Language of document : ECLI:EU:T:2004:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

30 ta' Ġunju 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade marks verbali preċedenti DIESEL – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja figurattiva DIESELIT – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-186/02,

BMI Bertollo Srl, stabbilita fi Pianezze San Lorenzo (l-Italja), irrappreżentata minn F. Tedeschini, M. Pinnarò, P. Santer, V. Corbeddu u M. Bertuccelli, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fus-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto, bħala aġent,

konvenut,

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Diesel SpA, stabbilita f'Molvena (l-Italja), irrappreżentata minn G. Bozzola u C. Bellomunno, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tad-19 ta' Marzu 2002 (Kawża R 525/2001-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn BMI Bertollo Srl u Diesel SpA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Ġunju 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta' Novembru 2002,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti Diesel SpA ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Novembru 2002,

wara s-seduta ta' l-4 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-17 ta' Lulju 1998, BMI Bertolli Srl ippreżentat, taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI).

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal li ġej, li, skond id-deskrizzjoni tal-kuluri fl-applikazzjoni, huwa ta' kulur aħmar:

Image not found

3       Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 7, 11 u 21 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 7: "ħadid tal-mogħdija";

–       klassi 11: "ħadid tal-mogħdija li jużaw il-fwar (minbarra magni u partijiet ta' magni)";

–       klassi 21: "twavel tal-mogħdija ".

4       Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 55/99 tat-12 ta’ Lulju 1999.

5       Fis-7 ta' Ottubru 1999, il-kumpannija Diesel SpA ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark Komunitarja taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni saret kontra l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Ir-raġuni invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni kienet dik stabbilita fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza, fuq naħa waħda, ta' trade mark nazzjonali Nru 686092, irreġistrata fl-Italja fit-23 ta' Awwissu 1996 fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha tal-klassijiet 1 sa 42 tal-Ftehim ta' Nizza, imsemmi iktar 'il fuq, u min-naħa l-oħra, ta' trade mark Komunitarja Nru 743401, irreġistrata fis-27 ta' April 1999 fir-rigward tal-prodotti kollha tal-klassijiet 11, 19, 20 u 21 ta' l-imsemmi Ftehim. Dawn iż-żewġ trade marks preċedenti (iktar 'il quddiem it-"trade marks preċedenti") huma komposti mis-sinjal verbali DIESEL.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq parti mill-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti, jiġifieri:

–       klassi 7: "Magni u għodod mekkaniċi; muturi (minbarra muturi għal vetturi tat-triq); ingaġġjar u sistemi ta' trażmissjoni (minbarra dawk intiżi għal vetturi tat-triq); strumenti agrikoli minbarra dawk imħaddmin bl-idejn; inkubaturi għall-bajd";

–       klassi 11: "Apparat għad-dawl, għat-tisħin, għall-ġenerazzjoni tal-fwar, għat-tisjir, għat-tkessiħ, għat-tnixxif, għall-ventilazzjoni, għad-distribuzzjoni ta' l-ilma u faċilitajiet sanitarji"

–       klassi 21: "Apparat u reċipjenti għall-użu fid-dar jew fil-kċina (minbarra dawk magħmulin minn jew miksijin b'metalli prezzjużi); pettnijiet u sponoż, xkupilji (minbarra pniezel); materjal għal xkupi u xkupilji; materjal tat-tindif; barraxa ta' l-azzar (steel wool); ħġieġ mhux maħdum jew nofsu maħdum (minbarra dak użat fil-kostruzzjoni); oġġetti tal-ħġieġ, tal-porċellana u fajjenza li mhumiex inklużi fi klassijiet oħra".

7       Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2001, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni laqgħat l-oppożizzjoni u, għaldaqstant, ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, minħabba li fl-Italja kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward tal-prodotti li fil-klassijiet 11 u 21 u li, minħabba x-xebh qawwi bejn is-sinjali u r-relazzjoni bejn is-sinjali u l-prodotti fl-apprezzament tal-konfużjoni, kien hemm ukoll probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward tal-"ħadid tal-mogħdija" tar-rikorrenti li kellhom ċerta xebh mal-prodotti ta' l-intervenjenti.

