Language of document : ECLI:EU:T:2004:219

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

8 ta' Lulju 2004 (*)

"Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq tat-tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura – Tul ta' żmien tal-ksur – Multi"

Fil-kawża T-48/00,

Corus UK Ltd, li qabel kienet British Steel plc, stabbilita f'Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Pheasant u Readings, solicitors, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn Erhart u B. Doherty, u sussegwentement minn M. Erhart u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn N. Khan, barrister, b'indirizz għan-notifika stipulat fil-Lussemburgu,

parti konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 140, p. 1), jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

reġistratur : J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-19, 20 u 21 ta’ Marzu 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti u l-proċedura

1        Il-kawża preżenti tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 140, p. 1, aktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

2        Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil tmien impriżi produtturi ta' tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura (iktar ’il quddiem “l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata”). Fost dawn l-impriżi hemm erba’ kumpanniji Ewropej (iktar ’il quddiem il-“produtturi Ewropej” jew il-“produtturi Komunitarji”): Mannesmannröhren-Werke AG (iktar ’il quddiem “Mannesmann”), Vallourec SA, Corus UK Ltd (li qabel kienet British Steel plc, imbagħad British Steel Limited, iktar ’il quddiem “Corus” jew “ir-rikorrenti”) u Dalmine SpA. L-erba’ produtturi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma kumpanniji Ġappuniżi (iktar ’il quddiem “il-produtturi Ġappuniżi”): NKK Corp., Nippon Steel Corp. (iktar ’il quddiem “Nippon”), Kawasaki Steel Corp. (iktar ’il quddiem “Kawasaki”) u Sumitomo Metal Industries Ltd (aktar ’il quddiem “Sumitomo”).

 Il-proċedura amministrattiva

3        B’deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 1994, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Kummerċ Liberu (EFTA), abbażi ta’ l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/1/KEFA, KE tat-13 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika ta’l-Islanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU 1994, L 1, p. 1, aktar ’il quddiem “il-Ftehim ŻEE”) awtorizzat lill-membru tagħha li huwa inkarigat mill-kawżi dwar il-kompetizzjoni sabiex jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi b’investigazzjoni fuq it-territorju tal-Komunità li jkollha bħala suġġett l-eżistenza ta’ prattiċi antikompetittivi li jikkonċernaw it-tubi ta’ l-azzar karboniku użati f’operazzjonijiet ta’ tħaffir u ta’ trasport mill-industrija taż-żejt Norveġiża.

4        B’deċiżjoni mhux ippubblikata tal-25 ta’ Novembru 1994 (kawża IV/35.304) riprodotta fil-paġna 3 tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u adottata fuq il-bażi ġuridika doppja ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962: l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), u tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta' Sorveljanza ta’ l-EFTA tas-17 ta’ Novembru 1994, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi b'investigazzjoni. Din l-investigazzjoni kellha teżamina l-prattiċi msemmijin fid-deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta' Sorveljanza ta’ l-EFTA tas-17 ta’ Novembru 1994, inkwantu dawn kienu suxxettibbli li jiksru mhux biss l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, imma wkoll l-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 1994 lil tmien kumpanniji fosthom Mannesmann, Corus, Vallourec u Sumitomo Deutschland GmbH, kumpannija tal-grupp Sumitomo. Fl-1 u 2 ta’ Diċembru 1994, l-uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati pproċedew għal verifiki għand dawn l-impriżi, abbażi ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

5        B’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 1995, l-Awtorità ta' Sorveljanza ta’ l-EFTA ikkonstatat li, peress li l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità kien affettwat b’mod sinjifikattiv mill-kawża pendenti quddiemha, hija kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 56(1)(ċ) tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità ta' Sorveljanza ta’ l-EFTA ddeċidiet għalhekk li tibgħat dan il-fajl lill-Kummissjoni, u dan skond l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 23 tal-Ftehim ŻEE. B’effett minn dik id-data, il-Kummissjoni tat lill-kawża numru ġdid (IV/E-1/35.860).

6        Bejn ix-xahar ta’ Settembru 1996 u x-xahar ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17, ipproċediet b’investigazzjonijiet addizzjonali fuq Vallourec, Dalmine u Mannesmann. B’mod partikolari, hija investigat lil Vallourec fis-17 ta’ Settembru 1996, f’liema okkażjoni l-President ta’ Vallourec Oil & Gas, is-Sur Verluca, għamel id-dikjarazzjoni riprodotta fil-paġna 6356 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar ’il quddiem “id-dikjarazzjoni ta’ tas-Sur Verluca tas-17 ta’ Settembru 1996”), li fuqha l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet xi talbiet għal informazzjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lill-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll lil ċerti impriżi oħra.

7        Peress li Dalmine kif ukoll il-kumpanniji Arġentini Siderca SAIC (aktar ’il quddiem “Siderca”) u Techint Group kienu rrifjutaw milli jibagħtu ċerta informazzjoni mitluba, ġiet indirizzata lilhom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 1997 [C(1997) 3036, IV/35.860, tubi ta’ l-azzar, mhux ippubblikata], adottata skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Siderca u Dalmine ppreżentaw rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-rikors għal annullament imressaq minn Dalmine ġie ddikjarat manifestament inammissibbli permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-24 ta’ Ġunju 1998, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T-596/97, Ġabra. p. II-2383), mentri r-rikors għal annullament imressaq minn Siderca ġie mħassar mil-lista wara li ġie rtirat mill-istess Siderca, b’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 1998, Siderca vs Il-Kummissjoni (T-8/98, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

8        Mannesmann irrifjutat ukoll milli tipprovdi ċerta informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Minkejja l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' deċiżjoni fil-15 ta’ Mejju 1998 [C(1998) 1204, IV/35.860, tubi ta’ l-azzar, mhux ippubblikata], fir-rigward tagħha, skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, Mannesmann ippersistiet f’dan ir-rifjut. Mannesmann ressqet ukoll rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra din id-deċiżjoni. B’sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-112/98, Ġabra p. II-729), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-deċiżjoni in kwistjoni u ċaħdet il-bqija tar-rikors.

9        F’Jannar 1999, il-Kummissjoni adottat żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, li jikkonċernaw, waħda, it-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati u l-oħra, it-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura. Hekk hija qasmet il-kawża fi tnejn, il-kawża IV/E-1/35.860-A dwar it-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati u l-kawża IV/E-1/35.860-B dwar it-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura.

