Language of document : ECLI:EU:T:2007:332

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

7 ta’ Novembru 2007 (*)

“Ambjent –Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Ġermanja – Miżuri ta’ aġġustament ex post tan-numru tal-kwoti allokati lill-installazzjonijiet – Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni – Trattament ugwali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-kawża T‑374/04,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn C.‑D. Quassowski, A. Tiemann u C. Schulze-Bahr, wara minn Schulze-Bahr u M. Lumma, bħala aġenti, assistiti minn D. Sellner u U. Karpenstein, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2515/2 finali, tas-7 ta’ Lulju 2004, dwar pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32), in kwantu l-Kummissjoni fiha tiċħad ċerti miżuri ta’ aġġustament ex post ta’ allokazzjonijiet bħala inkompatibbli mal-kriterji Nru 5 u 10 ta’ l-anness III ta’ l-imsemmija direttiva,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili, J. Azizi, E. Cremona u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32), li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ottubru 2003, tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (iktar’il quddiem l-“iskema ta’ skambju ta’ kwoti”), sabiex jiġi ffavorizzat it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari d-dijossidu karboniku (iktar’il quddiem iċ-“CO2”), b’mod effettiv u ekonomikament effiċjenti (Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87). Hija hi bbażata fuq l-obbligi tal-Komunità skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u skond il-Protokoll ta’ Kyoto. Dan ta’ l-aħħar ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU L 130, p. 1). Dan daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005.

2        Il-Komnunità u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi aggregati ta’ gassijiet serra indikati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livell ta’ l-1990 matul il-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-2012 (premessa 4 tad-Direttiva 2003/87).

3        Għal dan il-għan, id-Direttiva 2003/87 tipprovdi essenzjalment li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-installazzjonijiet elenkati fl-Anness I tagħha għandhom ikunu koperti minn permess minn qabel u minn attribuzzjoni ta’ kwoti allokati skond il-pjanijiet nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet (iktar’il quddiem il-“PNA”). Jekk operatur jasal sabiex inaqqas l-emmissjonijiet tiegħu, huwa jista’ jbigħ il-kwoti żejda lil operaturi oħra. Bil-kontra, l-operatur ta’ installazzjoni, li jipproduċi emissjonijiet eċċessivi, jista’ jixtri l-kwoti meħtieġa minn operatur li għandu kwoti żejda.

4        Id-Direttiva 2003/87 tipprovdi għall-ewwel fażi mill-2005 sa l-2007 (iktar’il quddiem l-“ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet”), li tippreċedi l-ewwel perijodu ta’ impenji stabbilit mill-Protokoll ta’ Kyoto, kif ukoll għat-tieni fażi mill-2008 sa l-2012 (iktar’il quddiem it-“tieni fażi ta’ l-allokazzjonijiet”), li tikkorrispondi għall-ewwel perijodu ta’ impenji (Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87).

5        Għall-finijiet ta’ l-osservanza ta’ l-impenji skond id-Deċiżjoni 2002/358 u l-Protokoll ta’ Kyoto, il-kriterju 1 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jippreċiża li:

“Il-kwantità totali ta’ l-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni 2002/358 […] u l-Protokoll ta’ Kyoto […] Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness. Qabel is-[Sas-]sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri [kompatibbli ma’ sitwazzjoni fejn kull Stat Membru jista’ jikseb jew imur oltri l-objettiv li jkun ġie assenjat lilu] skond id-Deċiżjoni 2002/358 […] u l-Protokoll ta’ Kyoto.”

6        B’mod iżjed konkret, is-sistema ta’ skambju ta’ kwoti hija bbażata, minn naħa, fuq l-impożizzjoni ta’ permess minn qabel għall-emissjoni ta’ gassijiet serra (Artikoli 4 sa 8 tad-Direttiva 2003/87) u, min-naħa l-oħra, fuq kwoti li jawtorizzaw lill-operatur intitolat għalihom li jemmetti ċerta kwantità ta’ dawn il-gassijiet, filwaqt li kull sena jkun obbligat jirrestitwixxi n-numru ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet totali ta’ l-installazzjoni tiegħu (Artikolu 12(3), tad-Direttiva 2003/87).

7        Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri, li bihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jallokaw, abbażi ta’ PNA, kwoti lill-operaturi ta’ installazzjonijiet huma stipulati fl-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva 2003/87.

8        B’hekk, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 jippreċiża li:

“Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżviluppa [PNA] fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-[PNA] għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr preġudizzju għat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

Għall-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1), il-[PNA] għandu jiġi ppjanat [ppubblikat] u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru [Marzu] 2004 […]”

9        Il-Kummissjoni adottat il-gwida msemmija iktar’il fil-komunikazzjoni COM (2003) 830 finali tagħha, tas-7 ta’ Jannar 2004, fuq il-linji gwida intiżi sabiex jgħinu lill-Istati Membri jimplementaw il-kriterji li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u l-kundizzjonijiet li taħthom jitqies li teżisti forza maġġuri (iktar’il quddiem il-“linji gwida tal-Kummissjoni”).

10      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li:

“Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-[PNA] minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-[PNA], jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni […] skond l-Artikolu 11(1) jew (2) [biss] jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut [ċaħda] mill-Kummissjoni.”

11      Skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwoti mingħajr ħlas għall-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet u mill-inqas 90 % għat-tieni perijodu ta’ l-allokazzjonijiet.

12      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 li jikkonċerna l-allokazzjoni u l-ħruġ ta’ kwoti jipprovdi li:

“1. Għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-i[n]stallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas tliet xhur qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.

[…]

3. Id-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 jew 2 għandhom ikunu skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikoli 87 u 88 tiegħu. Meta jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar allokazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi pprovvdut aċċess għall-kwoti għal min jidħol ġdid [għall-operaturi ġodda].

4. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ porzjon mill-kwantità totali tal-kwoti għal kull sena tal-perjodu taż-żmien riferit fil-paragraf[u] 1 […] sat-28 ta’ Frar għal din is-sena [tas-sena in kwistjoni].”

13      L-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jelenka ħdax-il kriterju applikabbli għall-PNA.

14      Skond il-kriterju 1 ta’ l-Anness III:

“Il-kwantità totali ta’ l-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni 2002/358 […] u l-Protokoll ta’ Kyoto, filwaqt li jitqiesu, minn banda waħda, il-proporzjon ta’ l-emissjonijiet ġenerali li dawn l-emissjonijiet jirrappreżentaw f’paragun ma’ l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b’din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness. Qabel is[Sas]-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri [kompatibbli ma’ sitwazzjoni fejn kull Stat Membru jista’ jikseb jew imur oltri l-objettiv li jkun ġie assenjat lilu] skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto.”

15      Skond il-kriterju 5 ta’ l-Anness III:

“Il-[PNA] ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpanniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 87 u 88 tiegħu.”

16      Skond il-kriterju 9 ta’ l-Anness III:

“Il-[PNA] għandu jinkludi dispożizzjonijiet għall-kummenti li jridu jiġu espressi mill-pubbliku, u jkun fih tagħrif dwar l-arranġamenti li bihom jitqiesu dawn il-kummenti qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kwoti.”

17      F’dan ir-rigward, il-punti 93 sa 96 tal-linji gwida tal-Kummissjoni jispeċifikaw b’mod partikolari:

“93.      Il-kriterju bil-fors għandu jiġi applikat.

94.      […] Il-PNA għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod li dan ikun jista’ jikkummenta b’mod effettiv u minn kmieni […]

95.      Stat Membru għandu jipprovdi terminu raġonevoli li fih jistgħu jsiru l-kummenti u jikkoordina dan it-terminu mal-proċedura deċiżjonali nazzjonali, b’mod li l-kummenti jkunu jistgħu jittieħdu pjenament in kunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni relativa għall-PNA. Bil-kliem ‘jittieħdu pjenament in kunsiderazzjoni’, għandu jinftiehem li l-osservazzjonijiet għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, b’riferenza għall-kriterji ta’ l-Anness III jew għal kull kriterju ieħor oġġettiv u trasparenti applikat mill-Istat Membru fil-PNA tiegħu. Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’kull emenda li huwa ppjanat li se tiddaħħal wara l-parteċipazzjoni tal-pubbliku li jkun segwa l-pubblikazzjoni u n-notifika tal-PNA u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tiegħu skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87. Il-pubbliku għandu jiġi informat, b’mod ġenerali, dwar id-deċiżjoni adottata u dwar il-kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata.

96.      Għandu jiġi osservat li l-possibbiltà li l-pubbliku għandu li jagħmel l-osservazzjonijiet fuq il-PNA, prevista fil-kuntest ta’ dan il-kriterju, tikkostitwixxi t-tieni fażi ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku. Skond l-Artikolu 9(1) tad-direttiva [2003/87], l-osservazzjonijiet magħmula fi tmiem l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni abbażi ta’ l-abbozz tal-PNA għandhom, jekk ikunu rilevanti, ikunu ġew inklużi fil-PNA qabel in-notifikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku hija essenzjali sabiex il-proċess kollu ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku (konsultazzjoni u teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet) ikollu effett. Ir-regoli deskritti fil-kuntest ta’ dan il-kriterju għandhom jiġu wkoll applikati waqt l-ewwel fażi ta’ parteċipazzjoni.

Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull emenda prevista wara l-pubblikazzjoni u n-notifika tal-PNA qabel ma jadotta d-deċiżjoni finali tiegħu skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18      Il-kriterju 10 ta’ l-Anness III jispeċifika li “[i]l-[PNA] għandu jkun fih lista ta’ l-i[n]stallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċessonijiet [kwoti] maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda”.

19      Fir-rigward tal-kriterju 10, il-punti 97 sa 100 tal-linji gwida tal-Kummissjoni jistipulaw dan li ġej:

“97.      Dan il-kriterju jipprovdi li l-PNA huwa trasparenti. Dan ifisser li l-kwantità ta’ kwoti allokati għal kull installazzjoni hija indikata, u għaldaqstant magħrufa mill-pubbliku, ladarba l-[PNA] jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

[…]

98.       Dan il-kriterju jitqies li jkun ġie sodisfatt ladarba l-Istat Membru jkun osserva l-obbligu li jistabbilixxi l-lista ta’ l-installazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 […]

[…]

100. Stat Membru għandu jindika l-kwantità totali ta’ kwoti li għandu l-intenzjoni jalloka lil kull installazzjoni u għandu jindika l-kwantità ta’ kwoti mogħtija kull sena lil kull waħda minnhom skond l-Artikolu 11(4) [tad-Direttiva 2003/87].” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

20      Skond il-punti 60 sa 74 tal-linji gwida tal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jikkostitwixxi riżerva ta’ kwoti (iktar’il quddiem ir-“riżerva”) li għaliha jista’ jagħti aċċess b’xejn, b’mod partikolari lill-operaturi ġodda, skond regoli u proċeduri oġġettivi u trasparenti. Fil-PNA, id-daqs ta’ din ir-riżerva mqabbel mal-kwantità totali ta’ kwoti prevista għandha tiġi indikata.

21      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-kwoti jistgħu jiġu ttrasferiti bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-Komunità jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’pajjiżi terzi. Skond l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, qabel l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, kull operatur ta’ installazzjoni għandu jagħti lura lill-awtorità kompetenti ammont ta’ kwoti li jikkorrispondi għall-emissjonijiet totali ta’ din l-installazzjoni matul is-sena kalendarja li tkun għaddiet sabiex dawn il-kwoti jiġu sussegwentement ikkanċellati.

22      Skond l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2003/87:

“[…] l-Istati Membri jistgħu japplikaw [jitolbu] lill-Kummissjoni li ċerti [in]stallazzjonijiet jinħarġulhom kwoti addizzjonali f’każijiet ta’ forza maġġuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tiġix murija forza maġġuri, li f’dan il-każ għandha tawtorizza l-ħruġ ta’ kwoti addizzjonali mhux trasferibbli minn dan l-Istat Membru lill-operaturi ta’ dawn l-i[n]stallazzjonijiet.”

23      L-Artikolu 38(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta’ Diċembru 2004, dwar sistema ta’ reġistri standardizzati u protetti skond id-Direttiva 2003/87 […] u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 386, p. 1), jipprovdi taħt it-titolu “Tabella ‘PNA’ għall-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni” li:

“Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’kull korrezzjoni magħmula lill-PNA tiegħu, fl-istess żmien tal-korrezzjoni korrispondenti tat-tabella ‘PNA’. Jekk il-korrezzjoni tat-tabella ‘PNA’ hija bbażata fuq il-PNA nnotifikat lill-Kummissjoni u mhux irrifjutat skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 […], jew li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni aċċettat l-emendi proposti, u din il-korrezzjoni ssir skond il-metodi indikati f’dan il-PNA jew tirriżulta mill-irfinar ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinkariga lill-amministratur ċentrali sabiex jagħmel il-korrezzjoni korrispondenti fit-tabella ‘PNA’ […] Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-korrezzjoni magħmula lill-PNA tiegħu u, jekk il-Kummissjoni ma tirrifjutax din il-korrezzjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 […], il-Kummissjoni għandha tinkariga lill-amministratur ċentrali sabiex jagħmel il-korrezzjoni korrispondenti fit-tabella ‘PNA’ […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Fatti, proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Fil-31 ta’ Marzu 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat il-PNA tagħha lill-Kummissjoni għall-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet (iktar’il quddiem il-“PNA Ġermaniż”) skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87.

25      Il-PNA Ġermaniż huwa kompost minn “pjan makro” u “pjan mikro”. Il-Pjan makro jinkludi t-tqassim tal-baġit nazzjonali ta’ emissjoni u jiffissa l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati skond l-impenji għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-pjan mikro jirregola l-l-allokazzjonijiet ta’ kwoti lill-operaturi tad-diversi installazzjonijiet u jipprovdi għall-kostituzzjoni ta’ riżerva ta’ kwoti għall-operaturi ġodda.

26      Sabiex jistabbilixxi n-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lid-diversi installazzjonijiet, il-PNA jipprovdi, fil-parti li tikkonċerna l-pjan mikro, tliet perijodi, jew tliet metodi distinti skond id-data li fiha l-installazzjoni bdiet topera.

27      Fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet li bdew joperaw qabel il-31 ta’ Diċembru 2002, in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati b’xejn huwa kkalkulat abbażi tal-medja annwali ta’ l-emissjonijiet tagħhom ta’ CO2 fil-passat, skond il-metodu ta’ kalkolu msejjaħ “grandfathering”. In-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati jiġi ddeterminat permezz ta’ multiplikazzjoni ta’ l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-passat għal “fattur ta’ konformità” (Erfüllungsfaktor) li jiġi ddeterminat skond l-għan ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet li għandu jinkiseb. Għalhekk, dan il-fattur ta’ konformità ġeneralment ikun inqas minn ‘1’ sabiex ikun jista’ jinkiseb tnaqqis fil-livell ta’ emissjoni meta mqabbel ma’ dak preċedenti u, finalment, sabiex jiġi limitat in-numru totali ta’ kwoti li għandhom jiġi allokati.

28      Fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet li bdew joperaw bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2004, in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati b’xejn jiġi kkalkulat abbażi ta’ l-informazzjoni relativa għall-emissjonijiet medji annwali ta’ CO2 innotifikati mill-operaturi. L-operatur għandu jinkludi perizja fuq il-karatteristiċi determinanti ta’ l-installazzjoni, ma’ l-applikazzjoni tiegħu għall-allokazzjoni ta’ kwoti. L-applikazzjoni u l-perizja għandhom jinkludu informazzjoni fuq il-kapaċità ta’ l-installazzjoni, fuq l-użu previst tal-materja prima kif ukoll fuq ir-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ l-installazzjoni. Il-fattur ta’ konformità applikat għal dawn l-installazzjonijiet għal perijodu ta’ tnax-il sena huwa ta’ 1.

29      Fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2005, jiġifieri l-“operaturi ġodda”, in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati b’xejn jiġi ddeterminat, fin-nuqqas ta’ informazzjoni disponibili dwar il-passat, skond il-metodu ta’ kalkolu msejjaħ “benchmarking”, jiġifieri r-riżultat matematiku tal-volum medju previst tal-produzzjoni annwali għas-snin 2005 sa 2007, tal-previżjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ l-installazzjoni għal kull unità ta’ produzzjoni u n-numru ta’ snin kalendarji li matulhom huwa maħsub li l-installazzjoni għandha topera matul il-perijodu ta’ l-allokazzjonijiet. Il-previżjonijiet ta’ emissjonijiet għal kull unità ta’ produzzjoni għandhom jiġu evalwati billi jittieħed in kunsiderazzjoni bħala kriterju (benchmark) l-istat ta’ l-“aħjar teknika disponibbli”. Għal dawn l-installazzjonijiet ġodda, il-fattur ta’ konformità ma jinbidilx u jibqa’ fiss fuq il-fattur “1” matul l-ewwel erbatax-il sena li tkun qed topera.

30      Il-PNA Ġermaniż jipprovdi li l-kwoti allokati għall-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet jinħarġu f’partijiet ugwali kull sena sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar ta’ kull sena, skond l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/87.