8       Fit-8 ta' Mejju 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors lill-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

9       Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Marzu 2002 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors. Fis-sustanza, il-Bord qies li, fid-dawl tan-natura intrinsika tat-trade marks preċedenti u tax-xebh qawwi bejn it-trade marks, kif ukoll l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku rilevanti fit-territorju fejn it-trade marks preċedenti kienu protetti fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

10     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tilqa' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja.

11     L-UASI titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

12     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark DIESELIT;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

13     Matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, jiġifieri li tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, u l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota ta' dan fil-proċess verbal tas-seduta.

 Id-dritt

14     Ir-rikorrenti tinvoka sustanzjalment tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) ta' l-istess Regolament u, alternattivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1) ta' l-istess Regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

15     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju ta' dak li kkonstata l-Bord ta' l-Appell, it-trade marks preċedenti DIESEL m'għandhomx karattru distintiv għoli fir-rigward tat-tip ta' prodotti kkonċernati minn dawn it-trade marks.

16     Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, anki jekk kelma użata ta' kuljum, bħall-kelma "diesel", mhux bilfors tippreżenta rabta lessikali diretta ma' ċerti prodotti mitluba, per eżempju ħwejjeġ, hija tista', mill-banda l-oħra, tissuġġerixxi rabta kunċettwali jew lessikali meta użata fir-rigward ta' prodotti li jaqgħu fi klassijiet oħra li huma wkoll mitluba għall-istess sinjal, per eżempju tipi ta' magni, peress li l-kelma "diesel" tirreferi wkoll għal tip ta' magna. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell kien imissu evalwa l-portata deskrittiva tas-sinjal DIESEL fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 7, 11 u 21, li fosthom jinstabu, b'mod partikolari, il-"muturi", "ingaġġjar u sistemi ta' trażmissjoni", "strumenti agrikoli" u "apparat għad-dawl, għat-tisħin, għall-ġenerazzjoni tal-fwar, għad-distribuzzjoni ta' l-ilma", u kien imissu aċċetta li hemm rabta lessikali jew konnotazzjoni deskrittiva fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

17     Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, trade mark komposta mill-kelma "diesel", meta assoċjata ma' apparat jew għodda li jammontaw għal "magni", takkwista konnotazzjoni ġenerika u purament deskrittiva li tissuġġerixxi rabta perfettament naturali u komuni bejn il-prodotti u s-sinjal. Trade mark deskrittiva tkun trade mark dgħajfa b'karattru distintiv limitat u li, għaldaqstant, hija intitolata għal livell ta' protezzjoni iktar baxx fil-każ ta' allegazzjoni ta' konfużjoni ma' trade mark oħra. B'mod partikolari, trade mark dgħajfa ma tingħatax protezzjoni esklużiva u totali meta, safejn mas-sinjal in kwistjoni, jiżdiedu varjanti jew modifikazzjonijiet fir-rigward tal-kelma kif użata ta' kuljum, bħal ma huwa l-każ f'din il-kawża fir-rigward tas-sinjal DIESELIT. Ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li t-trade marks dgħajfin huma sinjali marbutin kunċettwalment mal-prodotti jew komposti minn kliem użat ta' kuljum li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' dritt ta' approprjazzjoni esklużiva u totali. Ir-rikorrenti tfakkar li l-kamp ta' applikazzjoni iktar estiż tat-trade mark Komunitarja jimplika li għandu jkun hemm projbizzjoni aktar stretta fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet u sinjali ġeneriċi u deskrittivi li jinstabu fil-vokabolarju tad-diversi Stati Membri.

18     Ir-rikorrenti żżid li, għall-pubbliku kkonċernat, kompost, per eżempju, min-nisa tad-dar li ġeneralment jkollhom għarfien limitat ta' muturi ta' kull tip, il-kelma DIESEL, meta assoċjata ma' apparat u magni użati fid-dar, tista' tissuġġerixxi rabta purament deskrittiva.

