati ma’ dawk imposti fid-deċiżjoni kkontestata.

448    Barra minn hekk, anki li kieku kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ta’ qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq u l-adozzjoni tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, meta wieħed iqis id-daqs kif ukoll is-suq tagħha, Alitalia tixbah iktar lil Air France milli lil Aer Lingus jew Olympic Airways. Għandu jingħad li fid-deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għal kundizzjoni tal-istess portata bħal dik imposta fuq Alitalia fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kundizzjoni “li, matul it-terminu tal-pjan, l-għajnuna tintuża esklużivament minn Air France għall-finijiet ta’ ristrutturar tal-kumpannija u mhux biex tixtri ishma ġodda fi trasportaturi bl-ajru oħrajn”.

449    Bħala konklużjoni, il-kundizzjoni Nru 3 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sporporzjonata u diskriminatorja fil-konfront ta’ Alitalia u l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

 Kundizzjoni Nru 4: projbizzjoni ta’ trattament preferenzjali favur Alitalia

–       L-argumenti tal-partijiet

450    Il-kundizzjoni Nru 4 tad-deċiżjoni kkontestata timponi fuq l-awtoritajiet Taljani li jneħħu ċertu trattament preferenzjali li minnu tibbenefika Alitalia. Għandu jingħad li skont Alitalia, il-leġiżlazzjoni applikabbli għat-trasport bl-ajru fl-Italja, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Nru 4372 tal-15 ta’ April 1992, approvata permezz tad-Digriet tas-16 ta’ April 1992, hija pjenament konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, il-kundizzjoni Nru 4 mhijiex ġustifikata u hija żbaljata. Barra minn hekk hija nieqsa minn kull motivazzjoni.

451    Barra minn hekk, ittra mill-Ministeru Taljan tat-Trasport ippreċiżat, l-ewwel nett, li Alitalia kienet irrinunzjat mid-drittijiet ta’ prijorità, skont kif previst mid-Deċiżjoni tal-1997, it-tieni nett, li Alitalia kienet diġà ġiet iddikjarata dekaduta mid-drittijiet tagħha ta’ traffiku li ma kinux intużaw u, it-tielet nett, li għad kellhom jiġu ddefiniti l-kriterji oġġettivi, abbażi ta’ liema d-drittijiet ta’ traffiku li tneħħew lill-Alitalia jew li saru disponibbli taħt titolu ieħor kellhom jiġu attribwiti.

452    Fl-aħħar nett, Alitalia tikkontesta li deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE jista’ jkollha effett fuq l-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ traffiku minn jew lejn pajjiżi terzi li jkunu jinsabu barra miż-ŻEE. Dawn id-drittijiet huma, fil-fatt, irregolati minn numru ta’ konvenzjonijiet tad-dritt internazzjonali, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.

453    Il-Kummissjoni twieġeb li l-projbizzjoni inkwistjoni toriġina mill-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 12 KE, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni li tipprovdi l-liberalizzazzjoni tas-settur tal-ajru. Il-Kummissjoni ma tistax tawtorizza għajnuna li tmur kontra regola jew prinċipju tad-dritt Komunitarju u, għaldaqstant, inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

454    Skont il-Kummissjoni, il-Konvenzjoni Nru 4372 attribwixxiet lil Alitalia numru ta’ privileġġi ċċitati fl-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni tal-1997. Hija żżid li dawn il-privileġġi kienu taw lok għal ilmenti ġustifikati min-naħa tal-kumpanniji li kienu intervjenew fil-proċeduri, kif jixhed il-punt IV tad-Deċiżjoni tal-1997. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punt VI (4), tad-Deċiżjoni tal-1997, fejn jiġi mfakkar li l-awtoritajiet Taljani rrikonoxxew l-eżistenza ta’ trattamenti preferenzjali mogħtija lil Alitalia fir-rigward ta’ drittijiet ta’ traffiku, tal-allokazzjoni ta’ slots, tal-groundhandling u tal-aċċess għall-installazzjonijiet tal-ajruport. Din id-diskriminazzjoni baqgħet issir sa Jannar tal-1998.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

455    Skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna għar-ristrutturar kompatibbli mas-suq komuni biss jekk din ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant marbuta f’dan il-każ li tivverifika jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta, meta l-partijiet ikkonċernati, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni formali li ppreċediet l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997 li mbagħad tkompliet sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, kienu espliċitament talbu li tintemm id-diskriminazzjoni li minnha bbenefikat Alitalia minn diversi aspetti.

456    Għandu jingħad li l-Konvenzjoni Nru 4372 ma kinitx konformi mad-dritt Komunitarju meta saret l-investigazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997. Fil-fatt, fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 1997, annessa mas-sottomissjonijiet tad-difiża, l-awtoritajiet iggarantew li huma kellhom “jibdew immedjatament u jtemmu sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 il-proċedura ta’ reviżjoni” ta’ din il-konvenzjoni. L-eżistenza ta’ “reviżjoni de facto” tal-Konvenzjoni Nru 4372 li tipprovdi li din għandha tapplika biss sa fejn hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex temenda l-liġi u tiggarantixxi l-applikazzjoni tagħha.

457    Alitalia ma tistax għaldaqstant tippretendi li l-Konvenzjoni Nru 4372 kienet, sic et simpliciter, konformi mad-dritt Komunitarju, u lanqas li l-proċedura ta’ reviżjoni f’dan ir-rigward kienet saret meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997. Il-kundizzjoni Nru 4 kienet għaldaqstant neċessarja sabiex l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tkun kompatibbli mas-suq komuni. Din il-kundizzjoni kienet għaldaqstant ġustifikata u Alitalia, li kienet strettament konnessa mal-proċeduri li taw lok għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997, imbagħad għall-investigazzjoni formali li tkompliet fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tallega li ma kinitx taf il-motivazzjoni tagħha.

458    Rigward l-ittra mibgħuta fis-6 ta’ Frar 1998 lill-Kummissjoni mill-Ministru Taljan tat-Trasport u ċċitata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 1998, dwar it-tieni parti tal-għajnuna għar-ristrutturar ta’ Alitalia approvata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 1997 (ĠU C 290, p. 3), il-Kummissjoni ma tistax tinvokaha, peress li ntbagħtet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1997 u ma tistax għaldaqstant tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tan-natura ġustifikata ta’ din il-kundizzjoni f’din id-data. L-istess jgħodd għall-fatt, allegat mill-Kummissjoni, li dawn it-trattamenti preferenzjali tkomplew sakemm dawn ġew irregolati fil-kuntest tal-laqgħat tekniċi li saru f’Lulju u f’Awwissu tal-1999.

459    Rigward l-argument li jgħid li deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda abbażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, ma tistax taffettwa l-għotja ta’ drittijiet ta’ traffiku li jiġi minn pajjiżi terzi li jinsabu barra miż-ŻEE, għandu jiġi kkonstatt li din l-ipoteżi ma tissemmiex fil-kundizzjoni inkwistjoni li tikkonċerna b’mod partikolari l-“allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ traffiku (inkluż lejn il-pajjiżi terzi barra miż-[ŻEE])”.

460    Fir-rigward tat-traffiku lejn pajjiżi terzi, għandu jiġi enfasizzat li l-kumpanniji tal-ajru kienu jikkompetu wkoll fuq ir-rotot lejn il-pajjiżi li jinsabu barra miż-ŻEE, b’mod li l-Kummissjoni għandha tieħu dan inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 273).

461    Għandu jiġi barra minn hekk osservat li skont il-kundizzjoni Nru 4 huma l-awtoritajiet Taljani li m’għandhomx jipprivileġġaw lil Alitalia, b’mod partikolari meta jiġu allokati drittijiet ta’ traffiku. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma tintervjenix hija stess direttament f’din l-allokazzjoni. L-ilment li jgħid li l-Kummissjoni m’għandhiex kompetenza f’dan ir-rigward huwa għaldaqstant infondat.

