Language of document : ECLI:EU:T:2004:208

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-ewwel Awla)

6 ta’ Lulju 2004 (*)

“Trade mark komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Talba għat-trade mark komunitarja verbali CHUFAFIT – Trade marks nazzjonali preċedenti verbali u figurattivi CHUFI – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Probabbiltà li ssir assoċjazzjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T-117/02

Grupo El Prado Cervera, SL, stabbilita f’Valencia (Spanja), irrappreżentata minn  P. Koch Moreno, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn  J. F. Crespo Carrillo u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li qegħdin jintervjenu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li huma

Helene Debuschewitz et, bħala eredi ta’ Johann Debuschewitz, li jirrisjedu f' Rösrath-Forsbach (il-Ġermanja), irrappreżentati minn E. Krings, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appel ta’ l-UASI tat-12 ta’ Frar 2002 (kawża R 798/2001-1), dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni bejn Grupo El Prado Cervera, SL, u J. Debuschewitz,

 

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

komposta minn B. Vesterdorf, President, P. Mengozzi u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur : I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad- 9 ta’ Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Anteċedenti tal-kawża

1       Fit-18 ta’ Diċembru 1998, is-Sur Debuschewitz (aktar ‘il quddiem “il-parti l-oħra quddiem l-UASI”) ippreżenta applikazzjoni għal trade mark komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal ‘CHUFAFIT’.

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29 u 31 tal-Ftehim ta’ Nizza rigward il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għal Skopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu għas-segwenti deskrizzjonijiet għal kull klassi :

–       klassi 29 : “ġewż ipproċessat” ;

–       klassi 31 : “ġewż frisk”.

4       Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks komunitarji Nru 69/1999 tat-30 ta’ Awwissu 1999.

5       Fid-29 ta’ Novembru 1999, il-kumpannija Grupo El Prado Cervera, SL (li qabel kienet tissejjaħ Compañia Derivados de Alimentación, SL), li hija r-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentat notifika ta’ oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, fir-rigward tal-prodotti kollha li jaqaw taħt l-applikazzjoni għat-trade mark. Ir-raġuni li fuqha ġiet ibbażata l-oppożizzjoni hija li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ trade marks nazzjonali preċedenti li kienu rreġistrati fi Spanja. L-ewwel trade mark, irreġistrata fl-4 ta’ Frar 1994 bin-Nru 1 778 419, hija l-kelma ‘CHUFI’, li tidentifika grupp ta’ prodotti fil-klassi 29, jiġifieri “laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippreżervat jew misjur fix-xiropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħam li jittiekel”. It-tieni trade mark, li kienet irreġistrata fi Spanja bin-Nru 2 063 328 fil-5 ta’ Mejju 1997, hija t-trade mark figrattiva li ġejja :

Image not found

6       Din it-trade mark tinkludi grupp ta’ prodotti fil-klassi 31, jiġifieri “prodotti u qamħ ta’ l-agrikoltura, ortikultura u mill-foresti mhux inklużi fi klassijiet oħra; annimali ħajjin; frott u ħaxix frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri naturali; għalf għall-annimali, malt ”.

7       Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha minħabba li, għalkemm it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi prodotti identiċi għal dawk protetti mit-trade marks nazzjonali preċedenti ta’ l-applikant, kien hemm differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn is-sinjal li kien is-suġġett ta’ l-applikazzjoni għat-trade mark komunitarja u t-trade marks nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti, u għalhekk kull probabbiltà ta’ konfużjoni mill-pubbliku Spanjol hija eskluża.

8       Fil-31 ta’ Awwissu 2001, ir-rikorrenti ppreżentat notifika ta’ l-appell skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

9       Permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2002 (aktar ‘il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni għall-istess raġunijiet.

10     Essenzjalment, il-Bord ta’ l-Appell sostna li, għalkemm il-prodotti kienu identiċi, it-trade marks la kienu identiċi u lanqas daqshekk simili li jagħtu lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, l-ewwel nett, li għalkemm is-sinjali li qegħdin jikkompetu fihom is-sillaba “chu”, dawn kienu differenti kemm viżivament kif ukoll fonetikament meta wieħed iħares lejn in-numru ta’ sillabi u l-pronunzja tagħhom (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, fir-rigward tal-paragun kunċettwali, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-element komuni “chuf”, li fi Spanja tqanqal il-ħsieb fil-kelma “chufa” li tfisser tiger (jew rush) nut u li tintuża biex issir ix-xarba “horchata” (tiger nut cordial), kien relatat direttament mat-tiger nut u ma jippermettix, waħedha, li wieħed jiddistingwi s-sinjali bħala trade marks jew li ssir distinzjoni bejn it-trade marks. B’kuntrast, il-Bord ta’ l-Appell sostna li, fil-paragun globali tat-trade marks, kienu l-elementi finali tas-sinjali li qegħdin jikkompetu li identifikawhom bħala trade marks fi ħsieb il-konsumatur. Fl-opinjoni tal-Bord ta’ l-Appell, peress li dawk l-elementi huma differenti biżżejjed, m’hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni, anki minn dawk il-konsumaturi li mhumiex daqstant attenti (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

