Language of document : ECLI:EU:T:2012:118

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Marzu 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva ELLA VALLEY VINEYARDS — Trade marks nazzjonali u Komunitarja preċedenti ELLE — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà li ssir assoċjazzjoni — Rabta bejn is-sinjali — Reputazzjoni — Assenza ta’ xebh tas-sinjali — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑32/10,

Ella Valley Vineyards (Adulam) Ltd, stabbilita f’Ġerusalem (l-Iżrael), irrappreżentata minn C. de Haas u O. Vanner, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Hachette Filipacchi Presse (HFP), stabbilita f’Levallois-Perret (Franza), irrappreżentata minn C. Moyou Joly, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-11 ta’ Novembru 2009 (Każ R 1293/2008-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Hachette Filipacchi Presse (HFP) u Ella Valley Vineyards (Adulam) Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Jannar 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2010,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2010,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Awwissu 2010,

wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-4 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti, Ella Valley Vineyards (Adulam) Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Inbid”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 37/2005, tat-12 ta’ Settembru 2005.

5        Fit-12 ta’ Diċembru 2005, l-intervenjenti, Hachette Filipacchi Presse (HFP) ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq iż-żewġ trade marks preċedenti li jikkorrispondu għas-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

7        Dawn huma, minn naħa, it-trade mark Komunitarja figurattiva, ippreżentata fit-30 ta’ Ottubru 2003 u rreġistrata fil-11 ta’ Ottubru 2005 bin-Numru 3475365, li tkopri, b’mod partikolari, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 16 u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Perjodiki” u “Kotba” u, min-naħa l-oħra, it-trade mark Franċiża figurattiva, ippreżentata fis-27 ta’ Ġunju 1989 u rreġistrata fis-27 ta’ Ġunju 1999 bin-numru 1538354, li tkopri, b’mod partikolari, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 16 u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Perjodiki” u “Kotba”.

8        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009).

9        Fit-8 ta’ Lulju 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni billi qieset li s-sinjali kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu biżżejjed biex tkun teżisti probabbiltà li l-pubbliku jassoċja t-trade marks jew jistabbilixxi rabta bejniethom, liema fatt kien jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

10      Fit-8 ta’ Settembru 2008, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      B’deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Il-Bord tal-Appell qabelxejn ikkunsidra li, fid-dawl tax-xebh bejn is-sinjal inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi rabta bejn l-imsemmija sinjali. Skont il-Bord tal-Appell, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mill-element verbali dominanti “ella”, li, fuq il-livell viżiv, jixbah is-sinjali preċedenti, sa anki t-tipografija partikolari tiegħu. L-elementi l-oħra tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex distintivi, peress li dawn huma komunament użati fil-qasam tal-inbejjed. Barra minn hekk, l-elementi “ella” u “valley” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhomx l-istess importanza fuq il-livell kunċettwali. Il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix il-kelma “ella” bħala indikazzjoni ġeografika assoċjata mal-kelma “valley” iżda bħala isem jew pronom femminili. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra wkoll li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet stabbilita fit-territorju tal-Unjoni Ewropea għal xi rivisti.

13      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rivista Elle, li tgawdi minn prestiġju kbir mal-pubbliku, kienet assoċjata ma’ immaġni partikolari ta’ eleganza marbuta mal-istil ta’ ħajja Franċiż, li ma kienx limitat għall-moda, iżda li kien jestendi wkoll għall-gastronomija. Issa, teżisti konnessjoni bejn il-pubblikazzjonijiet relatati mal-gastronomija u dawk dwar l-inbejjed. Barra minn hekk, ir-rivista Elle tiffoka fuq rivisti b’temi relatati mal-gastronomija u mal-inbejjed bħar-rivista Elle À TABLE u folji b’riċetti kulinarji. Barra minn hekk, ir-rivista Elle, minn naħa, kienet ġiet assoċjata direttament ma’ sponsorship ta’ nbejjed (Cuvée ELLE) u, min-naħa l-oħra, b’mod regolari tagħti suġġerimenti lill-qarrejja tagħha sabiex jixtru nbejjed magħżula għall-kwalità tagħhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li hija toffri lill-pubbliku nbejjed bi trade mark li l-element dominanti tagħha hija kelma li tixxiebah ħafna għall-kelma Elle miktuba bl-istess tipa jimplika probabbiltà kbira li r-rikorrenti tikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, il-konsumatur ta’ nbejjed tal-Unjoni jkun jaf bir-rivista Elle u jista’ jistabbilixxi rabta bejnha u bejn l-inbejjed tar-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Hija ssostni li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza sabiex il-pubbliku rilevanti jkun jista’ jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex sodisfatti. Għalhekk, l-ewwel nett, is-sinjali inkwistjoni ma għandhom l-ebda xebh partikolari, it-tieni nett, il-prodotti inkwistjoni huma differenti u t-tielet nett, it-trade marks preċedenti jgawdu biss minn reputazzjoni limitata. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tikseb ebda vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