462    L-ilmenti ta’ Alitalia fir-rigward tal-kundizzjoni Nru 4 għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

 Kundizzjoni Nru 5: limitazzjoni tal-kapaċità

–       L-argumenti tal-partijiet

463    Alitalia ssostni li l-kundizzjoni Nru 5 tiffissa kundizzjoni doppja fil-qasam tal-kapaċità offerta mill-ajruplani li hija topera, jiġifieri limitazzjoni fin-numru ta’ postijiet disponibbli u limitazzjoni fit-tkabbir annwali fin-numru ta’ postijiet-kilometri offerti. Din il-kundizzjoni hija sproporzjonata, diskriminatorja u kontraddiċenti fir-rigward tal-kundizzjoni Nru 1, li tgħid li Alitalia għandha tibbenefika minn awtonomija fit-tmexxija sabiex tkun f’pożizzjoni li tapprofitta mill-aħjar possibbiltajiet ta’ żvilupp tas-suq. Hija tipparalizzaha billi tipprekludiha milli topera bil-flessibbiltà neċessarja fis-suq. Meta ffissat dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament is-sitwazzjoni individwali ta’ Alitalia u lanqas il-kuntest ekonomiku li fih hija topera. Il-Kummissjoni tiġġustifika barra minn hekk il-limitu impost fuq il-kumpannija bħala motivazzjoni purament formali, ibbażata fuq il-punt 38(4) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

464    Fir-rigward tal-kundizzjoni Nru 5(a), Alitalia tosserva sussegwentement li l-parametru li ntuża, jiġifieri l-limitazzjoni tan-numru ta’ postijiet disponibbli, huwa partikolarment restrittiv, b’mod partikolari meta mqabbel ma’ dak impost fid-Deċiżjoni Air France fejn il-Kummissjoni kkuntentat ruħha billi tipprovdi limitu relattiv għan-numru ta’ ajruplani li kienu jikkostitwixxu l-flotta. Dan huwa daqstant minnu li l-limitu f’dan il-każ japplika għall-ajruplani tal-grupp kollu ta’ Alitalia. Barra minn hekk, il-kundizzjoni inkwistjoni tinkludi wkoll il-pajjiżi li jinsabu barra miż-ŻEE u b’hekk teskludi l-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

465    Rigward il-kundizzjoni Nru 5(b) li tillimita t-tkabbir annwali tan-numru ta’ postijiet-kilometri offerti, Alitalia tenfasizza li milli jidher din hija kkuppjata mill-kundizzjoni Nru 8 tad-Deċiżjoni Air France. Għandu jingħad li din il-kundizzjoni hija totalment inġustifikata u diskriminatorja sa fejn din tiġi applikata fil-konfront ta’ impriża ekonomikament f’saħħitha. Din il-kundizzjoni għandha kontenut iktar restrittiv milli fil-każ ta’ Air France, peress li tikkonċerna lil Alitalia kollha kemm hi filwaqt li d-Deċiżjoni Air France għamlet distinzjoni bejn Air France, Air Charter u Air Inter. Il-limitazzjoni li tolqot lil Alitalia tikkonċerna wkoll it-traffiku nazzjonali u b’hekk tintroduċi element restrittiv addizzjonali. Barra minn hekk, ir-rata ta’ limitazzjoni tat-tkabbir ta’ Alitalia hija mislufa mid-Deċiżjoni Air France mingħajr spjegazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqqset ukoll, għas-snin 1999 u 2000, il-limitu stabbilit fid-Deċiżjoni tal-1997.

466    Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni tal-kapaċità u l-projbizzjoni milli tipproponi r-rati l-iżjed baxxi (projbizzjoni tal-price leadership) “huma ż-żewġ naħat tal-istess midalja”. Fil-fatt, il-prezzijiet u l-kwantità huma, fl-opinjoni tagħha, iż-żewġ varjabbli prinċipali li fuqhom l-impriżi ġeneralment jistrieħu sabiex jiddefinixxu l-istrateġiji industrijali u kummerċjali tagħhom. Skont jekk wieħed jaġixxi fuq waħda jew fuq l-oħra, wieħed jista’ jikseb effetti differenti filwaqt li jfittex l-istess għan ta’ limitazzjoni tal-offerta. Dawn iż-żewġ varjabbli huma għaldaqstant negozjabbli u kienu s-suġġett, fil-każ ta’ Alitalia, ta’ negozjati twal li żvolġew bil-parteċipazzjoni sħiħa u kompleta tar-rappreżentanti ta’ Alitalia. Dawn il-kundizzjonijiet huma għaldaqstant il-frott ta’ evalwazzjonijiet dettaljati, kumplessi u delikati tas-suq, magħmula mill-Kummissjoni fir-rispett tal-kuntraddittorju u bl-involviment ta’ konsulenti esterni. Il-Kummissjoni tfakkar li, f’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tissanzjona biss l-iżball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u fl-applikazzjoni tat-Trattat.

467    Fir-rigward tal-ħsieb wara l-limitazzjoni tal-kapaċità, il-Kummissjoni tallega li hija diġà spjegat li din kienet tikkonsisti, skont il-punt 38(3) u (4) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, f’li tippermetti li l-impriża terġa’ ssir vijabbli.

468    Fir-rigward tal-ilment ta’ Alitalia dwar id-diskriminazzjoni li kienet suġġetta għaliha meta mqabbla ma’ Air France fuq il-pjan tal-limitazzjoni tal-postijiet disponibbli dan huwa frott ta’ żvista, peress li d-Deċiżjoni Air France tiffissa limiti kemm fuq in-numru ta’ postijiet-kilometri kif ukoll fuq in-numru ta’ titjiriet awtorizzati.

469    L-ilment dwar allegata projbizzjoni li jsiru alleanzi kummerċjali huwa wkoll kollu kemm hu nieqes minn rilevanza, peress li Alitalia ġiet awtorizzata tikkonkludi alleanzi abbażi tal-kundizzjoni Nru 5.

470    Rigward l-argumenti ta’ Alitalia dwar il-limitazzjonijiet fuq ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ postijiet-kilometri offerti, il-Kummissjoni tqis li dawn ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-obbligu li Alitalia għandha li tosserva l-interess Komunitarju. Id-differenzi relatati mal-kundizzjonijiet li ġew applikati għal Air France fl-1994 huma dovuti għal ċirkustanzi ġodda li seħħew, hekk kif indikati fil-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni. Wara tibdil li sar fis-suq, is-sitwazzjonijiet taż-żewġ kumpanniji mhumiex iktar paragunabbli.

471    Il-Kummissjoni tqis barra minn hekk li jekk it-tkabbir fil-kapaċità u fl-offerta tal-kumpannija kkonċernata m’għandux ikun ogħla mit-tkabbir tas-suq, dan għandu jkun neċessarjament inferjuri jew, l-iktar l-iktar, l-istess għal din ir-rata, b’tali mod li l-argument ta’ Alitalia dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 38 (4) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni ma jistax jinftiehem. Billi ffissat ir-rata għal 2.7 %, permezz tal-aġġustamenti differenti possibbli, il-Kummissjoni osservat pjenament id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

472    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-distinzjoni magħmula fid-Deċiżjoni Air France bejn Air France u Air Inter, billi din tal-aħħar ma ġietx suġġetta għal-limitazzjoni ta’ tkabbir imposta fuq dik tal-ewwel, il-Kummissjoni tfakkar li hija kienet ħadet il-miżuri neċessarji sabiex l-għajnuna awtorizzata ma tivvantaġġax lil Air Inter u li, fuq kollox, l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward ġew miċħuda b’mod ċar mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

473    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni Nru 5, li tillimita l-kapaċità offerta minn Alitalia, mhijiex kontraddiċenti mal-kundizzjoni Nru 1. Fil-fatt, din tal-aħħar tipprovdi li l-awtoritajiet Taljani għandhom jimpenjaw rwieħhom sabiex “[jadottaw] mġiba normali ta’ azzjonista fil-konfront ta’ Alitalia li tippermetti li din tiġi mmexxija biss skont il-prinċipji kummerċjali u [jillimitaw] l-indħil fit-tmexxija tagħha biss għal dawk ir-raġunijiet li huma strettament marbuta mal-istatus ta’ azzjonista tal-Istat Taljan”. Il-kundizzjoni Nru 1 tindirizza lill-Istat Taljan sabiex dan jillimita l-indħil tiegħu fit-tmexxija ta’ Alitalia. Din għandha bħala għan ewlieni li tiggarantixxi l-imġiba normali ta’ azzjonista tal-Istat Taljan u mhux li Alitalia tibbenefika minn awtonomija fit-tmexxija, hekk kif hija tallega.

474    F’kull każ, Alitalia ma tistax issostni, f’dan il-kuntest, awtonomija fit-tmexxija li tkun sħiħa u kompleta. Dan jikkuntrasta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u għaldaqstant mal-kundizzjoni li l-għajnuna għar-ristrutturar ma tfixkilx il-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni.

475    Għandu jingħad li skont il-punt 38(4) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, peress li “[k]ull għajnuna mogħtija lis-settur tal-avjazzjoni tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”, il-pjan iffinanzjat bl-għajnuna mill-Istat ma jistax jiġi meqjus bħala mhux kuntrarju għall-interess komuni sakemm dan “ma jkollux bħala għan li jkabbar il-kapaċità u l-offerta tal-kumpannija kkonċernata għad-dannu tal-kompetituri diretti Ewropej tagħha”. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li, “[f]’kull każ, il-pjan m’għandux iwassal għal żieda fin-numru ta’ ajruplani jew ta’ postijiet offerti fis-suq ikkonċernat li tkun ogħla mir-rata ta’ tkabbir ta’ dan is-suq”.