11     Permezz ta’ talba fformulata bl-Ispanjol, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ April 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12     B’ittra tat-3 ta’ Mejju 2002, il-parti l-oħra quddiem l-UASI opponiet, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Ispanjol ikun il-lingwa tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u talbet li l-lingwa tal-kawża tkun il-Ġermaniż.

13     Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tagħżel il-Ġermaniż bħala l-lingwa tal-kawża, minħabba l-fatt li l-parti l-oħra quddiem l-UASI kienet ippreżentat l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata, skond l-Artikolu 115(1) tar-Regolament Nru 40/94, f’dik il-lingwa.

14     L-UASI ppreżentat nota ta’ eċċezzjonijiet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Ottubru 2002, waqt li l-parti l-oħra quddiem l-UASI ppreżentat in-nota ta’ eċċezzjonijiet tagħha fis-16 ta’ Settembru 2002.

15     Malli semgħet ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (l-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali.

16     Il-partijiet għamlu s-sottomissjonijiet verbali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet verbali li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2004, ħlief għall-parti l-oħra quddiem l-UASI li ma kinitx preżenti.

17     Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u tannulla dik id-deċiżjoni;

–       tiddikjara li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-applikazzjoni għat-trade mark komunitarja “CHUFAFIT” fir-rigward tal-klassijiet 29 u 31 u, fl-ewwel lok, it-trade mark Spanjola Nru 1 778 419, “CHUFI”, li tipproteġi l-prodotti fil-klassi 29 u, fit-tieni lok, it-trade mark figurattiva Spanjola Nru 2 063 328, “CHUFI”, li tipproteġi l-prodotti fil-klassi 31;

–       li tiċħad l-applikazzjoni għat-trade mark komunitarja Nru 1 021 229, “CHUFAFIT”, dwar il-klassijiet 29 u 31;

–       li tordna lill-UASI u, jekk neċessarju, lill-parti l-oħra quddiem l-UASI, ibatu l-ispejjeż.

18     L-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors ;

–       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

19     Il-parti l-oħra quddiem l-UASI qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-Dritt

20     Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni u, it-tieni nett, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Dwar it-talba sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tat-trade mark komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni

21     Fit-tielet titolu tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

22     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI hija marbuta tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tordna lill-UASI. Fil-fatt, din ta’ l-aħħar għandha tasal għall-konklużjonijiet mid-dispożittivi u mill-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs l-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p.II-683, punt 12, u tat-3 ta’ Lulju 2003, JoséAlejandro vs l-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22). Għaldaqstant, it-tielet titolu tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli.

 Dwar it-talba biex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata

23     Fl-ewwel u t-tieni partijiet tat-talbiet, ir-rikorrenti talbet, sostanzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sabiex issostni dan ir-rikors, hija invokat motiv uniku bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv kien maqsum fi tnejn. L-ewwel qasam jiffoka fuq l-allegat nuqqas ta’ għarfien mid-deċiżjoni kkontestata dwar il-popolarità u/jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Spanjola CHUFI kif ukoll il-karattru distintiv għoli tagħha. It-tieni qasam jiffoka fuq l-allegati żbalji fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali li kienu f’kunflitt.

24     B’mod preliminari, jista jiġi rrilevat li waqt is-seduta, u wara l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà mqajma mill-UASI fil-proċeduri bil-miktub, ir-rikorrenti rrinunċjat għall-ewwel qasam tal-motiv wieħed tagħha, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.

25     Isegwi li dan l-uniku motiv jitlob biss lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika jekk, mid-deċiżjoni kkontestata, l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI żbaljax billi ddeċieda li kien hemm nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali li kienu f’kunflitt.

 L-argumenti tal-partijiet

26     Ir-rikorrenti ssostni li żewġ sinjali f’kunflitt kellhom similaritajiet viżivi, fonetiċi u kunċettwali li kellhom iwasslu l-Ewwel Bord ta’ l-Appell sabiex isib probabbiltà ta’ konfużjoni.

