Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2008 - Ir-Repubblika ta' Ċipru vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-93/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika ta' Ċipru (rappreżentant: P. Kliridis)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla s-sejħa għal offerti EuropeAid/125671/C/SER/CY, għall-għoti tal-kuntratt intitolat "Għajnuna teknika fil-qasam ta' l-irrigazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-uċuh tar-raba'" li ġiet ippubblikata fil-lingwa Ingliża biss fis-sit HYPERLINK "http://ec.europa.eu/europaid/tender/data/" http://ec.europa.eu/europaid/tender/data/ bejn wieħed u ieħor fl-14 ta' Diċembru 2007, u li jiġu annullati l-Artikoli 5 u 28.2 ta' din is-sejħa.

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li s-sejħa kkontestata hija illegali għar-raġunijiet li ġejjin:

l-ewwel nett, peress li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, għamlet sejħa ultra vires jew bi ksur tal-bażi ġuridika tagħha, b'mod partikolari tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta' sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni 1.

it-tieni nett, peress li s-sejħa in kwistjoni tmur kontra u/jew mhijiex konformi ma' l-Artikolu 229 KE, kif emendat mill-Artikolu 19 ta' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja2 (iktar 'il quddiem "l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003") kif ukoll il-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003 3, u

it-tielet nett, peress li tmur kontra u/jew mhijiex konformi ma' l-obbligi li jirriżultaw mir-regoli imperattivi tad-dritt internazzjonali u tar-Riżoluzzjonijiet 541 (1983) u 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u

fir-raba' lok, peress li tmur kontra u/jew mhijiex konformi mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonjiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, stabbilit mill-Artikolu 10 KE, u

fil-ħames lok, peress li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

____________

1 - ĠU L 65, p. 5.

2 - ĠU L 236, p. 33.

3 - ĠU L 236, p. 955.