476    Għandu jingħad ukoll li l-punt 38(3) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni jipprovdi li “[j]ekk ir-ritorn għall-vijabbiltà finanzjarja jew is-sitwazzjoni tas-suq jitolbu tnaqqis fil-kapaċità, dan għandu jkun previst fil-pjan”.

477    Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat flimkien ma’ dawk li, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha fil-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, jawtorizzaw għaldaqstant lill-Kummissjoni li tiffissa kundizzjonijiet fuq il-kapaċità sabiex jiġi ggarantit ir-ritorn għall-vijabbiltà ta’ Alitalia u li jiġi mħares l-interess komuni.

478    Rigward id-diskriminazzjoni minn aspetti differenti li tagħha Alitalia kienet vittma meta mqabbla ma’ Air France b’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tipparaguna l-miżuri ta’ ristrutturar previsti minn Alitalia ma’ dawk adottati minn kumpanniji oħra tal-ajru, xorta jibqa’ l-fatt li r-ristrutturar ta’ impriża għandu jiffoka fuq il-problemi intrinsiċi tagħha u li l-esperjenzi ta’ impriżi oħra, li jkunu jinsabu f’kuntesti ekonomiċi u politiċi differenti, f’perijodi ta’ żmien differenti, jistgħu ma jkunux rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 135).

479    Għandu jingħad li l-Kummissjoni ġustament issostni li l-kuntest tad-Deċiżjoni Air France u dak tad-deċiżjoni kkontestata huwa differenti peress li r-ristrutturar ta’ Air France seħħ fil-perijodu 1994-1996 u dak ta’ Alitalia bejn l-1996 u l-2000. Din tal-aħħar fil-fatt tinsab f’kuntest ta’ liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq u għaldaqstant ta’ kompetizzjoni miżjuda u fejn l-applikazzjoni iktar stretta tar-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat iwieġbu għal ħtieġa evidenti, hekk kif tenfasizza l-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni. Din id-differenza fil-kuntest hija biżżejjed sabiex tikkomprometti r-rilevanza tal-paragun bejn il-kundizzjonijiet imposti fuq kumpannija u fuq l-oħra.

480    Barra minn hekk, u f’kull każ, Alitalia żbaljatament issostni li, fid-Deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tipprovdi limitu relatat man-numru ta’ ajruplani li jikkostitwixxu l-flotta tagħha. Jirriżulta, fil-fatt, mill-Artikolu 1(8), (11) u (12) tad-Deċiżjoni Air France li hija imponiet lil Air France u lil Air Charter ċertu limiti kemm fuq in-numru ta’ postijiet-kilometri offerti kif ukoll fuq in-numru ta’ rotot awtorizzati.

481    Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-għajnuna kollha kellha tibbenefika esklużivament lil Air France u lis-sussidjarji tagħha, ħlief għal Air Inter (ara l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Air France). Dan il-mekkaniżmu ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq. Alitalia għaldaqstant ma tistax tibbaża argument fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet iffissati fid-Deċiżjoni Air France ma japplikawx għal Air Inter.

482    Barra minn hekk, għandha tiġi osservata n-natura kontraddiċenti tal-argumenti ta’ Alitalia dwar l-ipparagunar tal-każ tagħha ma’ dak ta’ Air France. Hija tinvoka saħansitra l-fatt li s-sitwazzjoni tagħha hija paragunabbli ma’ dik ta’ Air France, b’tali mod li hija kellha tingħata l-istess kundizzjonijiet u mhux kundizzjoni iktar restrittiva, bħal pereżempju, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-postijiet disponibbli [kundizzjoni Nru 5(a)]. Iżda, fir-rigward tar-rata ta’ tkabbir annwali tan-numru ta’ postijiet-kilometri [kundizzjoni Nru 5(b)], bil-kontra hija ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament applikat fil-konfront tagħha l-istess limitazzjoni bħal dik ta’ Air France, peress li s-sitwazzjoni tagħha ma kinitx paragunabbli.

483    Rigward ir-rata ta’ tkabbir ta’ 2.7 % imposta fil-kundizzjoni Nru 5, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel lok, il-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni tillimita ruħha li tiffissa limitu ogħla miż-żieda fin-numru ta’ ajruplani jew ta’ postijiet offerti fis-suq ikkonċernat, meta mqabbel mat-tkabbir ta’ dan is-suq (ara l-punt 475 iktar ’il fuq). L-iffissar ta’ rata inferjuri għat-tkabbir tas-suq ikkonċernat għaldaqstant ma jmurx kontra l-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

484    Fit-tieni lok, din ir-rata ta’ 2.7 % tapplika, skont id-deċiżjoni kkontestata, “għaż-żieda fin-numru ta’ postijiet-kilometri offerti matul kull sena”, u dan “ġewwa ż-[ŻEE], bl-eċċezzjoni tal-Italja”, u “ġewwa l-Italja”. Għaldaqstant dan jirrigwarda sempliċement parametru fost parametri oħra tas-sitwazzjoni ġenerali u tat-tkabbir ta’ Alitalia. Għandu jingħad li dawn il-figuri pprovduti minn Alitalia bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula lilha mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt jikkonċernaw, b’mod ġenerali, ir-“rata ta’ tkabbir ta’ Alitalia”, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra. Barra minn hekk, id-data li tinsab f’waħda mit-tabelli pprovduti hija relatata man-netwerk internazzjonali u mhux maż-ŻEE.

485    Għaldaqstant, Alitalia ma stabbilixxietx in-natura sproporzjonata ta’ din ir-rata, li tinsab fil-kundizzjoni Nru 5, li wara kollox tista’ tkompli tiżdied.

486    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, f’kull każ, il-parametri ffissati mill-Kummissjoni, bħan-numru ta’ postijiet disponibbli u r-rata ta’ tkabbir annwali tan-numru ta’ postijiet-kilometri offerti li m’għandhomx jinqabżu huma dovuti għal evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni għandha għaldaqstant, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

487    Għandu jingħad li Alitalia ma pprovat l-ebda żball manifest fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tagħha stess u tal-kuntest tagħha.

488    B’mod partikolari, Alitalia ma tistax issostni li l-kundizzjoni Nru 5(b) hija inġustifikata u diskriminatorja sa fejn din tiġi applikata fil-konfront ta’ impriża ekonomikament f’saħħitha. Fil-fatt, is-sitwazzjoni li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dik li seħħet meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-1997, u li hi deskritta, b’mod partikolari, fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punti 5 sa 7), hija pjuttost ikkaratterizzata mill-impossibbiltà li Alitalia terġa’ ssir vijabbli, minħabba dejn li jiġġenera spejjeż finanzjarji importanti u telf kunsiderevoli.

489    Alitalia bl-istess mod żbaljatament tinvoka allegata projbizzjoni li tistabbilixxi alleanzi kummerċjali li jirriżultaw mill-kundizzjoni Nru 5. Fil-fatt, fil-premessa 1, id-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tindika l-impenn tal-awtoritajiet Taljani li jippreżentaw rapport li jinkludi deskrizzjoni “tal-ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali jew operazzjonali magħmula minn Alitalia matul is-sena finanzjarja li tkun għaddiet” (kundizzjoni Nru 10). Min-naħa l-oħra, hija tagħmel riferenza espliċita għall-kapaċità offerta mill-ajruplani li topera Alitalia “jew li joperaw trasportaturi oħra taħt forma li tikkomporta riskju kummerċjali għal Alitalia (ftehim ta’ wet-leasing, ta’ block-space, ta’ joint venture, etc.) ”. Il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ dan it-tip ma kinitx għaldaqstant eskluża.

490    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-kundizzjoni msemmija għandha tapplika għall-pajjiżi li jinsabu barra miż-ŻEE, għandu jiġi mfakkar li din il-kundizzjoni hija relatata man-numru ta’ postijiet disponibbli li m’għandux jinqabeż mill-flotta ta’ Alitalia kif ukoll fuq il-limitu ta’ tkabbir tan-numru ta’ postijiet-kilometri offerti “ġewwa ż-[ŻEE] bl-eċċezzjoni tal-Italja”, u “ġewwa l-Italja”.

491    Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li t-tnaqqis tal-limitu għas-snin 1999 u 2000 seħħ, dan xorta waħda mhuwiex rilevanti sa fejn dan seħħ wara l-fatti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

492    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-kundizzjoni Nru 5, din tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mid-Deċiżjoni tal-1997, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, u tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex timponihom (ara l-punt 74 iktar ’il fuq) .

493    Konsegwentement, l-ebda waħda mill-ilmenti fir-rigward tal-kundizzjoni Nru 5 ma tista’ tiġi milqugħa.

 Kundizzjoni Nru 6: żamma ta’ kontabbiltà analitika

–       L-argumenti tal-partijiet

494    Alitalia ssostni li l-kundizzjoni Nru 6, li timponilha li żżomm kontabbiltà analitika għal kull rotta li hija topera, hija eċċessiva u inġustifikata.