27     L-ewwel nett, minħabba x-xebh viżiv tas-sinjali f’kunflitt, ir-rikorrenti sostniet li t-trade mark CHUFI hija prattikament identika għall-parti inizjali tat-trade mark CHUFAFIT u li, safejn il-pubbliku huwa attratt prinċipalment mill-parti inizjali ta’ trade mark verbali, iż-żewġ trade marks huma, konsegwenza ta’ dan, viżivament simili. Ir-rikorrenti ssotni ukoll li l-konsumatur jista’ jassoċja iżjed malajr l-oriġini taż-żewġ trade marks f’kunflitt ma’ l-istess impriża fejn is-sidien ta’ trade marks magħrufa fis-settur ta’ l-alimentazzjoni jagħmlu użu mill-parti inizjali tat-trade marks tagħhom sabiex joħolqu trade marks oħra li għandhom l-istess parti.

28     Ir-rikorrenti ssostni iżjed ‘il quddiem li t-trade mark komunitarja mitluba CHUFAFIT ma turi l-ebda differenza fonetika meta mqabbla mat-trade mark CHUFI, peress li din ta’ l-aħħar hija riprodotta fis-sħiħ ġo fiha. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell, meta eżamina l-istruttura sillabika taż-żewġ sinjali, ma tax każ li t-trade mark CHUFI hija riprodotta fis-sħiħ fit-trade mark CHUFAFIT. Hija żiedet li din ir-riproduzzjoni tat-trade mark preċedenti fis-sinjal mitlub iżid il-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni.

29     Fl-aħħar, mil-lat kunċettwali, ir-rikorrenti tikkunsidra li, jekk huwa veru li t-trade marks CHUFI u CHUFAFIT jevokaw il-kelma “chufa”, jiġifieri l-ingredjent li minnu huwa magħmul it-tiger nut cordial, din iċ-ċirkustanza kellha twassal il-Bord ta’ l-Appell, minħabba l-element komuni “chuf”, li jikkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks. B’hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex koerenti mad-deċiżjoni ta’ l-UASI fil-kawża FLEXICON vs FLEXON (R 183/2002-3), li fiha t-Tielet Bord ta’ l-Appell qata’ li kien hemm xebh kunċettwali, minħabba l-fatt li ż-żewġ trade marks f’kunflitt kienu jagħmlu allużjoni għall-istess tifsira u kienu qrib il-kelma Spanjola “flexion”.

30     Barra minn hekk, ir-rikorrenti temmen li d-deċiżjoni kkontestata ma kkunsidratx il-livell dgħajjef ta’ ħsieb tal-konsumatur ta’ riferenza, element li kellu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat jekk ix-xebh bejn iż-żewġ trade marks kienx tali li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni. Skond ir-rikorrenti, fil-preżenza ta’ trade marks li jservu sabiex jiddistingwu prodotti ta’ alimentazzjoni jew li huma ta’ konsumazzjoni wiesgħa, għandu jiġi kkunsidrat bħala riferenza l-konsumatur medju kkaratterizzat minn imġiba ta’ nuqqas ta’ attenzjoni. F’dan il-każ, fil-mument fejn dan it-tip ta’ konsumatur jagħmel ix-xirjiet tiegħu, huwa jkun inklinat, skond ir-rikorrenti, li jassoċja t-trade mark mitluba mat-trade mark preċedenti CHUFI, li hija t-trade mark tat-tiger nut cordial l-iżjed mibjugħa fi Spanja, li tinstab fis-sħiħ fis-sinjal CHUFAFIT u fejn l-ewwel fonemi jaqblu ma’ l-imsemmi sinjal.

31     L-UASI twieġeb li, wara li ħadet nota li l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tal-karattru identiku tal-prodotti kkunsidrati miż-żewġ trade marks mhijiex imqajma mill-ġdid fid-diskussjoni mir-rikorrenti, huwa bi dritt li d-deċiżjoni kkontestata qatgħet għaċ-ċaħda ta’ l-oppożizzjoni wara tqabbil viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt. Sostanzjalment, l-UASI tikkunsidra, minn naħa, li s-sinjali f’kunflitt huma viżivament u fonetikament differenti, b’mod partikolari minħabba l-istruttura sillabika differenti. Min-naħa l-oħra, mil-lat kunċettwali, l-UASI ssostni li l-element “chuf”, li jevoka, fil-fehma tal-pubbliku Spanjol, l-ingredjent “chufa”, jiddeskrivi prodotti li huma protetti miż-żewġ trade marks. B’hekk, skond l-UASI l-karattru distintiv bejn is-sinjali f’kunflitt ma jserrħux fuq il-prefiss “chuf” iżda jserrħu, bil-kontra, fuq il-partijiet finali taż-żewġ sinjali ta’ fantażija: minn naħa, għas-sinjali CHUFI, iż-żieda ta’ “i”, min-naħa l-oħra, għas-sinjal CHUFAFIT, iż-żieda ta’ “afit”. Huwa b’mod ugwali minħabba l-karattru deskrittiv tal-kelma “chuf” li, skond l-UASI, ir-rikorrenti ma jistax ikollha monopolju fuq element ta’ dan it-tip għall-prodotti fil-kawża u li tagħmel oppożizzjoni għal applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark komunitarja li tinkludi dan l-element.

