Language of document : ECLI:EU:T:2008:262

Kawża T-301/01

Alitalia – Linee aeree italiane SpA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Rikapitalizzazzjoni ta’ Alitalia min-naħa tal-awtoritajiet Taljani — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Deċiżjoni meħuda wara sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla deċiżjoni preċedenti — Ammissibbiltà — Ksur tal-Artikolu 233 KE — Ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE — Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE)

3.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Portata — Adozzjoni ta’ att ġdid ibbażat fuq l-atti preparatorji validi preċedenti — Ammissibilità

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 7(2) u (3))

4.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni — Terminu raġonevoli

(Artikolu 233 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu l-kummenti tagħhom

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterju tal-investitur privat

(Artikolu 87(1) KE)

7.      Rikors għal annullament — Motivi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Żball li ma jinfluwenzax ir-riżultat b’mod determinanti — Motiv irrilevanti

8.      Rikors għal annullament — Motivi — Motivi li jistgħu jitqajmu kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Effett tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Artikolu 87(3) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 94/C 350/07)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Investigazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar previsti mill-impriża benefiċjarja tal-għajnuna

(Artikolu 87(3) KE)

1.      Sabiex rikorrent ikun jista’ jressaq rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni, jeħtieġ li jżomm interess personali għall-annullament tad-deċiżjoni. Dan huwa l-każ ta’ impriża li, minkejja li tkun kisbet il-ħlas kollu tal-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar, tfittex li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, fejn din id-deċiżjoni sservi bħala bażi legali għal deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni li tawtorizza l-ħlas tal-aħħar parti tal-għajnuna. Fil-fatt, li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkwalifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, dan l-annullament ikollu konsegwenzi ġuridiċi fuq id-deċiżjoni ulterjuri, liema deċiżjoni tispiċċa mingħajr bażi legali.

(ara l-punti 37, 40-42)

2.      It-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk att Komunitarju jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Għalhekk, ladarba rikorrent kien strettament assoċjat mal-proċess ta’ elaborazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u kien jaf għaldaqstant ir-raġunijiet li għalihom l-amministrazzjoni qieset li ma kellhiex tilqa’ t-talba tiegħu, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq il-kuntest maħluq minn din il-parteċipazzjoni. F’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza fis-suġġett jonqsu kunsiderevolment.

Ladarba d-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet adottata wara deċiżjoni preliminari li kienet is-suġġett ta’ sentenza għal annullament li tiddeskrivi l-fatti, il-proċedura amministrattiva u l-kontenut tad-deċiżjoni annullata, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti.

(ara l-punti 57, 69)

3.      L-annullament ta’ att Kommunitarju li jtemm proċedura amministrattiva li tiġbor fiha fażijiet differenti ma jagħtix neċessarjament lok għall-annullament tal-proċeduri kollha li jippreċedu l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, ta’ mertu jew ta’ proċedura, tas-sentenza ta’ annullament.

Meta, minkejja l-eżistenza ta’ atti istruttorji li jippermettu analiżi eżawrjenti tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tirriżulta inkompleta u għalhekk tikkawża l-illegalità tad-deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi din id-deċiżjoni tista’ tkompli minn dan il-punt billi ssir analiżi ġdida tal-atti istruttorji. Barra minn hekk, il-possibbiltà li ma jitkomplewx il-proċeduri kollha li jippreċedu l-adozzjoni ta’ att meħud sabiex jissostitwixxi att ieħor mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun ġie annullat minħabba difetti ta’ proċedura.

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ma jeżisti ebda obbligu ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ komunikazzjoni ġdida u tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex jiġu kkonsultati mill-ġdid l-investituri finanzjarji u l-esperti, peress li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, ma tipprovdi għall-ftuh mill-ġdid tal-proċedura fil-każ fejn isiru emendi għall-proġett inizjali li jinsab fl-istadju tal-investigazzjoni formali, anki jekk tali emendi huma previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 100, 101, 103, 142, 143)

4.      L-obbligu li istituzzjoni Komunitarja għandha li teżegwixxi sentenza ta’ annullament mogħtija minn qorti Komunitarja jirriżulta mill-Artikolu 233 KE. Din l-eżekuzzjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri amministrattivi u ma tistax normalment issir immedjatament. L-istituzzjoni kkonċernata għandha terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza li tannulla waħda mid-deċiżjonijiet tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu jkunx raġonevoli jew le tiddependi fuq in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

Terminu ta’ seba’ xhur bejn il-qari ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tikkwalifika l-proġett li ġie nnotifikat bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli taħt ċerti kundizzjonijiet mas-suq komuni, u d-data ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni ma jistax jiġi kkunsidrat eċċessiv ladarba jservi biex jiġu dedotti l-konsegwenzi prattiċi tas-sentenza ta’ annullament, b’mod partikolari billi ssir, abbażi tal-elementi disponibbli, applikazzjoni ġdida tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq - li jippresupponi analiżi finanzjarja fil-fond.