31      Il-PNA Ġermaniż, kif innotfikat lill-Kummissjoni, jipprovdi aġġustamenti ex post tan-numru ta’ kwoti allokati, fil-każijiet li ġejjin:

–        Tnaqqis sostanzjali ta’ l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-installazzjoni u għeluq ta’ l-installazzjoni (regola msejħa ta’ l-“għeluq de facto”): jekk installazzjoni ma tibqax topera, l-operatur għandu jċedi l-kwoti li ġew allokati lilu in kwantu jkunu saru eċċessivi. L-installazzjoni titqies li ma tkunx għadha topera ladarba l-emissjonijiet tagħha fis-sena in kwistjoni jkunu taħt l-10 % tal-medja annwali ta’ l-emissjonijiet irreġistrati matul il-perijodu ta’ riferenza. Jekk dawn l-emissjonijiet ikunu taħt is-60 % tal-medja annwali ta’ l-emissjonijiet irreġistrati matul il-perijodu ta’ riferenza, aġġustament ex post u proporzjonali għat-tnaqqis fl-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni, jiġifieri tal-livell ta’ attività, isir fuq dik il-parti ta’ kwoti li nħarġu għas-sena in kwistjoni. Għas-snin segwenti, il-parti ta’ kwoti allokati tikkorrispondi għad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet inizjali, bla ħsara għal applikazzjoni ġdida ulterjuri tar-regola ta’ aġġustament ex post;

–        Trasferiment ta’ kwoti fil-każ ta’ għeluq u ta’ sostituzzjoni ta’ l-installazzjoni (regola msejħa tat-“trasferiment”): fuq applikazzjoni, il-kwoti allokati għal installazzjoni li tkun ingħalqet ma jiġux irtirati ladarba operatur jibda jopera installazzjoni ġdida fi żmien tliet xhur minn meta tingħalaq l-installazzjoni l-qadima. F’dan il-każ, l-allokazzjoni ta’ kwoti ssir, l-ewwel nett, matul erba’ snin, abbażi ta’ l-emissjonijiet imgħoddija ta’ l-installazzjoni li ngħalqet, u sussegwentement, tiġi kkalkolata, matul perijodu ta’ erbatax-il sena, abbażi ta’ fattur ta’ konformità ta’ ‘1’. Din ir-regola għandha bħala għan li tħajjar lill-operatur jagħlaq dawk l-installazzjonijiet tiegħu li huma qodma u ineffiċjenti. Madankollu, jekk il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-installazzjoni ġdida tkun inqas minn dik ta’ l-installazzjoni li ngħalqet, id-differenza bejn dawn il-kapaċitajiet hija kkunsidrata li tammonta għal għeluq ta’ l-installazzjoni u l-parti mill-kwoti li tikkorrispondi għal din id-differenza ma tiġix allokata iżjed meta jiġu allokati l-kwoti sussegwenti. Bil-kontra, fil-każ li l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-installazzjoni l-ġdida tiżdied, tapplika r-regola li tibbenefika lill-operaturi l-ġodda u jiġu allokati kwoti supplementari li jkopru l-eċċess fil-kapaċità (ara r-raba’ inċiż iktar’il quddiem);

–        Installazzjonijiet eżistenti li bdew joperaw fl-2003 jew fl-2004: in-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati lil dawn l-installazzjonijiet jiġi aġġustat skond jekk, matul il-perijodu meta l-installazzjoni in kwistjoni tkun qed topera, il-volum ta’ produzzjoni effettiv ikunx inqas jew iktar mill-volumi ta’ produzzjoni ddikjarati għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ kwoti inizjalment allokati. Skond il-każ, meta tinħareġ il-parti ta’ kwoti għas-sena ta’ wara, in-numru ta’ kwoti jiġi proporzjonalment imnaqqas jew miżjud. Fil-każ ta’ żieda fil-volum ta’ produzzjoni, il-kwoti supplementari jittieħdu mir-riżerva;

–        Operaturi ġodda li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2005 jew żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ installazzjonijiet eżistenti: in-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati lil dawn l-installazzjonijiet jiġi aġġustat skond jekk, matul il-perijodu meta l-installazzjoni in kwistjoni tkun qed topera, il-livell effettiv ta’ attività ikunx iktar baxx jew ogħla mil-livell ta’ attività ddikjarat għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ kwoti inizjalment allokati. Skond il-każ, meta tinħareġ il-parti ta’ kwoti għas-sena ta’ wara, in-numru ta’ kwoti jiġi proporzjonalment imnaqqas jew miżjud;

–        Installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jipproduċu b’mod simultanju l-elettriku u t-tisħin (Kraft-Wärme-Kopplung): kwoti ta’ emissjoni jiġu allokati b’mod speċifiku lil dawn l-installazzjonijiet (Sonderzuteilung) u dan, matul l-ewwel sena ta’ l-allokazzjonijiet, skond il-volum effettiv ta’ produzzjoni ta’ elettriku. In-numru tagħhom jista’ madankollu jiġi korrett ulterjorment skond il-volum ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku stabbilit is-sena ta’ wara.

32      Il-PNA Ġermaniż jipprovdi barra minn hekk li l-kwoti ta’ emissjoni li ma nħarġux jew li ma ġewx irtirati jiġu ttrasferiti għar-riżerva. Fl-aħħar nett, il-kwoti li jinsabu fir-riżerva huma disponibbli għall-operaturi l-ġodda. Fis-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li r-riżerva kienet aċċessibbli biss għall-operaturi ta’ installazzjonijiet stabbiliti fit-territorju Ġermaniż (minuti tas-seduta, p. 2.).

33      B’ittra tat-8 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi wieġbu ċerti mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni.

34      B’risposta għal dawn il-mistoqsijiet, l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreċiżaw, b’mod partikolari, li, kif tipprovdi z-Zuteilungsgesetz 2007 (liġi Ġermaniża, tas-26 ta’ Awwissu 2004, fuq l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni matul l-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet BGBl. 2004 I, p. 2211, iktar’il quddiem il-“liġi ta’ l-allokazzjonijiet”) u bid-differenza ta’ l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-PNA Ġermaniż, kif ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, l-aġġustamenti ex post ma jistgħu fl-ebda każ iwasslu għal żieda fl-ammont ta’ kwoti allokati lill-installazzjonijiet ikkonċernati. L-awtoritajiet Ġermaniżi, barra minn hekk, irrimarkaw li, fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, il-possibbiltà ta’ aġġustament ex post li jinvolvi tnaqqis jippermetti li jiġi evitat “inċentiv kontroproduttiv” – jiġifieri ekoloġikament mhux mixtieq – fost l-operaturi ta’ installazzjonijiet ta’ dan it-tip, li inkella jiġu mħeġġa jnaqqsu l-livell tal-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku; b’hekk, din il-possibbiltà sservi sabiex tiġi sostnuta l-ġustifikazzjoni ta’ l-allokazzjoni speċjali ta’ kwoti ta’ emissjoni (Sonderzuteilung). Fil-fatt, jekk dan it-tnaqqis fil-produzzjoni jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet u tnaqqis fid-domanda għall-kwoti ta’ emissjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti, dan iwassal, b’mod ġenerali, għal eċċess ta’ emissjonijiet li ma jaqgħux taħt din is-sistema.

35      Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi (ara l-punt 34 iktar’il fuq), il-liġi ta’ l-allokazzjonijiet tipprovdi biss għal aġġustamenti ex post li jinvolvi tnaqqis. Dawn huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ l-allokazzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 7(9) (allokazzjoni lill-installazzjonijiet eżistenti abbażi ta’ informazzjoni miksuba fil-passat), l-Artikolu 8(4) (allokazzjoni lill-installazzjonijiet eżistenti abbażi ta’ emissjonijiet innotifikati), l-Artikolu 9(1) u (4) (għeluq ta’ installazzjonijiet), l-Artikolu 10(2) u (4) (allokazzjoni lill-installazzjonijiet ġodda bħala installazzjonijiet ta’ sostituzzjoni), l-Artikolu 11(5) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 8(4) (allokazzjoni lil operaturi ġodda), kif ukoll l-Artikolu 14(5) (allokazzjoni speċjali lill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(2) tal-liġi ta’ l-allokazzjonijiet jipprovdi li l-kwoti rtirati, skond id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar’il fuq, għandhom jiġu ttrasferiti lir-riżerva.

36      B’deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2515/2 finali, tas-7 ta’ Lulju 2004, dwar il-PNA Ġermaniż kif innotifikat mir-rikorrenti (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), adottata skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni ċaħdet il-PNA Ġermaniż safejn din kienet tipprovdi għal ċerti miżuri ta’ aġġustament ex post ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjoni, billi ddikjarathom inkompatibbli mal-kriterji Nru 5 u 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 (l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata) u billi talbet lir-rikorrenti sabiex tħassarhom (l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni madankollu tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li talloka kwoti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-emendi mitluba fl-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija deċiżjoni (ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata). L-aġġustamenti ex post in kwistjoni kienu dawk previsti:

–        għall-operaturi l-ġodda (l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għall-installazzjonijiet il-ġodda li bdew joperaw wara trasferiment ta’ kwoti inizjalment allokati lil installazzjoni li ngħalqet (l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għall-installazzjonijiet li l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom hija inferjuri għal dik inizjalment mistennija (l-ewwel ipoteżi ta’ l-Artikolu 1(c), tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għall-installazzjonijiet li l-emissjonijiet annwali tagħhom jirrappreżentaw inqas minn 40 % ta’ l-emissjonijiet matul il-perijodu ta’ riferenza (it-tieni ipoteżi ta’ l-Artikolu 1(c), tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jipproduċu kwantità ta’ enerġija inqas minn dik irreġistrata matul il-perijodu ta’ riferenza (it-tielet ipoteżi ta’ l-Artikolu 1(ċ), tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li l-aġġustamenti ex post applikabbli għall-operaturi ġodda jmorru kontra l-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, peress li dawn jingħataw vantaġġ mhux iġġustifikat fil-konfront ta’ operaturi ta’ installazzjonijiet li huma diġà koperti mill-PNA Ġermaniż u li fir-rigward tagħhom dawn l-aġġustamenti mhumiex ammessi matul l-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet.

38      Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-aġġustamenti tan-numru ta’ kwoti allokati lil installazzjoni ġdida li bdiet topera wara l-għeluq ta’ installazzjoni qadima huma inkompatibbli mal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li jistipula li n-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati matul il-perijodu ta’ skambju msemmi fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, lid-diversi installazzjonijiet elenkati fil-PNA għandu jiġi ddeterminat minn qabel.

39      Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li jmorru wkoll kontra l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 l-aġġustamenti previsti: a) għall-installazzjonijiet li l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom hija inqas minn dik inizjalment mistennija; b) għal dawk li l-emissjonijiet annwali tagħhom huma ta’ inqas minn 40 % ta’ l-emissjonijiet matul il-perijodu ta’ riferenza kif ukoll; ċ) għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jipproduċu kwantità ta’ enerġija li hija inqas minn dik irreġistrata matul il-perijodu ta’ riferenza.

40      Fis-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li t-tieni ipoteżi ta’ l-Artikolu 1(c), kif ukoll il-premessa 6 (ara punt 39(b) iktar’il fuq) tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwardaw, fil-verità, l-installazzjonijiet li l-emissjonijiet annwali tagħhom jirrappreżentaw inqas minn 60 % ta’ l-emissjonijiet irreġistrati matul il-perijodu ta’ riferenza u li r-riferenza għal 40 % fl-imsemmija deċiżjoni kienet dovuta għal żball (minuti tas-seduta p. 2).

41      Fil-komunikazzjoni COM (2004) 500 finali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewopew, rigward id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Lulju 2004, dwar il-PNA nnotifikati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Rejnu ta’ l-Olanda, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq skond id-Direttiva 2003/87, tas-7 ta’ Lulju 2004, (iktar’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004”), il-Kummissjoni tat l-opinjoni tagħha, fil-punt 3.2, fir-rigward ta’ l-aġġustamenti ex post kif ġej:

“L-Artikolu 11 u l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu minn qabel (qabel ma jibda’ l-perijodu ta’ skambji) dwar il-kwantità totali ta’ kwoti li huma se jallokaw u dwar l-attribuzzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull installazzjoni. Din id-deċiżjoni ma tistax tiġi riveduta u l-ebda kwota ma tista’ tiġi allokata mill-ġdid billi tiżdied jew titnaqqas il-kwantità determinata għal kull operatur abbażi ta’ deċiżjoni tal-Gvern jew regola prestabbilita. Id-Direttiva 2003/87 tippermetti aġġustamenti ex post fil-każ ta’ forza maġġuri skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 29. Barra minn hekk:

–        dawn id-deċiżjonijiet jippermettu li jsiru korrezzjonijiet fuq l-allokazzjonijiet previsti fid-dawl tal-kwalità ta’ l-informazzjoni f’kull mument qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet skond l-Artikolu 11(1);

–        id-Direttiva 2003/87 ma teskludix, fil-każ ta’għeluq ta’ installazzjoni matul il-perijodu, li l-Istati Membri jiddeterminaw li m’għadux jeżisti operatur lil min għandhom jingħataw xi kwoti; u

–        ladarba allokazzjoni tikkonċerna operaturi ġodda u tuża kwoti meħudin minn riżerva, il-kwantità eżatta allokata lil kull operatur ġdid tiġi ddeterminata meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet skond l-Artikolu 11(1).

Il-kriterju 10 jeħtieġ li l-kwantità ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lil installazzjonijiet eżistenti tiġi indikata fil-PNA qabel ma jibda l-perijodu ta’ l-allokazzjonijiet. Il-Kummissjoni evalwat l-ammissibbiltà ta’ l-aġġustamenti ex post indipendentement mill-kwistjoni jekk aġġustament ippjanat – jew id-daqs tiegħu – jistax jiġi attribwit jew le għall-aġir ta’ l-operatur li fir-rigward tiegħu qed jiġi propost li tiġi emendata l-allokazzjoni matul il-perijodu.

Skond il-kriterju 5 ta’ l-Anness III, l-istess prinċipju għandu japplika għall-operaturi ġodda. Malli Stat Membru jkun iddeċieda matul il-perijodu ta’ skambji tan-numru assolut ta’ kwoti li għandhom jittieħdu minn riżerva għall-operaturi l-ġodda sabiex jiġu attribbwiti lil operatur ġdid, ikun impossibbli għalih li jirrevedi din id-deċiżjoni. Li kieku dan ma kienx il-każ, ċerti impriżi jistgħu jiġi vvantaġġati jew diskriminati indebitament bl-applikazzjoni ta’ prinċipju li ma jistax jiġi aċċettat għall-installazzjonijiet eżistenti.

L-aġġustamenti ex post huma kaġun ta’ nuqqas ta’ sigurtà għall-operaturi u għandhom effett sfavorevoli fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment u fuq is-suq ta’ l-iskambji. L-aġġustamenti ex post jissostitwixxu soluzzjonijiet iżjed effiċjenti li jinsabu fis-suq bi proċeduri amministrattivi diffiċli biex jiġu implementati. Ir-reviżjonijiet ex post li jinvolvu tnaqqis tal-kwoti allokati, li jistgħu jitqiesu bħala ta’ benefiċċju għall-ambjent, huma wkoll ta’ ħsara għaċ-ċertezza meħtieġa mill-impriżi biex jagħmlu investimenti li jippermettu li jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Il-Kummissjoni tqis li l-aġġustamenti ex post previsti fil-PNA Ġermaniż u Awstrijak jmorru kontra l-kriterji Nru 5 u/jew Nru 10.

Il-Kummissjoni tqis li l-PNA Ġermaniż imur kontra l-kriterju 10 minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi ħsiebha taġġusta jew taġġusta potenzjalment il-kwantità allokata għal kull installazzjoni matul l-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet meta (i) l-installazzjonijiet eżistenti li bdew joperaw mill-1 ta’ Jannar 2003 ikollhom rata ta’ użu iżjed baxxa mill-kapaċità tagħhom; (ii) l-installazzjonijiet eżistenti jipproduċu emissjonijiet annwali ta’ 40 % inqas minn dawk tal-perijodu ta’ riferenza; (iii) l-installazzjonijiet eżistenti jiksbu kwoti supplementari permezz tat-trasferiment tal-kwoti previsti għal installazzjoni li tkun għalqet; (iv) l-installazzjonijiet eżistenti jew l-operaturi l-ġodda li jibbenefikaw mill-allokazzjoni bonus għall-produzzjoni kemm ta’ tisħin kif ukoll ta’ elettriku jkollhom produzzjoni ta’ tisħin u elettriku flimkien iżjed dgħajfa minn dik matul il-perijodu ta’ riferenza. L-intenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li potenzjalment taġġusta l-allokazzjoni tal-kwoti lill-operaturi l-ġodda tmur kontra l-kriterju 5, li jimponi n-non diskriminazzjoni skond it-Trattat, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn l-aġġustamenti ex post tagħti lok għal diskriminazzjoni bejn l-operaturi l-ġodda, minn naħa, u l-operaturi ta’ installazzjonijiet oħra, min-naħa l-oħra, li ma jistgħux jibbenefikaw minn aġġustamenti ex post skond id-Direttiva 2003/87.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

42      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

43      Skond l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li l-partijiet instemgħu skond l-Artikolu 51 ta’ l-imsemmija Regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

44      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu mistoqsijiet bil-miktub u lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dokument qabel is-seduta. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet u l-Kummissjoni ppreżentat dan id-dokument fit-termini mogħtija.

45      Fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2006, instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

46      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 2(a) sa (c) ta’ l-imsemmija deċiżjoni safejn din tordna lir-rikorrenti tagħmel ċerti emendi fil-PNA Ġermaniż u tikkomunikahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna li r-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Osservazzjoni preliminari

48      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, li huma, l-ewwel nett, il-ksur ta’ l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva, it-tieni nett, il-ksur ta’ l-Artikolu 176 KE u, it-tielet nett, il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, skond l-Artikolu 253 KE, fir-rigward ta’ l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

II –  Fuq l-ewwel motiv dovut għal ksur ta’ l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva

A –  Argumenti tal-partijiet

1.     Argumenti tar-rikorrenti

a)     Osservazzjoni preliminari

49      Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-aġġustamenti ex post, kif previsti fil-PNA Ġermaniż, huma inkompatibbli mal-kriterji Nru 5 u 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Dawn il-konstatazzjonijiet imorru kontra l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva, li ma jipprojbixxux lill-Istat Membri milli jwettqu aġġustamenti ex post. Ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tostakola l-implementazzjoni effettiva mill-Istati Membri tad-Direttiva 2003/87 u b’mod partikolari tal-kriterji elenkati fl-Anness III tagħha.

b)     Fuq l-osservanza tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

50      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, peress li ma tirrispetta la l-kliem tiegħu u lanqas il-kuntest leġiżlattiv tiegħu. B’mod partikolari, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmi kriterju li n-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati, matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, għall-installazzjonijiet differenti elenkati fil-PNA, għandu jiġi ffissat minn qabel (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Skond ir-rikorrenti, il-kliem tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 ma jipprojbixxix li jsiru aġġustamenti ex post ladarba jirriżulta li ċerti allokazzjonijiet huma bbażati fuq evalwazzjonijiet żbaljati ta’ l-operatur. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, skond l-imsemmi kriterju, il-PNA għandu jinkludi l-lista ta’ l-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 u l-kwoti “maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda” minnhom. Għaldaqstant il-kwantitajiet ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti li jinsabu fuq din il-lista tirrifletti biss il-kwantitajiet li l-Istat Membru “jkun beħsiebu” jalloka skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fehma tar-rikorrenti, ma jirriżulta la mill-verżjoni Ġermaniża u lanqas mill-verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 2003/87 li l-installazzjonijiet imsemmija fil-PNA għandhom id-dritt jiksbu n-numru eżatt ta’ kwoti kif ikun ġie kkomunikat lill-Kummissjoni.