32     Minħabba l-argument dwar id-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta’ l-Appell fil-Kawża FLEXICON vs FLEXON, l-UASI ammettiet li, fil-bidu, il-pożizzjoni taż-żewġ Bordijiet ta’ l-Appell kienet differenti. Madankollu, hija ssostni li, meta titqies il-ġurisprudenza Komunitarja, il-kwistjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni trid tiġi riżolta każ b’każ. F’dan ir-rigward, l-UASI ġibdet l-attenzjoni li teżisti differenza importanti bejn il-Kawża FLEXICON vs FLEXON u l-kawża preżenti: fejn fl-ewwel kawża l-partijiet inizjali (“felx”) u finali (“on”) huma identiċi filwaqt li hija biss il-parti inizjali “chuf” li hija in komuni f’din il-kawża.

33     Fl-aħħar, l-UASI tiċħad l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-prodotti fil-kawża (il-ġewż frisk, il-ġewż ipproċessat kif ukoll it-tiger nut cordial) huma prodotti ta’ konsumazzjoni wiesgħa li jistgħu minn ta’ l-inqas jiġu mqabbla mal-birra, l-inbid jew xorb alkoħoliku ieħor. Fil-fatt, skond l-UASI, il-konsumatur mhuwiex se jsib qasam speċjalizzat fuq il-prodotti fil-kawża. F’kull sitwazzjoni, l-UASI tikkunsidra li konsumatur medju, raġonevolment attent u ppreparat, li jieħu d-deċiżjoni li jixtri l-prodotti fil-kawża, ikun jista’ jiddistingwi bejn iż-żewġ trade marks. Fil-fatt, meta jiġi kkonfrontat b’dawn iż-żewġ trade marks dgħajfa, il-konsumatur jassoċja l-element “chuf” ma’ l-ingredjent “chufa”, pjuttost milli ma’ waħda miż-żewġ trade marks. Skond l-UASI, li jingħad il-kontra jwassal li jingħata lis-sid ta’ trade mark bħal ma hija CHUFI, li hija deskrittiva tal-prodott “chufa”, u li tgawdi biss minn karattru minimu distintiv meħtieġ sabiex tgħaddi mill-eżami tar-raġunijiet li jwasslu sabiex tiġi miċħuda, monopolju fuq kull trade mark oħra li għandha fiha l-element “chuf”, li tirrigwarda l-element “chufa”.

34     Il-parti l-oħra quddiem l-UASI qajmet xi dubji fir-rigward tal-karattru identiku tal-prodotti fil-kawża. Min-naħa l-oħra, hija rriferiet għall-integrità ta’ l-argumenti ta’ l-UASI fir-rigward tas-sinjali f’kunflitt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35     Irid jiġi l-ewwel nett imfakkar li, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq l-oppożizzjoni ta’ sid ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha tkun saret it-talba tkun miċħuda mir-reġistrazzjoni “jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probab[b]ilta’ ta’ konfużjoni minn[-]naħa tal-pub[b]liku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta”; huwa wkoll ippreċiżat illi l-“probab[b]iltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-proba[b]biltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

36     F’dan il-każ, huwa normali li t-trade marks preċedenti huma rreġistrati fi Spanja. Għaldaqstant, għandu jiġi meqjus, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-ħsieb tal-pubbliku f’dan l-Istat Membru. Għalhekk, il-pubbliku kkonċernat huwa sostanzjalment pubbliku li jitkellem bl-Ispanjol.

37     Irid jiġi wkoll iċċarat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, 89/104/KEE (ĠU 1989, L 40, p. 1), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tar-Regolament Nru 40/94, huwa meqjus li jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi fil-kawża jiġu mill-istess impriża jew, bħal f’dan il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs l-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 25, u tat-22 ta’ Ottubru 2003, Éditions Albert René vs l-UASI – Trucco (Starix), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

38     Il-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku trid tiġi meqjusa b’mod globali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkonċernaw dan il-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16; Lloyd Schuhfabrik Meyer, ċitat iktar ‘il fuq, punt 18, tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 40; is-sentenza Fifites, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26, u s-sentenza Starix, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

39     Din l-evalwazzjoni sħiħa timplika ċertu interdipendenza bejn il-fatturi li ttieħdu in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dik tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell elevat ta’ xebh bejn it-trade marks, u l-kontra. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi ssib ir-riferenza tagħha fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, li tgħid li hemm lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ xebh f’relazzjoni mal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fejn il-valutazzjoni tiddependi minn numru ta’ fatturi u b’mod partikolari mill-popolarità tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ tiġi magħmula mis-sinjal li qed jiġi użat jew irreġistrat, il-grad ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati (sentenza Starix, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

