Language of document : ECLI:EU:T:2010:98

Kawża T-94/08

Centre de coordination Carrefour SNC

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna favur ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju — Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni adottata wara annullament parzjali mill-Qorti tal-Ġustizzja — Nuqqas ta’ interess ġuridiku — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu. L-interess ġuridiku għandu jkun eżistenti u attwali u għandu jiġi evalwat fil-jum meta r-rikors ikun ġie ppreżentat. Dan għandu jibqa’ preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni.

Huwa inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn impriża bil-għan tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi perijodu tranżitorju sabiex tintemm skema ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, meta hija ma jkollhiex iktar awtorizzazzjoni valida taħt id-dritt nazzjonali u b’hekk ma tibbenefikax iktar validament mill-iskema fiskali prevista fl-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma jista’ jagħtiha ebda benefiċċju.

(ara l-punti 48, 49, 53, 58)