52      Skond ir-rikorrenti, fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, l-Artikolu 9(1) ta’ l-imsemmija direttiva, jipprovdi li l-PNA għandu jippermetti biss li tkun magħrufa “l-kwantità totali tal-kwoti li [l-Istat Membru] jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom”. Bl-istess mod, jirriżulta mill-Artikolu 11(1) ta’ l-imsemmija direttiva li l-allokazzjoni individwali tal-kwoti sseħħ biss wara l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u wara li l-PNA jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. B’hekk, sabiex din il-komunikazzjoni u din il-parteċipazzjoni jagħmlu sens, bilfors għandu jkun possibbli li teżisti differenza bejn, minn naħa, in-numru ta’ kwoti “maħsuba” mill-Istat Membru li jiġu allokati, skond il-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, u, min-naħa l-oħra, il-kwantità effettivament allokata skond l-Artikolu 11(1) ta’ l-imsemmija direttiva “imsejsa fuq il-[PNA]”. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jipprojbixxi kull aġġustament ex post mill-Istat Membru ta’ l-allokazzjonijiet li jinsabu fil-PNA huwa żbaljat. Ir-rikorrenti żżid li l-opinjoni tal-Kummissjoni hija wkoll inkompatibbli ma’ l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, li jippermetti, mingħajr ma jimponi kontroll partikolari, aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis tad-deċiżjonijiet ta’ l-allokazzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn l-aġġustamenti jsiru abbażi ta’ informazzjoni iktar preċiża jew ikunu konformi mal-proċeduri previsti mill-PNA.

53      Rigward l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, ir-rikorrenti tqis li, kif il-Kummissjoni stess esponiet fil-linji gwida tagħha, l-għan ta’ dan il-kriterju hu li tiġi ggarantita t-trasparenza tal-PNA sabiex l-impriżi, il-pubbliku, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jirreaġixxu skond il-kwantità ta’ kwoti li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni jalloka (linji gwida tal-Kummissjoni, p. 23). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġustifikazzjoni mogħtija għall-introduzzjoni ta’ l-imsemmi kriterju matul il-proċess ta’ tfassil tad-Direttiva 2003/87, ġustifikazzjoni li tistipula li huwa importanti “li tkun disponibbli informazzjoni li tirrifletti u tikkwantifika s-sitwazzjoni tal-kummerċ tad-drittijiet ta’ emissjoni” (kumitat għall-ambjent, għas-saħħa pubblika u għal-politika tal-konsumaturi tal-Parlament Ewropew, dokument tas-sessjoni A5-0303/2002, I, p. 48, emenda Nru 73). Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jinkludi biss ħtieġa proċedurali li timponi fuq l-Istat Membru l-obbligu jinnotifika lill-Kummissjoni PNA li jinkludi lista ta’ l-installazzjonijiet koperti mill-imsemmija direttiva u l-kwantitajiet individwali previsti ta’ kwoti li huwa għandu l-intenzjoni jallokalhom rispettivament. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Kummissjoni stess baqgħet lura milli tistabbilixxi ħtiġijiet supplementari f’dan ir-rigward fil-linji gwida tagħha (linji gwida tal-Kummissjoni p. 23 u 24).

c)     Fuq l-osservanza tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

54      Ir-rikorrenti tosserva li, għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-aġġustamenti ex post previsti mill-PNA Ġermaniż huma wkoll kumpatibbli mal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li jgħid, b’mod konformi mal-ħtiġijiet tat-Trattat, li l-PNA m’għandux jivvantaġġa indebitament ċertu impriżi jew attivitajiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li huwa biss, għall-kuntrarju, li kieku l-Istati Membri ma kinux f’pożizzjoni li jirtiraw il-kwoti, u dan minkejja li dawn ta’ l-aħħar ikunu bbażati fuq previżjonijiet ta’ produzzjoni żbaljati jew eżaġerati, per eżempju fil-każ ta’ operaturi ġodda, li dan jagħti lok għal vantaġġ kompetittiv indebitu għall-operatur minħabba l-possibbiltà li jbigħ, bi profitt, il-kwoti eċċessivi fis-suq, u li minn dan jirriżulta, min-naħa l-oħra, fi żvantaġġi kompetittivi indebitu għall-operaturi l-oħra. F’tali ipoteżi, l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis ikunu mezz xieraq u neċessarju sabiex jiġi impedut dan it-tfixkil tal-kompetizzjoni li jmur kontra l-kriterju 5 filwaqt li jiġi kkumpensat il-vantaġġ li l-operaturi ġodda jiksbu mill-fatt li l-allokazzjoni ta’ kwoti favurihom hija bbażata fuq rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni li tirriżulta mill-kalkoli tagħhom stess.

55      Ir-rikorrenti żżid li, fin-nuqqas tal-possibbiltà li dawn l-aġġustamenti jsiru ex post sabiex jiġu evitati “allokazzjonijiet żejda”, hija ma tistax tikkonforma ruħha ma’ l-obbligu impost fuqha mill-kriterju 1 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li hija għandha tara li l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati ma tkunx superjuri għal dak li x’aktarx ikun neċessarju għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji stabbiliti fl-imsemmi anness. Hija tqis li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinjora d-differenza fundamentali bejn l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis u l-aġġustamenti ex post li jinvolvu kwantità ikbar. Filwaqt li dawn ta’ l-aħħar huma inkompatibbli ma’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, in kwantu jwasslu sabiex tinqabeż il-kwantità totali li għandha tiġi attribbwita (kriterju 1), l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis ma jiksru l-ebda kriterju rilevanti. Għall-kuntrarju, il-kriterji Nru 1 u 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jeħtieġu li allokazzjonijiet eċċessivi jiġu revokati f’każijiet partikolari u ġustifikati.

56      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti ex post tista’ ddgħajjef il-preċiżjoni u d-diliġenza tal-kontrolli preventivi li għandhom isiru relattivi għall-kalkoli u l-previżjonijiet ippreżentati mill-operaturi għall-finijiet ta’ l-allokazzjoni inizjali tal-kwoti. Skond ir-rikorrenti, li kieku kellu jitqies li l-previżjonijiet huma bbażati fuq l-aħjar estimazzjoni possibbli ta’ l-użu futur tal-kapaċità ta’ produzzjoni, ma jistax, fil-fatt, ikun hemm ċertezza assoluta dwar dawn il-previżjonijiet. Ir-riskju ta’ allokazzjoni eċċessiva ta’ kwoti, jiġifieri li taqbeż il-ħtiġijiet veri ta’ l-operatur in kwistjoni, jirrikjedi għaldaqstant l-applikazzjoni ta’ aġġustamenti ex post. Barra minn hekk, il-previżjonijiet inizjali għandhom jiġu suġġetti għal verifika daqstant akkurata u kompleta kemm jista’ jkun, peress li “allokazzjoni żejda” inizjali tista’ twassal għal allokazzjoni insuffiċjenti bi ħsara għal operaturi oħra.

d)     Fuq il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-istess direttiva u fuq il-libertà ta’ azzjoni li l-Istati Membri għandhom skond din id-direttiva

57      B’mod ġenerali, ir-rikorrenti tqajjem dubji dwar il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-PNA. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jillimita s-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni għal eżami tal-PNA biss skond il-kriterji li jinsabu fl-Anness III u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 ta’ l-imsemmija direttiva. B’hekk, iċ-ċaħda tal-PNA tkun possibbli biss jekk din tkun inkompatibbli ma’ l-imsemmija kriterji u l-imsemmija dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, il-kriterju 10 ma jistax jiġi interpretat, b’mod estensiv, fid-dawl tal-kuntest ġenerali jew tas-sistema ġenerali tad-Direttiva 2003/87. Jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tikkontesta r-regoli nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minħabba kunsiderazzjonijiet oħra, hija jkollha teżerċita l-kompetenzi ġenerali tagħha ta’ sorveljanza, kif jipprovdu l-Artikoli 211 KE u 226 KE.

58      Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, la d-Direttiva 2003/87 u lanqas l-Artikolu 9(3) tagħha, moqrija flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-istess direttiva, ma jipprojbixxu li jsiru aġġustamenti ex post peress li dawn jitħallew għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri. Bil-kontra, l-esklużjoni ta’ din il-possibbiltà f’każijiet partikolari tfisser li r-rikorrenti ma tkunx iżjed f’pożizzjoni li tosserva, b’mod effiċjenti, il-kriterji elenkati fl-Anness III. Barra minn hekk, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-PNA tagħhom, minbarra l-kriterji elenkati fl-Anness III, kriterji addizzjonali sakemm dawn ikunu oġġettivi u trasparenti. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-aġġustamenti kollha ex post tal-PNA Ġermaniż jissoddisfaw dawn l-eżiġenzi ta’ oġġettività u ta’ trasparenza, peress li jiġi indikat lill-operaturi, malli jiġu attribbwiti l-kwoti, taħt liema kundizzjonijiet u b’liema mod dawn jistgħu jiġu rtirati.

59      Ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn hekk, l-argument li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/87 projbizzjoni ġenerali tal-miżuri ta’ aġġustament ex post li jinvolvu tnaqqis, meta din id-dispożizzjoni tipprovdi unikament, bħala eċċezzjoni, il-possibbiltà li jingħataw kwoti supplementari fil-każ ta’ forza maġġuri. L-għan ta’ l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/87 huwa għaldaqstant ir-ristrezzjoni stretta, mill-bidu ta’ l-iskambji, ta’ l-għoti ta’ kwoti supplementari mill-Istati Membri, jiġifieri aġġustament ex post li jinvolvi kwantità ikbar, sabiex jiġi evitat li l-kwantità totali allokata fi Stat Membru tiżdied. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma tkopri s-sitwazzjoni bil-maqlub, jiġifieri aġġustamenti ex post li jinvolvi tnaqqis.

60      Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-aġġustamenti ex post previsti mill-PNA Ġermaniż huma konformi kemm ma’ l-għanijiet kif ukoll mal-kliem tad-Direttiva 2003/87.

e)     Fuq l-argumenti ekonomiċi tal-Kummissjoni

61      Ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra ta’ l-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, l-argument tagħha huwa sostnut mill-għanijiet kemm ekoloġiċi kif ukoll ekonomiċi tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra effettivi u ekonomikament effiċjenti (l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87), l-ippreżervar ta’ l-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/87) u t-teħid in kunsiderazzjoni tal-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet li jiġu minn attività industrijali (il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/87).

62      Fil-fatt, l-aġġustamenti ex post li jinvovu tnaqqis ikkontestati mill-Kummissjoni huma intiżi biex jimpedixxu d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern billi jservu bħala rimedju għall-abbuż u l-“allokazzjonijet żejda” dannużi għall-kompetituri. Huma jippermettu barra minn hekk li jiġu korretti previżjonijiet żbaljati kif ukoll tnaqqis fil-produzzjoni billi jitwarrbu dawn il-previżjonijiet u, fil-każ ta’ installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, huma jippermettu li jiġu korretti l-konsegwenzi inerenti fl-użu abużiv ta’ l-allokazzjonijiet speċjali ta’ kwoti li jmur kontra l-għan ambjentali tagħha.

63      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-aġġustamenti ex post huma ta’ ħsara għaċ-ċertezza meħtieġa mill-impriżi sabiex iwettqu investimenti li jippermettu t-tnaqqis fl-emissjonijiet (komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004, p. 8). Fil-fatt, dawn l-aġġustamenti ma jiddependux mit-tnaqqis fl-emissjonijiet, iżda minn dik tal-produzzjoni reali ta’ l-installazzjoni, f’każ li din ma timxix skond il-produzzjoni prevista. Skond ir-rikorrenti, l-aġġustamenti ex post jiffaċilitaw, għall-kuntrarju, l-operat effiċjenti tas-suq u jżidu s-sigurtà ta’ l-investimenti, bħal dawk intiżi għas-sostituzzjoni ta’ kombustibbli li jipproduċu rata għolja ta’ CO2. Fil-fatt, huma jwasslu għal sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni ta’ l-operatur li jbigħ jew jixtri kwoti tkun tiddependi mill-effiċjenza ta’ l-installazzjoni tiegħu u jeħilsu l-kwoti mhux użati għall-benefiċċju ta’ installazzjonijiet ġodda. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li l-aġġustamenti ex post u r-restituzzjoni tal-kwoti lir-riżerva jaffettwaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ operaturi ġodda huwa żbaljat meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sigurtà totali ta’ l-investiment li minnu jibbenefikaw dawn ta’ l-aħħar bis-saħħa ta’ l-obbligu ta’ xiri ta’ kwoti li l-PNA u l-Artikolu 6(3) tal-liġi ta’ l-allokazzjonijiet jimponu fuq l-Istat. Iż-żieda tar-riżerva mill-kwoti reintegrati permezz ta’ dawn l-aġġustamenti għandha barra minn hekk bħala għan li jiġi evitat li dan l-obbligu ta’ xiri jingħata importanza kbira wisq.

64      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li l-aġġustamenti ex post mhumiex neċessarji għall-ġlieda kontra l-abbuż u l-previżjonijiet żbaljati u li l-korrezzjoni ta’ l-informazzjoni ineżatta għandha ssir qabel id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, ir-rikorrenti tosserva li n-natura żbaljata ta’ dawn il-previżjonijiet ssir magħrufa biss wara din id-deċiżjoni, jiġifieri abbażi ta’ tqabbil bejn il-produzzjoni effettiva u dik inizjalment prevista. F’tali sitwazzjoni, l-aġġustament ex post ikun l-uniku mezz sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ “allokazzjoni żejda” li jirriżulta b’konsegwenza ta’ dan u, b’hekk, l-uniku mezz sabiex jiġi evitat li l-operat tajjeb tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ma jiġix milqut. Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/87 ma tagħmilx distinzjoni, f’dan ir-rigward, skond is-serjetà ta’ l-iżball magħmul mill-operatur. B’hekk l-iżbalji ta’ previżjoni mwettqa minħabba negliġenza għandhom ukoll jiġu korretti a posteriori u, bil-kontra ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-abbużi intenzjonati mhijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

65      Ir-rikorrenti żżid li l-unika miżura rikonoxxuta bħala leġittima mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-revoka ta’ l-allokazzjoni ta’ kwoti wara l-għeluq ta’ l-installazzjoni, hija xorta waħda aġġustament ex post. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-għeluq ta’ installazzjoni jwassal għall-għejbien ta’ l-installazzjoni u, b’hekk ta’ l-operatur bħala tali. Minn naħa, l-eżistenza ġuridika ta’ operatur ma tispiċċax minħabba s-sempliċi fatt li l-installazzjoni tkun ingħalqet. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-ambjent timponi fuq l-operatur obbligi importanti ta’ manutenzjoni anki wara dan l-għeluq (Nachsorgepflichten). B’hekk, taħt dawn iċ-ċirkustanzi, l-operatur jista’ japprofitta ruħu miċ-ċessjoni ta’ kwoti li ma jkollux iktar bżonnhom. Għaldaqstant, l-irtirar, mhux ikkontestata mill-Kummissjoni, tal-kwoti fil-każ ta’ għeluq ta’ installazzjoni jikkostitwixxi, fil-verità, aġġustament ex post li jinvolvi tnaqqis.

2.     Argumenti tal-Kummissjoni

a)     Fuq in-natura determinanti tal-portata tal-kriterji ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 għall-istħarriġ magħmul mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) ta’ l-imsemmija direttiva

66      Il-Kummissjoni tqis li s-setgħa tagħha ta’ stħarriġ tal-PNA, kif jipprovdi l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, tikkonċerna b’mod partikolari l-kriterji msemmija fl-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva, li għandhom jinqraw fid-dawl tal-kuntest ġenerali u ta’ l-iskema ta’ l-imsemmija direttiva komplessivament. Skond il-Kummissjoni, is-suġġett tal-kontroversja huwa l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata ma’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, mal-kriterji msemmija fl-Anness III tagħha, fejn l-għan ġenerali huwa li l-operaturi jingħataw, abbażi ta’ kwoti ċari u stabbiliti, inċentiv kummerċjali sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata tkun legali jekk il-PNA in kwistjoni mhuwiex konformi ma’ l-imsemmija kriterji. Għaldaqstant, il-portata ta’ l-imsemmija kriterji hija determinanti kemm għal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għal-legalità tal-PNA.

b)     Fuq il-konformità tal-PNA Ġermaniż mal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

67      Il-Kummissjoni tqis li aġġustament ex post, anki jekk isir skond regoli prestabbiliti, mhuwiex kumpatibbli mal-kriterju 10, kif inhu interpretat fil-kuntest ġenerali ta’ l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87. Hija ssostni li ma jkunx iktar possibbli li jsir tali aġġustament ladarba d-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet tkun ittieħdet skond l-Artikolu 11(1) ta’ l-imsemmija direttiva. Dan minħabba l-fatt li l-kwoti allokati għandhom jinħarġu lill-operaturi (l-Artikolu 11(4)) u minħabba li jistgħu jiġi ttrasferiti ġewwa l-Komunità (l-Artikolu 12(1)). Il-Kummissjoni tippreċiża li, malli tittieħed din id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, l-għan ġenerali tad-Direttiva 2003/87 li jikkonsisti fil-fatt li l-operaturi jingħataw, abbażi ta’ kwoti predeterminati, inċentiv kummerċjali sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, jagħmel sens.

68      Rigward il-bżonn allegat mir-rikorrenti li jiġu evitati abbużi u previżjonijiet żbaljati, il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li huwa dejjem possibbli li tiġi korretta l-informazzjoni żbaljata qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, f’sistema bħal dik magħżula mir-rikorrenti, huma inerenti ċerti riskji u ċerta marġni ta’ żball – rigward, per eżempju, il-previżjonijiet li jridu jiġu pprovduti mill-operaturi ġodda – li ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonjiet tad-Direttiva 2003/87. Wara kollox, ħlief għar-rikorrenti, numru żgħir ħafna biss ta’ Stati Membri jqisu jew qiesu, inizjalment, li ma jistgħux jgħaddu mingħajr aġġustamenti ex post. Il-Kummissjoni żżid li f’kull każ jeżistu, ġewwa l-Istati Membri, dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali intiżi sabiex jiġu miġġielda l-abbużi intenzjonati.