19     Skond ir-rikorrenti, sabiex trade mark tiġi kkwalifikata bħala waħda b'saħħitha, m'għandux ikun hemm, fil-moħħ tal-konsumaturi, xi relazzjoni bejn din it-trade mark u l-kliem li jirreferu għall-prodotti li għalihom tapplika din it-trade mark. Biex tingħata protezzjoni, trade mark m'għandha tikkoinċidi la mad-deskrizzjoni ġenerika tal-prodott kopert u lanqas mad-deskrizzjoni ta' prodott differenti li l-konsumaturi jistgħu madankollu jassimilaw jew jassoċjaw ma' l-ewwel.

20     Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, l-affermazzjoni li t-trade marks preċedenti DIESEL jikkostitwixxu trade marks b'saħħithom anki meta jkunu assoċjati ma' prodotti li jistgħu jissuġġerixxu, għall-pubbliku rilevanti, rabta mat-tifsira tal-kelma, tippressupponi paragun, prodott bi prodott, paragun li għamel referenza għalih l-Bord ta' l-Appell, iżda li hu ma wettaqx.

21     Issa, il-formulazzjoni ta' prinċipju mingħajr spjegazzjoni twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta' motivazzjoni. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, għaliha huwa impossibbli li tidentifika l-motivi għaliex ġie applikat il-prinċipju formulat, bħalma hu impossibbli li tagħraf ir-raġunament li wassal għad-deċiżjoni kkontestata.

22     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li m'hemm l-ebda xebh fonetiku jew viżwali bejn it-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni u t-trade marks preċedenti.

23     Fir-rigward tal-paragun fonetiku, is-sinjal DIESELIT jista' jkollu, b'mod partikolari għall-pubbliku rilevanti, żewġ riżultati fonetiċi ("dieselit" jew "diselit"). Skond ir-rikorrenti, peress li l-lingwa Taljana għandha aċċenti afoniċi, irrispettivament mill-pronunzja Taljana jew anglo-sassona tal-kelma, il-fonetika twassal, f'kull każ, għal riżultat totalment differenti mill-kelma "diesel". Kieku wieħed ried jindika l-aċċenti afoniċi u l-aċċenti mhux viżibbli kollha li l-lingwa Taljana timponi grammatikalment fuq il-pronunzja tal-kelma "diesel", ikollu jinkiteb "dìisel", filwaqt li l-kelma "dieselit" ikollha tinkiteb "dièselit".

24     Fir-rigward tal-paragun viżwali, ir-rikorrenti tosserva li t-trade marks preċedenti huma rrappreżentati f'kitba ta' l-istampar sempliċi u ordinarja (Times New Roman), filwaqt li s-sinjal DIESELIT huwa rrappreżentat f'karattri kompletament differenti.

25     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-allegat xebh bejn il-prodotti.

26     Ir-rikorrenti ssosnti f'dan ir-rigward li d-differenza bejn il-"ħadid tal-mogħdija li jużaw il-fwar (minbarra magni u partijiet ta' magni)" u l-"apparat għall-ġenerazzjoni tal-fwar", il-kategorija li fiha l-Bord ta' l-Appell inkluda l-prodott mitlub mir-rikorrenti, hija evidenti minħabba li ta' l-ewwel ma tiġġenerax fwar jekk ma tkunx imqabbda ma' magna intiża għal dan il-għan.

27     Ir-rikorrenti jikkontesta wkoll l-assoċjazzjoni tat-twavel tal-mogħdija " ma' l-"apparat u reċipjenti għall-użu fid-dar jew fil-kċina". Bl-istess mod hija tikkontesta l-karattru allegatament komplementari ta' "ħadida tal-mogħdija" u ta' "tavla tal-mogħdija"; din ir-relazzjoni komplementari ma teżistix fil-mument meta jkunu akkwistati iżda biss meta jkunu użati.

28     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-kelma "dieselit" tista' tiġi interpretata mill-konsumatur bħala l-verżjoni Taljana tat-trade mark DIESEL jew il-"verżjoni internet" tagħha. Fil-fatt, il-konsumatur tal-ħadid tal-mogħdija jew ta' apparat għall-użu fid-dar ma jkunx ikkonċernat direttament mis-suq ta' l-informatika. Barra minn hekk, minħabba li r-reputazzjoni tat-trade marks DIESEL tikkonċerna setturi distinti minn dak eżaminat f'din il-kawża, jiġifieri dak tal-ħwejjeġ sportivi u taż-żgħażagħ, hija tikkonċerna għaldaqstant kategorija ta' konsumaturi li fl-ebda każ ma tikkoinċidi mal-parti tal-pubbliku interessat fl-apparat għall-użu fid-dar.