495    Din il-kundizzjoni timplika organizzazzjoni integrali mill-ġdid tal-istruttura tal-kontabbiltà ta’ Alitalia, liema operazzjoni hija relattivament kumplessa u tagħti lok għal spejjeż amministrattivi importanti. Din hija eċċessiva, peress li d-Deċiżjoni tal-1997 kienet diġà tipprovdi l-abbandun minn Alitalia ta’ numru kunsiderevoli ta’ rotot. Barra minn hekk, il-vijabbiltà tar-rotot ma tistax tiġi evalwata b’riferenza għal rotta waħda biss, iżda għandha tiġi analizzata fil-kuntest ġenerali tan-netwerk sħiħ tal-kumpannija.

496    Il-kundizzjoni Nru 6 tmur kontra l-prattika segwita mill-kumpanniji tal-ajru li jamministraw il-kontabbiltà tagħhom “skont il-prinċipju tan-netwerk analysis”, jiġifieri analiżi li tagħti stampa ġenerali tar-rotot differenti kollha operati minnhom. Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-ajru ma jipprovdu din il-kundizzjoni. Din il-kundizzjoni għalhekk tidderoga mingħajr ġustifikazzjoni mill-prattika tal-kumpanniji tal-ajru u tal-Kummissjoni.

497    Alitalia ssostni wkoll li l-Kummissjoni m’għandhiex kompetenza sabiex tiffissa kundizzjoni bħal din, sa fejn l-applikazzjoni tagħha mhijiex limitata għar-rotot interni taż-ŻEE.

498    Fl-aħħar nett, Alitalia ssostni li mhuwiex possibbli li l-kundizzjoni Nru 6 tiġi ġġustifikata billi l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-kundizzjoni Nru 10 (eżekuzzjoni korretta tal-pjan, attestata permezz tar-rapport annwali). Hija tallega li hija setgħet perfettament tissodisfa l-obbligu previst mill-kundizzjoni Nru 10 billi tippreżenta d-data li tikkonċerna r-rotot kollha li kienu operati minnha. F’kull każ, mhuwiex ġustifikabbli li tiġi imposta b’dan il-kompitu għas-sempliċi għan li jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-konsulenti tal-Kummissjoni.

499    Il-Kummissjoni twieġeb li l-introduzzjoni tal-kontabbiltà analitika hija dettata mill-prinċipju tat-trasparenza u r-rekwiżit tan-natura verifikabbli tal-fażijiet differenti tal-eżekuzzjoni tal-pjan. Dan il-metodu jippermetti, b’mod partikolari, li tiġi vverifikata, f’termini qosra ħafna, l-evoluzzjoni tal-vijabbiltà ta’ kull rotta, inklużi rotot barra miż-ŻEE li jkollhom effett fuq il-vijabbiltà tal-kumpannija. Din il-kundizzjoni tikkostitwixxi l-korollarju, jew il-premessa, għall-eżekuzzjoni korretta min-naħa ta’ Alitalia tal-kundizzjoni Nru 10, li din tal-aħħar ma kkontestatx.

500    Il-Kummissjoni tesponi li l-kundizzjoni Nru 6 ma tinsabx f’deċiżjonijiet oħra, minħabba li l-kumpanniji kkonċernati ma kellhomx problemi analogi għal dawk ta’ Alitalia.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

501    Il-kundizzjoni Nru 6 timponi fuq l-awtoritajiet Taljani li “[jiżguraw lilhom infushom] li Alitalia jkollha kontabbiltà analitika li tippermetti li jiġi stabbilit, fi żmien qasir, għal kull rotta tal-ajru, il-marġni ta’ vijabbiltà stabbilit abbażi tar-relazzjoni ta’ bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha (fejn l-ispiża sħiħa tikkomporta s-somma tal-ispejjeż varjabbli mal-ispejjeż fissi) relatati mar-rotta tal-ajru”.

502    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem Alitalia, il-kundizzjoni Nru 6, biex wieħed ikun korrett, ma timponilhiex li żżomm kontabbiltà analitika separata għal kull rotta, iżda sempliċement li żżomm kontabbiltà li tippermetti li jiġi ddeterminat malajr marġini ta’ vijabbiltà għal kull rotta, li mhuwiex definittivament il-każ. L-argument ta’ Alitalia jibbaża ruħu għaldaqstant fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni inkwistjoni.

503    Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni biss l-għajnuna għar-ristrutturar li ma tfixkilx il-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni. Għaldaqstant hija għandha tkun f’pożizzjoni li tivverifika l-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kummerċ. Il-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni tipprovdi wara kollox, fil-punt 38 (8), li “[d]in l-għajnuna kollha għandha tkun tali li tkun trasparenti u verifikabbli”. L-obbligu li tinżamm kontabbiltà analitika jidħol għaldaqstant f’dan il-kuntest. Din il-kontabbiltà tikkostitwixxi waħda mill-istrumenti li għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika “b’liema mod effettivament ġie mwettaq il-programm ta’ ristrutturar iffinanzjat permezz tal-għajnuna mill-Istat” (punt 40 tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni).

504    Rigward l-ilmenti l-oħra magħmula minn Alitalia fir-rigward tal-kundizzjoni Nru 6, fl-ewwel lok, iż-żamma ta’ kontabbiltà analitika li tippermetti li jiġi determinat il-marġini ta’ vijabbiltà fuq kull rotta ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kuntrarja għal prattika ta’ analiżi tal-vijabbiltà tal-impriża bbażata fuq ir-rotot kollha li qed jiġu operati. Fil-fatt, waħda ma teskludix l-oħra u tista’ tkun il-bażi tagħha jew tista’ tkun kumplementari għaliha.

505    Madankollu, minkejja li din il-kundizzjoni timponi responsabbiltà supplimentari fuq Alitalia, hija ma tistax tiġi meqjusa bħala eċċessiva fir-rigward tan-neċessità li l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika malajr it-twettieq effettiv tal-pjan, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħlas ta’ partijiet oħra ta’ għajnuna, u dan iktar u iktar meta l-pjan, fil-verżjoni aġġornata tiegħu, jipprovdi, bħal ma Alitalia stess tgħid, għall-abbandun mill-kumpannija ta’ numru kunsiderevoli ta’ rotot u ta’ frekwenzi li ma jitqisux vijabbli ħafna. L-implementazzjoni ta’ din il-miżura tirrikjedi għaldaqstant iż-żamma ta’ kontabbiltà li turi l-vijabbiltà ta’ kull rotta.

506    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni Nru 6 ma ssegwix l-istess għan tal-kundizzjoni Nru 10. Din tal-aħħar hija fil-fatt intiża sabiex tivverifika, mill-aspett globali, l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, il-vijabbiltà tal-impriża u l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti filwaqt li l-kundizzjoni Nru 6 hija intiża sabiex tippermetti li wieħed ikollu informazzjoni preċiża dwar il-vijabbiltà ta’ kull rotta. Ma jistax għaldaqstant jitqies li l-kundizzjoni Nru 10 kellha tippermetti lill-Kummissjoni li tiddetermina malajr il-marġini ta’ vijabbiltà ta’ kull rotta. Għandu jingħad li, skont il-punt 38 (1) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha toqgħod partikolarment attenta, b’mod partikolari, “sabiex jiġu mwaqqfa r-rotot li jaħdmu b’telf”. Dan jidher li mhuwiex possibbli mingħajr l-użu ta’ strument preċiż li jippermetti l-evalwazzjoni tan-natura tat-telf ta’ kull waħda minnhom.

507    Fit-tieni lok, il-fatt li d-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni f’dan il-qasam ma jipprovdux għat-tali kundizzjoni ma jistax jitqies fih innifsu bħala diskriminatorju fil-konfront ta’ Alitalia. Fil-fatt, minn naħa, il-kuntest ġenerali kien evolva (ara l-punti 441, 447 u 479 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-kontabbiltà hekk kif kienet qed issir minn Alitalia setgħet kellha xi differenzi meta mqabbla ma’ dik tal-kumpanniji l-oħra kkonċernati, b’mod li seta’ kien neċessarju li tiġi pprovduta kundizzjoni partikolari fil-każ tagħha. Jirriżulta mis-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq (punt 135), li l-Kummissjoni mhijiex marbuta li tirripproduċi eżattament l-istess kundizzjonijiet bħal fil-passat, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-operazzjoni u s-sitwazzjoni li tikkonċerna l-impriża nnifisha.

