Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Burgas (il-Bulgarija) fl-1 ta’ Diċembru 2023 – “Beach and bar management” EOOD vs Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” Burgas

(Kawża C-733/23, Beach and bar management)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Burgas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Beach and bar management” EOOD

Konvenut: Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” Burgas

Domandi preliminari

L-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 u l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ diversi istanzi ta’ ksur ta’ obbligi fiskali tista’ tiġi imposta, bħala sanzjoni, miżura ġenerali waħda li tinvolvi l-“issiġillar tal-istabbiliment kummerċjali marbut ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għal dan l-istabbiliment”, meta fejn l-għan ta’ din il-miżura jkun biss li jiġu limitati l-effetti dannużi tal-ksur, inklużi d-danni għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u mhux li jiġi ppenalizzat l-awtur tal-ksur, u meta din il-miżura ma tillimitax il-possibbiltà li jiġu implimentati, fil-konfront ta’ dan l-awtur tal-ksur u għal kull waħda mill-istanzi ta’ ksur ta’ obbligi fiskali, proċeduri distinti u awtonomi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq il-kontribwent, u dan f’sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali hija meħtieġa teżamina u tiddetermina, f’kull każ partikolari, liema huwa l-għan tal-miżura ġenerali diġà imposta li tinvolvi l-“issiġillar tal-istabbiliment kummerċjali marbut ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għal dan l-istabbiliment”, jiġifieri jekk huwiex għan ta’ prevenzjoni jew ta’ sanzjoni?

L-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, irrispettivament min-natura u mill-gravità tal-ksur, sanzjoni pekunjarja li l-ammont minimu tagħha huwa wieħed kunsiderevoli, mingħajr ma huwa possibbli li din is-sanzjoni tiġi imposta f’ammont inqas minn dan l-ammont minimu jew li tiġi ssostitwita b’sanzjoni inqas oneruża?

L-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll l-Artikolu 47(1), l-Artikolu 48(1) u l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li diversi istanzi ta’ ksur ta’ obbligi fiskali jistgħu jkunu suġġetti għal miżura ġenerali waħda li tinvolvi l-“issiġillar tal-istabbiliment kummerċjali marbut ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għal dan l-istabbiliment”, li tista’ tiġi eżegwita b’mod provviżorju qabel ma ssir definittiva, u dan mingħajr ma jkunx possibbli, la għall-qorti u lanqas għall-awtur tal-ksur stess, li jevalwaw jekk din il-miżura hijiex proporzjonata mal-gravità ta’ kull wieħed mid-diversi istanzi ta’ ksur amministrattiv ikkunsidrati b’mod iżolat?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.