Language of document : ECLI:EU:C:2017:1004

Kawża C442/16

Florea Gusa

vs

Minister for Social Protection et


(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Persuna li waqfet teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu – Dritt ta’ residenza – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-għoti ta’ allowance għal persuni li qegħdin ifittxu impjieg għall-persuni li għandhom dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017

Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom – Ċittadin ta’ Stat Membru li, wara li eżerċita matul erba’ snin attività bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti, waqaf minn din l-attività minħabba nuqqas ta’ xogħol fl-Istat Membru msemmi l-aħħar – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu7(1)(a) u (3)(b))

L-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jżomm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva ċittadin ta’ Stat Membru li, wara li jkun irrisjeda regolarment u eżerċita attività inkwantu ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ madwar erba’ snin, waqaf minn din l-attività minħabba nuqqas ta’ xogħol debitament irreġistrat u kkawżat minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu u li rreġistra ruħu inkwantu persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar.

Fil-fatt, minn naħa, mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din hija intiża, sabiex isaħħaħ id-dritt fundamentali u individwali taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li tirrimedja l-approċċ settorjali u frammentarju li kien jikkaratterizza l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-direttiva, li kienu jirreferu separatament, b’mod partikolari, għall-ħaddiema li jaħdmu bħala persuni impjegati u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, billi tfassal att leġiżlattiv uniku li jikkodifika u jirrevedi dawn l-istrumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix, C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 25).

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tal-imsemmija direttiva fis-sens li huwa jirreferi biss għall-persuni li eżerċitaw attività bħala persuna impjegata għal iktar minn sena, bl-esklużjoni ta’ dawk li eżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha matul tali perijodu, tmur kontra dan l-għan.

Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tistabbilixxi differenza mhux ġustifikata bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni fid-dawl tal-għan segwit minn din id-dispożizzjoni li jiġi ssalvagwardjat, permezz taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem, id-dritt ta’ residenza tal-persuni li waqfu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol dovut għal ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tagħhom.

Fil-fatt, bħal ħaddiem impjegat li jista’ jitlef b’mod involontarju l-impjieg b’paga tiegħu minħabba, b’mod partikolari, tkeċċija, persuna li tkun eżerċitat attività bħala persuna li taħdem għal rasha tista’ ssib ruħha mġiegħla twaqqaf din l-attività. Din il-persuna tista’ għalhekk issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà komparabbli għal dik ta’ ħaddiem impjegat imkeċċi. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma huwiex ġustifikat li l-imsemmija persuna ma tibbenefikax, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħha, mill-istess protezzjoni bħal dik li tgawdi persuna li tkun waqfet teżerċita attività bħala persuna impjegata.

(ara l-punti 40-43, 46 u dispożittiv)