40     Fl-aħħar, il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi fil-kawża tilgħab parti determinanti fl-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Fejn il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fis-sħiħ u ma jasalx biex jagħmel eżami tad-dettalji differenti (sentenzi SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25). Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni sħiħa, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati għandu normalment ikun infurmat u raġonevolment attent u ppreparat. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumatur medju m’għandu ħlief probabbiltà rara li jqabbel b’mod dirett bejn it-trade marks differenti, iżda jrid jafda fl-immaġini imperfetta tagħhom fil-memorja tiegħu. Għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li l-livell ta’ ħsieb tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi fil-kawża (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 26).

41     Minħabba l-konsumatur ta’ riferenza, fil-qasam fejn il-prodotti msemmija mit-trade mark komunitarja mitluba huma prodotti alimentari li jiġu kkunsmati ta’ kuljum, b’mod partikolari l-ingredjent essenzjali tat-tiger nut cordial (li fil-lingwa Spanjola tissejjaħ “horchata”), u li t-trade marks preċedenti tar-rikorrenti huma protetti fi Spanja, il-pubbliku kkonċernat li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa l-konsumatur medju ta’ dan l-Istat Membru.

42     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax taqbel ma’ l-ilment magħmul mir-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta’ l-Appell ma tax każ tal-livell dgħajjef ta’ ħsieb tal-konsumatur ta’ riferenza fis-sentenza kkontestata. Fil-fatt, filwaqt li l-anqas il-Bord ta’ l-Appell ma indika jekk il-prodotti fil-kawża jagħmlux parti mill-kategorija ta’ prodotti ta’ konsum wiesa', kif issostni r-rikorrenti, huwa madankollu sab, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kienu differenti biżżejjed sabiex jiġi evitat li tinħoloq konfużjoni, ukoll fir-rigward ta’ konsumatur li mhuwiex attent. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ l-eżami globali tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt, il-Bord ta’ l-Appell irrefera għall-konsumatur li għandu livell dgħajjef ta’ attenzjoni sabiex jiddetermina jekk setax jeżisti riskju ta’ konfużjoni fil-ħsieb ta’ dan il-konsumatur.

43     Għal dak li jikkonċerna t-tqabbil tal-prodotti, għandu jingħad li, f’dan il-każ, il-prodotti tat-trade mark mitluba, jiġifieri l-“ġewż ipproċessat” u l-“ġewż frisk”, li joħorġu rispettivament mill-klassijiet 29 u 31, jagħmlu parti tal-kategorija ikbar ta’ prodotti koperti mit-trade marks preċedenti li jaqgħu taħt l-istess klassijiet. B’hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell (punti 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata) fir-rigward tal-karattru identiku tal-prodotti koperti mit-trade mark komunitarja u tal-prodotti mħarsa mit-trade marks preċedenti. Hemm għalhekk lok li jiġi kkunsidrat li l-prodotti fil-kawża huma identiċi.

44     Għal dak li jikkonċerna t-tqabbil bejn is-sinjali f’kunflitt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fir-rigward ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks fil-kawża, trid tiġi bbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenza SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23; Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

45     F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta’ l-Appell ipproċeda bit-tqabbil tat-trade mark verbali mitluba mat-trade mark verbali preċedenti tar-rikorrenti rreġistrata bin-numru 1 778 419 u limita l-eżami tiegħu ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark verbali mitluba u t-trade mark figurattiva tar-rikorrenti (irreġistrata bin-numru 2 063 328) fir-rigward ta’ l-element verbali ta’ l-imsemmija trade mark. Dan il-metodu huwa korrett. Fil-fatt, l-element verbali tat-trade mark preċedenti figurattiva tar-rikorrenti jidher bħala element dominanti ta’ dan is-sinjal, li jista’ waħdu jagħti x-xbieha ta’ din it-trade mark li l-pubbliku kkonċernat iżomm fil-ħsieb tiegħu, fejn l-aspetti l-oħra tat-trade mark, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-rappreżentanza ta’ tazza ta’ forma tawwalija mqiegħda fiċ-ċentru ta’ l-ittra “u”, mhumiex mogħtija importanza fl-impressjoni sħiħa li din tipproduċi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs l-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33). Jista’ jiġi għalhekk irrilevat li la r-rikorrenti u l-anqas il-parti l-oħra quddiem l-UASI ma poġġiet fid-diskussjoni l-metodu adottat mill-Bord ta’ l-Appell.

46     B’dan, irid jiġi eżaminat jekk huwiex bir-raġun li l-Bord ta’ l-Appell eskluda kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks fil-kawża, billi pproċediet bi tqabbil viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt.