18      Minn kliem l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għat-tliet kundizzjonijiet segwenti: l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu, mingħajr raġuni valida, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew inkella jikkawżalhom ħsara. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex din id-dispożizzjoni ssir inapplikabbli [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2011, Aktieselskabet af 21. november 2001 vs UASI — Parfums Givenchy (only givenchy), T‑586/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2009, Spa Monopole vs UASI — De Francesco Import (SpagO), T‑438/07, Ġabra p. II‑4115, punt 15; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, Ġabra p. I‑8823, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata].

20      L-eżistenza, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha tiġi evalwata b’mod globali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, punt 19 iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat liema fatturi jistgħu jkunu rilevanti fl-evalwazzjoni globali intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-imsemmija rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti. Għalhekk, fost dawn il-fatturi, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett semmiet il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, it-tieni nett, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma rispettivament irreġistrati, inkluż il-livell ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, it-tielet nett, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ir-raba’ nett, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu, tat-trade mark preċedenti u l-ħames nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku (sentenza Intel Corporation, punt 19 iktar ’il fuq, punt 42).

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li, f’dan il-każ, għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

23      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza tar-rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti li fuqha jiddependi t-twettiq tal-aġir abbużiv imsemmi fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jippresupponi li l-pubbliku kkonċernat bil-prodotti jew is-servizzi li għalihom l-imsemmija trade marks huma rreġistrati huwa l-istess jew jikkoinċidi sa ċertu punt (sentenza Intel Corporation, punt 19 iktar ’il fuq, punti 46 sa 49).

24      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, li fir-rigward tagħhom hija invokata r-reputazzjoni tagħhom, jiġifieri l-“perjodiki” u l-“kotba”, huwa kkostitwit mill-pubbliku ġenerali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2009, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (100 u 300), T‑425/07 u T‑426/07, Ġabra p. II‑4275, punt 24, u Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (222, 333 u 555), T‑200/07 sa T‑202/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26]. F’dan ir-rigward, sa fejn waħda miż-żewġ trade marks preċedenti, li fuqhom l-intervenjenti bbażat l-oppożizzjoni tagħha, hija trade mark Komunitarja, il-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni.

25      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-“inbid”, huma wkoll intiżi għall-pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-inbejjed li huma suġġetti għal distribuzzjoni ġġeneralizzata li tkopri mis-sezzjoni tal-ikel tal-kumplessi kummerċjali sar-ristoranti u l-kafeteriji, huma prodotti li jiġu kkunsmati b’mod regolari, li l-pubbliku rilevanti tagħhom huwa l-konsumatur medju tal-prodotti li jiġu kkunsmati fi kwantitajiet kbar, meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2009, Dominio de la Vega vs UASI — Ambrosio Velasco (DOMINIO DE LA VEGA), T‑458/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27, u tat-23 ta’ Settembru 2009, Viñedos y Bodegas Príncipe Alfonso de Hohenlohe vs UASI — Byass (ALFONSO), T‑291/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-konsumaturi kkonċernati mill-prodotti koperti mis-sinjali kunfliġġenti huma l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, dawn “jikkoinċidu” skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

27      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jagħti prova ta’ livell ta’ attenzjoni ogħla minn dak medju, peress li dan il-pubbliku huwa partikolarment eżiġenti sa fejn dawn il-prodotti għandhom il-partikolarità li huma inbejjed “koxer”, dan ma jistax jiġi milqugħ.