29     L-UASI ssostni li l-Bord ta' l-Appell kellu raġun meta qies li, fid-dawl tan-natura intrinsika tat-trade marks preċedenti u tax-xebh qawwi tagħhom, kif ukoll ta' l-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti mitluba, kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti fit-territorju fejn huma protetti t-trade marks preċedenti.

30     Skond l-UASI, is-sinjali konfliġġenti, DIESEL u DIESELIT, m'għandhom l-ebda karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, li huma identiċi jew li ta' l-inqas jixtiebhu ħafna. Għaldaqstant, it-trade marks preċedenti DIESEL jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala trade marks b'saħħithom fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni.

31     L-intervenjenti tfakkar, qabel kollox, li t-trade marks tagħha kisbu matul is-snin reputazzjoni dinjija konsiderevoli fir-rigward ta' ħwejjeġ mhux formali (magħrufa bħala "casual"). Dawn it-trade marks imbagħad kienu estiżi għal diversi kategoriji oħra ta' prodotti peress li l-intervenjenti kienet żiedet u estendiet il-produzzjoni tagħha. Madankollu, hija tfakkar li l-oppożizzjoni tagħha kienet ibbażata fuq l-eżistenza preċedenti ta' żewġ reġistrazzjonijiet u mhux fuq ir-reputazzjoni, li hija kienet semmiet biss fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell.

32     Skond l-intervenjenti, f'dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti, dan jista' jkun kompost minn persuni differenti, forsi b'maġġoranza ta' nisa, iżda madankollu mhux biss min-nisa tad-dar jew minn persuni li ma jifhmux f'muturi. Għaldaqstant, huwa eskluż li l-konsumatur medju, meta jixtri ħadida tal-mogħdija, ħadida tal-mogħdija li tuża l-fwar jew tavla tal-mogħdija, jista' jaħseb li dawn il-prodotti huma mgħammra b'mutur diesel jew li jaħdmu bil-fjuwil. Barra minn hekk, minħabba importanza ta' l-internet, kif ukoll ir-reputazzjoni tat-trade marks DIESEL, is-suffiss "it" fis-sinjal DIESELIT jista' jiġi interpretat mill-maġġoranza ta' persuni bħala l-verżjoni internet ta' DIESEL.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa "jekk minħabba identiċità jew xeb[h] bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xeb[h] tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta"; huwa wkoll ippreċiżat li "il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti". Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti jfissru t-trade marks Komunitarji u t-trade marks reġistrati fi Stat Membru bid-data ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

34     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), u tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar ir-Regolament Nru 40/94, ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess kumpannija jew, jekk ikun il-każ, minn kumpanniji relatati ekonomikament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01. Ġabra p. II-4359, punt 25).

35     Il-probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti għall-każ in eżami (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; sentenzi Canon, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 18; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 40; sentenza Fifties, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 26).

36     Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b'mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi identifikati. Għalhekk, livell ta' xebh dgħajjef bejn il-prodotti u s-servizzi identifikati jista' jkun ikkumpensat b'livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u viċe-versa (sentenzi Canon, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 19). L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija msemmija fis-seba' premessa tar-Regolament Nru 40/94 li tgħid li l-kunċett ta' xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta' konfużjoni u li l-evalwazzjoni ta' din il-probabbiltà tiddependi fuq diversi fatturi u, b'mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista' ssir bejn is-sinjal użat u dak irreġistrat, il-livell ta' xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew servizzi identifikati (sentenza Fifties, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 27).