47     Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra flimkien it-tqabbil viżiv u fonetiku tas-sinjali f’kunflitt. Huwa kkonstata li:

“[J]ekk huwa veru li viżivament u fonetikament is-sinjali jaqsmu bejniethom l-ewwel sillaba komuni ‘CHU’, it-trade marks CHUFI u CHUFAFIT, fuq kollox, mhumiex simili: huma jinkitbu b’mod differenti: it-trade marks preċedenti għandhom żewġ sillabi, filwaqt li t-trade mark komunitarja mitluba għandha tlieta. Jiġu ppronunċjati wkoll b’mod differenti: is-sinjal CHUFI huwa iqsar u fuq kollox iżjed armonjuż fonetikament, ikkaratterizzat mill-vokali ‘U-I’ dominanti, mis-sinjal CHUFAFIT, liema pronunċja tieħu tmiem iżjed mgħaġġla permezz tas-sillaba ‘FIT’ u li testendi għal fuq tliet vokali li bejn wieħed u ieħor jipproduċu l-ħoss ‘U-A-I’.”

48     Fir-rigward tat-tqabbil viżiv, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali f’kunflitt jaqsmu bejniethom mhux biss il-prefiss “chuf”, iżda wkoll l-ittra komuni “i”. B'konsegwenza ta’ dan, is-sinjali għandhom ħames ittri in komuni, fejn erbgħa minnhom jiffurmaw il-parti inizjali tagħhom. Madankollu, is-sinjali f’kunflitt jippreżentaw numru ta’ differenzi viżivi li fuqhom l-attenzjoni tal-konsumatur tista’ wkoll tistrieħ fuq il-parti inizjali, meta jitqies it-tul limitat ta’ l-imsemmija sinjali. Fil-fatt, is-sinjali verbali jinkitbu b’mod differenti u huma komposti minn numru differenti ta’ ittri, jiġifieri ħames ittri għat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti u tmien ittri għat-trade mark komunitarja mitluba, u għandhom ukoll struttura sillabika differenti, fejn l-istruttura tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti hija partikolarment qasira. B’hekk, il-pożizzjoni ċentrali tat-tqegħid ta’ l-ittri “f”, “a” u “f” fit-trade mark Komunitarja mitluba CHUFAFIT u l-preżenza ta’ l-ittra “t” finali tikkontribwixxi sabiex tiġi prodotta impressjoni viżiva differenti mit-trade mark mitluba meta mqabbla mat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. Għalhekk, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni viżiva sħiħa tas-sinjali, dawk id-differenzi, anki jekk ta’ ftit importanza, huma madankollu biżżejjed sabiex jiġi skartat xebh viżiv bejn is-sinjali f’kunflitt.

49     Fir-rigward tat-tqabbil fonetiku, l-analiżi magħmula mill-Bord ta’ l-Appell hija korretta. Żgur li għandu jiġi rrimarkat li s-sinjali f’kunflitt għandhom, minn naħa, sillaba identika “chu”, u, min-naħa l-oħra, suffiss kważi simili, jiġifieri “fi” għat-trade marks preċedenti u “fit” għas-sinjal CHUFAFIT. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-istruttura sillabika tas-sinjali f’kunflitt hija differenti, fejn it-trade marks preċedenti għandhom żewġ sillabi (“chu” u “fi”) u t-trade mark Komunitarja mitluba għandha tliet sillabi (“chu”, “fa” u “fit”). Hawnhekk, skond ir-regoli ta’ aċċentwazzjoni li huma partikolari għal-lingwa Spanjola, kif inhu rrilevat mill-Bord ta’ l-Appell u l-UASI, l-aħħar sillaba “fit” tat-trade mark mitluba tintemm f’daqqa waħda permezz ta’ l-ittra “t”, li tinserixxi ruħha f’din is-sillaba aċċentwata u tirċievi, konsegwenza ta’ dan, il-qawwa kollha ta’ l-aċċent toniku. Din l-aċċentwazzjoni tagħti lok għal differenza fonetika meta mqabbla ma’ l-aħħar sillaba tat-trade marks preċedenti “fi”. Barra minn hekk, jekk is-sinjal CHUFI jinstab bi sħiħ fis-sinjal CHUFAFIT, din ir-ripproduzzjoni, madankollu, taqa’, peress li ż-żewġ sillabi li jiffurmaw it-trade mark preċedenti CHUFI huma separati mis-sinjal CHUFAFIT permezz ta’ l-ittri “f” u “a”. L-interpożizzjoni ta’ dawn l-ittri bejn l-ewwel sillaba komuni u s-suffissi tas-sinjali f’kunflitt iwasslu għal impressjoni fonetika differenti minn dik tat-trade marks preċedenti. Jirriżulta minn dawn id-differenzi fonetiċi kollha li r-riproduzzjoni li taqa’ tas-sinjal CHUFI fis-sinjal li hija s-suġġett tat-trade mark mitluba ma timplikax li s-sinjali f’kunflitt huma fonetikament simili.

