Language of document : ECLI:EU:T:2013:397

Kawżi T‑35/10 u T‑7/11

Bank Melli Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Aspettattivi leġittimi — Eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi adottati — Żball ta’ evalwazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Bażi legali — Forom proċedurali sostanzjali — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Atti li jħassru u li jissostitwixxu fil-mori tal-kawża l-atti kkontestati — Talba mressqa fil-mori tal-kawża sabiex it-talbiet għal annullament jiġu adattati — Terminu għall-preżentata ta’ tali talba — Bidu tad-dekorrenza — Data ta’ komunikazzjoni tal-att ġdid lill-persuni kkonċernati

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011 u Nru 267/12)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni li fil-mori tal-kawża tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata, li sadanittant ġiet revokata — Ammissibbiltà tat-talbiet il-ġodda — Limiti — Atti ipotetiċi li għadhom ma ġewx adottati

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet fundamentali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi — Inklużjoni — Responsabbiltà tal-Istat terz għar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu — Assenza ta’ effett

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu biex il-motivazzjoni tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin tal-adozzjoni tal-att li jikkawżalu preġudizzju jew mill-iktar fis possibbli wara — Limiti — Sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti suġġett għal talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 24(3); Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 15(3), Nru 961/2010, Artikolu 36(3) u Nru 267/2012, Artikolu 46(3))

5.      Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi fl-istess ħin tal-adozzjoni tal-att li jikkawżalu dannu jew mill-iktar fis possibbli wara

6.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Miżuri restrittivi kontra l-Iran fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Atti li jadottaw jew iżommu tali miżuri — Assenza ta’ komunikazzjoni lir-rikorrent — Assenza ta’ effett tal-inqas li jiġi stabbilit dannu għad-drittijiet tar-rikorrent

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

7.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità — Portata — Tqassim tal-oneru tal-prova — Deċiżjoni bbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mhux komunikabbli lill-qorti tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/644/PESK u 2011/783/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1100/2009, Nru 961/2010, Nru 1245/2011 u Nru 267/2012)

8.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Portata — Fondi u riżorsi ta’ stabbiliment stabbilit fi Stat terz — Esklużjoni — Limiti — Fondi involuti fi tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa totalment jew parzjalment fl-Unjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Nru 961/2010 u Nru 267/2012)

9.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 215 TFUE iktar milli l-Artikolu 75 TFUE adottat bħala bażi

(Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010

10.    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Għażla tal-bażi legali — Miżuri li jmorru lil hinn minn dawk deċiżi mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti — Assenza ta’ effett — Assenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikolu 29 TUE u Artikolu 215 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK)

11.    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Deċiżjoni adottata fil-kuntest tat-Trattat UE — Obbligu tal-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi ta’ implementazzjoni — Assenza

(Artikolu 29 TUE; Artikolu 215 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 57)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 62)

3.      La l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas it-Trattati ma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeskludu l-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa dispożizzjoni proċedurali li ma hijiex applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li Stat firmatarju ta’ din il-konvenzjoni jkun rikorrent u konvenut fl-istess ħin quddiem l-imsemmija qorti. Barra minn hekk, il-fatt li Stat huwa l-garanti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu stess huwa irrilevanti fir-rigward tal-portata tad-drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ dan l-istess Stat fit-territorju ta’ Stati terzi. Fl-aħħar nett, is-servizzi jirrappreżentaw attivitajiet kummerċjali eżerċitati f’settur kompetittiv u suġġetti għad-dritt komuni kif ukoll tranżazzjonijiet kummerċjali li jsiru ma’ entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari ma jistgħux juru li l-impriża kkonċernata pparteċipat fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat u ma tiġġustifikax li huwa jiġi kkwalifikat bħala estensjoni tal-Stat.

(ara l-punti 65, 67, 69, 72, 73)

4.      Sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, il-komunikazzjoni tal-provi kontra għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, il-komunikazzjoni tal-provi miżmuma kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li tippermetti li l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miżmuma kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, l-issodisfar tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill jippermetti l-identifikazzjoni tal-entitajiet li lilhom ir-rikorrent kien ipprovda servizzi finanzjarji u li huma kkonċernati mill-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess mod bħalma jistgħu jiġu identifikati l-perijodu li matulu s-servizzi inkwistjoni kienu ġew ipprovduti u, f’ċertu każi, it-tranżazzjonijiet speċifiċi li magħhom kienu marbuta.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu l-Kunsill kien ibbaża ruħu biex jadotta jew biex iżomm il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw entità tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifika l-annullament tal-atti kkonċernati biss jekk jiġi stabbilit li l-miżuri restrittivi kkonċernati ma setgħux jiġu adottati jew jinżammu b’mod legali li kieku d-dokument mhux ikkomunikat kellu jiġi injorat bħala prova kontra.

