Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2017 – Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-ouest (port de Brest) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-754/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-ouest (port de Brest) (Brest, Franza) (rappreżentanti: J. Vanden Eynde u E. Wauters, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u konsegwentement tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni bir-referenza: C(2017) 5176 finali dwar skema ta’ għajnuna Nru SA.38398 (2016/C, ex 2015/E) implimentata minn Franza – Taxxa tal-portijiet fi Franza;

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqis bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern il-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi tal-Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-ouest ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-eżitu tar-rikors fil-Kawża T-39/17, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-ouest (port de Brest) vs Il-Kummissjoni, ippreżentat mir-rikorrenti dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv għadu pendenti. Għaldaqstant, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti essenzjali sabiex jiġu ddeterminati l-ilmenti indirizzati kontra r-rikorrenti mingħajr madankollu ma kkomunikatilha tali dokumenti u dan minkejja l-varji talbiet ta’ din tal-aħħar, id-deċiżjoni li twassal għall-analiżi ta’ dokumenti simili għandha tkun ivvizzjata b’illegalità.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-port ta’ Brest. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti bbażata fuq l-affermazzjoni li tgħid li l-attivitajiet tal-port ta’ Brest huma servizzi ta’ interess ġenerali. Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-kuntest, l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma tistax tiġi kkontestata mill-konvenuta ħlief jekk turi li hija tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija applikata għal attività li tkun suġġetta għar-regoli tal-kompetizzjoni.

It-tieni parti, imqajma sussidjarjament, li tgħid li, jekk l-attivitajiet portwali ma kinux jikkostitwixxu servizzi ta’ interess ġenerali, huma xorta waħda jikkostitwixxu servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali li jistgħu, fl-osservanza tar-regoli tal-Unjoni, ikunu ssussidjati inkluż permezz ta’ miżuri fiskali. Ir-rikorrenti ssostni li f’tali każ, ma jkunx hemm lok li jitqies li r-regoli tal-kompetizzjoni japplikaw għall-każ ineżami.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni u żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti li permezz tagħha r-rikorrenti tqis li d-deroga għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Artikolu 93 TFUE li jipprevedi li l-għajnuna li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ koordinazzjoni tat-trasport jew li tikkorrispondi għar-rimbors ta’ ċerti piżijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku hija kompatibbli mat-Trattati.

It-tieni parti bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata hija motivata insuffiċjentement sa fejn hija ma fiha l-ebda element li jista’ jistabbilixxi jew juri kif l-iskema ta’ għajnuna taffettwa, jew tista’ taffettwa, il-kummerċ bejn l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-portijiet Franċiżi u, b’mod iktar partikolari, il-port ta’ Brest. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija tikklassifika l-miżura favur il-port ta’ Brest bħala għajnuna mill-Istat minkejja li hija nieqsa l-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ.

____________