Language of document : ECLI:EU:T:2007:329

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Novembru 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva REVIAN’s – Trade marks mhux Komunitarji preċedenti evian – Produzzjoni tardiva tat-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark preċedenti – Setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑407/05,

Société anonyme des eaux minérales d’Évian (SAEME), stabbilita f’Évian-les-Bains (Franza), irrappreżentata minn C. Hertz-Eichenrode, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

A. Racke GmbH & Co. OHG, stabbilita f’Bingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Schindler, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-22 ta’ Lulju 2005 (Każ R 82/2002-4), fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn is-Société anonyme des eaux minérales d’Évian (SAEME) u A. Racke GmbH & Co. OHG, kif ukoll kontra d-deċiżjoni Nru 2754/2001 mogħtija mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI, tat-23 ta’ Novembru 2001,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, I. Labucka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Novembru 2005,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Marzu 2006,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Marzu 2006,

wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 42(3) u l-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, jipprovdu li:

“L-Artikolu 42

Oppo[ż]izzjoni

[…]

3. L-oppo[ż]izzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda ssir. L-oppo[ż]izzjoni ma tistax titqies li tkun ġiet preżentata kif dovut qabel ma jsir il-ħlas tad-dritt ta’ l-oppo[ż]izzjoni. Fi żmien perjodu stabbilit mill-Uffiċċju, l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.

[…]

L-Artikolu 74

L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess

1. Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2. L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt [terminu stabbilit] mill-partijiet konċernati”.

2        Ir-Regola 16, ir-Regola 17(2) u r-Regola 20(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1, iktar’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”), jipprovdu li:

“Regola 16

Fatti, provi u argumenti preżentati biex isaħħu l-oppożizzjoni

1. Kull avviż ta’ oppożizzjoni jista’ jkun fih dettalji tal-fatti, provi u argumenti preżentati biex isaħħu l-oppożizzjoni, flimkien mad-dokumenti annessi rilevanti.

2. Jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti li mhijiex trade mark tal-Komunità, l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu preferibilment ikollu miegħu prova tar-reġistrazzjoni jew applikazzjoni għal dik il-marka preċedenti, per eżempju ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq marka magħrufa sew kif imsemmi f[l-]Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament, jew fuq marka li għanda reputazzjoni kif imsemmi f[l-]Artikolu 8(5) tar-Regolament, l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu ġeneralment ikollu miegħu provi li juru li hija magħrufa sew jew li għand[h]a reputazzjoni. Jekk l-oppożizzjoni saret fuq il-bażi ta’ xi jedd preċedenti, l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu ġeneralment ikollu miegħu provi xierqa fuq l-akkwist u l-iskop tal-protezzjoni ta’ dak il-jedd.

3. Id-dettalji tal-fatti, provi u argumenti u dokumenti oħra annessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-provi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, jekk ma jingħatawx flimkien ma’ l-avviż ta’ oppożizzjoni jew wara, jingħataw f’dak iż-żmien wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kif l-Uffiċċju jista’ jispeċifika skond ir-Regola 20(2).

Regola 17

Użu ta’ lingwi fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni

[…]

2. Meta l-provi li jsaħħu l-oppożizzjoni kif provdut fir-Regoli 16(1) u (2) ma jiġux ip[p]reżentati bil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li tkun qegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni ta’ dawk il-provi f’dik il-lingwa fi żmien xahar minn meta jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni jew, fejn huwa applikabbli, fiż-żmien speċifikat mill-Uffiċċju skond ir-Regola 16(3).

[…]

Regola 20

Eżami ta’ oppożizzjoni

[…]

2. Meta l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jkunx fih dettalji tal-fatti, provi u argumenti kif imsemmi [fir]-Regola 16(1) u (2), l-Uffiċċju għandu jsejjaħ lill-parti li tkun qegħda topponi biex tagħti dawn id-dettalji fi żmien speċifikat mill-Uffiċċju. Kwalunkwe sottomissjoni mill-parti li tkun qegħda topponi għanda tkun komunikata lill-applikant li għandu jingħata opportunità li jirrispondi fi żmien speċifikat mill-Uffiċċju”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Fil-21 ta’ Settembru 1998, A. Racke GmbH & Co OHG ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament Nru 40/94.