37     Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li aktar ma l-karattru tat-trade mark preċedenti jkun distintiv, aktar tiżdied il-probabbiltà ta' kunfużjoni (sentenzi SABEL, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 35, punt 24, u Canon, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 18), u dan il-livell ta' distinzjoni għandu jkun stabbilit jew fir-rigward tal-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark jew minħabba r-reputazzjoni li għandha (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 18; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T-99/01, Ġabra p. II-43, punt 34, u tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs UASI – Trucco (Starix), T-311/01, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

38     Barra minn hekk, il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità waħda u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (sentenza SABEL, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 35, punt 23 u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 25). Għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti in kwistjoni jitqies li jkun ordinarjament infurmat u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-każijiet meta l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn id-diversi trade marks huma rari iżda huwa jkollu jistrieħ fuq l-istampa imperfetta tagħhom li jkun żamm f'moħħu. Hemm lok li jittieħed ukoll in kunsiderazzjoni il-fatt li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju jista' jvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi kkonċernati (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 34, punt 26).

39     F'din il-kawża, is-sinjal DIESEL huwa, minn banda, irreġistrat fl-Italja bħala trade mark nazzjonali fir-rigward tal-prodotti u servizzi kollha fil-klassijiet 1 sa 42, u, mill-banda l-oħra, irreġistrat ma' l-UASI bħala trade mark Komunitarja fir-rigward tal-prodotti rilevanti kollha fil-klassijiet 11, 19, 20 u 21. Il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja jaqgħu fil-klassijiet 7, 11 u 21. Għaldaqstant, it-territorju rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni huwa t-territorju kollu tal-Komunità fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 11 u 21, u t-territorju ta' l-Italja fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 7. Barra minn hekk, peress li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' konsum komuni, il-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju, li jitqies li huwa ordinarjament infurmat u raġonevolment attent u prudenti.

40     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi mwettaq paragun, min-naħa, bejn il-prodotti kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, bejn is-sinjali konfliġġenti.

–       Fuq il-paragun bejn il-prodotti

41     Fir-rigward tal-paragun bejn il-prodotti kkonċernati, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġi evalwat, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta' bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll jekk jikkomplementawx lil xulxin jew inkella jekk humiex f'kompetizzjoni ma' xulxin (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 23).

42     Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba li l-intervenjenti, fl-applikazzjoni tagħha għal trade mark fl-Italja, irreferiet għall-intestaturi tal-klassijiet kollha, ir-reġistrazzjoni nazzjonali tat-trade mark tkopri l-prodotti kollha li jistgħu jaqgħu taħt dawn il-klassijiet. Bl-istess mod, ir-reġistrazzjoni Komunitarja tagħha tkopri l-prodotti kollha li jistgħu jaqgħu fil-klassijiet mitluba fuq livell Komunitarju, jiġifieri l-klassijiet 11, 19, 20 u 21 minħabba li l-intervjenti rreferiet għall-intestaturi ta' dawn il-klassijiet fl-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-prodotti in kwistjoni għandhom jitqiesu bħala identiċi għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

43     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, hekk kif għamel il-Bord ta' l-Appell fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni u dawk koperti mit-trade marks preċedenti huma identiċi jew simili.

–       Fuq il-paragun bejn is-sinjali

44     Fir-rigward tal-paragun bejn is-sinjali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali li joħolqu t-trade marks, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenza SABEL, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 35, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 34, punt 25).

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-livell ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni huwiex ta' livell għoli biżżejjed biex jista' jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom. Għal dan il-għan, għandhom jiġu riprodotti ż-żewġ sinjali segwenti:

45     F'dak li jirrigwarda l-paragun viżwali, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjal DIESEL huwa inkluż kompletament fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni DIESELIT. Din ta' l-aħħar fiha element verbali addizzjonali meta mqabbla mat-trade marks preċedenti, jiġifieri s-suffiss "it". Issa, is-sempliċi żieda tas-suffiss "it" mat-trade marks preċedenti mhix biżżejjed biex telimina x-xebh viżwali li jeżisti bejn iż-żewġ sinjali.

DIESEL

Image not found

trade marks preċedenti

trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha (ħamra)


46     Barra minn hekk, u kif ikkonstataw il-Bord ta' l-Appell u l-intervenjenti, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa marġinali. Fil-fatt, rappreżentazzjoni grafika komposta mir-riproduzzjoni f'kitba ta' l-istampar, pjuttost komuni u ordinarji, b'kulur aħmar, tal-kelma "dieselit" ma tippermettix lill-konsumatur li jitfa' l-attenzjoni tiegħu fuq elementi figurattivi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għajr l-ittri stess li bihom hi magħmula.