69      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis jippermettu li jiġu limitati għall-minimu neċessarju l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li dawn jikkontribwixxu għaldaqstant għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, il-Kummissjoni toġġezzjoni li dan l-effett jista’ jinkiseb biss jekk, minħabba nuqqas ta’ domanda, ir-riżerva ma tintużax kollha u l-kwoti jiġu annullati. F’tali każ, dan ikun biss effett sekondarju mhux previst, minħabba l-preżenza ta’ numru iżgħar milli previst ta’ operaturi ġodda. Li kieku r-rikorrenti xtaqet issegwi dan l-għan ambjentali, hija jmissha pprovdiet, mill-bidunett, kwantità totali ta’ kwoti inqas kunsiderevoli sabiex tevita “allokazzjoni żejda” jew, għall-inqas, l-annullament immedjat tal-kwoti rtirati ex post. Il-Kummissjoni tikkonkludi f’dan ir-rigward li l-aġġustamenti ex post huma newtrali mill-aspett tal-ħarsien ta’ l-ambjent, peress li l-kwantità totali tal-kwoti tibqa’ l-istess. Hija tqis li dawn l-aġġustamenti jistgħu saħansitra jneħħu fil-konfront ta’ l-operaturi l-inċentiv li jnaqqsu l-emissjonijiet, in kwantu dawn jitilfu l-possibbiltà li jċedu l-kwoti fis-suq ta’ skambju miksuba bis-saħħa tad-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom stess, bħad-deċiżjoni li jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom.

70      Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tagħha ma tmurx kontra l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, billi din id-dispożizzjoni tawtorizza biss korrezzjonijiet skond il-metodu ta’ l-allokazzjonijiet previst mill-PNA u billi dan il-metodu għandu xorta waħda jkun konformi mal-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, ir-riferenza magħmula, f’din id-dispożizzjoni, għall-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, tikkonferma biss in-natura determinanti tal-kriterji msemmija fl-Anness III kif ukoll dik ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ l-imsemmija direttiva għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-PNA.

71      Il-Kummissjoni żżid li, bil-kontra ta’ l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-irtirar ta’ kwoti fil-każ ta’ għeluq ta’ installazzjonijiet ma jikkostitwixxix każ ta’ aġġustament ex post, minħabba li l-kwoti huma marbuta ma’ l-installazzjonijiet. Skond il-Kummissjoni, installazzjoni li tieqaf topera ma jkollhiex iktar bżonn ta’ kwoti ta’ emissjoni. B’hekk, malli din l-installazzjoni tieqaf topera, l-għan li din tiġi inċentivata tnaqqas l-emissjonijiet tagħha sabiex tirrilaxxa l-kwoti ma jibqax effettiv u l-Istat Membru jkun jista’ jirtira l-kwoti li l-installazzjoni magħluqa ma jkollhiex iktar bżonn. Għaldaqstant, f’tali każ, l-irtirar tal-kwoti ma jikkostitwixxix aġġustament ex post li jista’ jiġi mqabbel ma’ l-aġġustamenti ex post previsti fil-PNA Ġermaniż.

c)     Fuq il-konformuità tal-PNA Ġermaniż mal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

72      Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma hija kontestabbli mill-perspettiva tal-kriterju 5. Hija tqis li l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis tista’ tagħti lok għal trattament preferenzjali inġustifikat ta’ l-operaturi ġodda peress li dawn jistgħu jiksbu mill-bidu kwantità ta’ kwoti ogħla minn dik li setgħu jistennew fin-nuqqas ta’ din il-possibbiltà, ħaġa li tiżvantaġġa lill-operaturi l-oħra li m’għandhomx din il-possibbiltà ta’ korrezzjoni inerenti fl-allokazzjoni inizjali. Jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa għall-operaturi ġodda li jevalwaw huma stess il-livell previst ta’ użu tal-kapaċità u l-volum ta’ produzzjoni mistenni, dawn ikunu inqas inċentivati jipprovdu estimi preċiżi u jwettqu kontrolli biss f’każ ta’ allokazzjoni stabbilita b’mod irrevokabbli mill-bidunett. Allokazzjoni inizjali għolja wisq tista’ indebitament tivvantaġġja operatur ġdid jekk jirriżulta li huwa jista’ jbigħ iktar prodotti minħabba żieda fid-domanda mingħajr ma jidħol fi spejjeż addizzjonali għall-akkwist ta’ kwoti. Min-naħa l-oħra, l-operatur ta’ installazzjoni eżistenti jkollu jixtri kwoti supplementari fis-suq għal kull unità supplementari ta’ produzzjoni mhux prevista.

73      Il-Kummissjoni żżid li sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni għal diversi snin tista’ taħdem biss, b’mod effiettiv, abbażi ta’ eżami ex ante bbażat essenzjalment fuq previżjonijiet. Minbarra l-fatt li, fil-preżenza tal-possibbiltà ta’ aġġustamenti ex post, il-partijiet interessati jkollhom it-tendenza li jkunu inqas diliġenti meta jiġi mfassal il-PNA, ħaġa li taffettwa l-preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, l-allokazzjoni definittiva tkun tista’ ssir biss, kif tirraġuna r-rikorrenti fl-argument tagħha, fl-aħħar tal-perijodu ta’ l-allokazzjonijiet, meta l-informazzjoni kollha fuq l-emissjonijiet effettivament prodotti tkun disponibbli. B’hekk, l-aġġustamenti ex post ikollhom bħala konsegwenza li l-osservanza tal-kriterju 5 jkun jista’ jiġi ggarantit biss a posteriori. Il-Kummissjoni hija madankollu tal-fehma li jeħtieġ li tiġi vverifikata minn qabel l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni eventwali, taħt dan il-kriterju, fir-rigward ta’ ċerti installazzjonijiet, jiġifieri fil-mument meta l-PNA jiġi stabbilit u meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi adottata. Jirriżulta b’hekk li l-aġġustamenti ex post imorru kontra r-ratio u l-operat tas-sistema ta’ l-allokazzjonijiet u ta’ skambju ta’ kwoti. Il-Kummissjoni tippreċiża barra minn hekk li huwa inerenti f’sistema bbażata fuq previżjonijiet li r-realtà, kif tirriżulta sussegwentement, tkun differenti mill-previżjonijiet. L-iżviluppi sussegwenti ma jkunux għad jistgħu jqajmu dubji fuq id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, adottata abbażi ta’ eżami ex ante, intiża biex toħloq inċentivi kummerċjali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Fil-fatt, jekk jiġi previst li kwoti li jkunu saru inutli minħabba tnaqqis fl-emissjonijiet jistgħu jiġu rtirati, filwaqt li jkunu jistgħu jinbigħu jkun jammonta għal eliminazzjoni parzjali ta’ l-inċentiv biex isir dan it-tnaqqis. L-effettività tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti tiġi għaldaqstant affettwata b’mod deċiżiv.

74      F’dan ir-rigward, ma teżisti l-ebda differenza bejn jekk l-aġġustamenti ex post jkunux marbuta mar-rata ta’ emissjoni jew mal-volum ta’ produzzjoni, peress li, skond il-Kummissjoni, teżisti korrelazzjoni pożittiva bejn dawn iż-żewġ parametri, billi t-tnejn li huma jinfluwenzaw id-deċiżjoni kummerċjali li jiġi sfruttat il-vantaġġ imnissel mill-produzzjoni ta’ l-installazzjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, bl-irbit ta’ l-aġġustamenti ex post mal-volum tal-produzzjoni, jiddaħal element ta’ inċertezza fil-kalkolu ekonomiku li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-kwistjoni jekk huwiex vijabbli li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta’ żieda fl-effiċjenza jew tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni, sabiex ikunu jistgħu jinbigħu l-kwoti eċċessivi. Min-naħa l-oħra, din l-inċertezza maħluqa mill-aġġustamenti ex post tinċentiva lill-operaturi ta’ l-installazzjonijiet sabiex jinvestu inqas f’teknoloġiji ta’ produzzjoni nadifa kif ukoll sabiex ma jnaqqsux il-produzzjoni tagħhom b’mod iktar sostanzjali. Huwa preċiżament dan li l-Kummissjoni tixtieq tevita. Il-Kummissjoni żżid li dan l-impatt fuq l-inċentivazzjoni ta’ l-operaturi jista’ jkollu saħansitra effetti negattivi fuq l-ambjent, filwaqt li l-effetti pożittivi eventwali allegati mir-rikorrenti jinkisbu biss f’ċirkustanzi ipotetiċi partikolari, b’mod partikolari fil-każ fejn ma jkunx hemm numru suffiċjenti ta’ operaturi ġodda.

75      Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-kwoti rtirati jiġu ttrasferiti għar-riżerva sabiex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ l-operaturi ġodda, il-Kummissjoni tqis li, jekk ir-rikorrenti tqis li żieda fir-riżerva hija neċessarja, hija għandha tipprovdi, mill-bidu, għal riżerva ikbar fil-PNA tagħha. Il-Kummissjoni tosserva barra minn hekk li l-kwantità ta’ kwoti miksuba permezz ta’ aġġustamenti ex post hija inċerta u ma tiggarantixxix għaldaqstant ċertezza legali ikbar għall-operaturi ġodda rigward id-deċiżjonijiet tagħhom ta’ investiment. Barra minn hekk, il-fatt li l-PNA u l-Artikolu 6(3) tal-liġi ta’ l-allokazzjonijiet jipprovdu l-possibbiltà li tiżdied ir-riżerva permezz tax-xiri ta’ kwoti minn organu privat u permezz taċ-ċessjoni b’xejn ta’ dawn il-kwoti lill-awtoritajiet inkarigati mill-amministrazzjoni tagħha jikkonferma li t-tkabbir ta’ l-imsemmija riżerva permezz ta’ l-aġġustamenti ex post mhuwiex neċessarju. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li mhuwiex indispensabbli li tiġi pprovduta riżerva għall-operaturi ġodda, peress li dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiksbu l-kwoti neċessarji fis-suq (ara wkoll il-linji gwida tal-Kummissjoni, punt 56).

76      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9(3) ta’ l-imsemmija direttiva, moqri flimkien ma’ l-Anness III tagħha, għandu jiġi miċħud.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.     Fuq it-tqassim tax-xogħol u tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fuq il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju

77      Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li r-rikorrenti ssosnti, prinċipalment, li, bil-kontra tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-aġġustamenti ex post previsti fil-PNA Ġermaniż ma jiksru la l-kriterju 5 u lanqas il-kriterju 10 li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. F’dan il-kuntest, ġiet partikolarment diskussa bejn il-partijiet il-kwistjoni dwar jekk dawn l-aġġustamenti ex post ifixklux l-operat korrett tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti u, għaldaqstant, jekk l-imsemmija aġġustamenti humiex kumpatibbli ma’ l-għanijiet u ma’ l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87, li fid-dawl tagħhom għandhom jinqraw l-imsemmija kriterji. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi li jisseparaw, minn naħa, il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ u tas-setgħa deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari taħt id-Direttiva 2003/87, u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-libertà ta’ azzjoni li l-Istat Membru għandu sabiex jittrasponi l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju.

78      Rigward it-tqassim tax-xogħol u tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membru f’dak li jikkonċerna t-transpożizzjoni ta’ direttiva fil-qasam ta’ l-ambjent, għandu jiġi mfakkar il-kliem tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, li jgħid li d-“Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Jirriżulta minn dan li, ladarba d-direttiva in kwistjoni ma tippreskrivix il-forma u l-metodi sabiex jinkiseb riżultat partikolari, il-libertà ta’ l-Istati Membri rigward l-għażla tal-forom u tal-metodi xierqa għall-kisba ta’ l-imsemmi riżultat tibqa’, bħala regola, sħiħa. Madankollu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, li jgħażlu l-iktar forom u metodi xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tad-direttivi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, Ġabra p. I‑7755, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Jirriżulta barra minn hekk li, fin-nuqqas ta’ regola Komunitarja li tippreskrivi, b’mod ċar u preċiż, il-forma u l-metodi li għandhom jintużaw mill-Istat Membru, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ, b’mod partikolari skond l-Artikoli 211 KE u 226 KE, li għandha tipprova, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, li l-istrumenti użati mill-Istat Membru għal dan l-għan imorru kontra d-dritt Komunitarju.

79      Barra minn hekk għandu jingħad li huwa biss bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li tista’ tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5 KE, prinċipju li jorbot lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolamentari tagħhom u li suppost ġie osservat meta ġiet adottata d-Direttiva 2003/87 (premessa 30 ta’ l-imsemmija direttiva). Skond dan il-prinċipju, il-Komunità tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l-għanijiet ta’ l-azzjoni intiża ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba d-daqs jew l-effetti ta’ l-azzjoni mixtieqa, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju. B’hekk, f’qasam bħal ma hu dak ta’ l-ambjent, irregolat bl-Artikoli 174 KE sa 176 KE, li fih il-kompetenzi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri jinqasmu bejniethom, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Komunità, jiġifieri f’dan il-każ fuq il-Kummissjoni, biex turi safejn il-kompetenzi ta’ l-Istat Membru u, għaldaqstant, il-libertà ta’ azzjoni tiegħu, huma limitati fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 78’il fuq.

80      Fir-rigward, iktar preċiżament, tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm l-Istat Membru għandu ċerta libertà ta’ azzjoni għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jibqa’ l-fatt li, minn naħa, il-Kummissjoni għandha d-dritt tivverifika l-konformità tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru mal-kriterji msemmija fl-Anness III u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 ta’ l-imsemmija direttiva, u li, min-naħa l-oħra, fl-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ, hija stess tgawdi, minn marġini ta’ diskrezzjoni in kwantu dan l-istħarriġ jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi mwettqa fid-dawl ta’ l-għan ġenerali ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ kwoti effettivi u ekonomikament effiċjenti (l-Artikolu 1 u l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87).

81      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ l-isħarriġ tagħha tal-legalità f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja teżerċita kontroll komplet rigward l-applikazzjoni korretta min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli ta’ dritt rilevanti, li l-portata tagħhom għandha tiġi ddeterminata skond il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lilha nfisha għall-Kummissjoni meta din ikollha tagħmel, f’dan il-kuntest, evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha għal verifika ta’ jekk il-miżura in kwistjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jekk l-awtorità kompetenti ma qabżitx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u jekk il-garanziji proċedurali, li għandhom importanza ferm iżjed fundamentali f’dan il-kuntest, ġewx pjenament rispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punti 166 u 171, u Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punti 177 u 182, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02, Ġabra p. II‑4555, punt 126).

82      Fir-rigward, f’dan il-każ, ta’ l-istħarriġ tal-kumpatibbiltà ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni b’mod partikolari mal-kriterji Nru 5 u 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, magħmul mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) ta’ l-imsemmija direttva, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ jiddependi fl-ewwel lok mid-determinazzjoni tal-portata tar-regoli ta’ dritt rilevanti u jimplika biss fit-tieni lok evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi, b’mod partikolari meta jkunu qed jiġu evalwati l-konsegwenzi prattiċi ta’ l-imsemmija aġġustamenti fuq l-operat tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk, fl-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll, il-Kummissjoni rrispettatx il-limiti tar-regoli ta’ dritt rilevanti, kif interpretati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata minn żball ta’ dritt. Huwa biss sussegwentement, ladarba jirriżulta li l-Kummissjoni tkun applikat korrettement ir-regoli ta’ dritt rilevanti jew li pprovdiet il-provi li kellha tagħti, skond ir-regoli relattivi għall-oneru tal-prova spjegati fil-punti 78 u 79 iktar’il fuq, li tqum il-kwistjoni jekk l-evalwazzjoni tagħha, mil-lat fattwali u ekonomiku, hijiex plawżibbli jew hijiex ivvizzjata minn żball manifest.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-partijiet jaqblu li l-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni mhijiex ittrattata espressament mid-Direttiva 2003/87. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi preżunt li l-imsemmija aġġustamenti huma dovuti għal-libertà ta’ l-Istat Membru rigward il-forom u l-metodi ta’ traspożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva u hija għaldaqstant il-Kummissjoni li għandha tipprova li dawn l-aġġustamenti jistgħu jippreġudikaw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tagħha.

84      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa opportun li tibda billi teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ ċerti aġġustamenti ex post fid-dawl tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, peress li l-portata ta’ dan il-kriterju, kif interpretat mill-Kummissjoni, hija intrinsikament marbuta mal-kwistjoni tal-kumpatibbiltà ta’ l-imsemmija aġġustamenti ma’ l-għanijiet u ma’ l-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti kif inhu stabbilit mill-imsemmija direttiva.

2.     Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

a)     Fuq l-aġġustamenti ex post in kwistjoni

85      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar liema huma l-aġġustamenti ex post in kwistjoni li l-Kummissjoni tħoss li jiksru l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, prima facie, il-Kummissjoni tidher li qed tikkonstata, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti ex post kollha elenkati f’dan l-artikolu jmorru kontra l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, jirriżulta mill-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li fid-dawl tagħhom għandha tinqara l-parti operattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T‑93/02, Ġabra p. II‑143, punt 74), li din l-evalwazzjoni ma tapplikax għall-aġġustamenti ex post previsti għall-operaturi ġodda, kif jissemmew fl-Artikolu 1(a) ta’ l-imsemmija deċiżjoni, peress li l-Kummissjoni tqis li jmorru biss kontra l-kriterju 5. Għaldaqstant, kif ikkonfermat il-Kummissjoni matul is-seduta (minuti tas-seduta, p. 2), il-parti inizjali ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara kif ġej:

“L-elementi li ġejjin tal-[PNA] Ġermaniż huma inkompatibbli mal-kriterji [Nru ]5 u[/jew Nru ]10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

87      Fl-Artikolu 1(b), u fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata l-illegalità ta’ l-aġġustamenti ex post marbuta ma’ l-applikazzjoni tar-regola ta’ trasferiment. Minkejja li l-Kummissjoni ma tikkontestax ir-regola ta’ trasferiment bħala tali, safejn din tippermetti lill-operatur ta’ installazzjoni ġdida jikseb mill-ġdid il-kwoti maħruġa favur installazzjoni li huwa kien jopera u li kien għalaq preċedentement (ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004, punt 3.3), hija tirrifjuta, madankollu, li tammetti l-legalità ta’ dawn l-aġġustamenti meta l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-installazzjoni ġdida tkun inqas minn dik ta’ l-installazzjoni li ngħalqet.