4        It-trade mark li għaliha kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv, bil-kulur tad-deheb, iswed u abjad, li ġej:

Image not found

5        Il-prodotti li t-trade mark mitluba tirreferi għalihom huma l-“inbejjed u inbejjed bil-gass” inklużi fil-klassi 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

6        L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin ta’ Trade marks Komunitarji Nru 58/99, fis-26 ta’ Lulju 1999.

7        Fis-26 ta’ Ottubru 1999, is-Société anonyme des eaux minérales d’Évian (SAEME) ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq id-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark verbali Ġermaniża DE 1 185 308 evian (iktar’il quddiem it-“trade mark Ġermaniża”), li kienet ġiet ippreżentata fil-11 ta’ Novembru 1985 u rreġistrata fl-10 ta’ Lulju 1992 għal “ilma minerali” inkluż fil-klassi 32, u l-protezzjoni tat-trade mark kienet ġiet estiża sat-30 ta’ Novembru 2015;

–        it-trade mark figurattiva Franċiża FR 98712542 (evian u disinn ta’ muntanja) (iktar’il quddiem it-“trade mark Franċiża”), ippreżentata fit-12 ta’ Jannar 1998 u rreġistrata sabiex tirreferi għal diversi prodotti u servizzi;

–        it-trade mark internazzjonali IR 696812 (iktar’il quddiem it-“trade mark internazzjonali”) irreġistrata fis-6 ta’ Lulju 1998 abbażi tat-trade mark Franċiża hawn fuq imsemmija u b’effett fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja, fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Iżvejza, fir-Renju Unit u fil-pajjiżi tal-Benelux;

–        it-trade mark preċedenti evian, magħrufa sew fil-Belġju u fi Franza sabiex tirreferi għal “ilma minerali” (iktar’il quddiem it-“trade mark magħrufa”).

8        Anness ma’ l-avviż ta’ oppożizzjoni hemm kopja tat-trade mark Ġermaniża, kopja tat-trade mark Franċiża (fil-lingwa oriġinali Franċiża) u kopja tat-trade mark internazzjonali (fil-lingwa oriġinali Franċiża). Hemm ukoll annessa traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti, il-Ġermaniż, tal-lista ta’ prodotti fil-klassijiet 32 u 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza msemmija fl-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Franċiża u dik internazzjonali.

9        Bl-ittra tas-16 ta’ Diċembru 1999, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, skond ir-Regola 15(2)(ċ) u r-Regola 18(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni, stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha tliet kopji tat-trade mark Franċiża u dik internazzjonali tagħha f’terminu ta’ xahrejn, filwaqt li indikat li, fin-nuqqas ta’ dan, l-oppożizzjoni tagħha tkun iddikjarata inammissibbli.

10      Ir-rikorrenti bagħtet dawn id-dokumenti bl-ittra tat-8 ta’ Frar 2000.

11      Permezz ta’ ittra standard bid-data tat-28 ta’ Frar 2000, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tat lir-rikorrenti terminu ta’ erba’ xhur sabiex tkun tista’ tipprovdi kull fatt, prova jew osservazzjoni supplementari li tqis utli sabiex issaħħaħ l-oppożizzjoni tagħha, filwaqt li ppreċiżat li d-dokumenti għandhom jintbagħtu fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni jew għandu jkun hemm traduzzjoni annessa magħhom.

12      Fid-29 ta’ Awwissu 2000, l-intervenjenti bagħtet in-nota tagħha lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-prova ta’ l-eżistenza u l-validità ġuridika tat-trade mark Franċiża u dik internazzjonali ma kinitx saret, billi r-rikorrenti ma pprovdiet ebda traduzzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks. Sussegwentement, in-nota ġiet innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tad-19 ta’ Settembru 2000 u ngħatat terminu ta’ xahrejn sabiex tirrispondi għall-osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti.

13      Fit-22 ta’ Novembru 2000, jiġifieri fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-ittra tad-19 ta’ Settembru 2000 sabiex tippreżenta r-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti, ir-rikorrenti bagħtet it-traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Franċiża u ta’ dik internazzjonali.