10      Fil-kawża dwar it-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura, il-Kummissjoni indirizzat id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha (aktar ’il quddiem id-“DO”) lit-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u kif ukoll lil Siderca u l-kumpannija Messikana Tubos de Acero de México SA. Dawn l-impriżi kellhom aċċess għall-fajl li l-Kummissjoni fetħet f’din il-kawża bejn il-11 ta’ Frar u l-20 t’April 1999. Barra minn hekk, permezz ta’ ittri tal-11 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni bagħtet kopja tad-deċiżjonijiet ta’ Novembru 1994 dwar investigazzjonijiet li saru fuq l-impriżi li ma kienux destinatarji u li, minħabba dan il-fatt, ma kinux jafu bihom.

11      Wara li d-destinatarji taż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni semgħet lill-istess destinatarji fid-9 ta’ Ġunju 1999 fil-kawża tat-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati u fl-10 ta’ Ġunju 1999 fil-kawża tat-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura. F’Lulju 1999, il-Kummissjoni informat lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fil-kawża IV/E-1/35.860-A, li jikkonċerna t-tubi ta’ l-azzar karboniku ssaldjati, li hija kienet abbandunat il-kawża relatata ma’ dawn il-prodotti. Min-naħa l-oħra, hija kompliet il-kawża IV/E-1/35.860-B.

12      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li fit-8 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Il-prodotti in kwistjoni

13      Il-prodotti in kwistjoni fil-kawża IV/E-1/35.860-B huma t-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura użati fl-industrija taż-żejt u tal-gass, f’liema industriji jeżistu żewġ kategoriji wiesgħa ta’ prodotti.

14      L-ewwel kategorija ta’ prodotti tinkludi t-tubi tat-tħaffir, komunement imsejħa “Oil Country Tubular Goods” jew “OCTG”. Dawn it-tubi jistgħu jinbiegħu jew mingħajr kamin (“it-tubi lixxi”) jew bil-kamin. Il-kamini jippermettu t-tgħaqqid tat-tubi OCTG. Dan jista’ jsir skond l-istandards stipulati mill-American Petroleum Institute (API) (it-tubi bil-kamin, skond dan il-metodu, huma msejħa aktar ’il quddiem “it-tubi standard OCTG”) jew skond tekniċi speċifiċi, li ġeneralment ikollhom privattiva. F’dan l-aħħar każ, wieħed jitkellem fuq kamin jew, jekk ikun il-każ, fuq “joints” “ta’ l-aqwa kwalità” jew “premium” (it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa aktar ’il quddiem “it-tubi premium OCTG”).

15      It-tieni kategorija ta’ prodotti hija magħmula mill-pajpijiet għat-trasport tal-petrol u tal-gass (“line pipe”) ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura, li mbagħad jinqasmu, minn naħa, f’dawk li huma manifatturati skond in-normi standardizzati u, min-naħa l-oħra, f’dawk li huma mmanifatturati tal-qies għat-twettiq ta’ proġetti speċifiċi (iktar ’il quddiem imsejħa il-“pajpijiet tal-qies għat-trasport”).

 Il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li t-tmien impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu kkonkludew ftehim li kellu bħala għan, inter alia, ir-rispett reċiproku tas-swieq nazzjonali tagħhom (premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond dan il-ftehim, kull impriża kienet ipprojbita milli tbiegħ tubi standard OCTG u pajpijiet tal-qies għat-trasport fuq is-suq nazzjonali ta’ parti kontraenti oħra fil-ftehim. Il-ftehim kien ġie konkluż fil-kuntest ta’ xi laqgħat bejn produtturi Komunitarji u Ġappuniżi magħrufin bl-isem “klabb Ewropa-Ġappun”. Il-prinċipju tar-rispett tas-swieq nazzjonali kien identifikat bl-espressjoni “Regoli Fundamentali” (“Fundamentals”). Sussidjarjament, il-Kummissjoni rrilevat li r-Regoli Fundamentali kienu effettivament ġew osservati u, għaldaqstant, li l-ftehim kellu effetti antikompetittiv fuq is-suq komuni (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni qieset li dan il-ftehim kien jaqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). B’konsegwenza ta’ dan, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni u imponiet xi multi fuq it-tmien impriżi destinatarji..

18      Fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għalkemm il-klabb Ewropa-Ġappun iltaqa’ l-ewwel fl-1977 (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata), kien jeħtieġ li s-sena 1990 tiġi meqjusa bħala l-mument li fih beda l-ksur għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, u dan fir-rigward ta’ l-eżistenza, bejn l-1977 u l-1990, ta’ ftehim ta’ awtolimitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun (aktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ awtolimitazzjoni”) (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond il-Kummissjoni il-ksur waqaf fl-1995 (premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti fuq it-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna għar-raġuni li l-ftehim in kwistjoni kien intiż sabiex jipproteġi s-swieq nazzjonali u kien għalhekk jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li l-bejgħ tat-tubi ta’ l-azzar karboniku mingħajr saldatura mill-impriżi destinatarji, fl-erba’ Stati Membri kkonċernati, kien jammonta biss għal madwar EUR 73 miljun fis-sena. Konsegwentement, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur għas-somma ta’ EUR 10 miljun għal kull waħda mit-tmien impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn kienu kollha impriżi kbar, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm lok li, f’dan il-kuntest, tiddistingwi bejn l-ammonti ffissati (premessi 162, 163 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Peress li dehrilha li ż-żmien tal-ksur kien ta’ tul medju, il-Kummissjoni applikat żieda ta’ 10% għal kull sena li fiha dam il-ksur fir-rigward tas-somma li kienet stabbilita skond il-gravità, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, meta jittieħed in kunsiderazzjoni li s-settur tat-tubi ta’ l-azzar għadda minn kriżi li damet ħafna u fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ta’ dan is-settur bdiet tiddeterjora mill-1991, il-Kummissjoni naqqset l-imsemmija ammonti bażiċi b'10% minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti (premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 40% ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq Vallourec, kif ukoll tnaqqis ta’ 20% ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq Dalmine, u dan skond il-punt D 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni") u dan sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li dawk iż-żewġ impriżi kienu kkooperaw mal-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva (premessi 170 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata)..