508    Fit-tielet lok, Alitalia żbaljatament issostni li l-Kummissjoni m’għandhiex kompetenza li tiffissa din il-kundizzjoni sa fejn l-applikazzjoni tagħha mhijiex limitata għar-rotot interni taż-ŻEE. Fil-fatt, il-kumpanniji tal-ajru stabbiliti ġewwa ż-ŻEE jinsabu wkoll f’kompetizzjoni fuq ir-rotot lejn il-pajjiżi barra miż-ŻEE. Il-Kummissjoni kellha għaldaqstant id-dritt li tadotta miżura sabiex tivverifika l-osservanza minn Alitalia tal-kompetizzjoni fuq ir-rotot inkwistjoni (ara l-punt 460 iktar ’il fuq).

509    Għaldaqstant, l-ilmenti ta’ Alitalia dwar il-kundizzjoni Nru 6 għandhom jiġu miċħuda.

 Kundizzjoni Nru 7: projbizzjoni tal-prattika tal-price leadership

–       L-argumenti tal-partijiet

510    Alitalia tikkontesta wkoll il-kundizzjoni Nru 7 li tgħid li hija għandha toqgħod lura, sal-31 ta’ Diċembru 2000, milli tipproponi rati inferjuri għal dawk proposti mill-kompetituri tagħha għall-istess offerta fuq ir-rotot operati minnha.

511    Alitalia tallega li l-projbizzjoni tal-price leadership ma kinitx tinsab fid-dokument mibgħut mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Taljani fl-14 ta’ Mejju 1997. Għalhekk din il-kundizzjoni ma tatx lok għal diskussjoni u għaldaqstant tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

512    Il-kundizzjoni Nru 7 hija barra minn hekk eċċessiva u diskriminatorja meta mqabbla ma’ kif il-Kummissjoni trattat kumpanniji tal-ajru oħrajn. Alitalia tenfasizza li, fid-Deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni llimitat din il-projbizzjoni tal-price leadership għas-sempliċi rotot operati minn Air France ġewwa ż-ŻEE filwaqt li fil-każ tagħha l-projbizzjoni hija estiża għar-rotot kollha li fihom hija topera, inklużi r-rotot barra ż-ŻEE. Barra minn hekk, it-terminu tal-projbizzjoni imposta huwa itwal għal Alitalia milli għal Air France. Din l-aġir sever fil-konfront ta’ Alitalia huwa ferm inqas ġustifikat meta din tinsab f’sitwazzjoni ferm inqas serja minn dik li fiha kienet tinsab Air France.

513    Il-projbizzjoni tal-price leadership hija wkoll ferm iktar ta’ ħsara għal Alitalia milli għal Air France, peress li, fil-każ ta’ Alitalia, din tidħol f’kuntest ta’ ftuħ definittiv tas-suq għall-kompetizzjoni, ta’ libertà mingħajr kundizzjonijiet ta’ traffiku u ta’ ffissar tal-prezzijiet.

514    In-natura diskriminatorja tal-kundizzjoni Nru 7 tirriżulta wkoll mill-fatt li l-ebda projbizzjoni tal-price leadership ma ġiet imposta fid-Deċiżjoni Iberia tal-1992, u lanqas fid-Deċiżjoni Aer Lingus, filwaqt li, fid-Deċiżjoni Olympic Airways, din il-projbizzjoni kienet limitata għas-sempliċi rotot regolari bejn Ateni (il-Greċja) u Stokkolma (l-Iżvezja) u bejn Ateni u Londra.

515    Barra minn hekk Alitalia tiddubita l-kompetenza tal-Kummissjoni li tiddeċiedi t-tali miżura, peress li l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni m’għandhiex konsegwenzi fuq il-kummerċ Komunitarju. Hija tirreferi f’dan ir-rigward, għall-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

516    Alitalia ssostni sussegwentement li l-kundizzjoni Nru 7 hija illegali sa fejn din hija intiża għat-tneħħija ta’ ċertu mġiba “billi teskludi kull verifika konkreta tal-illegalità effettiva tagħhom”. Alitalia tara konferma tat-teżi tagħha, li tgħid li l-prattika ta’ price leadership għandha tiġi evalwata każ b’każ, fl-attitudni li l-Kummissjoni stess adottat fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni minn Air France.

517    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C-255/9A, Ġabra p. I-3203, punt 41), tikkonferma l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

518    Fl-aħħar nett, Alitalia tosserva li l-kundizzjoni Nru 7 tmur kontra l-loġika wara d-deċiżjoni kkontestata. Din il-projbizzjoni tista’, fil-fatt, tippreġudika serjament il-vijabbiltà tal-kumpannija. B’mod partikolari, hija pprekludiet lil Alitalia milli tiffaċċja b’mod approprjat il-kompetizzjoni dejjem tikber fuq livell nazzjonali u internazzjonali, milli tintroduċi rotot ġodda u milli tintroduċi shuttle services ġodda fuq rotot li fihom hemm ħafna traffiku.

519    Skont il-Kummissjoni, il-projbizzjoni tal-price leadership hija intiża sabiex tevita li kumpannija li tibbenefika minn fondi pubbliċi tirbaħ ishma mis-suq b’detriment ta’ kumpanniji kompetituri li m’għandhomx din il-possibbiltà. Din il-projbizzjoni hija intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid ir-regoli tal-kompetizzjoni u tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni msemmi fil-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li hija imponiet din il-kundizzjoni fid-Deċiżjonijiet Olympic Airways u Air France.

520    Il-Kummissjoni żżid li l-projbizzjoni tal-price leadership ġiet innegozjata fit-tul u ġiet proposta mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 1997. Dawn tal-aħħar kienu saħansitra wrew il-preferenza tagħhom għall-projbizzjoni tal-price leadership pjuttost milli għal tnaqqis kbir fil-kapaċità. Barra minn hekk, kien fuq talba espliċita ta’ Alitalia li l-projbizzjoni ġiet estiża għat-titjiriet fuq il-linji kollha minnflok ma tikkonsisti sempliċement f’limitazzjoni fin-numru ta’ titjiriet. L-interventi tal-awtoritajiet Taljani u ta’ Alitalia matul il-proċedura amministrattiva jispjegaw għaldaqstant id-differenza kkonstatata meta mqabbla mad-Deċiżjoni Air France. Barra minn hekk, il-projbizzjoni tal-price leadership mhijiex parti mid-Deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1992, li tawtorizza għajnuna għar-ristrutturar favur il-kumpanniji Iberia, u lanqas fid-Deċiżjoni Aer Lingus, tal-1993, peress li dawn ġew adottati qabel ma ġie liberalizzat is-suq. Fid-Deċiżjoni Olympic Airways, il-projbizzjoni tikkonċerna biss ir-rotot li kienu jippreżentaw problemi partikolari.

521    Fir-rigward tal-kompetenza tagħha li timponi l-kundizzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, hija għandha l-kompetenza li tiffissa kull kundizzjoni neċessarja li tippermetti li Alitalia terġa’ ssib il-vijabbiltà ekonomika u finanzjarja tagħha. Il-kompetenza li hija għandha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija indipendenti mill-Artikolu 82 KE. Fuq kollox hija tikseb minn din id-dispożizzjoni l-kompetenza li timponi kundizzjonijiet relatati mat-titjiriet barra miż-ŻEE sa fejn il-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji Komunitarji ssir mhux biss fuq ir-rotot intrakomunitarji, iżda wkoll fuq ir-rotot bl-ajru minn u lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 71(1)(a) KE u mill-Artikolu 80(2) KE li dawn ir-rotot jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika komuni tat-trasport.

522    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li billi tilmenta li, permezz tal-prattika tal-price leadership, hija ma tistax tiġbed lejha klijenti ġodda fuq rotot ġodda, jew tħajjar lil dawn il-klijenti sabiex jużaw l-ajruplan iktar ta’ spiss, Alitalia tippretendi li għandha tapprofitta ruħha mill-għajnuna sabiex iżomm għaliha nnifisha sehem mis-suq iktar importanti billi ma tissuġġettahiex għall-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

523    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, diġà ġie sostnut fil-punti 169 sa 172 iktar ’il fuq li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat, li huwa l-uniku li jibbenefika mid-drittijiet tad-difiża. Ir-rwol essenzjalment mogħti lill-partijiet ikkonċernati, fost liema l-benefiċjarji tal-għajnuna, huwa dak ta’ sors ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni. Għaldaqstant il-partijiet ikkonċernati, li ma jistgħux jagħmlu użu mid-drittijiet tad-difiża rikonoxxuti fil-konfront ta’ persuni li kontrihom tinfetaħ kawża, għandhom biss id-dritt li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi. Alitalia ma tistax għaldaqstant tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, Alitalia kienet strettament involuta fil-proċedura amministrattiva li tat lok għad-Deċiżjoni tal-1997, liema proċedura ma ġietx annullata.