14      Permezz tad-deċiżjoni Nru 2754/2001, tat-23 ta’ Novembru 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni bħala infondata safejn din kienet ibbażata fuq it-trade mark Franċiża u dik internazzjonali. Fil-fatt, hija rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ppreżentati, minħabba li t-traduzzjoni tagħhom ġiet ippreżentata tardivament, u qieset li l-eżistenza u l-validità ġuridika ta’ dawn iż-żewġ trade marks preċedenti ma ġietx ipprovata. L-oppożizzjoni ġiet ukoll miċħuda safejn kienet ibbażata fuq it-trade mark Ġermaniża, b’mod partikolari minħabba fid-differenzi kunsiderevoli li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkonstatat bejn il-prodotti. Fl-aħħar nett, l-oppożizzjoni ġiet ukoll miċħuda safejn kienet ibbażata fuq it-trade mark magħrufa.

15      Fil-21 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad- Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

16      Fit-22 ta’ Lulju 2005, permezz tad-deċiżjoni R 82/2002-4, ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Fil-fatt, huwa approva li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni eskludiet ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Franċiża u dik internazzjonali minħabba l-produzzjoni tardiva tat-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni. Sussegwentement huwa qies, fir-rigward tal-konfużjoni mat-trade mark Ġermaniża, li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ġustament ikkonkludiet li ma’ kienx hemm tali riskju, fid-dawl tal-fatt li kien hemm differenzi biżżejjed bejn il-prodotti kkonċernati u bejn is-sinjali konfliġġenti. Din id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ġiet innotifikata lir-rikorrenti fis-16 ta’ Settembru 2005.

17      Sussegwentement, ir-rikorrenti ddeċidiet li ma tkomplix bl-oppożizzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda t-trade mark Franċiża u t-trade mark magħrufa, u b’hekk illimitat il-bażi tal-kontestazzjoni tagħha tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u tal-Bord ta’ l-Appell għat-trade mark internazzjonali u għat-trade mark Ġermaniża.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell;

–        tordna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

19      Ir-rikorrenti tillimita l-bażi tal-kontestazzjoni tagħha tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u tal-Bord ta’ l-Appell għat-trade mark internazzjonali tagħha u għat-trade mark Ġermaniża tagħha.

20      Barra minn dan, ir-rikorrenti, matul is-seduta ppreċiżat li t-trade mark internazzjonali tagħha ġiet imħassra parzjalment mill-klassi 32 u kompletament mill-klassi 33 u li għalhekk tirreferi biss għall-“ilma bla gass jew bil-gass (minerali jew le)” fil-klassi 32. Hija wkoll talbet li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha.

21      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi għall-annullament, l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proċedura fundamentali, b’mod iktar partikolari ta’ l-Artikolu 42(3) u ta’ l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll tal-prinċipju tal-kontradittorju, u t-tieni wieħed ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) ta’ l-imsemmi regolament.

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 42(3), u l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 billi rrifjuta, b’mod żbaljat, li jieħu in kunsiderazzjoni t-trade mark internazzjonali minħabba li t-traduzzjoni ma ġietx ipprovduta meta tressqet l-oppożizzjoni u ġiet ippreżentata biss tardivament.

25      L-ewwel nett, hija ssostni li l-oppożizzjoni tagħha tissodisfa l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, l-avviż ta’ oppożizzjoni u l-annessi tiegħu, imsemmija fil-punt 8 iktar’il fuq, ipprovdew lill-intervenjenti bl-informazzjoni essenzjali kollha, bħad-data ta’ l-applikazzjoni tat-trade mark internazzjonali, id-data tar-reġistrazzjoni tagħha, ir-riproduzzjoni tagħha kif ukoll traduzzjoni tal-lista ta’ prodotti fil-klassijiet 32 u 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza, protetti minn din it-trade mark u li hija kkonċernata bihom l-oppożizzjoni. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, żbaljatament, li la kien sproporzjonat u lanqas irraġonevoli li tintalab it-traduzzjoni tad-dokumenti, ipprovduti bil-Franċiż, fil-lingwa tal-proċedimenti, jiġifieri l-Ġermaniż. Hija tikkritika wkoll is-silenzju tal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward ta’ l-indikazzjonijiet l-oħra li dan ta’ l-aħħar xtaq jara tradotti.