21      L-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni, li jirriżulta mill-kalkolu li sar fiż-żewġ punti preċedenti, huwa indikat fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

22      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti konklużi bejn il-produtturi Komunitarji u li jikkonċernaw il-bejgħ tat-tubi lixxi fuq is-suq Britanniku kienu jikkostitwixxu ksur (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija ma imponietx multa addizzjonali minħabba dak il-ksur għar-raġuni li l-imsemmija kuntratti kienu jikkostitwixxu definittivament biss mezz għall-implementazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tas-swieq nazzjonali deċiż fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-fatti essenzjali li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

23      Il-klabb Ewropa-Ġappun kien jiltaqa’ madwar darbtejn fis-sena bejn l-1977 u l-1994 (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li, skond id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta’ Settembru 1996, dawn il-laqgħat seħħew b’mod partikolari fl-14 ta’ April 1992 f’Firenze, fit-23 ta’ Ottubru 1992 f’Tokjo, fi-19 ta’ Mejju 1993 f’Pariġi, fil-5 ta’ Novembru 1993 f’Tokjo u fis-16 ta’ Marzu 1994 f’Cannes. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li n-nota ta’ Vallourec intitolata “Xi informazzjoni fuq il-klabb Ewropa-Ġappun” ta’ l-4 ta’ Novembru 1991, riprodotta f’paġna 4350 tal-fajl tal-Kummissjoni (aktar ’il quddiem in-“Nota ta’ Informazzjoni”) u dik ta’ l-24 ta’ Lulju 1990, riprodotta f’paġna 15586 tal-fajl, intitolata “Il-Laqgħa ta’ l-24.07.90 ma’ British Steel” (aktar ’il quddiem in-“Nota tal-laqgħa ta’ l-24.07.90”), jippreċiżaw li kienu nżammu wkoll xi laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun fl-1989 u fl-1991.

24      Il-ftehim milħuq fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun kien ibbażat fuq tliet taqsimiet; l-ewwel taqsima kienet ir-Regoli Fundamentali dwar il-protezzjoni tas-swieq nazzjonali (imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq), liema regoli jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni taqsima kienet l-iffissar tal-prezzijiet għal sejħiet għal offerti u prezzijiet minimi għas-“swieq speċjali” (“special markets”) u t-tielet taqsima kienet it-tqassim tas-swieq dinjija l-oħra, bl-esklużjoni tal-Kanada u l-Istati Uniti ta’ l-Amerka, permezz ta’ kodiċijiet ta' tqassim (“sharing keys”) (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha fir-rigward ta’ l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali fuq serje ta’ dokumenti indizjarji elenkati fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq it-tabella li tidher fil-premessa 68 ta’ l-istess deċiżjoni. Minn din it-tabella jirriżulta li s-sehem tal-produttur nazzjonali fil-kunsinni tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport effettwati mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata lejn il-Ġappun u fuq is-suq domestiku ta’ kull wieħed mill-erba’ produtturi Komunitarji kien kbir ħafna. Il-Kummissjoni tiddeduċi li, b'mod ġenerali, is-swieq nazzjonali kienu effettivament protetti mill-partijiet fil-ftehim. Fir-rigward taż-żewġ taqsimiet tal-ftehim in kwistjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-elementi ta’ evidenza relatati magħhom fil-premessi 79 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Meta, fl-1990, Corus bdiet tippjana li tissospendi l-attivitajiet tagħha fil-produzzjoni tat-tubi lixxi, il-produtturi Komunitarji kienu ħasbu dwar il-permanenza tal-prinċipju tal-protezzjoni tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tar-Regoli Fundamentali deskritti iktar ’il fuq għal dak li jikkonċerna s-suq tar-Renju Unit. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li Vallourec u Corus kienu ħarġu bl-idea tar-“Regoli Fundamentali Mtejba” (“Fundamentals Improved”), li kienu intiżi sabiex iżommu f’posthom ir-restrizzjonijiet li kellhom il-produtturi Ġappuniżi biex jaċċedu għas-suq Britanniku, u dan minkejja l-irtirar ta’ Corus. Matul ix-xahar ta’ Lulju 1990, fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-liċenzja għat-teknika ta' kamini VAM, Vallourec u Corus kienu ftehmu sabiex jirriżervaw il-fornitura ta’ l-istess Corus f’tubi lixxi lil Vallourec, Mannesmann u lil Dalmine (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      F’April 1991, Corus għalqet il-fabbrika tagħha ta’ Clydesdale (ir-Renju-Unit), li kienet tagħmel madwar 90% tal-produzzjoni taghħa tat-tubi lixxi. Corus ikkonkludiet għalhekk xi kuntratti ta’ fornitura tat-tubi lixxi, għal tul ta’ żmien inizjali ta’ ħames snin u li jiġġeddu b’mod impliċitu bil-kundizzjoni ta’ preavviż ta’ tnax-il xahar, ma’ Vallourec (fl-24 ta’ Lulju 1991), Dalmine (fl-4 ta’ Diċembru 1991) u Mannesmann (fid-9 ta’ Awissu 1993) (aktar ’il quddiem “il-kuntratti ta’ fornitura”). Dawn it-tliet kuntratti, li huma riprodotti fil-paġni 12867, 12910 u 12948 tal-fajl tal-Kummissjoni, jallokaw lil kull waħda mill-impriżi benefiċjarji kwota ta’ fornitura fissa, rispettivament għal ammont ta’ 40%, 30% u 30% tal-bżonnijiet ta’ Corus (premessi 79 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata), minbarra t-tubi ta’ dijametru żgħir.

27      Fl-1993, tliet fatturi kienu wasslu għal eżami mill-ġdid tal-prinċipji tal-funzjonament tal-klabb Ewropa-Ġappun. Fl-ewwel lok, dan kien jinvolvi r-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija Ewropea ta’ l-azzar. Fir-Renju Unit, Corus kienet fil-fatt ikkontemplat l-għeluq ta’ l-aħħar attivitajiet tagħha fil-produzzjoni tat-tubi bil-kamin mingħajr saldatura. Fil-Belġju, il-kumpannija New Tubemeuse (aktar ’il quddiem “NTM”), li l-attività tagħha kienet orjentata prinċipalment għall-esportazzjoni lejn il-Lvant Nofsani u l-Lvant Imbiegħed, kienet ġiet likwidata fil-31 ta’ Diċembru 1993. Fit-tieni lok, dan kien jinvolvi l-aċċess tal-produtturi ta’ l-Amerika t'Isfel għas-suq Komunitarju, li kien qed jhedded li jerġa jġib in diskussjoni t-tqassim tas-swieq kif kienu miftehma fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun. Fit-tielet u l-aħħar lok, fis-suq dinji tat-tubi ddestinati għall-użu fl-estrazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass, it-tubi ssaldjati kienu raw żieda sinjifikattivi minkejja li kien għad baqa’ differenzi kbar fir-reġjuni (premessi 83 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Kien f’dan il-kuntest li l-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun iltaqgħu f’Tokjo, fil-5 ta’ Novembru 1993, sabiex jippruvaw jaslu għal ftehim ġdid ta’ tqassim tas-swieq mal-produtturi ta’ l-Amerika t'Isfel. Il-kontenut tal-ftehim milħuq f’dik l-okkażjoni huwa rifless f’dokument mibgħut lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Novembru 1997, minn informatur terz li m'għandux x’jaqsam ma’ din il-proċedura, u riprodott f’paġna 7320 tal-fajl tal-Kummissjoni, li fih b’mod partikolari "kodiċi ta' tqassim" ("sharing key"). Skond l-informatur, dak id-dokument ġie mingħand aġent kummerċjali ta’ waħda mill-parteċipanti fil-laqgħa msemmija. Fir-rigward b’mod partikolari tal-konsegwenzi tar-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija Ewropea, l-għeluq ta’ NTM ippermetta lill-produtturi Komunitarji biex jiksbu xi konċessjonijiet mingħand il-produtturi Ġappuniżi u ta' l-Amerika t'Isfel, li kienu l-benefiċjarji prinċipali ta’ l-irtirar ta’ NTM mis-swieq ta’ l-esportazzjoni (premessi 85 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Min-naħa tagħha, Corus ħadet id-deċiżjoni definittiva li twaqqaf l-aħħar attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni tat-tubi mingħajr saldatura. Fit-22 ta’ Frar 1994, Vallourec ħadet il-kontroll tas-siti ta’ tubi bil-kamin u tal-produzzjoni tat-tubi ta’ Corus u ħolqot, għal dan il-għan, il-kumpannija Tubular Industries Scotland Limited (aktar ’il quddiem “TISL”). Fil-31 ta’ Marzu 1994, TISL reġgħet ħadet il-kuntratti ta’ fornitura ta’ tubi lixxi li Corus kienet ikkonkludiet ma’ Dalmine u Mannesmann. Fl-24 ta’April 1997, il-kuntratt hekk konkluż ma’ Mannesmann kien għadu fis-seħħ. Fit-30 ta’ Marzu 1999, Dalmine temmet il-kuntratt ta’ fornitura ma’ TISL (premessi 90 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni tqis li, b’dawn il-kuntratti, il-produtturi Komunitarji attribwew lilhom infushom kwoti ta’ fornitura tat-tubi lixxi għas-suq Britanniku, li jirrappreżenta iktar min-nofs il-konsum tal-Komunità tat-tubi OCTG. Hija kkonkludiet għalhekk li dan kien akkordju pprojbit mill-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE (ara l-punt 22 hawn fuq).

 Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

31      Skond l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tmien impriżi destinatarji ta’ dan “[...] kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, meta pparteċipaw [...] fi ftehim li kien jipprevedi, inter alia, il-protezzjoni tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom għat-tubi OCTG [...] standard u l-[pajpijiet tal-qies għat-trasport] mingħajr saldatura”.

32      L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-ksur dam mill-1990 sa l-1995 għal Mannesmann, Vallourec, Dalmine, Sumitomo, Nippon, Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp. Fir-rigward ta’ Corus, ġie indikat li l-ksur dam mill-1990 sa Frar 1994..

33      Id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huma miktuba kif ġej:

"Artikolu 2

1.      [Mannesmann], Vallourec […], [Corus] u Dalmine […] kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, meta, fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, ikkonkludew kuntratti li wasslu għat-tqassim tal-fornitura tat-tubi OCTG lixxi lil [Corus] (Vallourec [...] mis-sena 1994).

2.       Għal [Corus], il-ksur dam mill-24 ta’ Lulju 1991 sa Frar 1994. Għal Vallourec [...], il-ksur dam mill-24 ta’ Lulju 1991 sat-30 ta’ Marzu 1999. Għal Dalmine [...], il-ksur dam mill-4 ta’ Diċembru 1991 sat-30 ta’ Marzu 1999. Għal [Mannesmann], il-ksur dam mid-9 ta’ Awissu 1993 sa l-24 ta’ April 1997.

[...]

Artikolu 4

Il-multi segwenti qegħdin jiġu imposti fuq l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1, u dan minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi artikolu:

(1)      [Mannesmann]                   EUR 13 500 000

(2)      Vallourec […]                   EUR 8 100 000

(3)      [Corus]                            EUR 12 600 000

(4)      Dalmine […]                   EUR 10 800 000

(5)      Sumitomo […]                   EUR 13 500 000

(6)      Nippon […]                   EUR 13 500 000

(7)      Kawasaki Steel Corp. […] EUR 13 500 000

(8)      NKK Corp. […]          EUR 13 500 000

[...]"

 Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

34      Permezz ta’ seba’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bejn it-28 ta’ Frar u t-3 t’April 2000, Mannesmann, Corus, Dalmine, NKK Corp., Nippon, Kawasaki u Sumitomo ressqu rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

35      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ġunju 2002, ġie deċiż, wara li nstemgħu l-partijiet, li s-seba’ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u dan skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Wara li ngħaqdu l-kawżi, ir-rikorrenti fis-seba’ kawżi setgħu jikkonsultaw il-fajls kollha relatati ma’ din il-proċedura preżenti fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ittieħdu wkoll xi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

36      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Matul is-seduti tad-19, 20 u 21 ta’ Marzu 2003, instemgħu t-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

 It-talbiet tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tirrimborsa l-multa jew, sussidjarjament, l-ammont li bih tiġi mnaqqsa flimkien ma’ l-imgħaxijiet fuq is-somma kollha jew, skond il-każ, dak l-ammont li bih tiġi mnaqqsa, u dan mid-data tal-pagament minn Corus sal-ġurnata tar-rimbors mill-Kummissjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti minħabba din il-proċedura;

–        tordna kwalunkwe miżura neċessarja sabiex is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tingħata effett.

38      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-ineżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

39      Corus tikkontesta l-affermazzjoni li l-kuntratti ta’ fornitura tat-tubi lixxi li hija kkonkludiet ma’ Vallourec, Mannesmann u Dalmine kienu jammontaw għal ksur. Fil-fatt, hija kkonkludiet l-imsemmija kuntratti għal motivi kummerċjali leġittimi u nnegozjathom separatament u b’mod indipendenti. Il-Kummissjoni ma rnexxielhiex iġġib prova tal-parteċipazzjoni tagħha fl-azzjoni miftiehma.

40      Ir-rikorrenti ssostni li hija baqgħet proprjetarja ta’ l-impriża Imperial, li, sa Marzu 1994, kienet tagħmel it-tubi lixxi plain-end OCTG, bl-intenzjoni li tbiegħha bħala impriża awtonoma. Wara l-għeluq tal-fabbrika tagħha fi Clydesdale f’April 1991, hija ma kienx baqgħalha sors intern minn fejn tixtri t-tubi lixxi, li kien meħtieġ sabiex issostni l-attività ta’ Imperial. Bl-għan li tippreżerva l-valur ta’ dik l-impriża u sabiex tirrendiha attraenti kemm jista’ jkun għax-xerrejja futuri, kien importanti għall-Corus li tikkonkludi ftehim ma impriżi terzi, b’mod li hija tiggarantixxi, b’hekk, kunsinni affidabbli ta’ tubi lixxi ta’ kwalità għolja sabiex tkun tista’ tleħħaq fit-tul mad-domanda għat-tubi bil-kamin OCTG ta’ l-impriżi taż-żejt li joperaw fuq il-blata kontinentali Britannika. Il-kwalità tal-prodotti kienet element essenzjali, u dan minħabba r-riskji marbutin ma’ l-użu tal-prodott lest, meta jittieħdu speċjalment in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet klimatiċi u ġeoloġiċi fuq il-blata kontinentali Britannika tal-baħar tat-Tramuntana.