524    Fit-tieni lok, l-argumenti ta’ Alitalia dwar id-diskriminazzjoni li hija bagħtiet meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra tal-ajru msemmija fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni jikkuntrastaw man-natura mhux paragunabbli tal-kuntest ġenerali li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet u tas-sitwazzjoni speċifika tal-kumpanniji kkonċernati (ara l-punt 507 iktar ’il fuq). Ikun imur kontra l-evalwazzjoni każ b’każ tal-imġiba tal-impriżi, issuġġerita minn Alitalia, li kieku l-Kummissjoni tkun marbuta li tirripproduċi eżattament l-istess kundizzjonijiet fid-deċiżjonijiet kollha tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bl-ajru.

525    Wara kollox, l-argument ta’ Alitalia jikkomporta għal darb’oħra (ara l-punt 482 iktar ’il fuq) kuntradizzjoni. Minn naħa, fuq il-kwistjoni tar-rotot ikkonċernati u tat-tul ta’ żmien tal-projbizzjoni, hija titlob l-istess trattament bħal Air France – li jippreżupponi li s-sitwazzjoni hija paragunabbli. Min-naħa l-oħra, fuq aspetti oħra hija titkellem dwar kuntest differenti – u għaldaqstant mhux paragunabbli –, prinċipalment, dak tal-liberalizzazzjoni tas-suq li seħħet fil-frattemp bl-awtorizzazzjoni ġenerali għall-kumpanniji li jiffissaw ir-rati tagħhom stess.

526    Sa fejn Alitalia tinvoka l-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru, jirriżulta kjarament mill-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni li din iċ-ċirkustanza kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex tkun iktar stretta meta tawtorizza għajnuna mill-Istat u meta tiffissa kundizzjonijiet. Għaldaqstant, pereżempju, il-punt 41 ta’ din il-komunikazzjoni jgħid:

“Il-kisba tas-suq komuni tal-avjazzjoni fl-1 ta’ April 1997 tkabbar kunsiderevolment il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-għajnuna għar-ristrutturar biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna u taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.”

527    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni li timponi kundizzjoni bħall-kundizzjoni Nru 7, din tistrieħ fuq l-Artikolu 87(3)(ċ) KE li jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar kompatibbli mas-suq komuni biss jekk din ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni. Bħal ma ssostni l-Kummissjoni fit-tieni paragrafu tal-punt 37 tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, “[h]uwa fid-dawl ta’ din l-aħħar kundizzjoni, li għandha tiġi interpretata fil-kuntest tat-trasport bl-ajru, li l-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li normalment għandhom jiġu sodisfatti sabiex tkun tista’ tingħata deroga”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali. Anki jekk il-projbizzjoni tal-price leadership ma tinsabx espliċitament fil-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, hija tikkontribwixxi manifestament sabiex jintlaħaq l-għan li l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li ma jkunx aċċettabbli, skont it-Trattat.

528    Fir-raba’ lok, għalkemm huwa minnu li mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikoli 87 KE u 88 KE m’għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura segwita skont l-Artikoli 81 et seq KE u dik segwita skont l-Artikoli 87 et seq KE huma proċeduri indipendenti, irregolati minn regoli speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, punt 517 iktar ’il fuq, punti 41 u 44). Din il-kawża ma taqax taħt l-Artikolu 82 KE, iżda taħt l-Artikolu 87 KE. L-argumenti ta’ Alitalia dwar in-neċessità li titwaqqaf kull imġiba antikompetittiva skont il-każ mhumiex għaldaqstant rilevanti.

529    Fil-ħames lok, kif diġà ġie espost fil-punt 460 iktar ’il fuq, Alitalia żbaljatament tallega li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti sabiex timponi kundizzjoni li testendi għar-rotot operati barra miż-ŻEE. L-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni hija ġustifikata ladarba Alitalia tinsab f’kompetizzjoni, fir-rigward ta’ dawn it-titjiriet, ma kumpanniji oħra tal-ajru stabbiliti fi ħdan il-Komunità.

530    Fis-sitt lok, l-argument ta’ Alitalia li jgħid li l-kundizzjoni Nru 7 tmur kontra l-ħsieb tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tkun tista’ tippreġudika serjament il-vijabbiltà ta’ Alitalia ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, skont il-punt 38 (1) u (2) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni, l-għan tal-għajnuna huwa li l-kumpannija terġa’ ssir vijabbli. Bil-kontra ta’ dak li donnha tissuġġerixxi Alitalia, l-għan mhuwiex li tkun f’pożizzjoni li tikber, li tintroduċi servizzi ġodda għal rotot li fihom hija ma kinitx preżenti jew li tintroduċċi shuttle service fuq rotot li fihom ħafna traffiku.

531    Rigward il-motivazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, għandha ssir riferenza għall-punti 74 sa 77 iktar ’il fuq. Fid-deċiżjoni kkontestata, bħal fid-Deċiżjoni tal-1997, il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għall-Artikoli 87 KE u 88 KE u għall-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni li jobbligaw lill-Kummissjoni sabiex tiżgura ruħha li l-għajnuna ma jkollhiex bħala effett li tittrasferixxi d-diffikultajiet tal-kumpannija fuq il-kompetituri tagħha. Din il-motivazzjoni tippermetti għaldaqstant li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex timponi din il-kundizzjoni.

532    Peress li dan l-eżami ma stabbilixxa l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-kundizzjoni Nru 7, l-ilmenti magħmula kontra din il-kundizzjoni għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

 Kundizzjoni Nru 8: trasferiment tas-sehem f’Malév

–       L-argumenti tal-partijiet

533    Alitalia ssostni li l-kundizzjoni Nru 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hija għandha l-obbligu li tittrasferixxi s-sehem tagħha f’Malév, mhijiex suffiċjentement immotivata. Dan l-obbligu jikkontradiċi l-kunsiderazzjonijiet li saru fid-Deċiżjoni tal-1997, li jgħidu li Alitalia għandha tadotta politika ta’ riċentralizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha sabiex tikkonċentra ruħha qabel kollox fuq l-attivitajiet prinċipali tagħha u “ma tistax [...] tipproċedi għal trasferiment ta’ assi li jikkonċernaw l-attivitajiet prinċipali tagħha mingħajr ma tikkomprometti s-suċċess tal-pjan” (it-tmintax il-paragrafu tal-punt VIII). Għandu jingħad li Alitalia tallega li s-sehem tagħha f’Malév kien jikkostitwixxi ass intrinsikament marbut mal-attivitajiet ċentrali tagħha.

534    Din il-kundizzjoni hija wkoll ta’ natura diskriminatorja peress li, fid-Deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni kienet sempliċement imponiet lill-kumpannija Franċiża t-trasferiment tal-grupp ta’ lukandi Le Méridien, jiġifieri l-bejgħ ta’ attività mhux strateġika.

535    Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni Nru 8 hija nieqsa minn kull bażi legali sa fejn pjan ta’ ristrutturar ikollu bħala għan li jippermetti r-ritorn għall-vijabbiltà u mhux li tintlaħaq vijabbiltà li tkun l-istess jew ogħla mis-settur privat. Għandu jingħad li anki fin-nuqqas ta’ din il-kundizzjoni, il-pjan ta’ ristrutturar seta’ jsaħħaħ il-kumpannija tal-ajru b’mod li hija tkun kapaċi, f’terminu raġonevoli, terġa’ ssir vijabbli, jiġifieri normalment mingħajr ma tingħata l-ebda għajnuna oħra, skont il-punt 38(1) tal-komunikazzjoni fuq l-avjazzjoni.

536    Il-Kummissjoni twieġeb li t-trasferiment tas-sehem ta’ Alitalia f’Malév ġie nnegozjat u aċċettat minn Alitalia matul il-proċedura amministrattiva. Peress li s-sinerġija bejn Alitalia u Malév kienet dgħajfa ħafna, is-sehem inkwistjoni kien meqjus bħala ass mhux strateġiku. It-trasferiment tas-sehem deher li kien neċessarju sabiex jiġi kkonsolidat l-aspett finanzjarju tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li Alitalia ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom it-trasferiment seta’ jagħti lok għal preġudizzju serju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

537    Fir-rigward tan-natura allegatament kontradiċenti tal-kundizzjoni Nru 8 ma’ ċertu kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-1997, għandu jiġi enfasizzat li Alitalia tiċċita biss parzjalment din il-kundizzjoni. Fil-fatt, fid-Deċiżjoni tal-1997, il-Kummissjoni ma kkunsidratx is-sehem f’Malév bħala attività prinċipali ta’ Alitalia. Il-bejgħ ta’ dan is-sehem ġie, bil-kontra ta’ dan, ikkunsidrat bħala kontribut għar-riċentralizzazzjoni, min-naħa ta’ Alitalia, tal-attivitajiet prinċipali tagħha, kif juru l-elementi li ġejjin:

“[…] Bħall-parti l-kbira tal-kumpanniji kompetituri li rnexxielhom jiffaċċjaw il-kriżi tat-trasport bl-ajru fil-bidu tas-snin [90], Alitalia ssegwi barra minn hekk politika ta’ riċentralizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha lejn ix-xogħol prinċipali tagħha, jiġifieri t-trasport bl-ajru nnifsu. Għaldaqstant, wara t-trasferiment ta’ ishma fil-kapital tas-‘Societa Aeroporti di Roma’ li sar fl-1995, il-pjan jipprovdi b’mod partikolari l-bejgħ mistenni tal-uffiċċju prinċipali ta’ Magliana kif ukoll il-bejgħ tas-sehem ta’ Alitalia f’Alfa Romeo Avio, SISAM, is-sistema kompjuterizzata ta’ reżervazzjoni Galileo, Mal[é]v u sitt ajruporti reġjonali Taljani.