88      Fl-ewwel ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(c), u fil-premessa 6, tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata barra minn hekk l-illegalità ta’ l-aġġustamenti ex post marbuta ma’ tnaqqis fl-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-installazzjoni li jikkontraddixxi l-previżjonijiet imħabbra mill-operatur. Skond l-ispjegazzjonijiet supplementari pprovduti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004 (p. 8, il-paragrafu ta’ qabel ta’ l-aħħar), din l-illegalità taffettwa biss l-aġġustamenti ex post applikabbli għall-installazzjonijiet li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2003 u mhux dawk applikabbli għall-operaturi ġodda. B’risposta għal mistoqsija magħmula bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat din l-interpretazzjoni iżda ppreċiżat li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004 b’mod żbaljat limitat din l-illegalità għall-aġġustamenti ex post applikabbli għall-installazzjonijiet li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2003 u li d-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk tkopri wkoll dawk applikabbli għall-installazzjonijiet li bdew joperaw qabel din id-data.

89      Il-Kummissjoni tikkonstata, barra minn hekk, fit-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(c), u fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġew korretti matul is-seduta (ara l-punt 40’il fuq), l-illegalità ta’ l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis previsti għal meta l-emissjonijiet annwali ta’ l-installazzjoni jkunu inqas minn 60 % meta mqabbla ma’ dawk tal-perijodu ta’ riferenza (“għeluq de facto”).

90      Fl-aħħar ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(c) u fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata, fl-aħħar nett, l-illegalità ta’ l-aġġustamenti ex post ta’ l-allokazzjoni speċjali ta’ kwoti lil installazzjoni ta’ koġenerazzjoni meta l-volum ta’ elettriku prodott minnha jkun inqas minn dak tal-perijodu ta’ riferenza.

91      B’mod iktar ġenerali, jirriżulta mill-premessi Nru 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004 (ara l-punt 41 iktar’il fuq), li l-Kummissjoni hija tal-fehma li, fi PNA, in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lil kull installazzjoni għandu jiġi determinat minn qabel għall-ewwel perijodu ta’ l-allokazzjonijiet u ma jista’ f’ebda każ jiġi emendat iżjed wara l-adozzjoni mill-Istat Membru tad-deċiżjoni skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-kriterju 10 ta’ l-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva jinkludi biss kundizzjoni proċedurali li timponi li tiġi mehmuża mal-PNA lista ta’ l-installazzjonijiet bil-kwantità prevista ta’ kwoti li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni jallokalhom u li n-numru ta’ kwoti hekk attribwit individwalment jista’ jinbidel f’fażi ulterjuri ta’ l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet meħuda skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87.

92      Sabiex jiġi eżaminat jekk humiex fondati l-argumenti mressqa mill-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hu meħtieġ li ssir interpretazzjoni letterali, abbażi ta’ l-isfond storiku, kuntestwali u teleoloġika tal-portata tal-kriterju 10 ta’ Anness III tad-Direttiva 2003/87 (ara, fir-rigward tal-metodoloġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punti 72 et seq, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 41 et seq).

b)     Fuq l-interpretazzjoni letterali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

93      Jeħtieġ li jiġi determinat, l-ewwel nett, permezz ta’ interpretazzjoni letterali, jekk il-kliem tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jipprekludix il-miżuri ta’ aġġustament ex post previsti fil-PNA Ġermaniż.

94      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, il-krtiterju Nru 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jistipula li “[l]e [PNA] contient la liste des installations couvertes par la présente directive avec pour chacune d’elles les quotas que l’on souhaite lui allouer" (“[i]l-[PNA] għandu jkun fih lista ta’ l-i[n]stallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċessjonijiet [kwoti] maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda”). Għaldaqstant, jirriżulta mill-kliem li ntuża biex jiġi spjegat dan il-kriterju, minn naħa, li l-PNA għandu jinkludi lista ta’ l-installazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, u, min-naħa l-oħra, li din il-lista għandha tindika n-numru ta’ kwoti “maħsuba li jiġu allokati” lil kull waħda minn dawn l-installazzjonijiet. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata iktar fid-dettall il-portata ta’ l-espressjoni “maħsuba li jiġu allokati”.

95      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni letterali, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li t-testi tad-dritt Komunitarju jinkitbu f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti lkoll huma awtentiċi; interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju timplika għaldaqstant li jiġu pparagunati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 18). L-espressjoni bil-Franċiż “que l’on souhaite […] allouer” (“li [l-Istat Membru] irid jalloka”) fil-verżjoni Franċiża tinsab ukoll fil-verżjoni Spanjola u Portugiża, jiġifieri rispettivament “que se prevé asignar” u “que se pretende de atribuir”. Dawn il-verżjonijiet kollha jesprimu l-istess natura suġġettiva, li timplika ċertu grad ta’ volontà awtonoma, ta’ l-attribuzzjoni individwali tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet lill-installazzjonijiet differenti. Din in-natura hija attenwata u ssir sempliċi intenzjoni fil-verżjoniji Ingliża (“intended to be allocated”), Daniża (“hensigten”), Finlandiża (“aiotaan myöntää”) u Żvediża (“som avses”), verżjonijiet li fihom din l-espressjoni ġiet riprodotta b’sinjifikat ftit differenti, bħallikieku tfisser “li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni jalloka”. Barra minn hekk, fil-verżjoni Ġermaniża (“zugeteilt werden sollen”) u Olandiża (“bestemd om te worden toegewezen”), li jfissru “intiżi li jiġu allokati”, l-attribuzzjoni individwali tal-kwoti ta’ emissjonijiet lill-installazzjonijiet differenti hija ta’ natura kemm newtrali kif ukoll oġġettiva. Din in-natura newtrali u oġġettiva tidher iktar fil-verżjoni Griega (“pou prokeitai na diatethoun”) u Taljana (“saranno assegnate”), li jippreżentaw l-attribuzzjoni individwali tal-kwoti ta’ emissjonijiet sempliċement bħala fatt futur (“se jiġu allokati”).

96      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeżistu differenzi rqaq iżda importanti bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li lkoll huma awtentiċi. Dawn jagħtu lill-attribuzzjoni individwali tal-kwoti ta’ emissjoni, skond il-kliem li jintuża, natura pjuttost suġġettiva u intenzjonali jew, bil-kontra, natura xi ftit jew inqas oġġettiva u newtra. Għaldaqstant, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, meħuda f’daqqa, ma jistgħu jagħtu raġun la lill-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-PNA u d-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet għandhom jinkludu n-numru definittiv ta’ kwoti li għandhom jiġu attribwiti lil kull waħda mill-installazzjonijiet elenkati, u lanqas lil dik tar-rikorrenti li, essenzjalment tinvoka marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru f’dan ir-rigward. Madankollu, l-formulazzjonijiet imsemmija lanqas ma jistgħu jeskludu l-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju ried jagħti ċerta flessibbiltà, jew saħansitra ċerta marġini ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru, billi jagħtih il-possibbiltà li jemenda n-numru ta’ kwoti, kif tipprovdi l-lista ta’ installazzjonijiet annessa mal-PNA, f’fażi ulterjuri ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

97      Għaldaqstant, jeħtieġ li din l-interpretazzjoni letterali u dan l-ipparagunar tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jiġu kkompletati b’interpretazzjoni abbażi ta’ l-isfond storiku.

c)     Fuq l-interpretazzjoni abbażi ta’ l-isfond storiku tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

98      Hi u tfittex l-oriġini tal-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jissemma’ fl-abbozz ta’ din id-direttiva biss fi stadju relattivament tardiv, jiġifieri fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 28/2003 adottata mill-Kunsill, fit-18 ta’ Marzu 2003, sabiex tiġi adottata d-direttiva (ĠU C 125E, p. 72). Kif issostni r-rikorrenti, dan il-kriterju ġie inkluż fl-abbozz tad-direttiva wara emenda proposta, fit-13 ta’ Settembru 2002, mill-kumitat għall-ambjent, għas-saħħa pubblika u għall-politika tal-konsumaturi tal-Parlament Ewropew, emenda li kienet immotivata mill-fatt li “huwa importanti li jkun hemm aċċess għal informazzjoni li tirrifletti u tikkwantifika s-sitwazzjoni tal-kummerċ ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra” (dokument tas-sessjoni A5-0303/2002, I, p. 48, emenda Nru 73).

99      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni abbażi ta’ l-isfond storiku ma tipprovdix elementi supplementari li jistgħu jbiddlu l-konklużjoni miksuba fil-punt 96 iktar’il fuq.

100    Għaldaqstant, għandha ssir interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87.

d)     Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

 Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament Nru 2216/2004

–       i) Fuq l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87

101    Fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, għandha ssir riferenza, l-ewwel nett, għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, li jifforma l-bażi legali sabiex l-Istati Membri jfasslu l-PNA. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, b’mod partikolari, li “kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżviluppa [PNA] fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom” u li “[i]l-[PNA] għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku”.

102    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fir-rigward tan-natura possibbilment definittiva jew, bil-kontra, sempliċiment provviżorja ta’ l-allokazzjoni ta’ kwoti mill-Istat Membru prevista mill-PNA, l-espressjoni li juża l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 (“intention d’allouer” [li jkun beħsiebu jalloka]) tikkorrispondi, f’kull waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati fil-punt 95 iktar’il fuq, essenzjalment għal dik li tintuża fil-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 (“souhaite […] allouer”). Dawn il-formulazzjonijiet ma jfissrux madankollu neċessarjament li teżisti marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru għat-transpożizzjoni. Huma jistgħu jinftiehmu wkoll bħala l-konsegwenza tal-fatt li l-PNA se jiġi mistħarreġ mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, u li, għaldaqstant, kull allokazzjoni ta’ kwoti prevista fil-lista ta’ l-installazzjonijiet annessa ma’ l-imsemmi PNA – huwa għaldaqstant “souhaitée” (li l-Istat Membru jrid jalloka) – hija biss provviżorja sakemm il-Kummissjoni tikkonfermaha jew tiċħadha filwaqt li titlob li tiġi emendata.

103    Għandha ssir riferenza wkoll għall-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 li jgħid li “il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-[PNA], jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10” u li “[l]-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni [,] skond l-Artikolu 11(1) jew (2) [biss] jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni”. Jeħtieġ li jiġi mfakkar barra minn hekk il-kliem ta’ l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 li jgħid li “kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka […] u l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-i[n]stallazzjonijiet.” Din id-dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li l-“[d]in id-deċiżjoni għandha tittieħed” mill-Istat Membru skond “il-[PNA] […] filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku”.

104    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jkun utli li jiġu mfakkra l-istadji differenti tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 9(1) u (3) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, l-Artikolu 9(3) jipprovdi għal stadji differenti li jikkorrispondu rispettivament għan-notifika, it-tfassil tal-PNA u l-adozzjoni mill-Istat Membru tad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet. Dan jipprovdi barra minn hekk, għall-inqas, żewġ okkażjonijiet ta’ stħarriġ u ta’ ċaħda tal-PNA mill-Kummissjoni. L-ewwel stadju, li hu indispensabbli, jikkonsisti fin-notifika inizjali mill-Istat Membru tal-PNA skond is-subartikolu 1 ta’ din id-dispożizzjoni u fl-eżami ta’ l-imsemmi PNA mill-Kummissjoni. Flimkien ma’ dan l-ewwel stadju jiżdied, jekk ikun il-każ, it-tieni stadju. Dan jagħti lok għal emendi eventwali tal-PNA, jew fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq proposta ta’ l-Istat Membru, u l-aċċettazzjoni jew le ta’ dawn l-emendi mill-Kummissjoni. Huwa biss ladarba l-ewwel u – eventwalment – it-tieni stadji jiġu fi tmiemhom li l-Istat Membru jkollu d-dritt jadotta, fil-kuntest tat-tielet stadju u abbażi tal-PNA tiegħu, id-deċiżjoni tiegħu ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T‑178/05, Ġabra p. II‑4807, punt 56). Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(1) ta’ l-imsemmija direttiva jirriżulta l-obbligu ta’ l-Istat Membru li “[iqis] il-kummenti mill-pubbliku”, kemm fil-PNA, jiġifieri wara l-ewwel konsultazzjoni tal-pubbliku, kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, adottata wara konsultazzjoni mill-ġdid tal-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-kriterju 9 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jippreċiża li “[i]l-[PNA] għandu jinkludi dispożizzjonijiet għall-kummenti li jridu jiġu espressi mill-pubbliku, u jkun fih tagħrif dwar l-arranġamenti li bihom jitqiesu dawn il-kummenti qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kwoti”.

105    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet ta’ l-Istat Membru prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 ma tibqax suġġetta, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, għal eżami partikolari mill-Kummissjoni bħall-istħarriġ previst mill-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija direttiva fir-rigward tal-PNA. Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 jobbliga lill-Istat Membru jibbaża d-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet tiegħu fuq il-PNA tiegħu, kif ikun ġie eżaminat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija direttiva u eventwalment emendat fuq talba tagħha, ma jfissirx neċessarjament li emenda ulterjuri ta’ l-allokazzjonijiet individwali ta’ kwoti ma tkunx iktar possibli. Fil-fatt, skond it-tieni sentenza in fine ta’ l-Artikolu 11(1), moqrija flimkien mal-kriterju 9 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet jiddependi wkoll mit-tieni konsultazzjoni tal-pubbliku. Din it-tieni konsultazzjoni tal-pubbliku sseħħ biss wara l-eżami mill-Kummissjoni tal-PNA nnotifikat u għandha tkun adatta biex twassal għal emenda fl-allokazzjoni li l-Istat Membru jipproponi li jadotta bid-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet tiegħu. Jekk dan ma jkunx il-każ, din il-konsultazzjoni tispiċċa mingħajr skop u l-osservazzjonijiet tal-pubbliku jkunu biss teoretiċi (sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar’il fuq, punt 57). Minn dan jirriżulta li, jekk, bħala regola, kull emenda fil-qafas essenzjali tal-PNA wara li tingħalaq il-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 hija kapaċi tinnewtralizza s-sistema ta’ stħarriġ preventiv li ġiet stabbilita fiha, projbizzjoni assoluta fuq l-emendar ta’ l-allokazzjonijiet individwali adottati fil-PNA tippreġudika l-effettività tat-tieni konsultazzjoni tal-pubbliku, kif tipprovdi t-tieni sentenza in fine ta’ l-Artikolu 11(1), moqrija flimkien mal-kriterju 9 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar’il fuq, punt 58). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 93, 95 u 96 tal-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni tidher li hija stess tibbaża ruħha fuq il-prinċipju li, minħabba n-natura obbligatorja tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, emendi eventwali li jirriżultaw neċessarji wara t-tieni konsultazzjoni tal-pubbliku jistgħu jiġu integrati fid-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar dan qabel l-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

106    It-tieni nett, għandu jiġi rilevat li, fis-silta rilevanti tiegħu (“kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka […] u l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-i[n]stallazzjonijiet”), l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 huwa fformulat b’mod pjuttost miftuħ u orjentat lejn il-futur u li din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix espressament emenda ulterjuri tan-numru ta’ kwoti attribwiti individwalment skond il-lista annessa mal-PNA u skond id-deċiżjoni ta’ allokazzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 9(1) ta’ l-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ PNA, ma jirriferix esklużivament għall-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87, iżda jippermetti li l-PNA jkun ibbażat fuq kriterji oħra ta’ allokazzjoni, sakemm dawn ikunu “oġġettivi u trasparenti”. Jirriżulta, minn naħa, li fin-nuqqas ta’ projbizzjoni espressa, fl-Artikolu 11(1), ta’ emendi ulterjuri għall-attribuzzjoni individwali tal-kwoti, il-PNA u d-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet jistgħu jipprovdu espressament għal tali possibbiltà ta’ emenda, bil-kundizzjoni li l-kriterji sabiex din tiġi implementata jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv u trasparenti. Jirriżulta, min-naħa l-oħra, li, ladarba dawn il-kriterji addizzjonali ma jikkostitwixxux kriterji definiti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, hija neċessarjament ristretta u hija limitata għall-kwistjoni jekk dawn il-kriterji addizzjonali – introdotti mill-Istat Membru fl-eżerċizzju tal-marġini ta’ diskrezjoni mogħtija lilu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – jissoddisfawx il-kundizzjonijiet ta’ oġġettività u ta’ trasparenza. Għandu jingħad ukoll li emenda eventwali ulterjuri ta’ l-allokazzjonijiet individwali ta’ kwoti, li ssir wara d-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, m’għandhiex bħala konsegwenza li l-Kummissjoni titlef kull possibbiltà ta’ stħarriġ, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sorveljanza permanenti li din teżerċita bis-saħħa ta’ l-istrumenti ta’ amministrazzjoni u verifika li jipprovdi r-Regolament Nru 2216/2004 kif ukoll il-kompetenza ġenerali ta’ sorveljanza li hija għandha bis-saħħa ta’ l-Artikoli 211 KE u 226 KE, li tippermettiha taġixxi, f’kull mument, jekk ikun hemm ksur tad-dritt Komunitarju.

–       ii) Fuq l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/87

107    L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/87 jippermetti, eċċezzjonalment u b’deroga mill-kwantità totali ta’kwoti previsti, żieda ulterjuri fin-numru ta’ kwoti allokati individwalment. Dan jikkonferma l-idea li l-Istat Membru mhuwiex, bħala regola, awtorizzat jalloka kwoti supplementari. Madankollu ma teżisti l-ebda dispożizzjoni espressa fl-imsemmija direttiva li tillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ l-Istat Membru fl-amministrazzjoni ta’ l-attribuzzjoni inividwali ta’ kwoti meta din ma twassalx għal tali żieda iżda biss għal korrezzjonijiet posterjuri li jinvolvu tnaqqis. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, ma jeżisti l-ebda riskju ta’ allokazzjoni li taqbeż in-numru totali ta’ kwoti previsti fil-PNA, li tmur kontra l-obbligu ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet impost fuq l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li, b’risposta għal kwestjonarju tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti osservat li, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mill-PNA kif innotifikat inizjalment, id-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, adottata skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, tinkludi biss aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis u mhux miżuri ta’ żieda ta’ allokazzjonijiet individwali (ara l-punt 34 iktar’il fuq).