41      In sostenn ta’ dan l-argument, Corus tippreżenta kuntratt li hija kkonkludiet mal-kumpannija taż-żejt Conoco fl-1992 kif ukoll il-ktejjeb ta’ l-ispeċifikazzjonijiet annessi miegħu. Minn dan jirriżulta li Corus kellha l-obbligu li tosserva l-ispeċifikazzjonijiet ippreċiżati mill-kumpannija Conoco, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kwalità tat-tubi lixxi utilizzati fil-produzzjoni ta' l-OCTG bil-kamin. Il-proċedura għall-kontroll tal-prodotti kienet ukoll tikkonsisti fi spezzjoni indipendenti ta’ l-azzar użat għall-produzzjoni tat-tubi lixxi għal Corus.

42      Corus tirrileva wkoll li t-tliet kuntratti li hija kkonkludiet ma’ Vallourec, Dalmine u Mannesmann, kull wieħed għal perijodu inizjali ta’ ħames snin, imġedded taċitament, li allegatament jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jikkostitwixxu ftehim wieħed, peress li dawn ġew iffirmati f’dati differenti, jiġifieri fl-24 ta’ Lulju 1991, fl-4 ta’ Diċembru 1991 u fid-9 ta’ Awissu 1993 rispettivament.

43      Skond Corus, kien loġiku li hija tqassam l-akkwisti tagħha ta' tubi lixxi bejn tliet fornituri differenti. Kieku kienu numru akbar ta' fornituri hija ma kinitx tkun tista' taqdi l-preferenzi tal-klijenti tagħha. Dawn ta’ l-aħħar huma mdorrija li jillimitaw in-numru ta’ fornituri li jieħdu sehem fil-produzzjoni tat-tubi li huma jordnaw, minħabba li l-kontrolli tal-kwalità mwettqa mill-istess huma onerużi ħafna, u dan minħabba l-importanza fundamentali tas-sigurtà tal-prodotti fis-settur tagħhom in kwistjoni. Corus, min-naħa l-oħra, kien ikollha bżonn ta’ diversi fornituri sabiex hija tkun tista’ tilqa’ minn qabel għall-konsegwenzi finanzjarji negattivi ta’ xi strajks eventwali jew f'każ li jieqaf l-impjant, u sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li d-domanda għat-tubi OCTG hija instabbli ħafna.

44      Barra minn hekk, it-tubi OCTG huma bħala prinċipju prodotti mmanifatturati tal-qies f'kuntest ta’ kuntratti għall-fornitura għal perijodu twil ta’ żmien. Fil-kawża preżenti, it-tul ta’ żmien ta’ ħames snin, imġedded taċitament, tal-kuntratti ta’ fornitura ma għandu xejn għalhekk li mhuwiex normali. Fil-fatt, kull ordni għat-tubi tispeċifika b’mod preċiż il-kwalità u l-qisien tagħhom, b’tali mod li l-bejgħ magħmul direttament mill-istokks huwa prattikament eskluż. Barra minn hekk, Corus issostni li l-operaturi fis-settur taż-żejt jarawha importanti ħafna li t-tubi ordnati jkunu disponibbli fit-termini stretti skond il-ħtiega tagħhom, u dan billi jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ispejjeż għoljin involuti fit-tħaddim ta' pjattaforom ta’ tħaffir.

45      Fid-dawl ta' l-eżiġenzi ta' kwalità hawn fuq imsemmija, l-osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-eċċess fil-kapaċità strutturali fis-settur tat-tubi ta' l-azzar fiż-żmien li fih ġew konklużi l-kuntratti ta’ fornitura u, b’mod partikolari, il-possibbiltà li dawn jiġu importati mill-Ungerija, mill-Polonja, miċ-Ċekoslovakja u mill-Kroazja, hija irrelevanti peress illi t-tubi li jiġu minn dawn il-pajjiżi ma kienux ta’ kwalità sodisfaċenti u, barra minn hekk, dawn l-istess pajjiżi kienu f’dak iż-żmien politikament instabbli. Għal dak li jirrigwarda s-sorsi oħra potenzjali ta’ fornitura, il-prodotti li jiġu mill-Amerika ta' Isfel kellhom l-istess problema ta’ kwalità bħall-prodotti mill-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant, filwaqt li l-Amerika ta’ Fuq kienet eskluża peress illi l-produtturi ta’ dan ir-reġjun ma wrew l-ebda intenzjoni li jesportaw il-prodotti tagħhom. Fir-rigward tal-prodotti Ġappuniżi, l-ispejjeż tat-trasport u t-termini għall-kunsinna ma jiffavorixxux l-importazzjoni tagħhom, meta jittieħed in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-prezzijiet tat-tubi OCTG fl-Ewropa kienu relattivament baxxi. L-għażla ta’ tliet fornituri Komunitarji kienet, għalhekk, loġika għall-Corus mil-lat kummerċjali.

46      Corus tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li jidher fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-fatt li l-kuntratti ta' fornitura kienu jiffissaw terminu għall-kunsinna ta' ħames sa sitt ġimgħat u ma kienux jipprovdu għal sanzjonijiet oħra f'każ ta' nuqqas ta' kunsinna ħlief dik li jinkludu t-tunnellati mhux ikkunsinnati fil-kalkolu tat-tunnellati annwali li għalihom il-fornitur kellu dritt jimplika li t-termini għall-kunsinna ma kellhomx xi importanza kbira għal Corus.

47      Skond Corus, mill-instabbiltà tad-domanda għat-tubi OCTG fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit jirriżulta li l-iffissar tal-kwantità ta' tubi lixxi li kellhom jiġu kkunsinnati mit-tliet fornituri f’termini ta’ perċentwali, u mhux f'termini ta' kwantitajiet fissi, kien l-uniku mod prattiku biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tagħha kollha. Fil-fatt, din kienet l-unika sistema li biha setgħet tittieħed in kunsiderazzjoni l-abbondanza jew l-iskarsezza eżistenti fuq is-suq li għalih kienu intiżi t-tubi lixxi.