26      Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE) (T‑107/02, Ġabra p. II‑1845), ir-rikorrenti tenfasizza li, kuntrarjament għan-nuqqas ta’ traduzzjoni tal-listi ta’ prodotti u servizzi tat-trade mark preċedenti – li jiksru r-Regola 15(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni, moqrija flimkien mar-Regola 17(1) tiegħu –, in-nuqqas ta’ traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti ma jikser l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u tar-regolament ta’ implementazzjoni. Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tat-trade mark internazzjonali tagħha, l-oppożizzjoni tagħha kienet saret bil-mod dovut u xieraq.

27      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta li t-traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni internazzjonali ngħatat tard. F’dan ir-rigward hija tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2005, Focus Magazin Verlag vs UASI – ECI Telecom (Hi-FOCuS) (T‑275/03, Ġabra p. II‑4725), fejn ġie deċiż li l-produzzjoni ta’ traduzzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ppreżentat f’anness għal rikors quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma kinitx meqjusa bħala li saret tard, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, fid-dawl tal-kontinwità funzjonali eżistenti bejn id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett enfasizzat li dan ta’ l-aħħar għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati kemm quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kif ukoll quddiemu, ħlief jekk ikunu ppreżentati tard skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (punti 37 u 38). In segwitu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li t-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni pprovdut meta tressaq l-appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell kien ġie ppreżentat fit-terminu stabbilit. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li f’din il-kawża m’għandux a fortiori jiġi kkunsidrat li kien hemm produzzjoni tardiva fis-sens ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, peress li hija rrispondiet, fit-terminu stabbilit, għall-motiv imqajjem mill-intervenjenti billi pprovdiet lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni bit-traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali fil-lingwa tal-proċedimenti.

28      L-UASI jqis li r-raġunament tar-rikorrenti jirriżulta minn fehim żbaljat ta’ l-iskema ġenerali tar-Regoli 15 et seq tar-regolament ta’ implementazzjoni. Huwa jikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn l-avviż ta’ oppożizzjoni u l-provi ppreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni.

29      Fil-fatt, jekk l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ implementazzjoni, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, bla ħsara għall-possibbiltà li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet ikkonstatati skond ir-Regola 18(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni. Jekk l-UASI ma jiċħadx l-oppożizzjoni bħala inammissibbli, jingħata bidu għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni inter partes permezz tal-komunikazzjoni ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni lill-applikant.

30      Minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-provi li jridu jiġu ppreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, inklużi, b’mod partikolari, dawk dwar l-eżistenza u l-validità tad-dritt preċedenti, dawn m’għandhomx jiġu prodotti fl-istess ħin bħall-avviż ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, dawn jistgħu jiġu ppreżentati wara dan, f’terminu stabbilit mill-UASI wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni (Regola 16(3) tar-regolament ta’ implementazzjoni). L-UASI jippreċiża li l-prova li tirriżulta miċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għandha tissodisfa l-eżiġenzi lingwistiċi msemmija fir-Regola 17(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni, taħt piena li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda bħala bla bażi.

31      Fir-rigward tan-natura tardiva jew le tal-produzzjoni tad-dokument in kwistjoni, l-UASI jsostni li mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS) (T‑388/00, Ġabra p. II‑4301), jirriżulta li jekk opponent ma jkunx irrispetta t-terminu mogħti lilu sabiex jipprovdi l-provi, dawn ta’ l-aħħar jiġu għaldaqstant esklużi sa ma jingħata bidu għal proċedura għal annullament. Għaldaqstant, l-appell tagħha quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma jerġax jagħti bidu għat-terminu għall-produzzjoni tal-provi. Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell, ġustament ċaħdet l-oppożizzjoni safejn din hija bbażata fuq it-trade mark internazzjonali, billi t-traduzzjoni tagħha ġiet ippreżentata wara t-terminu stabbilit mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

32      L-intervenjenti, tqis li l-uniku element determinanti huwa n-nuqqas oġġettiv tar-rikorrenti li tosserva r-regoli tal-proċedura u li dan ma jistax ikun irrimedjat billi d-dokumenti jiġu ppreżentati iktar tard, wara l-iskadenza tat-termini.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

33      Fl-argumenti li hija tressaq in sostenn ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti l-ewwel nett tesponi, li hija ssodisfat l-eżiġenzi lingwistiċi imposti mil-leġiżlazzjoni għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u wara kkontestat li t-traduzzjoni tat-trade mark internazzjonali ġiet ippreżentata tard. Għall-eżami ta’ dan l-ewwel motiv, għandhom jiġi analizzati kull wieħed minn dawn iż-żewġ punti, rispettivament.