28      Fil-fatt, qabelxejn, mill-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq jirriżulta li l-konsumatur tal-inbejjed ġeneralment għandu livell ta’ attenzjoni medju. Issa, sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti ssostni li, f’settur partikolari, il-konsumatur joqgħod partikolarment attent għat-trade marks, iżda hija għandha tissostanzja din il-pretensjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, La Sonrisa de Carmen et vs UASI — Harald Heldmann (BLOOMCLOTHES), T‑118/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata], fatt li, f’dan il-każ, hija ma wettqitx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi.

29      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkopri l-inbid b’mod ġenerali u mhux tipi partikolari ta’ nbejjed. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tuża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex tbigħ inbejjed “koxer”, li jaqa’ taħt il-modi ta’ kummmerċjalizzazzjoni speċifiċi tal-prodotti koperti mill-imsemmija trade mark, li jistgħu jvarjaw maż-żmien u li jsegwu r-rieda tal-proprjetarji tagħhom, ma jneħħi xejn mill-fatt, kif wara kollox ammettiet ir-rikorrenti stess matul is-seduta, li l-protezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kieku din kellha tiġi rreġistrata, testendi ruħha għall-inbejjed kollha, b’mod li l-pubbliku rilevanti għandu jiġi ddefinit għall-prodotti tal-“inbid” kollha [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2009, Zero Industry vs UASI — zero Germany (zerorh+), T‑400/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

30      Fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, ir-rikorrenti ssostni li din ma hijiex biżżejjed sabiex il-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom u bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-qasam tal-inbid. Il-fatt li r-rivista Elle tista’ tiddedika artikli jew taqsimiet għall-inbejjed ma jagħtix, lit-trade marks preċedenti, reputazzjoni f’dan il-qasam.

31      F’dan ir-rigward, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni tar-reputazzjoni, trade mark preċedenti għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti u s-servizzi koperti minnha. Fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-kundizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-kwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li għandha t-trade mark preċedenti, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul tal-użu tagħha, kif ukoll l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tirreklamaha, mingħajr ma jkun neċessarju li din it-trade mark tkun magħrufa minn perċentwali partikolari tal-pubbliku hekk iddefinit jew li r-reputazzjoni tagħha testendi għat-territorju kollu kkonċernat, sakemm ir-reputazzjoni teżisti f’parti sostanzjali tiegħu [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, Ġabra p. I‑5421, punti 24, 25 u 27 sa 29, u, fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2008, Mülhens vs UASI — Spa Monopole (MINERAL SPA), T‑93/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

32      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tammetti li, minħabba s-suċċess tar-rivista Elle, it-trade marks preċedenti huma rrinomati fil-qasam tal-perjodiki u tal-kotba fit-territorju tal-Unjoni, jew tal-inqas f’parti sinjifikattiva ta’ dan it-territorju.

33      Issa, mill-ġurisprudenza bl-ebda mod ma jirriżulta li, sabiex jintwera li l-pubbliku rilevanti jista’ jqabbel it-trade marks kunfliġġenti billi jistabbilixxi rabta bejniethom, huwa meħtieġ li jiġi pprovat li t-trade marks preċedenti kisbu reputazzjoni fil-qasam tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jistabbilixxi li t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni fil-qasam tal-inbejjed.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss jekk il-pubbliku kkonċernat mill-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u dak ikkonċernat mill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma distinti, li jista’ jkun meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-reputazzjoni testendix lil hinn mill-pubbliku li għalih din it-trade mark hija intiża (sentenza Intel Corporation, punt 19 iktar ’il fuq, punti 51 sa 53). Madankollu, f’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 26 iktar ’il fuq, il-prodotti koperti bit-trade marks preċedenti u dawk koperti bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkonċernaw, għallinqas parzjalment, l-istess pubbliku.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet biżżejjed sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jistabbilixxi rabta bejniethom u bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali kunfliġġenti

36      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ identiċità jew ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, għandhom jiġu mqabbla t-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

37      F’dan ir-rigward, preliminarjament għandu jitfakkar li, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar ix-xebh tat-trade marks stabbilita fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li jintwera li teżisti, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Huwa biżżejjed li l-livell ta’ xebh bejn dawn iż-żewġ trade marks ikollu l-effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom [ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punti 27 u 31, u tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et vs Bellure et, C‑487/07, Ġabra p. I‑5185, punt 36; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ April 2008, Citigroup u Citibank vs UASI — Citi (CITI), T‑181/05, Ġabra p. II‑669, punti 64 u 65]. F’dan ir-rigward, iktar ma t-trade marks kunfliġġenti jkunu jixxiebhu, iktar huwa probabbli li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tfakkar lill-pubbliku rilevanti fit-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (sentenza Intel Corporation, punt 19 iktar ’il fuq, punt 44).