47     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li s-sinjali konfliġġenti huma simili mill-perspettiva viżwali.

48     Fir-rigward tal-paragun fonetiku, il-Bord ta' l-Appell stqarr (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata) li:

"[…] is-suffiss "it" tat-trade mark Komunitarja ma jbiddilx il-valur kunċettwali tat-trade mark DIESEL li tibqa' dejjem identifikabbli bħala l-qalba tat-trade mark tar-rikorrenti. Kif jippronunza l-kelma "diesel" il-konsumatur Taljan huwa ta' ftit importanza ('die' or 'di'); din il-kelma tinstab fiż-żewġ sinjali u, għaldaqstant, ir-riżultat fonetiku, irrispettivament mill-pronunzja, ħa jkun dejjem l-istess." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49     Għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell hija korretta. Fil-fatt, iż-żewġ sinjali għandhom l-ewwel sitt ittri komuni (jiġifieri s-sinjal DIESEL kollu kemm hu) u dawn l-ewwel sitt ittri ħa jkunu ppronunzjati bl-istess mod, kemm fl-Italja (fir-rigward tal-klassi 7) kif ukoll f'postijiet oħra fil-Komunità. Għaldaqstant, iż-żieda tas-suffiss "it" mas-sinjal tar-rikorrenti mhux ta' importanza determinanti fil-paragun mill-perspettiva fonetika.

50     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali konfliġġenti huma simili mill-perspettiva fonetika.

51     Fir-rigward tal-paragun kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, għandu jiġi nnotat li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx, fil-veru sens tal-kelma, paragun bħal dan iżda llimita ruħu għal evalwazzjoni tal-kontenut semantiku tal-kelma "diesel". F'dan ir-rigward il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li t-trade marks preċedenti DIESEL, meta applikati għall-prodotti in kwistjoni, huma trade marks intrinsikament b'saħħithom minħabba li ma jippreżentaw l-ebda relazzjoni kunċettwali mal-prodotti li jidentifikaw (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

52     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li t-trade marks preċedenti għandhom karattru distintiv pjuttost għoli. Għandu jiġi mfakkar li l-karattru distintiv għoli ta' trade mark għandu jiġi stabbilit jew b'relazzjoni għall-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark, inkella minħabba r-reputazzjoni li hija għandha. F'din il-kawża, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata l-karattru distintiv għoli, fid-dawl tal-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade marks DIESEL, fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni f'din il-proċedura.

53     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell kien imissu evalwa l-portata deskrittiva tas-sinjal DIESEL fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 7, 11 u 21, li fosthom hemm, b'mod partikolari, il-"muturi", "ingaġġjar u sistemi ta' trażmissjoni", "strumenti agrikoli" u "apparat għad-dawl, għat-tisħin, għall-ġenerazzjoni tal-fwar, għad-distribuzzjoni ta' l-ilma ", għandu jiġi kkonstatat, kif issuġġerixxew l-UASI u l-intervenjenti, li l-evalwazzjoni tal-livell tal-karattru distintiv tas-sinjal DIESEL għandha ssir fid-dawl tal-prodotti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

54     Hemm lok li jiġi mfakkar li l-prodotti mitluba mir-rikorrenti huma kollha inklużi fil-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-karattru distintiv jiġi evalwat biss fid-dawl tal-"ħadid tal-mogħdija", mal-"ħadid tal-mogħdija li jużaw il-fwar" u mat-"twavel tal-mogħdija", mitluba mir-rikorrenti, u m'hemmx lok li jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni l-prodotti l-oħra mitluba mill-intervenjenti u li jaqgħu f'dawn il-klassijiet, bħalma huma l-"magni" u "muturi (minbarra muturi għal vetturi tat-triq)".

55     Għandu jiġi kkonstatat li l-kelma "diesel", li tfisser tip ta' karburant jew tip ta' mutur, bl-ebda mod ma tiddeskrivi l-"ħadid tal-mogħdija", l-"ħadid tal-mogħdija li jużaw il-fwar" u t-"twavel tal-mogħdija". F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza taqbel ma' l-analiżi tal-Bord ta' l-Appell li t-trade marks DIESEL, meta applikati għal dawn il-prodotti, huma trade marks intrinsikament b'saħħithom u li, għaldaqstant, teżisti possibbiltà ta' konfużjoni anki jekk ikun hemm varjanti jew modifikazzjonijiet li iżda ma jolqtux l-identità sustanzjali ta' dawn it-trade marks.