(ara l-punti 79, 83, 84, 89, 100)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 85)

6.      Għalkemm huwa minnu li att li jadotta jew li jżomm miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew entità għandu jiġi kkomunikat lil dan tal-aħħar u li hija din il-komunikazzjoni li twassal biex jiddekorri t-terminu għall-preżentata, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata, ta’ rikors għal annullament tal-att inkwistjoni abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan il-fatt ma jimplikax li l-assenza ta’ tali komunikazzjoni tiġġustifika, waħedha, l-annullament tal-att inkwistjoni. Il-persuna kkonċernata għandha turi li l-assenza ta’ tali komunikazzjoni kellha bħala konsegwenza dannu għad-drittijiet tagħha.

(ara l-punti 112, 113)

7.      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li jkollu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni.

Il-fatt li l-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ rikorrent ġew adottati fuq il-bażi ta’ provi miġbura minn Stat Membru, ma jipprekludux il-fatt li l-atti kkontestati huma atti tal-Kunsill, li għandu, għalhekk, jiżgura li l-adozzjoni tagħhom hija ġġustifikata, jekk ikun il-każ billi jitlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jippreżentalu l-provi u l-informazzjoni meħtieġa għal dan il-għan. Bl-istess mod, il-Kunsill ma jistax jinvoka li l-provi kkonċernati ġejjin minn sorsi kunfidenzjali u li bħala konsegwenza, ma jistgħux jiġu żvelati. Fil-fatt, għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’, eventwalment, tiġġustifika restrizzjonijiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi lir-rikorrent jew lill-avukati tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza ta’ tali miżuri, mingħajr ma jistgħu jiġu invokati kontriha s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-informazzjoni użati mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax jibbaża att li jadotta miżuri restrittivi fuq informazzjoni jew fuq provi fil-fajl ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru mhux lest li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-qorti tal-Unjoni li għandha s-setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 122, 125, 126)

8.      Jekk stabbiliment finanzjarju stabbilit fi Stat terz u kkostitwit skont id-dritt ta’ dan l-istess Stat ma huwiex obbligat, skont ir-Regolamenti Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007, u Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, li jiffriża l-fondi ta’ entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari, xorta jibqa’ l-fatt li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tiegħu li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, involuti fi tranżazzjoni kummerċjali mwettqa integralment jew parzjalment fl-Unjoni jew miżmuma minn ċittadini tal-Istati Membri jew minn persuni ġuridiċi, minn entitajiet jew korpi stabbiliti jew ikkostitwiti skont id-dritt ta’ Stat Membru, jistgħu jintlaqtu mill-miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn ir-Regolament, kemm-il darba tali stabbiliment jipparteċipa, ikun direttament assoċjat jew iservi ta’ sostenn għall-proliferazzjoni nukleari. Minn dan isegwi li, meta stabbiliment finanzjarju barranin jaf jew jista’ raġonevolment jissuspetta li wieħed mill-klijenti tiegħu huwa involut fil-proliferazzjoni nukleari, jaqbillu jtemm mill-iktar fis possibbli l-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil dan tal-aħħar, fid-dawl tal-obbligi legali applikabbli, u li ma jipprovdilu l-ebda servizz ġdid.

(ara l-punti 132-134)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 163, 164, 167-175)

10.    Il-fatt li l-miżuri restrittivi adottati fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni jmorru lil hinn minn dawk deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma għandux effett fuq in-natura xierqa u suffiċjenti tal-Artikolu 215 TFUE bħala bażi legali tagħhom. L-istess konklużjoni għandha tapplika, b’analoġija, għall-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 29 TFUE, bħal dawk previsti fid-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, u mid-deċiżjonijiet adottati biex jimplimentawha. Fil-fatt, l-Artikolu 29 TUE lanqas ma jillimita s-setgħat mogħtija lill-Kunsill għall-implementazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent imorru lil hinn minn dawk adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma jimplikax li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Barra minn hekk, il-Kunsill ma huwiex obbligat jipprovdi lir-rikorrent ġustifikazzjoni oġġettiva fid-dawl tal-fatt li huwa adotta miżuri restrittivi awtonomi fir-rigward tiegħu, iżda biss ir-raġunijiet konkreti u speċifiċi għaliex huwa qies li l-kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi awtonomi japplikaw għalih.

(ara l-punti 170, 182-184)

11.    Għalkemm l-adozzjoni preliminari ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa sabiex il-Kunsill ikun jista’ jadotta miżuri restrittivi abbażi tas-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 215 TFUE, is-sempliċi eżistenza ta’ tali deċiżjoni ma tistax toħloq obbligu għall-Kunsill biex jadotta tali miżuri. Fil-fatt, il-Kunsill jibqa’ liberu li jevalwa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattat FUE, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, u dan jinkludi l-adozzjoni eventwali ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE.

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, xejn fl-Artikolu 29 TUE ma jeskludi li d-definizzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika tirrigwarda wkoll miżuri konkreti li għandhom jiġu implementati mill-Istati Membri kollha fl-okkażjoni ta’ avveniment jew ta’ fenomenu.

(ara l-punti 193, 194, 197)