48      Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ formula li tgħaqqad il-prezzijiet mħallsin minn Corus għat-tubi mal-prezzijiet tat-tubi OCTG li hija kienet tbiegħ tippermetti li tittieħed in kunsiderazzjoni l-varjazzjoni kbira fil-prezzijiet dovuta minħabba l-instabbiltà fid-domanda. F’dan ir-rigward, kien ikun diffiċli ħafna, mil-lat kummerċjali, biex jiġi miftiehem prezz fiss mal-fornituri li jkun baxx biżżejjed biex Corus tkun ċerta li l-bejgħ fil-linja 'l isfel tagħha tat-tubi OCTG qatt ma jinżel iktar mill-punt fejn ma jkunx vijabbli. Skond Corus, l-informazzjoni dwar il-kwantità tat-tubi li hija kienet tbiegħ u l-prezzijiet imħallsa mill-klijenti tagħha ma kienux jiġu żvelati lil fornituri tagħha, minkejja l-fatt li dik l-informazzjoni tkun ġiet meqjusa fl-istess formula. Huwa biss il-prezz tat-tubi lixxi li jirriżultaw mill-formula li kien jiġi żvelat lill-fornituri, li kellhom, barra dan, id-dritt li jivverifikaw l-applikazzjoni korretta ta’ l-istess formula minn awditur indipendenti.

49      Skond Corus, l-argument tal-Kummissjoni li l-kuntratti ta' fornitura ma jagħmlu l-ebda sens meta jiġu kkunsidrati individwalment peress illi jattribwixxu perċentwali mill-bżonnijiet ta’ Corus lil kull wieħed mill-fornituri, huwa irrilevanti. Fil-fatt, tali argument bl-ebda mod ma juri li l-kuntratti ta' fornitura kienu jirriżultaw minn xi azzjoni miftiehma bejn l-erba’ produtturi Ewropej sanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, Corus ikkonkludiet kull wieħed mill-kuntratti fid-dawl ta’ l-istrateġija ta’ fornitura globali li hija kienet stabbilixxiet b’mod awtonomu.

50      Corus issostni li l-ispjegazzjoni mogħtija minnha fuq il-loġika kummerċjali li tifforma l-bażi tal-kuntratti ta' fornitura in kwistjoni tati spjegazzjoni differenti għall-imġieba tagħha, b’tali mod li tpoġġi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħti prova ta' l-eżistenza ta’ azzjoni miftiehma bejn l-erba’ impriżi sanzjonati fuq bażi differenti mill-kuntratti msemmija (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Darmon mogħtija għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeytiö et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala ‘Woodpulp II’, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, I-1445, punt 195). Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-paralleliżmu fl-imġieba ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova ta' l-azzjoni miftiehma sakemm dik l-azzjoni miftiehma hija l-unika spjegazzjoni plawsibbli għal dik l-imġieba (sentenza Woodpulp II, iċċitata aktar 'il quddiem, punt 71).

51      Corus iżżid li, f'kull każ, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li jgħid li l-klawżoli tal-kuntratti ta' fornitura analizzati fil-punti preċedenti fihom xi restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, ma jikkostitwixxix prova ta' l-eżistenza tal-ksur speċifiku li ġie kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, anki jekk wieħed jissopponi li dawk l-istess klawżoli huma effettivament antikompetittivi, dak il-fatt ma jistax jipprova, almenu meta jiġi kkunsidrat individwalment, l-eżistenza ta’ azzjoni miftiehma bejn l-erba’ impriżi Ewropej sabiex teskludi lill-produtturi Ġappuniżi mis-suq Britanniku.

52      Barra minn hekk, il-provi dokumentarji invokati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-argument tagħha, partikolarment fil-premessi 91 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkorroborawx l-eżistenza ta’ ftehim bejn Corus u produtturi Ewropej oħra tat-tubi. Il-Kummissjoni stess evitat li tibbaża ruħha għal kollox fuq l-imsemmija provi fir-risposta tagħha. Skond Corus, l-analiżi ta' l-elementi ta' prova magħmula mill-Kummissjoni hija inkoerenti minħabba li, b’mod partikolari, ma tispjegax b’liema mod u għal liema raġuni l-ftehim bilaterali bejn Corus u Vallourec allegatament attestat min-noti tas-sena 1990, inbidel fi ftehim multilaterali bejn l-erba’ produtturi Ewropej. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li sabiex l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma jiġix annullat, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħti prova ta' l-eżistenza ta' azzjoni miftiehma bejn l-erba’ produtturi Ewropej li wasslithom sabiex jikkonkludu l-kuntratti ta' fornitura tat-tubi lixxi.

53      Barra minn hekk, peress illi l-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġie attribwit lil Dalmine minn Diċembru 1991, Corus issostni li d-dokumenti datati 1993 huma irrilevanti għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-allegata trasformazzjoni tar-Regoli Fundamentali għar- Regoli Fundamentali Mtejba. Corus tirrileva wkoll li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-DO li n-noti datati mill-1990 jattestaw l-eżistenza ta’ ftehim bejn l-erba’ produtturi Ewropej, liema analiżi ġiet skartata fid-deċiżjoni kkontestata.

54      Corus eżaminat imbagħad ċerti noti analizzati fil-premessi 78 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata u invokati in segwitu fil-premessa 147, jiġifieri n-nota tat-23 ta’ Marzu 1990, riprodotta f’paġna 15622 ta’ l-imsemmi fajl, intitolata "Réflexions concernant le renouvellement du contrat VAM" (aktar 'il quddiem in-nota "Réflexions sur le contrat VAM"), in-nota tat-2 ta’ Mejju 1990, riprodotta f’paġna 15610 tal-fajl, intitolata "Réflexions stratégiques concernant les relations de VLR" (aktar 'il quddiem in-nota "Réflexions stratégiques"), u n-nota tal-laqgħa ta' l-24.7.90. F’dan ir-rigward, hija ma tikkummentax espressament fuq in-nota misjuba f’paġna 15596 tal-fajl, mhux datata, intitolata "Entretien BSC", iċċitata fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fil-punt 56 tad-DO. Corus tirrileva li n-noti Réflexions sur le contrat VAM u Réflexions stratégiques tfasslu minn impjegati ta’ Vallourec u jesprimu biss il-fehma personali ta’ l-awturi tagħhom. Għalhekk, dawn bl-ebda mod ma jagħtu prova ta' l-eżistenza ta’ xi ftehim bejn Vallourec u Corus. Il-Kummissjoni għamlet żball li bbażat ruħha fuq il-fatt li dawk iż-żewġ noti jipproponu, inter alia, soluzzjoni li tikkorrispondi ma' l-allegat ftehim li hija kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-awtur tan-nota Réflexions sur le contrat VAM ċaħad espliċitament dik is-soluzzjoni minħabba li ftit kienet realizzabbli u kien issuġġerixxa soluzzjoni oħra li kienet tħalli lil Corus il-possibbiltà li tagħżel is-sorsi proprji ta’ fornitura tat-tubi lixxi.