 Fuq l-eżiġenzi lingwistika tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni

34      L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li skond ir-Regola 16(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni, l-avviż ta’ oppożizzjoni preferibbilment għandu, jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti mhux Komunitarja, ikollu anness miegħu provi tar-reġistrazzjoni jew ta’ l-applikazzjoni ta’ din it-trade mark, bħaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

35      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regola 17(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni, li tistabbilixxi li l-provi ppreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni għandhom ikunu ppreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew għandhom ikollhom magħhom traduzzjoni f’din il-lingwa (ara punt 2 iktar’il fuq), hija ġġustifikata mill-bżonn li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-kontradittorju u l-prinċipju ta’ ‘equality of arms’ bejn il-partijiet fil-proċeduri inter partes [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marín (Chef), T‑232/00, Ġabra p. II‑2749, punt 42, u BIOMATE, iċċitata iktar’il fuq, punt 72].

36      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li jekk huwa minnu li l-opponent m’għandu l-ebda obbligu li jipprovdi traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, dan ma jimplikax li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, f’dan ir-rigward, għandha l-obbligu li, matul l-eżami tal-mertu ta’ l-oppożizzjoni, tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni pprovduti f’lingwa oħra li mhijiex dik tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ traduzzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tista’ b’mod leġittimu tiċħad l-oppożizzjoni bħala infondata, sakemm ma tkunx tista’ tiddeċiedi fuq dan b’mod ieħor billi tibbaża ruħha fuq provi li diġà jkunu għad-dispożizzjoni tagħha, skond ir-Regola 20(3) tar-regolament ta’ implementazzjoni (sentenzi Chef, iċċitata iktar’il fuq, punt 44, u BIOMATE, iċċitata iktar’il fuq, punt 72).

37      Fl-aħħar nett, jekk il-prova tirriżulta miċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u mhux mit-traduzzjoni tiegħu, jibqa’ madankollu l-fatt li, sabiex din il-prova tkun tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni, hija għandha tissodisfa l-eżiġenzi lingwistiċi stabbiliti mir-Regola 17(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni (sentenza BIOMATE, iċċitata iktar’il fuq, punt 73).

38      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-avviż ta’ oppożizzjoni kellu miegħu biss kopja tat-trade mark internazzjonali, fil-lingwa oriġinali Franċiża, kif ukoll traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti, il-Ġermaniż, tal-lista ta’ prodotti fil-klassijiet 32 u 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza, jiġifieri dawk indikati fl-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark internazzjonali.

39      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar’il fuq, u kuntrarjament għall-opinjoni tar-rikorrenti, l-annessi ċċitati iktar’il fuq ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jissodisfawx l-eżiġenzi lingwistiċi li joħorġu mill-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 u mir-Regola 17(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni.

40      Fir-rigward tal-bżonn, ikkontestat mir-rikorrenti, li jiġi tradott iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni internazzjonali kollu, jeħtieġ li jingħad li l-kwistjoni dwar jekk ċerti elementi tad-dokument ikkonċernat jistgħux jiġu kkunsidrati bħala irrilevanti għall-oppożizzjoni in kwistjoni, u, għaldaqstant, li ma jistgħux ikunu suġġetti għal traduzzjoni, taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera ta’ l-opponent. Madankollu, għandu jiġi osservat li huma biss l-elementi effettivament tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Bord ta’ l-Appell. Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li t-tul taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali pprovdut bil-Franċiż mhux tali, b’mod partikolari meta mqabbel mal-lista ta’ prodotti tradotti, li l-obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala sproporzjonat u irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BIOMATE, iċċitata iktar’il fuq, punt 74).