38      L-evalwazzjoni globali intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑137/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u tal-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI — Spa Monopole (SPALINE), T‑21/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18).

39      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2009, Trubion Pharmaceuticals vs UASI — Merck (TRUBION), T‑412/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata].

40      Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball meta kkonkluda li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu biżżejjed biex il-pubbliku rilevanti jkun jista’ jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks inkwistjoni.

41      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qabelxejn ikkunsidra li l-kelma “ella” kienet l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dan minħabba l-fatt li din il-kelma kienet miktuba b’ittri kapitali ta’ daqs kbir, kif ukoll minħabba l-karattru distintiv żgħir tal-elementi verbali u figurattivi l-oħra. Sussegwentement, billi bbaża ruħu fuq din il-premessa, huwa kkonkluda li l-pubbliku kkonċernat seta’ jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks inkwistjoni minħabba l-qrubija bejn l-element dominanti “ella” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-sinjal uniku li jikkostitwixxi t-trade marks preċedenti ELLE.

42      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita minn rettangolu ta’ kulur iswed li għandu bordura rqiqa ta’ kulur abjad, li jirreplika t-tikketta ta’ flixkun inbid. Il-kliem “ella” u “valley” huma miktuba b’ittri kapitali bojod fuq in-naħa ta’ ġewwa tar-rettangolu. Il-kelma “vineyards” hija miktuba b’ittri kapitali suwed taħt ir-rettangolu.

43      Issa, għalkemm, hekk kif ġie rrilevat mill-Bord tal-Appell, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni l-kelma “ella” hija ta’ daqs ikbar milli l-kelma “valley” u hija mqiegħda fuqha, għandu jiġi kkunsidrat li t-tqassim tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa tali li dawn iż-żewġ kelmiet ma jistgħux jitqiesu separatament. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “ella” u “valley” it-tnejn li huma jinsabu fir-rettangolu ta’ kulur iswed u huma miktuba b’tipa u kulur identiċi. Għalhekk, minħabba l-kontigwità ta’ dawn iż-żewġ kelmiet fir-rettangolu ta’ kulur iswed, kif ukoll minħabba l-kulur u t-tipa identiċi tagħhom, u minkejja d-differenza fid-daqs tagħhom, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-frażi “ella valley” bħala indiviżibbli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumatur normalment jipperċepixxi trade mark bħala indiviżibbli mingħajr ma jwettaq eżami tad-dettalji differenti tagħha (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2011, adp Gauselmann vs UASI, C‑532/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma iktar u iktar rilevanti f’kuntest tal-inbid. Fil-fatt, f’tali kuntest, matul ix-xiri tal-prodott il-konsumatur ta’ spiss jiltaqa’ ma’ tikketti li jkun fihom denominazzjonijiet ikkostitwiti minn frażi li tinkludi kelma segwita mill-kelma “valley”, li tindika wied. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt ġie kkonfermat mill-Bord tal-Appell stess meta, kemm fil-punt 16 kif ukoll fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa semma sensiela ta’ indikazzjonijiet ta’ oriġini tal-inbejjed bħalma huma, b’mod partikolari, “Napa Valley”, “Sonoma Valley” jew “Barrosa Valley”, li huma kkostitwiti b’dan il-mod. Issa, dan l-għadd ta’ indikazzjonijiet ta’ oriġini juru sew li tali denominazzjonijiet huma komuni fis-settur tal-inbid.