55      Għal dak li jirrigwarda n-nota tal-laqgħa ta' l-24.7.90, Corus issostni li l-impjegati tagħha li pparteċipaw fil-laqgħa in kwistjoni kollha rtiraw f'Awissu tas-sena 1997, u għalhekk hija tista’ tagħmel biss evalwazzjoni limitata ta' dik in-nota. Fil-fehma tagħha, minn tali nota ma jirriżultax b’mod ċar liema huma l-osservazzjonijiet li jirriflettu l-kontenut tal-laqgħa, u liema huma dawk li jirriflettu l-fehmiet personali ta' l-awtur. Barra minn hekk, huwa impossibli li jiġi dedott minn tali nota li Corus u Vallourec ftehmu bejniethom fuq xi mod partikolari ta' kif jaġixxu. Fl-aħħar nett, safejn l-imsemmija nota ġiet invokata mill-Kummissjoni sabiex taghti prova ta' l-eżistenza ta’ ftehim bejn l-erba’ produtturi Ewropej, Corus tirrileva li ma jeżistux provi ta’ xi diskussjonijiet oħra li fihom ipparteċipaw Dalmine u Mannesmann.

56      Għal dak li jirrigwarda l-faks ta’ Corus lil Vallourec intitolat "Ftehim ta' kooperazzjoni BS" ("BS cooperation agreement", ittra tal-21 ta’ Jannar 1993 u nota kunfidenzjali ta’ 13-il paġna li kienet annessa magħha) tat-22 ta’ Jannar 1993, riprodott f’paġna 4626 tal-fajl tal-Kummissjoni u analizzat fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, Corus issostni li dan ma jagħtix prova ta' l-eżistenza ta’ xi azzjonijiet miftiehma. L-imsemmi faks jidħol fil-kuntest tan-negozjati mibdija minn Corus ma' Vallourec, Dalmine u Mannesmann, bl-għan li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ pjan ta’ razjonalizzazzjoni kkoordinata u bl-ebda mod ma jikkostitwixxi prova ta’ azzjoni miftiehma illegali. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-faks "Ftehim ta' kooperazzjoni BS" jipprevedi li qabel ma sseħħ kwalunkwe tranżazzjoni għandhom jiġu kkonsultati l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali.

57      Barra minn hekk, mill-faks "Ftehim ta' kooperazzjoni BS" jirriżulta li Corus kienet qiegħda tipprova tnaqqas il-preżenza tagħha fuq is-suq tat-tubi mingħajr saldatura għal livell marġinali, b’mod li tali dokument ma jistax iservi ta' prova ta' l-eżistenza ta’ aġir illegali minn naħa tagħha, kif qiegħda ssostni l-Kummissjoni. Fil-fatt, Corus ma kienx għad baqgħalha aktar interess kummerċjali fil-kuntratti ta' fornitura in kwistjoni wara l-bejgħ, minn naħa tagħha, ta’ l-impriża Imperial lil Vallourec, f’Marzu ta' l-1994.

58      Għal dak li jirrigwarda d-dokument intitolat "Sistema għat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fl-Ewropa u l-iżvilupp tas-suq" ("Seamless Steel tube System in Europe and Market Evolution"), riprodott f’paġna 2051 tal-fajl tal-Kummissjoni (iktar 'il quddiem id-"dokument Sistema għat-tubi ta' l-azzar") u li ġie analizzat fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, Corus issostni li dan huwa dokument intern ta’ Dalmine, li mhuwiex prova tal-parteċipazzjoni ta’ Corus f’diskussjonijiet li jikkostitwixxu azzjoni miftiehma illegali.

59      Il-Kummissjoni ssostni qabel xejn li l-punt 71 tas-sentenza Woodpulp II, punt 50 iktar 'il fuq, li fuqha tibbaża ruħha Corus, hija rilevanti biss fiċ-ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha esklużivament fuq provi ta’ aġir parallel sabiex tiġi murija l-eżistenza ta' prattika miftiehma. Min-naħa l-oħra, fil-kawża preżenti, it-termini nnifishom tal-kuntratti ta' fornitura juru b’mod espliċitu l-intenzjoni tal-partijiet li jassiguraw ruħhom li Corus tibqa’ l-produttur nazzjonali fis-sens kif mifhum fir-Regoli Fundamentali. Barra minn hekk, hemm serje ta’ provi bil-miktub li jikkorroboraw din it-teżi.

60      Barra minn hekk, l-argument li t-tliet kuntratti ta' fornitura ta’ tubi lixxi kienu nnegozjati b’mod separat u indipendenti huwa kkontestat mill-fatt li kull kuntratt jalloka perċentwali fissa tat-tubi mixtrija minn Corus lil kull fornitur.

61      Barra minn hekk, l-argument ta’ Corus li hi setgħet tikkonkludi kuntratti ta' fornitura unikament ma’ produtturi Komunitarji mhuwiex wisq plawsibbli. Bl-istess mod, l-argumenti dwar l-importanza taż-żminijiet għall-kunsinna huma f'kontradizzjoni mat-termini ta’ l-istess kuntratti tagħha. Fir-rigward ta' l-argumenti dwar l-importanza tal-kwalità tal-prodotti, dawn huma f'kontradizzjoni mal-fatt li hija stess ipproponiet li tixtri t-tubi lixxi mingħand produtturi ta’ pajjiżi terzi, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 78).

62      Il-Kummissjoni żżid li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fil-premessa 152, l-eċċessi fil-kapaċità strutturali, inkluż dawk fi ħdan il-Komunità, b’tali mod li l-argumenti ta’ Corus dwar il-kwalità insodisfaċenti tat-tubi offruti mill-produtturi ta’ l-Ewropa tal-Lvant huma irrilevanti.

63      F'kull każ, l-argumenti li Corus ġġib sabiex turi li kien loġiku għaliha li tinnegozja mat-tliet produtturi Komunitarji huma irrilevanti, u dan peress illi dak li jikkostitwixxi l-azzjoni miftiehma illegali huwa l-fatt li Corus u l-imsemmija produtturi aċċettaw li jittrattaw in-negozju ta’ Corus bħala propjetà komuni li għandhom jaqsmu bejniethom permezz ta’ kuntratti ta’ fornitura li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

64      Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk Corus setgħet turi li l-allokazzjoni ta’ perċentwali mill-akkwisti tagħha ta’ tubi lixxi lil kull wieħed mit-tliet fornituri kienet tikkostitwixxi vantaġġi kummerċjali għaliha, il-klawżola fil-kuntratti li tipprovdi għal tali allokazzjoni xorta waħda tibqa' restrizzjoni tal-kompetizzjoni u dan kif ġie rrilevat fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata.