–       iii) Fuq l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 2216/2004

108    Kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 jikkostitwixxi biss regola proċedurali ta’ natura teknika intiża għall-amministrazzjoni tajba u għall-amministrazzjoni ċentralizzata, fuq il-livell Ewropew, tas-sistema ta’ reġistri standardizzati u protetti, li tinkludi, b’mod partikolari, it-tabelli PNA li jipprovdu informazzjoni fuq il-PNA differenti kif ġew innotifikati mill-Istati Membri. Din ir-regola tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu nnotifikati korrezzjonijiet u jistgħu jiġu inklużi fit-tabella PNA. Madankollu, dawn il-korrezzjonijiet huma suġġetti għall-osservanza tal-proċedura ta’ notifika u ta’ stħarriġ mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. B’hekk dawn il-possibbiltajiet ta’ emenda b’ebda mod ma jippreġudikaw il-legalità jew il-fondatezza tal-korrezzjonijiet in kwistjoni u f’kull każ ma jemendawx il-portata tad-diversi dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni użata fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, li jistipula li “din il-korrezzjoni ssir skond il-metodi indikati f’dan il-[PNA]”, tikkonferma, għall-inqas indirettament, il-possibbiltà ta’ korrezzjoni posterjuri tan-numru ta’ kwoti allokati, dejjem sakemm il-PNA bħala tali jipprovdi espressament il-metodu applikabbli għal tali korrezzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija regola b’hekk tippresupponi li l-Istat Membru jista’ jipprovdi, fil-PNA, għal mekkaniżmi ta’ korrezzjoni, bil-kundizzjoni li jkunu oġġettivi u trasparenti skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87.

 Fuq il-portata tal-linji gwida tal-Kummissjoni

–       i) Fuq l-effett ta’ l-awtolimitazzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni

109    Safejn il-linji gwida tal-Kummissjoni jistgħu jifformaw parti mill-qafas legali rilevanti, għandhom jiġu eżaminati l-portata u d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom għall-interpretazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttivi 2003/87.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tan-natura legali ta’ dawn il-linji gwida, li, minkejja li huma bbażati fuq bażi legali espliċita prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, li tistipula li “il-Kummissjoni għandha tiżviluppa […] gwida dwar l-implementazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III”, il-linji gwida ma jikkorrispondu ma’ ebda wieħed mill-atti tad-dritt Komunitarju dderivat previsti fl-Artikolu 249 KE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑443/97, Ġabra p. I‑2415, punti 28 et seq, u s-sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 81 iktar’il fuq, punt 119, u Alpharma vs Il-Kunsill, punt 81 iktar’il fuq, punt 140). Tirriżulta madankollu minn dan is-setgħa tal-Kummissjoni li tfassal u tippubblika minn qabel, permezz ta’ dawn il-linji gwida, l-interpretazzjoni tagħha tal-kontenut u tal-portata tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva, kif ukoll il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, rigward il-kompatibbiltà ma’ l-imsemmija kriterji tal-miżuri ta’ transpożizzjoni meħuda mill-Istat Membru. Għaldaqstant, il-linji gwida jaqgħu taħt il-kategorija ta’ regoli, li, bħala tali, m’għandhomx, bħala regola, effett vinkolanti awtonomu fil-konfront ta’ terzi persuni u li l-Kummissjoni tuża ħafna fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tagħha sabiex tfassal u tagħmel iktar trasparenti l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u tas-setgħa ta’ superviżjoni tagħha.

111    F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tgħid li, billi adottat regoli ta’ kondotta amministrattiva initiżi sabiex jipproduċu effetti esterni u billi ħabbret bil-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet se tapplikahom minn dak il-mument’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni in kwistjoni tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tidderoga minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ppenalizzata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ċertezza legali jew tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skond il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li jkollhom portata ġenerali jistgħu jkollhom effetti ġuridiċi u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax tinjorhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kumpatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, fir-rigward tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P, C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 209 sa 211; ara wkoll, fir-rigward tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punt 57), sakemm tali aġir ma jmurx kontra regoli oħra superjuri tad-dritt Komunitarju. B’mod iktar partikolari fl-oqsma ta’ l-agrikoltura, tas-saħħa u ta’ l-ambjent, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jimponu linji gwida fuqhom infushom għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħhom b’atti mhux imsemmija fl-Artikolu 249 KE, b’mod partikolari permezz ta’ komunikazzjonijiet, sakemm dawn l-atti jinkludu regoli li jindikaw il-metodi li għandhom jintużaw minn dawn l-istituzzjonijiet Komunitarji u sakemm dawn ma jinjorawx ir-regoli tat-Trattat (ara s-sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 81 iktar’il fuq, punt 119, u Alpharma vs Il-Kunsill, punt 81 iktar’il fuq, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    B’hekk, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni limitat lilha nfisha bil-linji gwida tagħha b’mod li ma tistax tinjorhom, mingħajr ma tikser, jekk ikun il-każ, ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, il-linji gwida tal-Kummissjoni jistgħu jiġu invokati kontra l-Kummissjoni, b’mod partikolari mill-Istati Membri li għalihom huma ddestinati, meta hija tadotta miżuri li jmorru kontra dawn il-linji gwida.

–       ii) Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 fid-dawl tal-linji gwida tal-Kummissjoni

113    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni qalet dan li ġej fil-punti 97 sa 100 tal-linji gwida tagħha:

“97. Dan il-kriterju jipprovdi li l-PNA huwa trasparenti. Dan ifisser li l-kwantità ta’ kwoti allokati għal kull installazzjoni hija indikata, u għaldaqstant magħrufa mill-pubbliku, ladarba l-[PNA] jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra

[…]

98. Dan il-kriterju jitqies li jkun ġie sodisfatt ladarba l-Istat Membru jkun osserva l-obbligu li jistabbilixxi l-lista ta’ l-installazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 […]

[…]

100. Stat Membru għandu jindika l-kwantità totali ta’ kwoti li għandu l-intenzjoni jalloka lil kull installazzjoni u għandu jindika l-kwantità ta’ kwoti mogħtija kull sena lil kull waħda minnhom skond l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/87 […]” [traduzzjoni mhux ufficiali].

114    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-punt 97 tal-linji gwida tal-Kummissjoni jirriflettu l-istess ratio legis bħal dak li fuqu hija bbażata l-ġustifikazzjoni li ta l-kumitat parlamentari li ppropona l-inklużjoni tal-kriterju 10 fid-Direttiva 2003/87 (ara l-punt 98 iktar’il fuq). Fil-fatt, din il-ġustifikazzjoni hija intiża, essenzjalment, biex tiggarantixxi lill-pubbliku u l-awtoritajiet involuti fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ skambju tal-kwoti t-trasparenza fil-PNA tal-kwantità ta’ kwoti allokati għal kull installazzjoni. Bl-istess mod, l-espressjoni “dan il-kriterju jitqies li jkun ġie sodisfatt”, fil-punt 98 tal-linji gwida tal-Kummissjoni, jindika li hija stess riedet tesprimi li l-portata ta’ l-obbligu li jinsab fil-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 kienet limitata għal obbligu proċedurali ta’ notifika ta“l-lista ta’ l-installazzjonijiet kolha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87”. Barra minn hekk, il-punt 100 tal-linji gwida tal-Kummissjoni jeżiġi biss, bl-istess mod kif inhu fformulat il-kriterju 10, li l-Istat Membru “jindika l-kwantità totali ta’ kwoti li għandu l-intenzjoni jalloka lil kull installazzjoni”. Il-formulazzjoni magħżula sabiex tesprimi l-libertà ta’ azzjoni li għandu l-Istat Membru għall-allokazzjoni tal-kwoti (“se propose d’allouer” [għandu l-intenzjoni jalloka]) ftit li xejn hi differenti minn dik tal-kriterju 10 (“l’on souhaite allouer” [maħsuba li jiġu allokati]), u lanqas ma hi differenti minn dik użata fid-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punti 101 sa 106 iktar’il fuq).

115    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi minn dan li, fil-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni ma tagħmel ebda preċiżjoni supplementari oħra fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87, għal dak li jikkonċerna l-portata tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, preċiżjoni li tkun tista’ ssostni l-fondatezza ta’ l-interpretazzjoni tagħha li l-miżuri ta’ aġġustament ex post in kwistjoni jmorru kontra l-imsemmi kriterju. Il-linji gwida tal-Kummissjoni lanqas ma jinkludu indikazzjoni ta’ soluzzjoni dwar il-kwistjoni jekk l-Istat Membru huwiex f’pożizzjoni li jbiddel l-attribuzzjoni individwali tal-kwoti wara l-adozzjoni tal-PNA tiegħu jew tad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87.

116    Madankollu, peress li l-linji gwida tal-Kummissjoni huma intiżi sabiex jikkonkretizzaw il-prattika amministrattiva u ta’ stħarriġ tagħha, kif ukoll sabiex jiddeskrivu l-portata tal-libertà ta’ azzjoni li minnha jiddisponi l-Istat Membru għat-transpożizzjoni tal-kriterji previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni hija marbuta tfassal l-imsemmija linji gwida, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-iktar aspetti essenzjali, bl-iktar mod ċar u preċiż possibbli. Dan japplika a fortiori billi s-setgħa ta’ stħarriġ u ta’ ċaħda tal-PNA, eżerċitata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, hija ristretta ħafna, peress li hi limitata għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji ta’ l-Anness III biss u mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 biss. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riferiment fil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kwistjoni tal-legalità ta’ l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis fin-numru ta’ kwoti allokati individwalment u tal-libertà ta’ azzjoni ta’ l-Istat Membru f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax validament timponi fuq l-Istat Membru l-projbizzjoni ta’ l-imsemmija aġġustamenti, mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, iżda għandha, għall-kuntrarju, taċċetta l-isfruttar mill-Istat Membru ta’ dan in-nuqqas ta’ riferiment, sakemm dan ma jmurx kontra dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju superjuri.

–       iii) Fuq il-portata tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004

117    Il-Qorti tal-Prim’Istanza żżid li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004, li tirripproduċi u tikkompleta l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata adottata fl-istess ġurnata, u b’mod partikolari r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġġustamenti ex post in kwistjoni huma inkompatibbli mal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, ma tistax tbiddel l-interpretazzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni stabbilita fil-punti 114 u 116 iktar’il fuq. L-imsemmija komunikazzjoni tikkostitwixxi, ċertament, elementi importanti tal-kuntest immedjat li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, motivazzjoni kumplementari fir-rigward tal-motivi li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni, li l-qorti Komunitarja għandha tieħu in kunsiderazzjoni meta tkun qed tistħarreġ il-legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punti 122 sa 124). Madankollu, din il-komunikazzjoni la saret qabel ma tfassal il-PNA Ġermaniż, ħaġa li setgħet għenet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tosserva l-kriterji li jinbsabu fl-Anness III, u lanqas ma hi bbażata fuq l-aħħar sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 u għaldaqstant, ma tistax tbiddel il-portata tal-linji gwida tal-Kummissjoni mfassla skond din id-dispożizzjoni.

 Konklużjoni fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

118    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, ma tistax tipprovdi tweġiba ċara u preċiża għall-kwistjoni jekk l-Istat Membru għandux jew le, wara l-approvazzjoni tal-PNA tiegħu mill-Kummissjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-allokazzjonijiet, il-possibbiltà jagħmel aġġustament li jinvolvi tnaqqis fil-konfront ta’ l-allokazzjoni individwali tal-kwoti lill-installazzjonijiet.

e)     Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

 Osservazzjoni preliminari

119    Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, għandha ssir riferenza b’mod partikolari għall-għanijiet u l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, li l-kriterji ta’ l-Anness III huma intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba u l-operat tajjeb tagħhom. F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk l-implementazzjoni effettiva ta’ l-għanijiet ta’ l-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, l-effettività tad-dispożizzjonijiet rilevanti li huma intiżi biex jiksbu dawn l-għanijiet, li fosthom jinsabu l-kriterji previsti fl-Anness III, tipprekludix ir-rikonoxximent tal-legalità ta’ l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis tal-kwoti allokati (ara l-punti 93 sa 118 iktar’il fuq).

120    Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ddefinita qabel kollox il-portata ta’ l-għanijiet imsemmija mid-Direttiva 2003/87 li l-implementazzjoni tagħha, allegatament, tiġi mxekkla jekk tiġi ammessa l-legalità ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni.

 Fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87

121    Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, l-għan prinċipali ta’ l-imsemmija direttiva huwa li “tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika”. F’dan ir-rigward, il-kriterju 1 in fine ta’ l-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi li l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati għall-perijodu meħud in kunsiderazzjoni “ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness” u “għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri [kompatibbli ma’ sitwazzjoni fejn kull Stat Membru jista’ jikseb jew imur oltri l-objettiv li jkun ġie assenjat lilu] skond id-Deċiżjoni […] u l-Protokoll ta’ Kyoto”. Bl-istess mod, il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/87 issemmi l-impenji li ħadu l-Komunità u l-Istati Membri sabiex inaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra skond il-Protokoll ta’ Kyoto.

122    Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87 tippreċiża li “[d]in id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol”. Barra minn hekk, il-premessa 7 ssemmi l-ħtieġa ta’ “disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri […] sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni”.

123    Il-premessa 20 tenfasizza li “[d]in id-Direttiva trid tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġija ta’ użu iktar effiċjenti ta’ l-enerġija, inkluża t-teknoloġija ta’ l-għaqda tas-sħana u l-enerġija [inkluża l-prodizzjoni tat-tisħin u l-elettriku flimkien], li jippoduċu inqas emissjonijiet għal kull unità tal-produzzjoni”. Barra minn hekk il-premessa 25 issemmi li “[i]l-politiki u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija […] sabiex jiġi ġġenerat tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet”.

124    B’hekk l-għan prinċipali ddikjarat fid-Direttiva 2003/87 huwa li jitnaqqsu, b’mod sostanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex ikunu jistgħu jiġu rrispettati l-impenji tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri skond il-Protokoll ta’ Kyoto. Dan il-għan għandu jinkiseb filwaqt li jiġu osservati sensiela ta’ “għanijiet sekondarji” u bl-użu ta’ ċerti għodda. L-għodda prinċipali f’dan ir-rigward hija s-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (l-Artikolu 1 u l-premessa 2 tad-Direttiva 2003/87), li l-mod kif taħdem huwa ddeterminat minn ċertu “għanijiet sekondarji”, jiġifieri ż-żamma tal-kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti, l-ippreżervar ta’ l-iżvilupp ekonomiku u ta’ l-impjieg kif ukoll dak ta’ l-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (l-Artikolu 1 u l-premessi 5 u 7 ta’ l-imsemmija direttiva). Id-Direttiva 2003/87 tinkoraġġixxi, barra minn hekk, l-użu ta’ tip ta’ għodda partikolari, jiġifieri l-użu ta’ teknoloġiji li jaħlu inqas enerġija u li jippermettu li jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet għal kull unità prodotta (premessa 20 ta’ l-imsemmija direttiva).

125    Barra minn hekk għandu jiġi ppreċiżat li l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li jirreferi għall-allokazzjoni ta’ kwoti lill-installazzjonijiet elenkati fil-PNA, jikkostitwixxi preċiżament dispożizzjoni Komunitarja relattiva għall-allokazzjoni ta’ kwoti mill-Istati Membri skond il-premessa 7 ta’ l-imsemmija direttiva, u għandu għaldaqstant bħala għan li “jikkontribwixx[i] għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni”. B’hekk, fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 u, għaldaqstant, ta’ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, l-“għanijiet sekondarji” li jirrappreżentaw l-ippreżervar ta’ l-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonjiet tal-kompetizzjoni għandhom importanza partikolari.

126    Huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ dawn l-“għanijiet sekondarji” li jeħtieġ li ssir interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ l-imsemmija direttiva

–       i) Argumenti prinċipali tal-partijiet

127    F’dan ir-rigward, u fil-kuntest ta’ l-argumenti tagħha relattivi għall-kriterju 5, il-Kummissjoni ssostni li l-aġġustamenti ex post jaffettwaw l-inċentivazzjoni għall-operaturi li jaġixxu skond l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 u li fl-aħħar mill-aħħar jnaqqsu r-rati tagħħhom ta’ l-emissjonijiet. In sostenn ta’ l-argumentazzjoni tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet jista’ jinkiseb, skond l-għażla ta’ l-operaturi, jew permezz ta’ investimenti f’tekonoloġija enerġetikament iżjed effiċjenti li jwasslu għal rata ta’ emissjonijiet iżjed dgħajfa għal kull unità li tiġi prodotta, jew permezz ta’ sempliċi tnaqqis fil-produzzjoni, li jwassal għal tnaqqis proporzjonali fl-emissjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-aġġustamenti ex post joħolqu inċertezza, jew saħansitra jiddisswadu lill-operaturi milli jinvestu, b’konsegwenza li t-titjib fit-teknoloġiji ta’ produzzjoni u t-tnaqqis fil-produzzjoni jkunu inqas frekwneti milli fin-nuqqas ta’ aġġustament.

128    Ir-rikorrenti tirribatti li mekkaniżmu ta’ aġġustamenti ex post, li jiddisswadi lill-operaturi milli jwettqu sovra-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet tagħhom fi kwoti u, għaldaqstant, li jevita l-“allokazzjonijiet żejda”, huwa kundizzjoni sine qua non sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tnaqqis sostanzjali ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod effettiv u ekonomikament effiċjenti. Il-fatt li l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti ex post hija marbuta mad-differenzi kkonstatati bejn il-produzzjoni effettiva u l-produzzjoni mħabbra, u mhux mat-tnaqqis tar-rati ta’ emissjoni, ikollu preċiżament bħala konsegwenza li d-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ l-operatur rigward ix-xiri jew il-bejgħ ta’ kwoti jiddependu mill-effikaċità ta’ l-installazzjoni tiegħu. B’hekk, la l-inċentiv għall-operaturi li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u lanqas is-sigurtà ta’ l-investimenti li jkunu saru għal dan il-għan ma jiġu affettwati mill-aġġustamenti ex post, iżda pjuttost il-kontra.

–       ii) Fuq il-kriterji għall-analiżi rilevanti

129    Għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u ta’ l-applikazzjoni tiegħu għall-aġġustamenti ex post in kwistjoni, għandhom jittieħedu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari, bħala kriterji għall-analiżi rilevanti, l-ewwel nett, ir-relazzjoni li teżisti bejn il-volum ta’ produzzjoni u r-rata ta’ emissjoni fid-dawl ta’ l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet, it-tieni nett, ir-relazzjoni li teżisti bejn dan il-għan u l-għan taż-żamma ta’ kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti (l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87), it-tielet nett, l-għan ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet permezz ta’ titjib fit-teknoloġija (il-premessa 20 ta’ l-imsemmija direttiva) u, ir-raba’ nett, l-għan ta’ ppreżervar tas-suq intern u taż-żamma tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (il-premessa 7 ta’ l-imsemmija direttiva).