50     Fir-rigward tat-tqabbil kunċettwali, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata sostanzjalment li l-element “chuf”, li huwa komuni għas-sinjali f’kunflitt, li jevoka t-tiger nut (“chufa”, fil-lingwa Spanjola), jiddeskrivi l-prodott li minnha hija magħmula x-xarba “horchata” (tiger nut cordial) u ma tistax għalhekk isservi sabiex tiddistingwi t-trade marks. Il-Bord ta’ l-Appell ikkonċeda li dan kien difett komuni għaż-żewġ trade marks u qal li, fil-kuntest tat-tqabbil sħiħ tas-sinjali f’kunflitt, il-parti inizjali tat-trade marks kienu għalhekk inqas importanti mill-partijiet finali, peress li kienu jippermettu lill-konsumatur sabiex jipperċepixxi li dawn il-vokali huma trade marks u mhux termini deskrittivi.

51     F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’mod ġenerali, il-pubbliku kkonċernat mhuwiex se jikkunsidra element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumpless bħall-element distintiv u dominanti ta’ l-impressjoni sħiħa li din tipproduċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BUDMEN, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs l-UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

52     F’din il-kawża, jekk, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti sostniet li t-trade marks tagħha CHUFI jfakkru kunċettwalment fit-tiger nut (“chufa” bl-Ispanjol), hija madankollu sostniet li t-trade marks tagħha seta’ kellhom karattru distintiv minħabba l-pretiża reputazzjoni u/jew il-pretiża popolarità li akkwistaw fi Spanja. Għaldaqstant, minħabba dak li ġie kkonstatat fil-punt 24 hawn fuq, ir-rikorrenti rrinunċjat, waqt is-seduta, li tagħmel użu mill-pretiża reputazzjoni u/jew il-pretiża popolarità tat-trade marks tagħha.

53     Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-prefiss “chuf”, komuni għas-sinjali f’kunflitt, tiddeskrivi t-tiger nut (jew rush nut), liema isem fil-lingwa Spanjola hija “chufa”, u li, f’dan il-każ, isservi sabiex tiġi prodotta x-xarba popolari, magħrufa bl-isem ta’ “horchata” (tiger nut cordial), partikolarment ikkumerċjalizzata fi Spanja mir-rikorrenti. B’konsegwenza ta’ dan, fl-impressjoni sħiħa prodotta mis-sinjali f’kunflitt, il-pubbliku kkonċernat se jipperċepixxi l-element “chuf” bħala element deskrittiv tal-prodotti ddeżinjati mis-sinjali f’kunflitt u mhux bħala element li jippermetti li tiġi distinta l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. L-element “chuf” huwa għalhekk nieqes mill-karattru distintiv u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti ta’ l-impressjoni sħiħa li toħroġ mis-sinjali f’kunflitt.

54     Min-naħa l-oħra, kif ġustament tirrileva l-UASI fil-kuntest ta’ l-impressjoni globali prodotta mis-sinjali f’kunflitt, huma l-partijiet finali tas-sinjali li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat li jipperċepixxi dawn ta’ l-aħħar bħala kliem immaġinarju u mhux bħala termini unikament deskrittivi. Madankollu, għandu jingħad li, mil-lat kunċettwali, la s-suffiss “fit”, għal dak li jikkonċerna t-trade mark komunitarja mitluba, u l-anqas l-ittra “i”, fir-rigward tat-trade marks preċedenti ta-rikorrenti, ma għandhom xi tifsira partikolari fil-lingwa Spanjola. Mil-lat kunċettwali, it-tqabbil ta’ dawn l-elementi huwa għalhekk irrilevanti. Ma jonqosx għalhekk li d-differenzi viżivi u fonetiċi ta’ dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jippermettu, fl-evalwazzjoni sħiħa tas-sinjali f’kunflitt, li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali min-naħa tal-pubbliku kkonċernat. Barra dan, anke jekk bħal ma invokat ir-rikorrenti għall-ewwel darba waqt is-seduta, wieħed kellu jissupponi li s-suffiss “fit” tat-trade mark mitluba jagħmel riferenza għall-kelma “fit” tal-lingwa Ingliża, fejn waħda mid-diversi tifsiriet tevoka persuna f’saħħitha, u li parti sostanzjali tal-pubbliku kkonċernat għandu biżżejjed għarfien tal-lingwa Ingliża sabiex jifhem it-tali tifsira, li madankollu ma ġietx ipprovata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din it-tifsira mhijiex neċessarjament deskrittiva ta’ karatteristika tal-prodotti koperti mit-trade mark mitluba u li, fuq kollox, tista’ tasal biss sabiex teskludi kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt. F’kull każ, argument ta’ dan it-tip, li għandu t-tendenza li jikkontesta l-karattru distintiv tat-trade mark komunitarja mitluba, ma jidħolx fis-suġġett tal-proċedura preżenti, li, bħal ma dan jirriżulta mill-evalwazzjonijiet li jinstabu fil-punti 22 u 23 sa 25 hawn fuq, jirrigwarda biss l-eżistenza ta’ raġuni li timpedixxi r-reġistrazzjoni, jiġifieri l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt.

