Language of document : ECLI:EU:C:2017:1004

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Persuna li waqfet teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu – Dritt ta’ residenza – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-għoti ta’ allowance għal persuni li qegħdin ifittxu impjieg għall-persuni li għandhom dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru”

Fil-Kawża C‑442/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Florea Gusa

vs

Minister for Social Protection,

L-Irlanda,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Gusa, minn V. Nahoi, advocate, minn M. Flanagan, BL, u minn D. Shortall, BL,

–        għall-Minister for Social Protection, l-Irlanda u l-Attorney General, minn A. Morrissey, E. Creedon u E. McKenna, bħala aġenti, assistiti minn D. Dodd, BL, u minn M. S. Woulfe, SC,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, N. Lyshøj u M. C. Thorning, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u E. E. Sebestyén, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, T. Buley u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 14 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, S. Florea Gusa u, min-naħa l-oħra, il-Minister for Social Protection (il-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General rigward ir-rifjut ta’ għoti ta’ allowance għal persuni li qed ifittxu impjieg lil F. Gusa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38 jgħidu:

“(3)      […] Huwa […] neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)      Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fil-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69),] u li jħassar l-atti li ġejjin: id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għall-ħaddiema ta’ l-Istati Membri u għall-familji tagħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27)], id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ stabbiliment u ta’ provvediment ta’ servizzi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167)], id-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3)], id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività professjonali tagħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 5)] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 250)].”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

c)      -      miktuba f’istitut privat jew pubbliku […] għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

-      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti […] li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew;

[…]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

[…]”

6        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“[…] mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni […] jekk:

[…]

b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni […] m’għandhomx jitkeċċew sakemm [huma] jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

 Ir-Regolament Nru 883/2004

7        L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

h)      benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[…]

3.      Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.”

8        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

9        L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, li jinsab fil-Kapitolu 9, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)      huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)      […] protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

[…]

u

b)      meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. […]

u

ċ)      huma elenkati fl-Anness X.

[…]

4.      Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. […]”

10      L-Anness X tal-istess regolament, li jelenka l-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus previsti fl-Artikolu 70(2) ta’ dan, jinkludi, għall-Irlanda, l-“[a]llowance għal min ikun qed ifittex impjieg (l-Att Konsolidat tal-2005 dwar l-Assistenza Soċjali, Parti III, Kapitolu 2)”.

 Id-dritt Irlandiż

11      L-Artikolu 139 tas-Social Welfare Consolidation Act 2005 (as amended) (il-Liġi kkonsolidata tal-2005 dwar il-Protezzjoni Soċjali (kif emendata) (iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-2005”)) jistabbilixxi, fost lista ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali, allowance għal persuni li qegħdin ifittxu impjieg.

12      Skont l-Artikolu 141(1) u (9) ta’ din il-liġi, l-għoti ta’ din l-allowance huwa suġġett għal kriterju ta’ riżorsi kif ukoll għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tirrisjedi abitwalment fl-Irlanda fid-data li fiha hija titlob dan l-għoti.

13      L-Artikolu 246(5) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“[…] Persuna li ma għandhiex id-dritt ta’ residenza fl-Istat ma titqiesx li tirrisjedi abitwalment fl-Istat għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi.”

14      L-Artikolu 246(6) tal-istess liġi jelenka l-persuni li huma meqjusa li għandhom id-dritt ta’ residenza fl-Irlanda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu. Fost dawn jinsabu ċ-ċittadini Irlandiżi kif ukoll il-persuni li għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru bis-saħħa tal-European Communities (Free Movement of Persons) (No. 2) Regulations 2006 (ir-Regolament dwar il-Komunitajiet Ewropej (il-Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru 2) tal-2006) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament tal-2006”), li jittrasponi d-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż.

15      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006 jipprevedi:

“(a)      Bla ħsara għall-Artikolu 20, ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fl-Istat:

i)      jekk ikollu impjieg jew jekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat,

[…]

(c)      Bla ħsara għall-Artikolu 20, persuna li għaliha huwa applikabbli l-punt (a)(i) tista’ tibqa’ fl-Istat wara t-tmiem tal-attività msemmija f’dak il-punt (a)(i):