41      Sussegwentement, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 27 iktar’il fuq, li s-sentenza BIOMATE, iċċitata iktar’il fuq, tikkonferma ġustament li l-oppożizzjoni tagħha, għal dak li jirrigwarda t-trade mark internazzjonali, saret bil-mod dovut u xieraq, jiġi miċħud, billi huwa r-riżultat ta’ konfużjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ implementazzjoni dwar l-avviż ta’ oppożizzjoni u dawk li jirrigwardaw il-provi u d-dokumenti prodotti in sostenn ta’ l-oppożizzjoni.

42      Fil-fatt, mill-qari flimkien ta’ l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regoli 16 sa 18 u 20 tar-regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet li l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jissodisfa, li huma kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ l-oppożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni tal-fatti, provi u osservazzjonijiet kif ukoll dokumenti in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, li jaqgħu taħt l-iskop ta’ l-eżami ta’ din ta’ l-aħħar (sentenza Chef, iċċitata iktar’il fuq, punt 31).

43      L-eżiġenzi legali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-provi u d-dokumenti, bħaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark preċedenti, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, mhumiex fost il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ l-oppożizzjoni previsti fir-Regola 18(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni, iżda jikkostitwixxu kundizzjonijiet sostantivi ta’ din l-oppożizzjoni (sentenza Chef, iċċitata iktar’il fuq, punt 52).

44      Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-oppożizzjoni ma ġietx miċħuda minħabba inammissibbiltà, peress li l-avviż ta’ oppożizzjoni ppreżentat mir-rikorrenti kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regoli 16 u 18 tar-regolament ta’ implementazzjoni, iżda ġiet iddikjarat bħala infondata minħabba nuqqas ta’ provi.

 Fuq in-natura tardiva tal-produzzjoni tat-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali

45      Huwa mfakkar li permezz ta’ ittra standard bid-data tat-28 ta’ Frar 2000, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tat lir-rikorrenti terminu ta’ erba’ xhur sabiex tkun tista’ tipprovdi kull fatt, prova jew osservazzjoni supplementari li tqis utli sabiex issaħħaħ l-oppożizzjoni tagħha, filwaqt li ppreċiżat li d-dokumenti kollha kellhom ikunu fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni jew inkella kellhom ikollhom magħhom traduzzjoni.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra standard hija konformi ma’ l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll mar-Regola 16(2) u (3) u r-Regola 17(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni safejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li l-fatti, provi, jew osservazzjonijiet li jistgħu jiġu ppreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni jistgħu jiġu ppreżentati f’terminu stabbilit mill-UASI. Barra minn dan, fil-parti ta’ fuq ta’ din l-ittra ssir referenza għar-Regola 19(1), għar-Regola 16(3), għar-Regola 17(2) u għar-Regola 20(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni.

47      Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma bagħtitx it-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali fit-terminu stabbilit mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni f’din l-ittra. Fil-fatt, kien biss bħala anness għall-ittra tat-22 ta’ Novembru 2000 li hija pproduċiet din it-traduzzjoni, b’risposta għall-osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti nnotifikati mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni fid-19 ta’ Settembru 2000, li fil-fatt kienu jindikaw in-nuqqas tad-dokument in kwistjoni.

48      Madankollu, hija ssostni li t-traduzzjoni ta’ dan id-dokument ngħatat lill-Bord ta’ l-Appell fit-terminu stabbilit, u f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq is-sentenza Hi-FOCuS, iċċitata iktar’il fuq (punti 37 u 38), fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-kontinwità funzjonali li teżisti bejn l-istanzi ta’ l-UASI, iddeċidiet li t-traduzzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni pprovdut meta ġie ppreżentata l-appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma kienx tardiv skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, peress li ġiet prodotta fit-terminu għal appell, li huwa ta’ erba’ xhur kif stabbilit mill-Artikolu 59 ta’ dan l-imsemmi Regolament.

49      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li teżisti kontinwità funzjonali bejn l-unitajiet differenti ta’ l-UASI, jiġifieri, l-eżaminatur, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, id-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trade marks u d-Diviżjonijiet ta’ Kanċellazzjoni, minn naħa, u l-Bordijiet ta’ l-Appell, min-naħa l-oħra [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, Ġabra p. II‑3253, punt 25 ; ta’ l-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, Ġabra p. II‑2085, punt 57, u tal-11 ta’ Lulju 2006, Caviar Anzali vs UASI – Novomarket (Asetra), T‑252/04, Ġabra p. II‑2115, punt 30].