55     Huwa għalhekk li l-Bord ta’ l-Appell ġustament jikkunsidra li, fil-kuntest tal-valutazzjoni sħiħa tas-sinjali f’kunflitt, id-differenzi bejn dawn is-sinjali huma biżżejjed sabiex tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kkonċernat.

56     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqfa mill-argumenti differenti esponuti mir-rikorrenti.

57     Fir-rigward ta’, l-ewwel nett, l-allegata prattika diverġenti ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UASI u tar-riferenzi għad-deċiżjonijiet nazzjonali Spanjoli fir-rigward tas-sinjali u ta’ reġistrazzjonijiet nazzjonali differenti minn dawk tal-kawża preżenti, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell trid tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Imħallef Komunitarju, u mhux abbażi tal-prattika deċiżjonali preċedenti ta’ l-UASI (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47; tal-5 ta’ Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs l-UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T-130/01, Ġabra p. II-5179, punt 31, u BUDMEN, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 61). B’hekk, l-argument dwar l-inkonsistenza allegata bejn id-deċiżjoni kkontestata mad-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI fil-kawża FLEXICON vs FLEXON ma tistax tiġi milqugħa. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riferenzi għad-deċiżjonijiet nazzjonali Spanjoli, toħroġ konklużjoni identika (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53, u ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs l-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

58     It-tieni nett, hemm ukoll lok li tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti dwar il-prattika kummerċjali tas-sidien tat-trade marks magħrufin li tgħid li dawn ta’ l-aħħar jużaw il-parti inizjali tat-trade marks tagħhom sabiex jagħmlu trade marks idderivati li jinkludu din l-istess parti. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-allegata popolarità tat-trade marks preċedenti tagħha, liema argument hija eskludiet milli tuża waqt is-seduta, kif naraw fil-punt 24 hawn fuq. Min-naħa l-oħra, kif sostniet ukoll l-UASI, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li tagħmel oppożizzjoni għall-użu mill-parti l-oħra quddiem l-UASI ta’ l-element “chuf” għall-prodotti u fuq it-territorju kkonċernat, sakemm, kif ġie kkonstatat fil-punt 54 hawn fuq, dan l-element ma jiġix ipperċepit mill-pubbliku kkonċernat bħala li jippermetti distinzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti protetti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

59     Fl-aħħar, għal dak li jikkonċerna r-rimarki tar-rikorrenti fir-rigward tal-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjali f’kunflitt minħabba l-użu tal-prefiss komuni “chuf”, għandu jiġi mfakkar li l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni huwa każ speċifiku tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li hija kkaratterizzata mill-fatt li t-trade marks ikkonċernati, filwaqt li mhuwiex probabbli li jiġu konfużi direttament mill-pubbliku kkonċernat, jistgħu jiġu intiżi bħala li huma żewġ trade marks ta’ l-istess sid (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs l-UASI – Kolene (NU-TRIDE), T-224/01, Ġabra p. II-1589, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk dan seta’ kien il-każ, jiġifieri, meta ż-żewġ trade marks jidhru bħala li jappartjenu għal serje ta’ trade marks magħmula abbażi ta’ element komuni (sentenza NU-TRIDE, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 61), għandu jiġi ċċarat li dan ma jkunx il-każ, peress li l-prefiss “chuf” għandu karattru deskrittiv li, konsegwenza ta’ dan, mhuwiex tat-tip li jġib miegħu, fir-rigward tal-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjali f’kunflitt.

60     Jirriżulta minn dak li diġà rajna li, anki jekk f’dan il-każ, il-prodotti rilevanti mis-sinjali f’kunflitt huma identiċi, id-differenzi bejn l-imsemmija sinjali huma biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-preżenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat.

61     B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv uniku bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

62     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-parti l-oħra quddiem l-UASI, skond it-talbiet f’dan is-sens.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Vesterdorf

Mengozzi

Martins Ribeiro

Mogħtija f’Qorti fil-miftuh, fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Lulju 2004.

H. Jung

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża : il-Ġermaniż.