[…]

ii)      jekk hija tkun f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarjament debitament irreġistrata wara li tkun għamlet iktar minn sena impjegata u jekk hija tkun ġiet irreġistrata bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju kompetenti tad-Department of Social and Family Affairs [Dipartiment tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, l-Irlanda] u tal-FÁS [Awtorità għat-Taħriġ u għall-Impjieg, l-Irlanda]”.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      F. Gusa, ċittadin Rumen, daħal fit-territorju tal-Irlanda matul ix-xahar ta’ Ottubru 2007. Matul l-ewwel sena tar-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru, huwa ġie sostnut mit-tfal adulti tiegħu li wkoll kienu jirrisjedu hemmhekk. Mix-xahar ta’ Ottubru 2008 sax-xahar ta’ Ottubru 2012, huwa eżerċita l-attività bħala persuna li taħdem għal rasha ta’ kaħħal u ħallas, abbażi ta’ dan, fl-imsemmi Stat Membru, it-taxxi tiegħu, l-assigurazzjoni soċjali marbuta mad-dħul u taxxi oħra imposti fuq id-dħul tiegħu.

17      Huwa waqaf jeżerċita din l-attività matul ix-xahar ta’ Ottubru 2012, filwaqt li invoka nuqqas ta’ xogħol dovut għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u rreġistra ruħu inkwantu persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti. F’dak il-mument, ma kien għad fadallu l-ebda dħul, peress li t-tfal tiegħu kienu telqu mill-Irlanda u ma baqgħux jipprovdulu għajnuna finanzjarja.

18      Matul ix-xahar ta’ Novembru 2012, huwa ppreżenta applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ allowance għal persuni li qegħdin ifittxu impjieg abbażi tal-Liġi tal-2005.

19      Madankollu din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2012 għaliex F. Gusa ma kienx wera li kien għad għandu, f’din id-data, dritt ta’ residenza fl-Irlanda. Fil-fatt, mill-waqfien tal-attività tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha ta’ kaħħal, F. Gusa ma baqax jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti, għall-finijiet tal-għoti ta’ tali dritt, fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006, li jittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż.

20      Wara rikors amministrattiv intern mingħajr suċċess kontra din id-deċiżjoni, F. Gusa kkontesta din quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), billi sostna b’mod partikolari li, minkejja li kien waqaf jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha, huwa kien żamm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu kif ukoll dritt ta’ residenza fl-Irlanda skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38. Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat quddiemha. F. Gusa appella minn din is-sentenza quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li ttrasferixxiet dan l-appell lill-qorti tar-rinviju.

21      B’mod preliminari, din il-qorti msemmija l-aħħar tosserva li F. Gusa ma jallegax li għandu riżorsi suffiċjenti sabiex jsostni lilu nnifsu jew li għandu assigurazzjoni għall-mard kompleta u, għaldaqstant, ma jsostnix li jibbenefika minn dritt ta’ residenza fl-Irlanda taħt l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Huwa lanqas ma jallega li akkwista, fix-xahar ta’ Novembru 2012, dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru.

22      Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi, qabel kollox, jekk, minkejja li waqaf mill-attività tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha ta’ kaħħal, F. Gusa għandux jitqies li żamm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu bis-saħħa tal-Artikolu 7(3)(b) ta’ din id-direttiva, jew bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li huwa għadu jibbenefika minn dritt ta’ residenza fl-Irlanda b’mod konformi mal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-imsemmi Artikolu 7(3)(b) ikoprix biss il-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarju wara li jkunu eżerċitaw attività bħala persuna impjegata għal iktar minn sena, jew jekk din id-dispożizzjoni tapplikax ukoll għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli wara li jkunu eżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha matul tali perijodu.

23      Imbagħad, jekk hemm lok li jitqies li F. Gusa tilef l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dan tal-aħħar għandux madankollu jingħata dritt ta’ residenza fl-Irlanda abbażi ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, u dan minkejja li la għandu riżorsi suffiċjenti u lanqas assigurazzjoni għall-mard kompleta.

24      Fl-aħħar nett, jekk ir-risposta tkun fin-negattiv, din il-qorti tistaqsi jekk ir-rifjut li F. Gusa jingħata l-allowance għal persuni li qegħdin ifittxu impjieg prevista mil-Liġi tal-2005 għaliex huwa ma stabbilixxiex tali dritt ta’ residenza jiksirx id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°883/2004, peress li din l-allowance tikkostitwixxi “benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju u li jingħata fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Ċittadin tal-Unjoni 1) ċittadin ta’ Stat Membru ieħor; 2) li rrisjeda legalment u eżerċita attività ta’ persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ospitanti għal madwar erba’ snin; 3) li waqaf mix-xogħol tiegħu jew l-attività ekonomika tiegħu minħabba nuqqas ta’ xogħol u 4) li huwa persuna li qed tfittex xogħol irreġistrata mal-uffiċċju tal-impjiegi kompetenti jżomm il-kwalità ta’ persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 7(1)(a), jew l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva [2004/38] jew għal raġuni differenti?