50      Minn din il-kontinwità funzjonali bejn l-istanzi differenti ta’ l-UASI jirriżulta li, fil-kuntest ta’ l-eżami mill-ġdid li l-Bordijiet ta’ l-Appell ikollhom jagħmlu tad-deċiżjonijiet meħuda mill-unitajiet ta’ l-UASI li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, huma għandhom l-obbligu li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kollha li l-partijiet ikunu esponew jew fil-proċedura quddiem l-unità li tkun iddeċidiet fl-ewwel istanza, jew fil-proċedura ta’ appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza KLEENCARE, iċċitata iktar’il fuq, punt 32; ta’ l-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 18, Hi-FOCuS, iċċitata iktar’il fuq, punt 58, u Asetra, iċċitata iktar’il fuq, punt 31].

51      Għaldaqstant, il-Bordijiet ta’ l-Appell jistgħu, salv biss għall-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jilqgħu l-appell, fuq il-bażi ta’ fatti ġodda invokati mill-parti li tkun appellat jew anki fuq il-bażi ta’ provi ġodda ppreżentati minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza KLEENCARE, iċċitata iktar’il fuq, punt 26, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 81]. Il-kontroll eżerċitat mill-Bordijiet ta’ l-Appell mhuwiex limitat għall-kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, imma, permezz tat-trasferiment tal-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt ta’ l-appell (‘effet dévolutif’) tal-proċedura ta’ appell, dan il-kontroll jimplika evalwazzjoni ġdida tal-kawża kollha, peress li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jeżaminaw mill-ġdid ir-rikors inizjali kollu u jieħdu in kunsiderazzjoni l-provi mressqa fit-terminu stabbilit (sentenzi LA BARONNIE, iċċitata iktar’il fuq, punt 59, u Asetra, iċċitata iktar’il fuq, punt 32).

52      Madankollu, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti lil tali appellant terminu ġdid sabiex jippreżenta fatti u provi in sostenn ta’ l-oppożizzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra 2007, p. I-2213, punt 61).

53      Fil-fatt, l-Artikolu 59, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jiġi mressaq appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ma jirreferix, b’differenza mill-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94, għall-produzzjoni ta’ fatti jew ta’ provi, iżda jirreferi biss għas-sottomissjoni, f’terminu ta’ erba’ xhur, ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li fiha jiġu esposti r-raġunijiet ta’ l-appell (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, punt 60.

54      Għalhekk, f’din il-kawża, billi t-traduzzjoni tad-dokumenti in kwistjoni la ġiet ippreżentata mir-rikorrenti fit-terminu mogħti lilha skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u għaldaqstant, lanqas “fil-ħin preskritt” skond l-Artikolu 74(2) ta’ dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ta’ dan.

55      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati fit-terminu stabbilit.

56      Minn dan il-kliem jirriżulta li bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u l-UASI mhuwa bl-ebda mod ipprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti tardivament (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, punt 42).

57      Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi kliem jirriżulta wkoll b’mod ċar li tali invokazzjoni jew produzzjoni tardiva ta’ fatti jew ta’ provi mhijiex ta’ natura tali li tagħti dritt mhux kondizzjonat lill-parti fis-sens li fatti jew provi ppreżentati tard jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-UASI. Billi jippreċiża li dan ta’ l-aħħar “jista’”, f’każ bħal dan, ma jqisx fatti u provi bħal dawn, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 fil-fatt jagħti lill-UASI marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk joħodhomx in kunsiderazzjoni jew le, filwaqt li madankollu jagħti motivazzjoni xierqa għad-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, punt 43).

58      Dan it-tip ta’ teħid in kunsiderazzjoni mill-UASI, meta jkollu jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’, b’mod partikolari, ikun iġġustifikat meta huwa jikkunsidra, min-naħa, li l-elementi prodotti tard jistgħu jkunu prima facie verament rilevanti għal dak li jirrigwarda r-riżultat ta’ l-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi relatati magħha ma jkunux jipprekludu dan it-teħid in kunsiderazzjoni (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, punt 44).