–       Fuq ir-relazzjoni li teżisti bejn il-volum ta’ produzzjoni u r-rata ta’ emissjoni fid-dawl ta’ l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet

130    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-aġġustamenti ex post in kwistjoni huma marbuta, prinċipalment, ma’ bidliet fil-volum ta’ produzzjoni, jiġifieri l-bidla fin-numru ta’unitajiet prodotti, u mhux il-bidla fir-rata ta’ emissjonijiet ta’ installazzjoni. Kif spjegat ir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, l-istess jgħodd għar-regola msejħa “għeluq de facto” prevista fil-PNA Ġermaniż (ara l-ewwel inċiż tal-punt 31, iktar’il fuq), kif ġiet trasposta fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 7(9) tal-liġi ta’ l-allokazzjonijiet, li l-applikazzjoni tagħha tiddependi, fundamentalment, minn tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni. It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ l-installazzjoni għal rata inferjuri għal 10 % jew għal 60 % tal-medja annwali ta’ emissjoni matul il-perijodu ta’ riferenza huwa rilevanti biss sabiex l-awtoritajiet amministrativi jibdew iwettqu eżami partikolari f’dan ir-rigward.

131    Fid-dawl ta’ l-elementi mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa għaldaqstant biżżejjed li jiġi eżaminat, fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, jekk dan il-kriterju jipprekludix miżuri ta’ aġġustament ex post tal-kwoti allokati li huma marbuta ma’ tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni.

132    Għandu jiġi kkonstatat li, kif spjegat il-Kummissjoni fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-każ ta’ tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni, l-emissjonijiet ta’ l-installazzjoni jonqsu u, konsegwentement, l-operatur ikollu kwoti li jista’ jew iqiegħed fis-suq ta’ skambju jew iżomm ġaladarba mhuwiex meħtieġ li jiġu ċeduti u annullati. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ir-rata ta’ emissjoni ma tonqosx għal kull unità prodotta iżda tonqos biss f’termini assoluti, u dan b’mod proporzjonali mat-tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni. Jirriżulta wkoll li, wara dan it-tnaqqis fil-produzzjoni, ir-rata ta’ emissjoni globali tas-setturi industrijali koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87 mhux bilfors tonqos, peress li l-kwoti meħlusa jkunu jistgħu jintużaw ulterjorment jew mill-operatur stess jew minn operaturi oħra li jkunu xtrawhom fis-suq ta’ skambju. B’hekk, minkejja li t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni huwa mezz indispensabbli sabiex ikun hemm provvista ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fis-suq ta’ skambju, dan ma jiggarantix, waħdu, il-kisba ta’ l-għan prinċipali u aħħari tad-Direttiva 2003/87 li hu li jitnaqqsu sostanzjalment l-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra fil-Komunità.

133    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, ladarba l-operatur jaf li kull tnaqqis fil-produzzjoni li ma jimxix skond il-previżjonijiet tiegħu stess jiġi ppenalizzat bl-applikazzjoni ta’ aġġustamenti ex post, l-inċentivazzjoni tiegħu sabiex inaqqas il-produzzjoni tiegħu biex jinħelsu l-kwoti tiġi affettwata, jew saħansitra mneħħija, u dan anki f’każ ta’ żieda fid-domanda fis-suq ta’ skambju minn operatori oħra li jixtiequ jiksbu kwoti supplementari. Li kieku kellu jitqies li l-operat tajjeb tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti timplika l-possibbiltà li tiġi sodisfatta din id-domanda, jidher li jkun importanti li tiġi ppreżervata l-għażla ħielsa ta’ l-operatur li jnaqqas il-volum tal-produzzjoni tiegħu u li jpoġġi fis-suq ta’skambju l-kwoti meħlusa b’dan il-mod sabiex ikun jista’ jieħu miżuri, fi żmien qasir, fir-rigward ta’ din iż-żieda fid-domanda minn operaturi oħra. Fl-aħħar nett, għalkemm l-aġġustamenti ex post, li l-applikazzjoni tagħhom tippresupponi tnaqqis sostanzjali ħafna fil-produzzjoni, bħal fil-każ ta’ l-“għeluq de facto” (ara l-ewwel inċiż tal-punt 31, iktar’il fuq), x’aktarx ma tantx jaffettwaw l-inċentivazzjoni għal tnaqqis okkażjonali u limitat tal-volum ta’ produzzjoni bħala reazzjoni għal varjazzjonijiet fid-domanda fis-suq ta’ skambju, ma tistax tingħad l-istess ħaġa fir-rigward ta’ l-aġġustamenti ex post applikabbli diġà f’każ ta’ tnaqqis relattivament dgħajjef fil-produzzjoni, bħalma hu l-każ ta’ l-installazzjonijiet li ilhom joperaw mill-2003 u l-operaturi ġodda (ara t-tielet u r-raba’inċiżi tal-punt 31 iktar’il fuq).

134    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wriet li wħud mill-aġġustamenti ex post in kwistjoni, peress li jiddisswadu lill-operaturi milli jnaqqsu l-volum ta’ produzzjoni ta’ l-installazzjonijiet tagħhom, jistgħu jaffettwaw il-kisba ta’ l-għan ta’ l-operat tajjeb tas-suq ta’ skambju skond l-Artikolu 1 u l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, il-Kummissjoni ma ressqitx elementi ta’ prova li jistgħu juru li l-imsemmija aġġustamenti jippreġudikaw l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet skond din id-dispożizzjoni.

135    Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi vverifikat jekk l-aġġustamenti ex post in kwistjoni humiex kumpatibbli ma’ l-“għanijiet sekondarji” tad-Direttiva 2003/87 imsemmija fil-punti 124 sa 126 iktar’il fuq, li magħhom għandha tiġi rrikonċiljata l-kisba ta’ l-għan prinċipali ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra.

–       Fuq ir-rikonċiljazzjoni ta’ l-għan ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ma’ l-għan taż-żamma ta’ kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti

136    Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2003/87 hija intiża biex tippromwovi l-għan tat-tnaqqis fl-emissjonijiet permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ kwoti u f’kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti. Kif ammettiet il-Kummissjoni fis-seduta, il-kriterji ta’ effettività u effiċjenza ekonomika ma japplikawx biss għall-operat tas-suq ta’ skambju fih innifsu, iżda wkoll għas-setturi ta’ attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li huma suġġetti għall-għan ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet, bħas-settur tal-produzzjoni ta’ l-azzar jew is-settur ta’ l-enerġija. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata, għall-inqas indirettament, minn naħa, mill-premessa 5 in fine tad-Direttiva 2003/87, limali tgħid li s-suq ta’ skambju għandu jagħmel l-inqas ħsara possibbli lill-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi, u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 7 ta’ l-imsemmija direttiva, li teżiġi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji relattivi għall-allokazzjoni ta’ kwoti mill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu għall-ippreżervar ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għalkemm tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni jista’ jippermetti li jiġi alimentat is-suq ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, dan ma jfissirx li se jkun hemm tnaqqis fir-rata ta’ emissjoni globali (ara l-punt 132 iktar’il fuq). Barra minn hekk, dan it-tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni għandu r-riskju li jwassal għal provvista baxxa wisq fis-suq tal-prodotti in kwistjoni in kwantu l-produzzjoni ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa d-domanda f’dawn is-swieq, sitwazzjoni li tista’ sseħħ b’mod partikolari fil-każ ta’ defiċit strutturali fl-offerta ta’ kwoti fis-suq ta’ skambju u ta’ prezzijiet tal-kwoti li jaqbżu eċċessivament il-profitt li l-operatur jista’ jikseb mill-bejgħ tal-prodotti mmanifatturati billi juża l-kwoti kollha li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu. Għalkemm din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-istruttura ekonomika tas-suq ta’ skambju, din tidher li diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata ma’ l-għan taż-żamma ta’ kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti fir-rigward tas-setturi ta’ attività u tas-swieq tal-prodotti in kwistjoni kif jissemma fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. B’hekk, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kummissjoni, minħabba l-effetti pożittivi li jinvolvu għall-operat tas-suq tal-prodotti kkonċernati, l-aġġustamenti ex post ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-għan imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 safejn dawn jiddisswadu lill-operaturi milli jnaqqsu l-volum ta’ produzzjoni tagħhom.

138    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma pprovatx li l-effett dissważiv ta’ l-aġġustamenti ex post marbuta mat-tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni jmur kontra l-għan taż-żamma tal-kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti fir-rigward tas-setturi ta’ attività u s-swieq tal-prodotti in kwistjoni koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

–       Fuq l-għan ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet permezz ta’ żvilupp teknoloġiku

139    Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-aġġustamenti ex post in kwistjoni humhiex kumpatibbli ma’ l-“għan sekondarju” imsemmi fil-premessa 20 tad-Direttiva 2003/87, li tipprovdi li l-imsemmija direttiva “trid tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġija ta’ użu iktar effiċjenti ta’ l-enerġija […] li jipproduċu inqas emissjonijiet għal kull unità tal-produzzjoni”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni żbaljat meta sostniet, fis-seduta, li l-imsemmija premessa kienet sempliċement “tikkonstata” effett mixtieq u li għadu jrid iseħħ ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u li, f’kull każ, dan kien biss “għan mhux prinċipali”. Fil-fatt, minkejja li l-imsemmija premessa hija fformulata fil-futur (“encouragera” [ser tinkoraġġixxi]) u fil-forma ta’ konstatazzjoni ta’ fatt, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ produzzjoni ekoloġikament iktar effiċjenti, safejn dawn inaqqsu l-emissjonijiet għal kull unità prodotta, jista’, minn naħa, jikkontribwixxi, b’mod sostanzjali, għall-għan prinċipali ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet, u, min-naħa l-oħra, jippreżerva kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti, kemm fis-suq ta’ skambju kif ukoll fis-suq tal-prodotti in kwistjoni, peress li ma jagħtix lok għal tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni li eventwalment tagħmel ħsara lill-operat tajjeb tagħhom (ara l-punt 137 iktar’il fuq). Dan juri wkoll li l-investiment f’teknoloġiji ta’ rendiment enerġetiku aħjar jikkostitwixxi strument, għall-inqas, ekwivalenti, jekk mhux superjuri, għal dak tat-tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni, sabiex jiġu rrikonċiljati l-għan ta’ tnaqqis sostanzjali ta’ l-emissjonijiet u dak ta’ l-ippreżervar ta’ kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti kemm fis-suq ta’ skambju kif ukoll fis-suq tal-prodotti in kwistjoni.

140    Barra min hekk, għalkemm l-aġġustamenti ex post in kwistjoni jistgħu jiddisswadu lill-operaturi milli jnaqqsu l-volum tal-produzzjoni tagħhom sabiex inaqqsu l-emissjonijiet, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kummissjoni, dawn ma jippreġudikawx l-għan li l-operaturi jiġu inkoraġġuti jinvestu fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ rendiment enerġetiku aħjar, u lanqas is-sigurtà ta’ dawn l-investimenti. Bil-kontra, safejn l-aġġustamenti ex post in kwistjoni jiddisswadu lill-operaturi milli jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom bil-kontra tal-previżjonijiet tagħhom stess, dawn l-aġġustamenti jistgħu, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-kwantità limitata tal-kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli, isaħħu l-inċentiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta’ investimenti li jsiru fit-titjib ta’ l-effiċjenza enerġetika tat-teknoloġija ta’ produzzjoni.

141    B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li l-aġġustamenti ex post in kwistjoni mhumiex xierqa biex jippromwovu l-għan ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet, peress li l-kwoti meħlusa ma jitneħħewx immedjatament iżda jiġu ttrasferiti fir-riżerva sabiex jibqgħu aċċessibbli għall-operaturi ġodda, bil-konsegwenza li n-numru totali ta’ kwoti disponibbli jibqa’ kif inhu. Minn naħa, din l-allegazzjoni ma tikkunsidrax il-fatt li r-riżultat ma jkunx neċessarjament differenti f’każ li jinħelsu kwoti wara tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni sabiex ikun hemm bejgħ ta’ kwoti ta’ emissjoni li ma ntużawx (ara l-punt 132 iktar’il fuq). Min-naħa l-oħra, huwa preċiżament f’din l-aħħar ipoteżi li l-inċentiv li jsir investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġija iktar effiċjenti jiddgħajjef, peress li l-operaturi jkollhom triq oħra, li tinvolvi inqas spejjeż fil-futur qrib, biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. B’hekk, l-argument tal-Kummissjoni li l-aġġustamenti ex post huma newtrali, jew saħansitra ta’ ħsara, mill-aspett tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, mhuwiex fondat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidher li qed tikkontradixxi l-affermazzjoni tagħha stess ifformulati f’dan ir-rigward fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2004 (p. 8), li fiha hu indikat li l-aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis "jistgħu jitqiesu bħala ta’ benefiċċju għall-ambjent”. Gfħandu jiġi madankollu ppreċiżat li l-effett pożittiv ta’ l-aġġustamenti ex post fir-rigward ta’ l-għan ta’ tnaqqis sostanzjali ta’ l-emissjonijiet ikun ċertament ikbar f’każ li, minflok trasferiment lejn ir-riżerva, il-kwoti rtirati jiġu annullati immedjatament.

142    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-aġġustamenti ex post in kwistjoni ma jmorrux kontra l-għan ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet permezz ta’ investimenti f’teknoloġiji ta’ rendiment enerġetiku aħjar skond il-premessa 20 tad-Direttiva 2003/87.

–       Fuq l-għan ta’ l-ippreżervar ta’ l-integrità tas-suq intern u taż-żamma tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni

143    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-aġġustamenti ex post in kwistjoni jikkontribwixxux għall-ippreżervar ta’ l-integrità tas-suq intern u għall-evitar ta’ distorsjonijiet fil-kompetizzjoni skond il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/87, għanijiet li huma ta’ importanza partikolari fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-imsemmija direttiva (ara l-punt 125 iktar’il fuq).

144    Kif tosserva r-rikorrenti, teżisti tendenza naturali fl-operaturi li jkunu jridu jiksbu numru massimu ta’ kwoti, li jimplika li min-naħa tagħhom hemm inċentiv importanti li jgħollu – anki jekk biss b’negliġenza – il-bżonn tagħhom fi kwoti ta’ emissjonijiet. Jirriżulta b’hekk riskju ta’ “allokazzjoni żejda” favur ċertu operaturi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li għalihom il-verifika oġġettiva fuq id-database ta’ produzzjoni fil-passat tkun diffiċli jew impossibbli (ara t-tielet u r-raba’ inċiżi tal-punt 31 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minbarra l-premessa ġenerali tagħha rigward in-neċessità li n-numru ta’ kwoti jiġi ddeterminat minn qabel, il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda element konret sabiex tikkontradixxi l-argumenti tar-rikorrenti li l-aġġustamenti ex post jikkontribwixxu preċiżament għaż-żamma tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni billi jiġi evitat li ċertu operaturi jiksbu, permezz ta’ “allokazzjoni żejda” ta’ kwoti, vantaġġi mhux iġġustifikati meta mqabbla ma’ operaturi oħra.

145    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni stess tidher li qed tibbbaża ruħha fuq il-prinċipju, kif imsemmi fl-ittra tagħha mibgħuta lill-Istat Membri, fis-17 ta’ Marzu 2004, dwar l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat għall-PNA, li jistipula li dawn l-“allokazzjonijiet żejda” jistgħu jiksru l-Artikolu 87(1) KE u jfixklu jew jheddu li jfixklu b’mod gravi l-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni, ftit li xejn dettaljata, tal-Kummissjoni, li s-sistema ta’ skambju ta’ kwoti hija bbażata fuq previżjonijiet u tinvolvi mekkaniżmi ta’ awtokorrezzjoni li jiggarantixxi l-ugwaljanza fl-opportunitajiet ta’ l-operaturi, ħaġa li teskludi a priori distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, mhijiex komprensibbli u, għaldaqstant, ma tistax tintlaqa’.

146    Bl-istess mod, il-Kummissjoni, la matul il-proċedimenti amministrattivi, la fid-deċiżjoni kkontestata, la fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2004 u lanqas matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma ppreżentat elementi ta’ prova suffiċjenti sabiex tikkontesta l-legalità ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni fir-rigward ta’ l-għan li tiġi ppreżervata l-integrità tas-suq intern. Kif tammetti l-Kummissjoni stess, l-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentati biss fl-istadju tas-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Prim’Istanza, rigward restrizzjoni inammissibbli ta’ l-iskambju intrakomunitarju ħieles ta’ kwoti ta’ emissjonijiet – minħabba l-irtirar ta’ kwoti mis-suq ta’ skambju u t-trasferiment tagħhom lejn ir-riżerva li hija aċċessibbli biss għall-operaturi ta’ installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju Ġermaniż – mhumiex riflessi fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fl-atti relativi għall-iżvolġiment tal-proċedimenti amministrattivi. F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-riferenzi ġenerali ħafna, magħmula fil-punt 2 tar-risposta, għall-possibbiltà li jiġu ttrasferiti, skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/87, il-kwoti ta’ emissjonijiet ġewwa l-Komunità, kif ukoll, fil-punti 5 u 6 tal-kontroreplika, għall-bżonn li tiġi mħarsa l-effettività tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kontestazzjonijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva madankollu li din l-evalwazzjoni hija bla ħsara għal eżami eventwali ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni fid-dawl tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, b’mod partikolari fid-dawl tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà ta’ stabbiliment skond l-Artikoli 28 KE u 43 KE, liema eżami ma sar la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004. B’hekk, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ motivi ċari u preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni u l-bżonn li jiġu mħarsa s-separazzjoni tal-poteri u l-ekwilibriju istituzzjonali bejn is-setgħat amministrattivi u ġudizzjarji, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lilha nfisha, f’dan il-każ, għall-Kummissjoni fir-rigward tal-verifika, fl-istadju amministrattiv, tal-konformità tar-regoli rilevanti tal-PNA Ġermaniż mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat.