56     Għandu jiġi kkonstatat li s-sinjal DIESELIT jista' jitqies bħala varjant tas-sinjal DIESEL. Fil-fatt, l-attenzjoni tal-konsumatur tmur fuq il-kelma li tingħaraf fis-sinjal DIESELIT, jiġifieri l-kelma "diesel", u, għaldaqstant, il-konsumatur ħa jagħti lil dan is-sinjal l-istess tifsira kunċettwali bħall-marki preċedenti. Din l-evalwazzjoni tgħodd kemm fir-rigward ta' l-Italja kif ukoll fir-rigward tat-territorju kollha tal-Komunità. Iż-żieda tas-suffiss "it" mhix biżżejjed sabiex telimina x-xebh mill-perspettiva kunċettwali minħabba li l-kelma "diesel" hija dominanti fis-sinjal DIESELIT. Barra minn hekk, kif osserva ġustament il-Bord ta' l-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żieda tas-suffiss "it" mas-sinjal tar-rikorrenti tista' eventwalment tissuġġerixxi fil-moħħ tal-konsumatur l-idea li teżisti rabta bejn iż-żewġ sinjali minħabba li s-sinjal DIESELIT jista' jiġi pperċepit bħala l-verżjoni Taljana tas-sinjal DIESEL.

57     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li jeżisti wkoll xebh kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti.

58     Fid-dawl ta' dawn l-elementi kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-livell ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni huwa ta' livell għoli biżżejjed biex il-pubbliku rilevanti jkun jista' jemmen li l-prodotti in kwistjoni joriġinaw mill-istess kumpannija jew, jekk ikun il-każ, minn kumpanniji relatati ekonomikament. Għaldaqstant, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks.

59     F'dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma mmotivax l-affermazzjoni tiegħu li t-trade marks preċedenti DIESEL għandhom karattru distintiv għoli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b'mod ċar li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-trade marks preċedenti, meta applikati għall-prodotti in kwistjoni f'din il-kawża, huma trade marks intrinsikament b'saħħithom minħabba li m'għandhom l-ebda relazzjoni kunċettwali, diretta jew indiretta, mal-prodotti li jidentifikaw, u dan jammonta għal motivazzjoni suffiċjenti f'dan ir-rigward.

60     Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell żbalja meta kkunsidra r-reputazzjoni jew il-fama tat-trade marks DIESEL, għandu jiġi osservat li mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

"[…] l-affermazzjonijiet ta' l-[intervenjenti] fir-rigward tal-fama dinjija tas-sinjal u li huma bbażati fuq l-użu effettiv ta' dan is-sinjal, mhumiex importanti minħabba li l-ebda prova ta' użu ma ngħatat u lanqas ma ntalbet mill-applikanta skond l-Artikolu 43(2) tar-[Regolament Nru 40/94] u lanqas ma ġiet prodotta mill-[intervenjenti] stess minn jeddha. L-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni tista' biss, għaldaqstant, ikollha bħala suġġett li, minn banda, it-trade mark bħal ma kienet ippreżentata fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja u, mill-banda l-oħra, it-trade mark preċedenti ppreżentata fl-oppożizzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

61     Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta b'mod ċar li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidra la l-fama u lanqas ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti DIESEL. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti huwa żbaljat fir-rigward tal-fatti.

62     Fid-dawl ta' kull ma għadu kemm intqal, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

63     Ir-rikorrenti ssostni li l-parti intervenjenti ma ġabet l-ebda prova ta' l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti fir-rigward tal-prodotti tal-klassijiet in kwistjoni u li, minħabba dan il-fatt, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda ab initio. Fil-fatt, ir-reputazzjoni tat-trade mark hija llimitata għas-settur tal-ħwejjeġ.