Fuq din il-bażi, ir-riżultati pożittivi ħafna mistennija fuq l-għatba tas-sena 2000 għandhom kemm jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ kapital li jiċċirkola, il-finanzjament ta’ investimenti indispensabbli għall-attività tal-kumpannija fit-tul kif ukoll għandhom joffru perspettivi ta’ vijabbiltà fit-tul. Dawn għandhom ukoll jispiraw ċertu kunfidenza lill-investituri u jiftħu t-triq għall-iżvilupp ta’ alleanzi ma’ kumpanniji oħra.

[…]

Billi tirriċentralizza l-attivitajiet tagħha fuq l-attivitajiet prinċipali u billi tneħħi ċertu investiment importanti tagħha, Alitalia tkun qed tikkontribwixxi sabiex tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji permezz tar-riżorsi tagħha stess.

[…]

Ir-riżorsi derivanti mill-għajnuna jidhru li huma wkoll neċessarji sa fejn Alitalia ma tistax tissostitwixxihom b’riżorsi suffiċjenti li jiġu mit-trasferiment ta’ assi. Bħal ma ġie indikat preċedentement, il-kumpannija diġà impenjat ruħha f’politika ta’ tneħħija ta’ ċertu investiment u ta’ riċentralizzazzjoni fuq l-attivitajiet prinċipali tagħha. Madankollu, filwaqt li r-riżorsi għaldaqstant miksuba, ta’ madwar [ITL] 600 biljun, jippermettu li jitnaqqas l-ammont ta’ żieda ta’ kapital li għandu jiġi introdott, dawn jibqgħu limitati meta pparagunati mal-bżonnijiet ta’ finanzjament meħtieġa mill-pjan. Il-kumpannija ma tistax barra minn hekk tipproċedi għal trasferiment ta’ assi li jikkonċernaw l-attivitajiet prinċipali tagħha mingħajr ma tikkomprometti s-suċċess tal-pjan.”

538    Il-bejgħ ta’ Malév kien għaldaqstant intiż, skont id-Deċiżjoni tal-1997, sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet finanzjarji tagħha u sabiex ikun jista’ jitnaqqas l-ammont tal-għajnuna. Il-motivazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni tal-1997, li għaliha tirreferi b’mod espliċitu d-deċiżjoni kkontestata, kienet tippermetti li wieħed jifhem dan (ara l-punti 74 sa 77 iktar ’il fuq).

539    Barra minn hekk, Alitalia ma tressaq l-ebda element tali li jistabbilixxi li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li s-sehem minoritarju li kellha f’Malév (30 %) kien jikkostitwixxi ass mhux strateġiku u li l-bejgħ ta’ dan l-ass kien neċessarju sabiex jiġi limitat il-kapital introdott kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-proporzjonalità tal-għajnuna meta mqabbla mal-bżonnijiet derivanti mill-pjan. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

540    Barra minn hekk, la mid-deċiżjoni kkontestata, la mid-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni u lanqas mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-kuntest ta’ din il-kawża ma jirriżulta li l-kundizzjonijiet imposti fid-deċiżjoni kkontestata kellhom biss bħala għan li tittejjeb il-vijabbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar.

541    Fil-fatt, inizjalment, il-Kummissjoni kienet qieset li l-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpannija kkomunikat fid-29 ta’ Lulju 1996 ma kienx suffiċenti sabiex tingħata deċiżjoni pożittiva. Alitalia kienet sussegwentement informat lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħha li temenda dan il-pjan. Wara li ġew eżaminati dawn l-emendi, il-Kummissjoni kienet għalhekk, sussegwentement, indikat lill-awtoritajiet Taljani, b’ittra tat-18 ta’ April 1997, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni pożittiva bbażata fuq il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq f’dan il-każ kemm minħabba diffikultajiet inerenti għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ insolvenza sostnuti mill-IRI fil-każ ta’ falliment ta’ Alitalia kif ukoll minħabba l-importanza tar-riskji kummerċjali li kienu għadhom preżenti fil-pjan. Bdiet għaldaqstant it-tielet fażi fejn matulha saru laqgħat bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni. Dawn il-laqgħat ippermettew li jsir titjib addizzjonali għall-pjan fuq ċerti punti, jiġifieri proċess iktar mgħaġġel ta’ tnaqqis tal-ispejjeż, tnaqqis fiż-żieda ta’ kapital u trasferiment tal-ishma li Alitalia kellha fil-kumpannija Ungeriża Malév kif ukoll f’sitt ajruporti reġjonali Taljani.

542    Minn dan jirriżulta li fil-bidu l-pjan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat kompatibbli mas-suq komuni. It-trasferiment ta’ ishma ta’ Alitalia f’Malév kien parti mit-titjib fil-pjan li ppermetta lill-Kummissjoni, wara li kkonsultat il-konsulenti tagħha, sabiex tikkunsidra li dan il-pjan kien realistiku u li kien jippermetti ritorn għall-vijabbiltà ta’ Alitalia fi żmien raġonevoli. Dan it-trasferiment kien jikkostitwixxi għaldaqstant kundizzjoni sine qua non tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni.

543    Alitalia ma tistax għaldaqstant tallega li l-kundizzjoni Nru 8 kienet intiża biss sabiex jittejjeb il-vijabbiltà tal-pjan u li, anki fin-nuqqas ta’ din il-kundizzjoni, il-pjan xorta waħda kien ikun jista’ jsaħħaħ il-kumpannija b’mod li, fi żmien raġonevoli, din tkun tista’ terġa’ ssir vijabbli. F’kull każ, Alitalia ma renexxilhiex tipprova dan.

544    Għaldaqstant l-ebda wieħed mill-ilmenti magħmula kontra l-kundizzjoni Nru 8 mhuwa fondat.

 Kundizzjoni impliċita: oneru tar-responsabbiltà fir-rigward ta’ rtirar kmieni

–       L-argumenti tal-partijiet

545    Alitalia tesponi li l-verżjoni inizjali tal-pjan ta’ ristrutturar kien jikkomporta l-irtirar kmieni ta’ 700 impjegat. Wara talba għal kjarifiki min-naħa tal-Kummissjoni, li kienet issostni l-ipoteżi li l-ispiża ta’ din il-miżura kienet tikkostitwixxi fiha nnifisha għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Taljani ppreċiżaw li dan ma kienx il-każ, mhux biss peress li din il-miżura kienet ta’ applikazzjoni ġenerali, iżda wkoll, peress li ma kinitx l-impriża li kellha tibbenefika minn din il-miżura iżda l-impjegati tagħha. Billi għeddet li tiftaħ proċeduri ad hoc, il-Kummissjoni waslet sabiex wara kollox timponi fuq l-awtoritajiet Taljani li jqiegħdu l-oneru kollu tal-ispiża ta’ dan l-irtirar kmieni fuq Alitalia.

546    Peress li ma kienx ikun possibbli li tikseb deċiżjoni pożittiva mingħand il-Kummissjoni jekk ma tassumix l-oneru tal-ispiża ta’ dan l-irtirar kmieni, Alitalia infurmat lill-Kummissjoni li hija kienet lesta tassumi dan l-oneru bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tammetti li l-operazzjoni kienet tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat.

547    Alitalia ssostni li, fir-rikors tagħha fil-kawża T-296/97, hija kienet ikkritikat lill-Kummissjoni talli ppenalizzat ir-riżultat tal-kalkolu tar-rendiment intern billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispiża ta’ din il-miżura u imponiet fuqha din il-kundizzjoni preliminari mingħajr konsegwenzi pożittivi għall-kumpannija. Għandu jingħad li fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet biss fir-rigward tal-ilment relatat mal-kalkolu tar-rata interna, iżda mhux fuq l-aġir tal-Kummissjoni.