45      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta jaqra l-frażi “ella valley” f’daqqa, il-konsumatur rilevanti jkollu t-tendenza li jifhimha bħala li tirreferi għal isem ta’ post ġeografiku li jindika l-oriġini tal-inbid. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li, minkejja li l-konsumatur tal-inbejjed juri livell ta’ attenzjoni medju, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 25 u 28 iktar ’il fuq, huwa rari ma jagħtix kas tal-oriġini tal-inbid meta dan jixtri l-prodott. Konsegwentement, l-imsemmi konsumatur normalment jagħti ċertu attenzjoni għall-indikazzjoni ta’ oriġini tal-inbid li huwa jixtri.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll irrilevat li quddiem il-Qorti Ġenerali r-rikorrenti indikat li l-frażi “ella valley”, bl-Ingliż tirreferi għall-Wied ta’ Ela, fl-Iżrael — imsemmi fil-Bibbja bħala l-post fejn David rebaħ lil Gulija — li fih huwa prodott l-inbid li r-rikorrenti tikkummerċjalizza bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali fatt jistax ikollu l-konsegwenza li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun komposta esklużivament minn sinjali li għandhom karattru deskrittiv — liema kwistjoni ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża — għandu jiġi kkonstatat madankollu li l-fatt li l-frażi “ella valley” tirreferi għal wied li realment jeżisti timmilita favur il-konstatazzjoni li din il-frażi tikkostitwixxi isem ta’ post ġeografiku. F’dan ir-rigward, hekk kif ġie aċċettat mill-partijiet matul is-seduta, kemm il-kelma “ella” kif ukoll il-kelma “elah” huma biss traskrizzjonijiet approssimattivi ta’ kelma bl-Ebrajk, u dan jipermetti li jiġu spjegati d-differenzi fil-kitba bejn dawn iż-żewġ kelmiet.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Bord tal-Appell, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-frażi “ella valley”, meħuda fl-intier tagħha, mingħajr ma jissepara l-elementi verbali li jikkostitwixxuha u, konsegwentement, jifhimha bħala li tirreferi għal isem ta’ post ġeografiku li jindika l-oriġini tal-inbid.

48      Fir-rigward tal-kelma “vineyards”, ma huwiex ikkontestat li din il-kelma, sa fejn tirreferi għall-kunċett ta’ “għalqa tad-dwieli”, tirreferi, għall-inqas għall-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem bl-Ingliż, għall-oriġini tal-prodott kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għaldaqstant għandha karattru li ma huwiex wisq distintiv. Għalhekk, fid-dawl ukoll tad-daqs żgħir tagħha u tal-pożizzjoni tagħha fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, ma tistax tiġi pperċepita mill-konsumatur bħala l-element li jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni, li madankollu mhux bilfors ifisser li din il-frażi għandha titqies bħala negliġibbli fl-impressjoni sħiħa li tagħti t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu għaldaqstant jingħad li hija l-frażi “ella valley” meħuda fl-intier tagħha — u mhux, kif ikkunsidraha l-Bord tal-Appell, l-element “ella” biss — li tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni globali intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni, f’dan il-każ għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, titwettaq bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bl-element dominanti jkun ikkostitwit mill-frażi “ella valley”, mingħajr ma l-elementi l-oħra madankollu jkunu negliġibbli.

50      Issa, f’kuntest bħal dan, għandu jiġi kkonstatat li, fuq il-livell viżiv, is-sinjali inkwistjoni għandhom biss livell ta’ xebh żgħir. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li l-ewwel tliet ittri tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma identiċi għal dawk tat-trade marks preċedenti, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed biex jikkontrobilanċja l-għadd kbir ta’ differenzi li jeżistu bejn is-sinjali inkwistjoni. Għaldaqstant, filwaqt li t-trade marks huma komposti minn kelma waħda b’erba’ ittri, l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa kompost minn żewġ kelmiet fuq żewġ linji li flimkien jgħaqqdu għaxar ittri. Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li l-ewwel kelma tal-frażi “ella valley” ma hijiex identika għall-kelma “elle” tat-trade marks preċedenti u li din tiddifferenzja ruħha permezz tal-aħħar ittra. L-element verbali “vineyards” u l-elementi figurattivi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jżidu elementi li joħolqu differenzi fuq il-livell viżiv, anki jekk żgħar, bejn is-sinjali inkwistjoni.