L-impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna ma tistax tiddeduċi li kien hemm ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mis-sempliċi nuqqas ta’ appell min-naħa tal-Kummissjoni kontra s-sentenza ta’ annullament, billi din is-sentenza ma teskludix li d-deċiżjoni kkontestata tiġi adottata mill-ġdid u billi l-Kummissjoni tibbenefika, sabiex tikkonstata l-konsegwenzi prattiċi ta’ din is-sentenza, minn terminu itwal minn dak ta’ xahrejn li fih hija kellha tippreżenta l-appell tagħha kontra din is-sentenza.

(ara l-punti 155, 156, 162)

5.      L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, ma timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li toffri mill-ġdid lil terzi kkonċernati, li d-dritt tagħhom li jesponu l-osservazzjonijiet tagħhom ikun ġie żgurat permezz tal-pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali dwar id-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali u li kienu strettament assoċjati mal-investigazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża li tat lok għal deċiżjoni preliminari, li tkun ġiet annullata u ssostitwita minn deċiżjoni sussegwenti, din il-possibbiltà fil-kuntest tal-investigazzjoni li tkun tat lok għal din it-tieni deċiżjoni, peress li l-Kummissjoni kellha tibbaża l-analiżi l-ġdida tagħha esklużivament fuq informazzjoni li hija kellha meta tat l-ewwel deċiżjoni tagħha, informazzjoni li fuqha t-terzi kienu diġà adottaw pożizzjoni, b’mod li ma kienx hemm lok li dawn jiġu kkonsultati mill-ġdid.

(ara l-punt 174)

6.      L-evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk investiment jissodisfax il-kriterju tal-investitur privat timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Issa, il-Kummissjoni, meta tadotta att li jimplika evalwazzjoni ekonomika daqstant kumplessa, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att, anki jekk bħala prinċipju huwa sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti magħżula sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtriċi tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 185)

7.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, l-invokazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni huwa mingħajr effett u mhuwiex għaldaqstant suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, ma setax kellu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat.

(ara l-punt 307)

8.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq minn impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat kontra d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, meħuda b’riżerva għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, il-motiv imressaq kontra l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-osservanza tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli minħabba li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex attribwibbli lill-Kummissjoni, li għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni.

Mhuwiex eskluż li impriża li qed tibbenefika minn għajnuna tista’ tikkontesta, quddiem il-Qrati Komunitarji, il-kundizzjonijiet li magħhom hija marbuta deċiżjoni li tippreġudikaha, fl-ipoteżi fejn dawn kienu s-suġġett ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll ta’ impenji min-naħa ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 380, 381, 383)

9.      Il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha regoli għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha permezz ta’ atti, bħal mhuma l-linji gwida, safejn dawn jinkludu regoli li jindikaw kif għandha timxi din l-istituzzjoni mingħajr ma tmur kontra r-regoli tat-Trattat. Issa, il-Komunikazzjoni fuq l-Avjazzjoni teżiġi li l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi inkluża fi pjan intiż sabiex tissaħħaħ il-kumpannija tal-ajru b’mod li, fi żmien raġonevoli, hija tkun tista’ terġa’ ssir vijabbli. Skont il-punti 38(1) u (2), u 41 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna għar-ristrutturar biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna u taħt kundizzjonijiet stretti ħafna. Minn dan isegwi li, f’deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni tista’ timponi kull kundizzjoni li hija tqis indispensabbli sabiex tiżgura li l-impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna, wara li din tiġi ristrutturata, issir vijabbli. Min-naħa l-oħra, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ma teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha imposti f’dan il-kuntest ikunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriża. Bil-kontra ta’ dan minn din il-komunikazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għandha wkoll tipprova tillimita kemm jista’ jkun id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tishar sabiex il-Gvern jibqa’ lura milli jinvolvi ruħu fl-amministrazzjoni tal-kumpannija għal raġunijiet li mhumiex dawk derivanti mid-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà kif ukoll sabiex l-għajnuna tintuża esklużivament għall-finijiet tal-programm ta’ ristrutturar u ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-bżonnijiet.

(ara l-punti 405-408)

10.    Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tipparaguna l-miżuri ta’ ristrutturar previsti mill-impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna ma’ dawk adottati minn kumpanniji oħra li jifformaw parti mill-istess settur ekonomiku, xorta jibqa’ l-fatt li r-ristrutturar ta’ impriża għandu jiffoka fuq il-problemi intrinsiċi tagħha u li l-esperjenzi ta’ impriżi oħra, li jkunu jinsabu f’kuntesti ekonomiċi u politiċi differenti, f’perijodi ta’ żmien differenti, jistgħu ma jkunux rilevanti.

(ara l-punt 478)