Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-533/11) 1

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Wils u A. Marghelis kif ukoll minn S. Pardo Quintillán, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: C. Pochet u M. Neumann kif ukoll minn T. Materne, aġenti, assistiti minn A. Lepièce, E. Gillet, J. Bouckaert u H. Viaene, avukati)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: C. Murrell, aġent, assistit minn D. Anderson, QC)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Eżekuzzjoni mhux sħiħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-27/03) (mhux ippubblikata fil-Ġabra) li tirrigwarda n-nuqqas ta’ traspożizzjoni, fit-terminu previst, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26) - Ksur tal-Artikoli 3(1) (it-tieni sentenza) u 5(2) u (3) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq - Kalkolu tas-sanzjonijiet: ħlas kumulattiv ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa

Dispożittiv

Billi naqas milli jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-27/03), li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Renju tal-Belġju tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998, dan l-Istat Membru naqqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 260(1)TFUE.

Ir-Renju tal-Belġju għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun.

Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ikkonstatat fil-punt 1 jippersisti sal-jum ta’ meta tingħata din is-sentenza, ir-Renju tal-Belġju għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, penalità ta’ EUR 859 404 għal kull semestru ta’ dewmien fl-implementazzjoni neċessarja sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ʼil fuq, li jibda jiddekorri mid-data ta’ meta tingħata din is-sentenza, sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, fejn l-ammont effettiv għandu jiġi kkalkulat fi tmiem ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur billi jitnaqqas, mit-total ta’ tali perijodi, perċentwali li jikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ekwivalenti ta’ abitanti li kienu ġew konformi mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, sat-tmiem ta’ dan il-perijodu fir-rigward tan-numru ta’ ekwivalenti ta’ abitanti li ma jkunux ikkonformaw ma’ din is-sentenza sad-data ta’ meta tingħata s-sentenza.

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1 ĠU C 25, 28.01.2012