51      F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell u hekk kif jenfasizzaw l-UASI u l-intervenjenti, li t-tipa tal-karattri użati fit-trade marks preċedenti u fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma identiċi, madankollu għandu jiġi kkonstatat li din it-tipa hija pjuttost komuni u tintuża spiss. Konsegwentement, it-tipa tal-karattri użata għall-elementi verbali tas-sinjali kunfliġġenti, f’dan il-każ ma tistax tikkostitwixxi element ta’ natura li jikkontrobilanċja l-għadd kbir ta’ elementi li joħolqu differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni.

52      Fuq il-livell fonetiku, hemm ukoll differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni li jegħlbu l-elementi ta’ xebh. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-tul bejn it-trade marks preċedenti — ikkostitwiti minn kelma waħda b’erba’ ittri — u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni — ikkostitwita minn element verbali dominanti kompost minn żewġ kelmiet li flimkien jgħaqqdu għaxar ittri u minn kelma waħda b’disa’ ittri — toħloq ħoss u ritmu differenti li ma jistgħux jiġu kkontrobilanċjati bl-identiċità tal-ewwel tliet ittri tal-element verbali li jikkostitwixxi t-trade marks preċedenti u tal-ewwel kelma li tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

53      Fuq il-livell kunċettwali, is-sinjali inkwistjoni lanqas ma għandhom livell ta’ xebh suffiċjenti sabiex il-pubbliku rilevanti jkun jista’ joħloq rabta bejn it-trade marks inkwistjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 43 sa 47 iktar ’il fuq, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tevoka f’moħħ il-pubbliku rilevanti isem ta’ post ġeografiku marbut mal-oriġini tal-inbid ikkummerċjalizzat bl-istess trade mark, filwaqt li dan bl-ebda mod ma huwa l-każ fir-rigward tat-trade marks preċedenti. Għalhekk, minkejja li ma huwiex eskluż li, minħabba r-reputazzjoni li jgawdu minnha t-trade marks preċedenti, il-kelma “elle” tista’ tfakkar lil parti mil-pubbliku tal-Unjoni fir-rivista Elle, din ma tneħħi xejn mill-konstatazzjoni li s-sinjali inkwistjoni ma għandhom l-ebda xebh fuq il-livell kunċettwali.

54      F’dak li jikkonċerna x-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, għandu wkoll jiġi osservat li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ppreżentati mill-intervenjenti insostenn tat-teżi tagħha fuq ix-xebh li jeżisti bejn il-kliem “elle” u “ella”, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minkejja li la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jiġu pprojbiti milli jispiraw ruħhom, fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn elementi bbażati fuq il-ġurisprudenza nazzjonali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Evonik Industries vs UASI (Rettangolu bil-kulur porpra b’naħa konvessa), T‑499/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu din ma torbotx lill-qorti tal-Unjoni, billi s-sistema tat-trade mark Komunitarja hija sistema awtonoma li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47, u tat-12 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI — Marcorossi (MARCOROSSI), T‑97/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

55      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, kuntrarjament għal dak konkluż mill-Bord tal-Appell, is-sinjali inkwistjoni f’din il-kawża ma jixxiebhux biżżejjed biex il-pubbliku rilevanti jkun jista’ jassoċja t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade marks preċedenti.

56      Għalhekk, l-evalwazzjoni globali intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti kif meħtieġ mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq, għandha twassal għall-konklużjoni li, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sinjali inkwistjoni, u minkejja r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, f’dan il-każ ma teżistix probabbiltà li dan il-pubbliku jista’ jistabbilixxi tali rabta.

57      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri x-xebh tat-trade marks kunfliġġenti li għandu l-effet li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejn l-imsemmija trade marks, ma hijiex sodisfatta.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex id-dispożizzjoni ssir inapplikabbli (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), hemm lok li r-rikors jiġi milqugħ u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-probabbiltà li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

60      Peress illi l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti. Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-11 ta’ Novembru 2009 (Każ R 1293/2008‑1), hija annullata.

2)      Minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-UASI huwa kkundannat ibati l‑ispejjeż ta’ Ella Valley Vineyards (Adulam) Ltd.

3)      Hachette Filipacchi Presse (HFP) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Marzu 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.