2.      Jekk le, iżomm id-dritt li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 7(1)(b) jew (c) tad-Direttiva [2004/38] jew huwa protett kontra t-tkeċċija skont l-Artikolu 14(4)(b) tal-istess direttiva?

3.      Jekk le, ir-rifjut li tingħata lil tali persuna benefiċċju għal persuna li qed tfittex xogħol (li jikkostitwixxi benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004) minħabba li din il-persuna ma jkollhiex dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jżomm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, ċittadin ta’ Stat Membru li, wara li jkun irrisjeda regolarment u eżerċita attività inkwantu ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ madwar erba’ snin, waqaf minn din l-attività minħabba nuqqas ta’ xogħol ikkawżat minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu u rreġistra ruħu inkwantu persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar.

27      Skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, jibbenefika minn dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti kull ċittadin tal-Unjoni li huwa ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu f’dan l-Istat Membru. L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, għall-finijiet tal-imsemmi Artikolu 7(1)(a), iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jibqax jeżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha jżomm madankollu l-istatus ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu f’erba’ każijiet.

28      Fost dawn il-każijiet, il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 7(3) jirreferi għal dak li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat “wara li [i]kun spiċċa […] involontarjament bla xogħol wara li ħadmet [ħadem] għal aktar minn sena, [j]irreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti”.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li F. Gusa rreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti fis-sens ta’ dan il-punt (b). Madankollu, din il-qorti tosserva, essenzjalment, li mill-formulazzjoni tal-imsemmi punt (b) jista’ jiġi dedott li dan japplika biss għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarju rreġistrat debitament wara li jkunu eżerċitaw attività bħala persuna impjegata għal iktar minn sena, bl-esklużjoni ta’ dawk li, bħal F. Gusa, jinsabu f’sitwazzjoni ekwivalenti wara li jkunu eżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha matul tali perijodu.

30      Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi dedotta b’mod inekwivoku minn din il-formulazzjoni.

31      B’mod partikolari, fir-rigward tal-espressjoni “qagħad involontarju”, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju Unit, din l-espressjoni tista’, skont il-kuntest li fih hija tintuża, tirreferi kemm għal sitwazzjoni ta’ inattività dovuta għat-telf involontarju ta’ impjieg b’paga minħabba, b’mod partikolari, tkeċċija kif ukoll, b’mod usa’, għal stat ta’ waqfien ta’ attività professjonali, bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, dovut għal nuqqas ta’ xogħol ikkawżat minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-persuna kkonċernata, bħas-sitwazzjoni ta’ riċessjoni ekonomika.

32      Minbarra dan, fir-rigward tal-kliem “wara li ħadmet”, li jintuża b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“after having been employed”) u bil-lingwa Franċiża (“après avoir été employé”) tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 u li, kif enfasizzaw b’mod partikolari l-konvenuti fil-kawża prinċipali, ma kienx jinsab fil-proposta inizjali u fil-proposta emendata ta’ direttiva ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea [proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU 2001, C 270 E, p. 150), u proposta emendata ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2003) 199 finali, huwa minnu li dan il-kliem jista’ jinqara b’mod li jirreferi għall-eżerċizzju preċedenti ta’ attività bħala persuna impjegata.

33      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, osserva fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, li jużaw formulazzjonijiet iktar newtrali, ma jikkorroborawx tali interpretazzjoni. B’mod partikolari, il-verżjoni bil-lingwa Griega tuża l-espressjoni “επαγγελματική δραστηριότητα”, u b’hekk tirreferi għall-eżerċizzju ta’ “attività professjonali”, il-verżjoni bil-lingwa Taljana tuża l-kliem “aver esercitato un’attività”, u b’hekk tirreferi għall-eżerċizzju ta’ attività, u l-verżjoni bil-lingwa Latvjana tinkludi l-kliem “ir bijis(-usi) nodarbināts(-a)”, u b’hekk tirreferi b’mod ġenerali għall-persuni li “ħadmu”.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi osservat li, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva hija intiża sabiex tiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

36      Għal dan l-għan, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jiddistingwi, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ekonomikament attivi minn dik taċ-ċittadini inattivi u tal-istudenti. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix distinzjoni, fi ħdan din l-ewwel kategorija, bejn iċ-ċittadini li jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata u dawk li jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti.