64     L-UASI jfakkar li, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju ta' trade mark preċedenti Komunitarja jew nazzjonali għandu jressaq il-prova ta' l-użu fuq talba ta' l-applikant. L-UASI huwa marbut, taħt l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, li, matul il-proċedura dwar ir-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni, jillimita l-eżami għall-motivi invokati u għat-talbiet ippreżentanti mill-partijiet. Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentatx it-talba msemmija. Skond il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni talba li la ġiet ippreżentata u lanqas ma ġiet diskussa quddiem il-Bord ta' l-Appell. Matul is-seduta, l-UASI fakkar li, minħabba li t-terminu ta' ħames snin, previst fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jikkonċerna r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti għadu ma ntemmx, il-prova ta' l-użu ġenwin għadha ma setgħatx tintalab.

65     L-intervenjenti tfakkar li l-provi ta' l-użu, meta ma jingħatawx b'mod spontanju, għandhom jingħataw biss fuq talba tal-parti l-oħra, li ma saritx f'din il-kawża. Fir-rigward tar-reġistrazzjoni Komunitarja tat-trade mark DIESEL, li saret fis-27 ta' April 1999, peress li t-terminu ta' ħames snin imsemmi iktar 'il fuq għadu ma skadiex, ir-rikorrenti ma setgħatx, f'kull każ titlob xi prova.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

66     Hemm lok li jiġi mfakkar li, taħt l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, fuq talba ta' l-applikant, il-proprjetarju ta' trade mark Komunitarja preċedenti li għamel oppożizzjoni għandu jressaq il-prova li, matul il-ħames snin ta' qabel il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, it-trade mark Komunitarja preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin fil-Komunità fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom kienet irreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, jew li jeżistu raġunijiet ġusti għaliex ma ntużatx, sakemm f'din id-data t-trade mark Komunitarja kienet ilha mill-inqas ħames snin irreġistrata. Skond l-Arikolu 43(3), l-Artikolu 43(2) japplika għat-trade marks nazzjonali preċedenti minħabba li l-użu fil-Komunità huwa sostitwit mill-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta.

67     F'din il-kawża, it-trade mark Komunitarja preċedenti ġiet reġistrata fis-27 ta' April 1999 u t-trade mark nazzjonali preċedenti fit-23 ta' Awwissu 1996, filwaqt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal DIESEL bħala trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fit-12 ta' Lulju 1999. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu ta' ħames snin ma kienx skada f'din id-data la fir-rigward tat-trade mark Komunitarja preċedenti u lanqas fir-rigward tat-trade mark nazzjonali preċedenti. Dan ifisser li l-prova ta' l-użu ġenwin ma kinitx għadha tista' tintalab u li t-trade marks preċedenti kellhom jitqiesu li ntużaw.

68     Għaldaqstant it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ippreżentat alternattivament u bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94

69     Ir-rikorrenti ssostni, alternattivament, li l-eżistenza ta' raġuni assoluta ta' rifjut tipprekludi reġistrazzjoni valida tas-sinjal DIESEL fir-rigward tal-klassijiet 11 u 21 bħala trade mark Komunitarja u fir-rigward tal-klassi 7 bħala trade mark nazzjonali.

70     Għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tistax, fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni, tinvoka raġuni assoluta għal rifjut li tipprekludi r-reġistrazzjoni valida ta' sinjal minn uffiċċju nazzjonali jew mill-UASI. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li r-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 m'għandhomx jiġu eżaminati fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni u li dan l-Artikolu mhux fost id-dispożizzjonijiet li fid-dawl tagħhom għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' April 2003, Durferrit vs l-UASI – Kolene (NU-TRIDE), T-224/01, Ġabra p. II-1589. punti 72 u 75). Jekk ir-rikorrenti jidhrilha li t-trade mark DIESEL ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, hija kellha tippreżenta applikazzjoni għal annullament, skond l-Artikolu 51 ta' dan ir-Regolament, fir-rigward tat-trade mark Komunitarja preċedenti. Barra minn hekk, il-validità tar-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark nazzjonali ma tistax titqajjem fil-kuntest ta' proċedura ta' reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, iżda tista' titqajjem biss fil-kuntest ta' proċedura ta' annullament mibdija fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs l-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 55).

71     Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

72     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors kollu kemm hu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

73     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti, skond it-talbiet tagħhom f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.