548    Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, Alitalia tagħmel żewġ ilmenti kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, fl-2001, l-opportunità li żżomm l-istess pożizzjoni li hija kienet adottat fl-1997. Ma kienx hemm kuntradittorju f’dan ir-rigward, minkejja l-fatt li s-sitwazzjoni kienet inbiddlet. Skont Alitalia, jekk il-Kummissjoni kellha xi dubji dak iż-żmien fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-sistema mas-suq komuni, illum hija kien ikollha tqajjimhom, jew inkella tikkonfermahom billi tibda’ kawża.

549    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rabtet indebitament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-approvazzjoni tal-investiment tal-IRI f’Alitalia mal-kundizzjoni li hija tobbliga ruħha tħallas l-ispiża tal-irtirar kmieni ta’ 700 mill-impjegati tagħha, liema kundizzjoni hija illegali peress li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti, fuq analiżi superfiċjali tas-sistema ta’ rtirar kmieni, fuq applikazzjoni diskriminatorja tal-prinċipji tat-Trattat fil-konfront ta’ Alitalia u fuq użu skorrett mill-Kummissjoni tas-setgħat tagħha li ġiegħlu lil Alitalia tissuġġetta ruħha għar-rieda tagħha u li tħallas qabel id-Deċiżjoni tal-1997.

550    Il-Kummissjoni tikkonstata li Alitalia tipprova terġa’ tiftaħ dibattitu li diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq. Hija ssostni li ma jistax jiġi kkontestat li l-kumpannija aċċettat l-oneru inkwistjoni, peress li qabel kollox dan hu attribwibbli lill-awtoritajiet Taljani, li jixtiequ manifestament li l-Kummissjoni ma tinvestigax iktar fid-dettall is-sistema ta’ rtirar kmieni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. Hija żżid li hija ma setgħetx ma tiftaħx il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE jekk kellha dubji serji dwar in-natura tas-sistema inkwistjoni, u dan lilhinn minn kull kostrizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

551    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza Alitalia I, punt 8 iktar ’il fuq (punti 152 sa 156) li:

“Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ġiegħlitha b’mod arbitrarju sabiex tieħu f’idejha l-oneru tal-ispiża, li kienet f’idejn l-Istat skont id-Digriet Liġi Nru 546 tat-23 ta’ Ottubru 1996 (li sar il-Liġi Nru 649 tal-20 ta’ Diċembru 1996), tal-irtirar kmieni ta’ 700 mill-ħaddiema tagħha, billi naqset b’mill-inqas żewġ punti, skont il-kalkoli tal-konsulenti tal-Kummissjoni, ir-rata ta’ vijabbiltà tal-investiment tal-IRI.

Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti impenjat ruħha irrevokabbilment, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni [tal-1997], li tieħu f’idejha l-ispejjeż tal-irtirar kmieni ta’ 700 impjegat […] Għalhekk, l-evalwazzjoni ġuridika u d-dispożittiv tad-Deċiżjoni [tal-1997] ma jinkludu l-ebda ħjiel tad-deċiżjoni tar-rikorrenti li ssostni dawn l-ispejjeż. Il-Kummissjoni tieħu konjizzjoni ta’ dan biss fil-parti intitolata ‘Il-fatti’, fid-Deċiżjoni [tal-1997].

Anki jekk, inizjalment, ir-rikorrenti aċċettat l-impenn inkwistjoni bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni finali tirrikonoxxi li r-rikapitalizzazzjoni tikkostitwixxi investiment konformi tal-kriterju tal-investitur privat, għandu jiġi kkonstatat li, bit-tqegħid taħt sekwestru tas-somma għall irtirar kmieni, f’Lulju tal-1997, dan l-impenn sar irrevokabbli […] Il-Kummissjoni kellha għaldaqstant tivverifika jekk l-investiment kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat fid-dawl ta’ din ir-realtà ġdida.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti setgħet irreżistiet, matul il-proċedura amministrattiva, għall-allegata pressjoni min-naħa tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenn inkwistjoni jew, alternattivament, hija setgħet, bħal fil-każ tal-‘kundizzjonijiet’ l-oħra, tevita li taċċetta impenn unilaterali irrevokabbli. Li kieku r-rikorrenti kienet ġabet ruħha b’dan il-mod matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet tadotta pożizzjoni fuq il-kwistjoni tal-ispejjeż ta’ rtirar kmieni ta’ 700 impjegat fid-Deċiżjoni [tal-1997] jew f’deċiżjoni oħra li l-legalità tagħha setgħet ġiet evalwata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kalkolu allegatament żbaljat tar-rata interna minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ġiegħlitha tassumi l-oneru tal-ispiża tal-irtirar kmieni ta’ 700 mill-impjegati tagħha għandu jiġi miċħud.”

552    Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx biss fir-rigward tal-kalkolu żbaljat tar-rata interna minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ rtirar kmieni, iżda wkoll fir-rigward tal-allegata pressjoni min-naħa tal-Kummissjoni sabiex taċċetta l-impenn inkwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li Alitalia setgħet irreżistietha jew li setgħet evitat li taċċetta impenn unilaterali “irrevokabbli”. L-argument tal-kostrizzjoni ġie għaldaqstant miċħud u ma jistax jiġi eżaminat mill-ġdid fil-kuntest ta’ din il-kawża.

553    Barra minn hekk Alitalia żbaljatament tinvoka li kien neċessarju li l-Kummissjoni tinvestiga mill-ġdid fl-2001 il-pożizzjoni li hija kienet adottat fl-1997. Fil-fatt, biex adottat id-deċiżjoni l-ġdida tagħha, wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-1997 mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kellha terġa’ tidħol fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-1997 u tevalwa l-pjan innotifikat fir-rigward tal-elementi li hija kellha dak iż-żmien (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

554    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE huwa suġġett għal regoli stretti ħafna. Ġaladarba Alitalia kienet ħadet l-impenn irrevokabbli li tieħu f’idejha l-oneru tal-ispejjeż ta’ rtirar kmieni, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar tiftaħ kawża kontra r-Repubblika Taljana sabiex tinvestiga din is-sistema ta’ rtirar kmieni fid-dawl tal-għajnuna mill-Istat.

555    Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti ta’ Alitalia fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni impliċita dwar l-irtirar kmieni.

556    Peress li l-ebda lment magħmul minn Alitalia kontra l-kundizzjonijiet kontenzjużi ma ġie milqugħ, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

557    Jirriżulta għalhekk li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni parti tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda.

558    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi kollu kemm hu miċħud.

559    M’hemmx lok li tiġi milqugħa t-talba ta’ Alitalia għal miżuri istruttorji. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tal-konsulenti tagħha, tal-1 ta’ Ġunju 2001, anness mas-sottomissjonijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, l-elementi differenti ta’ kalkolu u ta’ evalwazzjoni mitluba jirriżultaw mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari minn dawk annessi mar-rikors mill-Alitalia.

 Fuq l-ispejjeż

560    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi Alitalia tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Alitalia – Linee aeree Italiane SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

       Jürimäe

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Lulju, 2007.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

1.  Motivazzjoni insuffiċjenti tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-kundizzjonijiet imposti fid-Deċiżjoni tal-1997

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 233 KE

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

1.  Determinazzjoni tar-rata minima

a)  Applikazzjoni fil-konfront ta’ Alitalia tar-rata minima li intużat fid-Deċiżjoni Iberia

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni serju tar-rilevanza tal-aħħar verżjoni tal-pjan fil-kalkolu tar-rata minima

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c)  Teħid inkunsiderazzjoni ta’ premessi żbaljati fil-kalkolu tar-rata minima

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Il-metodu għall-kalkolu tar-rata minima

–  Riskji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni

2.  Determinazzjoni tar-rata interna

a)  Ammont tal-ispejjeż ta’ insolvenza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Evalwazzjoni tar-rata interna abbażi tal-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c)  In-natura żbaljata ta’ ċertu parametri użati mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

d)  L-effett tal-konverżjoni tas-self f’kapital fuq il-kalkolu tar-rata interna

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3) KE

1.  Fuq l-ammissibbiltà

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-mertu

a)  Ilmenti mressqa kontra kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata inġenerali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Ilmenti speċifiċi mressqa kontra ċertu kundizzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata

Kundizzjoni Nru 2: projbizzjoni ta’ għajnuna ġdida

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni Nru 3: projbizzjoni mix-xiri ta’ ishma fi trasportaturi bl-ajru oħrajn

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni Nru 4: projbizzjoni ta’ trattament preferenzjali favur Alitalia

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni Nru 5: limitazzjoni tal-kapaċità

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni Nru 6: żamma ta’ kontabbiltŕ analitika

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni Nru 7: projbizzjoni tal-prattika tal-price leadership

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni Nru 8: trasferiment tas-sehem f’Malév

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Kundizzjoni impliċita: oneru tar-responsabbiltà fir-rigward ta’ rtirar kmieni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.