37      Huwa għalhekk li, kif ġie espost fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 jagħti dritt ta’ residenza lil kull ċittadin tal-Unjoni li għandu l-istatus ta’ “ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom”. F’din l-istess perspettiva, l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jirreferi, fil-frażi introduttiva tiegħu, għaċ-ċittadin tal-Unjoni li, minkejja li ma għadux “jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu”, iżomm l-istatus ta’ “ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha” għall-finijiet ta’ din l-ewwel dispożizzjoni.

38      Ladarba, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 34 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi dedott mill-formulazzjoni tal-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 7(3), li dan il-punt ikopri biss is-sitwazzjoni tal-persuni li waqfu jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata, bl-esklużjoni ta’ dawk li waqfu jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha, l-imsemmi punt (b) għandu jinqara, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, tal-frażi introduttiva ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, bħala li japplika għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni.

39      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-analiżi tal-għanijiet segwiti permezz tal-imsemmija direttiva u, b’mod iktar preċiż, permezz tal-Artikolu 7(3)(b) ta’ din.

40      Fil-fatt, minn naħa, mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din hija intiża, sabiex isaħħaħ id-dritt fundamentali u individwali taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li tirrimedja l-approċċ settorjali u frammentarju li kien jikkaratterizza l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-direttiva, li kienu jirreferu separatament, b’mod partikolari, għall-ħaddiema li jaħdmu bħala persuni impjegati u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, billi tfassal att leġiżlattiv uniku li jikkodifika u jirrevedi dawn l-istrumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix, C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 25).

41      Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tal-imsemmija direttiva fis-sens li huwa jirreferi biss għall-persuni li eżerċitaw attività bħala persuna impjegata għal iktar minn sena, bl-esklużjoni ta’ dawk li eżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha matul tali perijodu, tmur kontra dan l-għan.

42      Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tistabbilixxi differenza mhux ġustifikata bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni fid-dawl tal-għan segwit minn din id-dispożizzjoni li jiġi ssalvagwardjat, permezz taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem, id-dritt ta’ residenza tal-persuni li waqfu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol dovut għal ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tagħhom.

43      Fil-fatt, bħal ħaddiem impjegat li jista’ jitlef b’mod involontarju l-impjieg b’paga tiegħu minħabba, b’mod partikolari, tkeċċija, persuna li tkun eżerċitat attività bħala persuna li taħdem għal rasha tista’ ssib ruħha mġiegħla twaqqaf din l-attività. Din il-persuna tista’ għalhekk issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà komparabbli għal dik ta’ ħaddiem impjegat imkeċċi. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma huwiex ġustifikat li l-imsemmija persuna ma tibbenefikax, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħha, mill-istess protezzjoni bħal dik li tgawdi persuna li tkun waqfet teżerċita attività bħala persuna impjegata.

44      Tali differenza fit-trattament hija inqas u inqas ġustifikata għaliex twassal sabiex persuna, li eżerċitat attività bħala persuna li taħdem għal rasha għal iktar minn sena fl-Istat Membru ospitanti u li kkontribwixxiet fis-sistema soċjali u fiskali ta’ dan l-Istat Membru permezz tal-pagament tal-imposti, taxxi u oneri oħra imposti fuq id-dħul tagħha, tiġi ttrattata bl-istess mod bħal persuna li qiegħda tfittex l-ewwel impjieg tagħha fl-imsemmi Stat Membru, u li qatt ma eżerċitat attività ekonomika fih u li qatt ma kkontribwixxiet f’din is-sistema.

45      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li persuna li waqfet teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha minħabba nuqqas ta’ xogħol ikkawżat minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tagħha, wara li tkun eżerċitat tali attività għal iktar minn sena, tista’, bħal persuna li tkun tilfet b’mod involontarju l-impjieg tagħha wara li tkun okkupat dan l-impjieg matul tali perijodu, tibbenefika mill-protezzjoni offruta permezz tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38. Kif tipprevedi din id-dispożizzjoni, dan il-waqfien ta’ attività għandu jiġi rreġistrat debitament.

46      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jżomm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva ċittadin ta’ Stat Membru li, wara li jkun irrisjeda regolarment u eżerċita attività inkwantu ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ madwar erba’ snin, waqaf minn din l-attività minħabba nuqqas ta’ xogħol debitament irreġistrat u kkawżat minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu u li rreġistra ruħu inkwantu persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

47      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jżomm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva ċittadin ta’ Stat Membru li, wara li jkun irrisjeda regolarment u eżerċita attività inkwantu ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ madwar erba’ snin, waqaf minn din l-attività minħabba nuqqas ta’ xogħol debitament irreġistrat u kkawżat minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu u li rreġistra ruħu inkwantu persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.