147    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi li l-aġġustamenti ex post in kwistjoni jmorru kontra l-għan li tiġi ppreżervata l-integrità tas-suq intern kif ukoll taż-żamma tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

 Konklużjoni fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

148    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, moqri fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari ta’ dawk ifformulati fil-premessa 7 tagħha, safejn hija kkwalifikat l-aġġustamenti ex post in kwistjoni bħala miżuri li jmorru kontra l-iskema u l-istruttura ġenerali ta’ l-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-aġġustamenti ex post in kwistjoni jistgħu jiddisswadu lill-operaturi milli jnaqqsu l-volum tal-produzzjoni tagħhom u, għaldaqstant, ir-rati ta’ emissjoni tagħhom, mhuwiex biżżejjed biex tiġi kkontestata l-legalità tagħhom fid-dawl ta’ l-għanijiet kollha tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, jirriżulta mill-effett ta’ awtolimitazzjoni maħluq mil-linji gwida tal-Kummissjoni li din għandha taċċetta l-isfruttar mill-Istat Membru ta’ dan in-nuqqas ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni ta’ l-imsemmija linji gwida fil-każ ta’ projbizzjoni eventwali ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ l-imsemmija direttiva (ara l-punti 112 u 116’il fuq).

f)     Konklużjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

149    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fid-dawl ta’ interpretazzjoni letterali, abbażi ta’ l-isfond storiku, kuntestwali u teleoloġika, li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 naqqas il-libertà ta’ azzjoni ta’ l-Istat Membru rigward il-forom u l-metodi ta’ traspożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali fis-sens li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti ex post in kwistjoni. B’hekk, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ dritt.

150    Jirriżulta għalhekk li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u li l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandha tintlaqa’.

3.     Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

a)     Kunsiderazzjonijiet ġenerali

151    Fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-aġġustamenti ex post relattivi għan-numru ta’ kwoti allokati lill-operaturi ġodda jmorru kontra l-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, minħabba li l-operaturi ġodda huma vvantaġġati, b’mod inġustifikabbli, meta mqabbla ma’ l-operaturi ta’ installazzjonijiet li huma diġà koperti mill-PNA Ġermaniż u li ma jibbenefikawx minn dawn l-aġġustamenti. Bl-istess mod, fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni tippreċiża li “[l]-intenzjoni ta[r-rikorrenti] li […] taġġusta l-allokazzjoni tal-kwoti lill-operaturi ġodda tmur kontra l-kriterju 5, li jimponi n-non diskriminazzjoni skond it-Trattat, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn l-aġġustamenti ex post tagħti lok għal diskriminazzjoni bejn l-operaturi ġodda, minn naħa, u l-operaturi ta’ installazzjonijiet oħra, min-naħa l-oħra, li ma jistgħux jibbenefikaw minn aġġustamenti ex post skond id-Direttiva 2003/87”.

152    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, il-kliem tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 li jgħid li “[i]l-[PNA] ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpanniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 87 [KE] u 88 [KE] tiegħu”. Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-paragrafu 51 tal-linji gwida tal-Kummissjoni, li jirrigwarda l-kriterju 6, li jkopri speċifikament l-operaturi ġodda, jippreċiża wkoll li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi l-prinċipju ewlieni fir-rigward ta’ l-aċċess ta’ l-operaturi ġodda għall-kwoti. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 61 ta’ l-imsemmija linji gwida jgħid li, “sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ trattament ugwali, jeħtieġ li l-metodu li jiġi adottat minn Stat Membru sabiex jalloka kwoti lill-operaturi ġodda jkun, safejn hu possibbli, l-istess bħal dak adottat fil-konfront ta’ operaturi stabbiliti li jinsabu f’sitwazzjoni analoga”, u dan, minkejja li jirrikonoxxi li “madankollu, jistgħu jsiru ċerti adattazzjonijiet jekk jiġu debitament iġġustifikati”.

153    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar’il fuq li l-Kummissjoni ġustament tikkunsidra l-kriterju 5, li l-kliem tiegħu jirreferi espressament għall-kunċett ta’ diskriminazzjoni, bħala l-applikazzjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2003/87 u, b’mod iktar partikolari, fil-kuntest ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti li ssir abbażi tal-PNA. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament ukoll, fil-linji gwida tagħha, tirreferi għall-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza, jiġifieri b’mod partikolari l-bżonn li jiġu pparagunati s-sitwazzjonijiet tal-persuni kkonċernati (“sitwazzjoni analoga”) u l-possibbiltà li diskriminazzjoni tiġi ġustifikata oġġettivament (“adattazzjonijiet […] debitament iġġustifikati”). Fil-fatt, skond din il-ġurisprudenza, l-imsemmi prinċipju jitlob li sitwazzjonijiet paragunabbli m’għandhomx jiġu kkunsidrati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti m’għandhomx jiġu kkunsidrati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Gustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

b)     Fuq l-ipparagunar tas-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ l-operaturi kkonċernati

154    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni applikatx korrettament il-prinċipju ta’ trattament ugwali għal dan il-każ, jeħtieġ li fl-ewwel lok tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk hija vverifikatx debitament jekk l-operaturi ġodda kienu f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ operaturi oħra ta’ installazzjonijiet fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti ex post.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bil-kontra ta’ dak li tidher li qed tqis il-Kummissjoni, il-PNA Ġermaniż jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ aġġustamenti ex post, mhux biss fil-konfront ta’ l-operaturi l-ġodda, iżda wkoll fil-konfront ta’ ċerti operaturi ta’ installazzjonijiet li diġà huma preżenti fis-suq u li huma koperti mill-PNA Ġermaniż.

156    Fil-fatt, minn naħa, il-PNA Ġermaniż jippermetti l-applikazzjoni ta’ aġġustamenti ex post fil-konfront ta’ l-operaturi kollha f’każ ta’ tnaqqis sostanzjali tal-produzzjoni jew ta’ “għeluq de facto” (ara l-ewwel inċiż tal-punt 31, u l-punt 89 iktar’il fuq). B’hekk, f’dan ir-rigward, mingħajr ma tkun eżaminat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni distinta jew analoga ta’ dawn l-operaturi differenti, li wkoll huma suġġetti għar-regoli ta’ aġġustament ex post, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni, b’mod daqshekk ġenerali, li l-PNA Ġermaniż jipprovdi trattament mhux ugwali ta’ operaturi oħra meta mqabbla ma’ l-operaturi ġodda.

157    Min-naħa l-oħra, il-PNA Ġermaniż jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ aġġustamenti ex post simili għal dawk li huma applikabbli għall-operaturi ġodda fil-każ partikolari ta’ l-installazzjonijiet li bdew joperaw fl-2003 jew fl-2004 (ara t-tielet inċiż tal-punt 31, u l-punt 88 iktar’il fuq). Dan huwa kkonfermat mil-liġi ta’ l-allokazzjonijiet li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ revoka identiċi għall-operaturi ġodda u l-operaturi li bdew il-produzzjoni tagħhom wara l-2002 (ara l-Artikolu 8(4) tal-liġi ta’ applikazzjoni, minn naħa, u l-Artikolu 11(5), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 8(4) min-naħa l-oħra). Għandu jiġi rilevat, f’dan ir-rigward, li, bħal fil-każ ta’ l-ispjegazzjoni mogħtija għall-aġġustamenti ex post applikabbli għall-operaturi ġodda, ir-rikorrenti tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet li bdew joperaw fl-2003 jew fl-2004 essenzjalment permezz ta’ riskju ta’ “allokazzjoni żejda” li jirriżulta mill-fatt li l-operaturi kkonċernati jistgħu jkollhom jipprovdu, fil-proċedura ta’ l-allokazzjonijiet ibbażata fuq il-metodu ta’ kalkolu msejjaħ “benchmarking”, previżjonijiet ta’ produzzjoni iktar għoljin. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, dan ir-riskju ma jeżistix fil-każijiet ta’ l-installazzjonijiet li ilhom joperaw mill-inqas mis-sena 2002, li għalihom jiġi applikat il-metodu ta’ kalkolu msejjaħ “grandfathering”, li jippermetti li tiġi ġġenerata informazzjoni, relativament affidabbli, fir-rigward tal-volumi ta’ produzzjoni miksuba fil-passat.

158    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, l-argumenti tal-Kummissjoni in sostenn tal-konklużjoni ġenerali tagħha, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti ex post applikabbli għall-operaturi ġodda jmorru kontra l-kriterju 5 peress li jistgħu jivvantaġġjaw lil dawn l-operaturi ġodda meta mqabbla ma’ operaturi oħra, li mhumiex suġġetti għar-regoli ta’ aġġustament ex post, la huma sostnuti minn fatti u lanqas ma huma fondati fid-dritt.

159    Fl-ewwel lok, ma jirriżulta la mid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, għaliex u safejn l-operaturi ġodda jinsabu f’sitwazzjoni analoga jew differenti meta mqabbla ma’ l-operaturi ġodda fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti ex post. Bil-kontra, id-deċiżjoni kkontestata kjarament ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li aġġustamenti simili, jew saħansitra identiċi, għal dawk li jirrigwardaw l-operaturi ġodda, huma applikabbli fil-każ ta’ l-operaturi ta’ installazzjonijiet li bdew il-produzzjoni tagħhom wara l-2002.

160    Fit-tieni lok, kif issostni r-rikorrenti fi ħdan it-tielet motiv tagħha, l-argument li l-Kummissjoni qajjmet waqt is-seduta, li huwa vantaġġuż għall-operaturi ġodda li jkollhom possibbiltà ta’ korrezzjoni ulterjuri tan-numru ta’ kwoti allokati, peress li dan jippermettilhom jgħollu l-estimi tal-volum ta’ produzzjoni tagħhom meta jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għall-allokazzjoni u tagħti lok għal kontrolli inqas stretti min-naħa ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, huwa manifestament kontradittorju u żbaljat minn diversi aspetti.

161    Fil-fatt, minn naħa, l-argument li korrezzjoni li ssir wara li jitnaqqsu l-kwoti allokati lil operatur – jiġfieri miżura ta’ rtirar, li ssir bi ħsara ta’ l-operatur ikkonċernat, peress li jkun qed jiġi miċħud minn “beni” li għandu valur kummerċjali – tista’ tikkostitwixxi “vantaġġ” għalih meta mqabbel ma’ operaturi oħra li mhumiex suġġetti għal dan il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni, huwa kontradittorju. Min-naħa l-oħra, dan l-argument jimplika li l-operaturi l-oħra, li kieku kellu jitqies li jinsabu f’sitwazzjoni analoga, m’għandhomx l-istess “vantaġġ”, argument li, f’kull każ, ma japplikax għall-operaturi li daħlu fis-suq wara l-2002, li huma suġġetti għall-istess mekkaniżmu ta’ korrezzjoni.

162    B’hekk, l-allegazzjoni li l-inċentivazzjoni ta’ operaturi ġodda sabiex jagħmlu valutazzjonijiet ogħla hija iktar importanti fil-preżenza ta’ possibbiltà ta’ aġġustament ex post milli fin-nuqqas ta’ dan il-mekkaniżmu, hija spekulattiva ħafna kif ukoll kontradittorja. Fil-fatt, hija tagħti lok għall-konklużjoni kuntrarja, fid-dawl tal-fatt li kull operatur li, meta jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, ikun jaf bir-riskju ta’ aġġustament ex post ikun pjuttost inklinat li jieħu l-passi meħtieġa kontra dan ir-riskju. Fl-aħħar nett, l-argument li l-awtoritajiet kompetenti huma inqas diliġenti meta jkollhom possibbiltà ta’ korrezzjoni ex post lanqas ma huwa konvinċenti, peress li huwa fl-interess ta’ kull amministrazzjoni li taħdem b’mod effiċjenti li tevita minn qabel kull komplikazzjoni ulterjuri u b’mod partikolari miżuri ta’ rtirar li jaħlu ħafna żmien u li jinvolvu l-użu ta’ numru kunsiderevoli ta’ riżorsi amministrattivi.

163    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, il-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata hija kjarament kontradittorja u żbaljata u tikkostitwixxi kunsiderazzjoni manifestament żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tagħha, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, ta’ l-osservanza mill-Istat Membru tal-kriterju 5, il-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha billi tafferma l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali mingħajr ma tkun eżaminat minn qabel, bid-diliġenza kollha meħtieġa, l-elementi rilevanti f’dan ir-rigward, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar’il fuq, u mingħajr ma tkun ħadithom debitament in kunsiderazzjoni sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha.

164    Jirriżulta għaldaqstant li l-Kummissjoni għamlet żball tad-dritt fl-applikazzjoni tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tintlaqa’ wkoll.

165    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis madankollu li jeħtieġ li jiġi eżaminat it-tielet motiv minħabba l-konnessjoni diretta ta’ dan ma’ l-ewwel motiv.

III –   Fuq it-tielet motiv dovut għal ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikou 253 KE

A –  Argumenti tal-partijiet

166    Ir-rikorrenti tosserva li l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE peress li l-premessa 4 ta’ l-imsemmija deċiżjoni tikkonstata, b’mod manifestament żbaljat, abbażi tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li l-aġġustamenti ex post jivvantaġġjaw b’mod indebitu l-operaturi ġodda meta mqabbla ma’ operaturi ta’ installazzjonijiet oħra. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod żbaljat f’dan ir-rigward il-fatt li, minn naħa, il-PNA ma jipprovdix li l-operaturi ġodda jisgħu jiksbu kwoti supplementari, iżda jipprovdi biss li dawn huma suġġetti għal aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis, u li, min-naħa l-oħra, ir-revoka ta’ dawn il-kwoti wara t-tali aġġustament tikkostitwixxi piż u mhux vantaġġ. Ir-rikorrenti lanqas ma tara xi tip ta’ vantaġġ mill-fatt li, bil-kontra tal-każ ta’ l-installazzjonijiet eżistenti, l-allokazzjoni għall-operaturi ġodda ssir abbażi ta’ previżjonijiet ta’ produzzjoni, peress li dan jiġi preċiżament ikkumpensat mill-possibbiltà li jsiru aġġustamenti ex post li jinvolvu tnaqqis. Għalhekk, l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati wkoll għal din ir-raġuni.

167    Il-Kummissjoni tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha rigward in-natura non fondata ta’ l-ilment dovut għall-ksur tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 253 KE.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

168    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-osservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE, kif inhu affermat fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu totalment jew parzjalment PNA, għandu importanza ħafna iżjed fundamentali meta jitqies il-fatt li, f’dan il-każ, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) ta’ l-imsemmija Direttiva jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi u li s-stħarriġ tal-legalità u tal-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet mill-qorti Komunitarja huwa ristrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti mressqa in sostenn ta’ dan il-motiv huma pjuttost ibbażati fuq il-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, peress li l-motiv dovut għall-ksur ta’ l-obbligu ta’motivazzjoni jista’, f’kull każ, jitqajjem ex officio mill-Imħallef Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24, u tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-457/00, Ġabra p. I-6931, punt 102), jeħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu.

170    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 158 sa 164’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li kellha ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE billi ma pprovdietx l-iċken spjegazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, la fid-deċiżjoni kkontestata, la fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004 u lanqas fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jikkonċerna b’mod partikolari l-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jgħid li operaturi ġodda jinsabu f’sitwazzjoni vantaġġuża u distinta meta mqabbla ma’ dik ta’ l-operaturi l-oħra rigward l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti ex post, in-nuqqas ta’ paragun fl-imsemmija deċiżjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-operaturi ġodda ma’ dik ta’ l-operaturi li huma suġġetti għal aġġustamenti ex post simili, jew saħansitra identiċi, u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva eventwali għal trattament differenti eventwali.

171    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ u l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu wkoll annullati fuq din il-premessa.

IV –  Konklużjoni

172    Peress li l-ewwel u t-tielet motivi huma fondati u huma biżżejjed sabiex jintlaqgħu t-talbiet għal annullament magħmula mir-rikorrenti, m’hemmx lok, għaldaqstant, li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 176 KE.

 Fuq l-ispejjeż

173    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż skond it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2515/2 finali, tas-7 ta’ Lulju 2004, dwar pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, huwa annullat.

2)      L-Artikolu 2(a) sa (c) ta’ l-imsemmija deċiżjoni huwa annullat safejn jordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, tħassar il-miżuri ta’ aġġustament ex post li jissemmew fih, u, min-naħa l-oħra, tinnotifika lill-Kummissjoni bl-imsemmi tħassir.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Azizi

Cremona

 

       Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Fatti, proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Osservazzjoni preliminari

II – Fuq l-ewwel motiv dovut għal ksur ta’ l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva

A – Argumenti tal-partijiet

1. Argumenti tar-rikorrenti

a) Osservazzjoni preliminari

b) Fuq l-osservanza tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

c) Fuq l-osservanza tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

d) Fuq il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ l-istess direttiva u fuq il-libertà ta’ azzjoni li l-Istati Membri għandhom skond din id-direttiva

e) Fuq l-argumenti ekonomiċi tal-Kummissjoni

2. Argumenti tal-Kummissjoni

a) Fuq in-natura determinanti tal-portata tal-kriterji ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 għall-istħarriġ magħmul mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) ta’ l-imsemmija direttiva

b) Fuq il-konformità tal-PNA Ġermaniż mal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

c) Fuq il-konformuità tal-PNA Ġermaniż mal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1. Fuq it-tqassim tax-xogħol u tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fuq il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju

2. Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

a) Fuq l-aġġustamenti ex post in kwistjoni

b) Fuq l-interpretazzjoni letterali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

c) Fuq l-interpretazzjoni abbażi ta’ l-isfond storiku tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

d) Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament Nru 2216/2004

– i) Fuq l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87

– ii) Fuq l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/87

– iii) Fuq l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 2216/2004

Fuq il-portata tal-linji gwida tal-Kummissjoni

– i) Fuq l-effett ta’ l-awtolimitazzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni

– ii) Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 fid-dawl tal-linji gwida tal-Kummissjoni

– iii) Fuq il-portata tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004

Konklużjoni fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

e) Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

Osservazzjoni preliminari

Fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87

Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ l-imsemmija direttiva

– i) Argumenti prinċipali tal-partijiet

– ii) Fuq il-kriterji għall-analiżi rilevanti

– Fuq ir-relazzjoni li teżisti bejn il-volum ta’ produzzjoni u r-rata ta’ emissjoni fid-dawl ta’ l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet

– Fuq ir-rikonċiljazzjoni ta’ l-għan ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ma’ l-għan taż-żamma ta’ kundizzjonijiet effettivi u ekonomikament effiċjenti

– Fuq l-għan ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet permezz ta’ żvilupp teknoloġiku

– Fuq l-għan ta’ l-ippreżervar ta’ l-integrità tas-suq intern u taż-żamma tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni

Konklużjoni fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

f) Konklużjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterju 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

3. Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterju 5 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87

a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali

b) Fuq l-ipparagunar tas-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ l-operaturi kkonċernati

III – Fuq it-tielet motiv dovut għal ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikou 253 KE

A – Argumenti tal-partijiet

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV – Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.