59      Possibbiltà bħal din għall-istanza adita bil-każ li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u l-provi ppreżentati tard mill-partijiet, hija għall-inqas f’dak li jirrigwarda proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ natura tali li tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li t-trade marks, li l-użu tagħhom jista’ sussegwentement jiġi kkontestat b’suċċess permezz ta’ proċedura għal annullament jew permezz ta’ proċedura għall-ksur ta’ trade mark, jiġu rreġistrati. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba favur dan l-approċċ (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, punt 48).

60      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell illimita ruħu li jikkunsidra li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kellha raġun li ma tikkunsidrax it-traduzzjonijiet prodotti mir-rikorrenti waqt il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għaliex kienu prodotti tard. Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li huwa għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jistabbilixxi jekk kienx hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni jew le d-dokument in kwistjoni jew, ta’ l-inqas, ma jidhirx li mmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ dan il-punt.

61      Fil-fatt, il-motivazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell tirrigwarda biss il-bżonn li jiġu tradotti, fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni, il-provi prodotti in sostenn ta’ l-oppożizzjoni u dawk dwar in-nuqqas ta’ obbligu tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti prodotti f’lingwa oħra li ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti, iżda ma ngħatat ebda motivazzjoni fir-rigward ta’ l-opportunità li tittieħed in kunsiderazzjoni jew le t-traduzzjoni ppreżentata tard.

62      Barra minn dan, l-osservazzjonijiet ta’ l-UASI, ippreżentati fis-seduta, li l-Bord ta’ l-Appell għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu huma irrilevanti. Fil-fatt, l-UASI jsostni li l-Bord ta’ l-Appell eżamina jekk iċ-ċaħda tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni d-dokument in kwistjoni kinitx fondata u kkunsidra, fil-punt 43 tad-deċiżjoni tiegħu, li jkun kontra l-prinċipju ta’ ‘equality of arms’ li jingħata terminu ġdid lill-parti li ħalliet jgħaddi t-terminu li kellha sabiex tippreżenta l-provi, għaliex il-parti l-oħra tiġbed l-attenzjoni preċiżament għan-nuqqas li jiġu ppreżentati dawn il-provi.

63      Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 43 tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ma jippermettux lill-Qorti tal-Prim’Istanza la li tikkontrolla li l-Bord ta’ l-Appell kien effettivament jaf bid-dokument in kwistjoni sabiex jiddetermina jekk dan ta’ l-aħħar kienx, prima facie, suxxettibbli li jkollu rilevanza vera fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, u lanqas li tivverifika jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża u l-istadju li fih saret din il-produzzjoni tardiva kinux jipprekludu t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan id-dokument.

64      Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 meta ma eżerċitax jew, ta’ l-inqas, meta ma spjegax kif eżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn dan l-artikolu u, għaldaqstant, billi ma mmotivax biżżejjed skond il-liġi d-deċiżjoni tiegħu li ma jikkunsidrax it-traduzzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali.

65      Madankollu, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-ksur ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, irregolarità ta’ proċedura twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni sħiħa jew ta’ parti minnha fil-każ biss li jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkonstestata seta’ kellha kontenut differenti (sentenza LA BARONNIE, iċċitata iktar’il fuq, punt 69). Bl-istess mod, minn qari ta’ l-Artikolu 63(2) flimkien ma’ l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li deċiżjoni tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI tista’ tiġi annullata jew mibdula biss f’każ li din hija vvizzjata minn illegalità sostantiva jew proċedurali (sentenza LA BARONNIE, iċċitata iktar’il fuq, punt 69).

66      F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-prova li l-Bord ta’ l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni tista’ tkun ta’ natura li tbiddel il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, f’dan ir-rigward, mhuwiex għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi ruħha għall-UASI fl-evalwazzjoni ta’ l-elementi tal-kawża.

67      Minn dan isegwi li, għal dan il-motiv biss, id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju mqajjem fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, u lanqas dwar it-tieni motiv u mingħajr ma l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

69      Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha. F’din il-kawża, l-intervenjenti tilfet l-istess mod bħall-UASI. Madankollu r-rikorrenti talbet li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-iżpejjeż tagħha biss u l-UASI ma kkontestax it-talba tar-rikorrenti li huwa biss jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minnha.

70      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna li l-UASI, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, għandu jbati dawk sostnuti mir-rikorrenti u li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-22 ta’ Lulju 2005 (Każ R 82/2002-4) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Cooke

Labucka

Prek

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.