65      Fi kwalunkwe każ, ma jkunx eżatti li jingħad li t-tqassim ta' l-akkwisti ta' Corus skond xi perċentwali kien l-uniku mod, għal Corus, sabiex hija tkun ċerta li tkopri l-ħtiġijiet varji tagħha għat-tubi lixxi. Il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni ta’ diversi kuntratti qafas li jiffissaw prezzijiet unitarji ma’ diversi fornituri kien iwassal sabiex jintlaħaq l-istess għan kummerċjali.

66      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-klawżola fil-kuntratti ta' fornitura li tiffissa l-prezz tat-tubi lixxi abbażi tal-prezz miksub minn Corus għall-bejgħ mill-ġdid tat-tubi bil-kamin, il-Kummissjoni ssostni li kull produttur li jixtri prodott sabiex jerga’ jbiegħu wara li jkun lest jieħu fuqu r-riskju f'każ li jaqgħu l-prezzijiet fis-suq tal-prodotti lesti. Corus ma spjegatx għal liema raġuni kien hemm bżonn, f'dan il-każ, li jiġi eliminat dan ir-riskju. Skond il-Kummissjoni, Corus lanqas tispjega għaliex il-fornituri tat-tubi lixxi kellhom jaċċettaw li jaqsmu l-imsemmi riskju kummerċjali.

67      Fir-rigward tal-fatt, kif espost fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-formula għall-iffissar tal-prezzijiet tat-tubi lixxi kienet tinvolvi skambju ta' informazzjoni kummerċjali li, skond il-ġurisprudenza, kellha tibqa' kunfidenzjali (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 403, u British Steel vs Il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629), l-argument imqajjem minn Corus biex tiddefendi l-użu ta' dik il-formula mhuwiex konvinċenti. F'dak li jirrigwarda l-kwantità ta' tubi bil-kamin mibjugħa minn Corus, il-Kummissjoni tinnota li kien faċli ħafna għall-fornituri biex jikkalkolaw il-bejgħ totali ta' Corus ta' dawk il-prodotti, minħabba li kull wieħed minnhom kien iforni perċentwali fiss mill-ħtiġijiet tagħha.

68      Għal dak li jirrigwarda l-elementi ta’ prova ta' l-1990 u ta' l-1993, iċċitati fil-premessi 78 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett, li dawn huma hemm imsemmija mhux sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim fiss, iżda sabiex juru l-intenzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tal-kuntratti ta' fornitura li fuqhom tibbaża ruħha direttament il-Kummissjoni sabiex tagħti prova ta' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

69      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Corus li d-deċiżjoni kkontestata ma tesponix b’mod ċar kif il-ftehim bejn Corus u Vallourec inbidel sussegwentement fi ftehim konkluż bejn erba’ partijiet, il-Kummissjoni tirrileva l-ewwel nett li kien fil-kuntest tal-ftehim aktar wiesa' ta' l-osservanza tar-Regoli Fundamentali hekk kif ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li miegħu l-erba’ produtturi Ewropej in kwistjoni kienu aderixxew mill-1990, li dak it-tieni ftehim kif mibdul ġie elaborat. Fl-1990, Corus u Vallourec, għalhekk, ikkonkludew il-ftehim deskritt fl-artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u pprevedew, sa mill-bidu nett, li jdaħħlu lil Dalmine u Mannesmann sabiex ikunu parti mill-istess. Il-Kummissjoni tesponi li Dalmine u Mannesmann kellhom jaderixxu ma' dan it-tieni ftehim qabel l-iffirmar tal-kuntratti ta' fornitura imma li, minħabba nuqqas ta’ provi fuq id-data preċiża ta’ tali adeżjoni, hija kkonstatat il-ksur fil-konfront tagħhom biss mid-data tal-firma tal-kuntratti msemmija. F'kull każ, jidher ċar għalhekk li Corus u għall-inqas Vallourec kienu parti mill-ftehim mill-1990. Barra minn hekk, l-erba’ kontraenti fil-ftehim iltaqgħu fl-1993, data li minnha bdew josservaw kollha kemm huma l-ftehim.

70      Għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-allegati restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jinsabu fil-klawżoli tal-kuntratti ta' fornitura mhumiex dawk li jikkostitwixxu il-ksur kif ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li tali restrizzjonijiet jirrappreżentaw biss il-parti miktuba tal-ftehim, filwaqt li l-parti l-oħra mhijiex imniżżla fl-ebda dokument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

71      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument ta' Corus ibbażat fuq il-fatt li l-istess Corus tat spjegazzjoni fuq il-loġika kummerċjali li fuqha huma bbażati l-kuntratti ta' fornitura kkontemplati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, liema spjegazzjoni tagħti verżjoni differenti tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li tippermetti, għalhekk, li tingħata spjegazzjoni plawsibbli oħra għall-fatti minn dik mogħtija mill-Kummissjoni fejn ikkonkludiet dwar l-eżistenza tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (ara, f'das-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Marzu 1984, CRAM u Rheinzhink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16; is-sentenza Woodpulp II, punt 50 iktar 'il fuq, punti 126 u 127; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 t'April 1999, Limburgse Vinyl Maatschaapij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "PVC II", T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-355/94, Ġabra p. II-931, punt 725). Għaldaqstant, l-allegazzjoni li, fil-kawża preżenti, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tagħti prova ta' l-eżistenza ta' ftehim bejn l-impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, diversament milli b'referenza għall-kuntratti ta' fornitura, hija infondata.

72      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza li fuqha tibbaża ruħha Corus f'dan ir-rigward tirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha unikament fuq l-aġir ta’ l-impriżi in kwistjoni sabiex tasal għall-konklużjoni dwar l-eżistenza tal-ksur (ara, f’das-sens, is-sentenza PVC II, punt 71 iktar 'il fuq, punti 727 u 728). B’mod partikolari, ir-regola probatorja indikata fil-punt 71 tas-sentenza Woodpulp II, punt 50 iktar 'il fuq, hija rilevanti biss f’każijiet fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha esklussivament fuq l-eżistenza ta’ paralleliżmu fl-aġir ta' l-impriżi sabiex tagħti prova ta' l-eżistenza ta’ prattika miftiehma. Dan ma japplikax f’dan il-każ partikolari, peress illi l-ksur li ġie kkonstatat huwa bbażat fuq it-termini tal-kuntratti ta' fornitura nnifishom, li jikkostitwixxu ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-premessi 110 et seq tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-Kummissjoni tinvoka, barra minn hekk, serje ta’ provi addizzjonali bil-miktub sabiex issaħħaħ it-teżi tagħha (ara l-premessi 78 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

73      B'hekk, anki jekk wieħed jissopponi li Corus irnexxielha turi li l-konklużjoni tat-tliet kuntratti ta' fornitura ma’ Vallourec, Dalmine u Mannesmann kienet oġġettivament konformi ma' l-interessi kummerċjali tagħha, dan il-fatt bl-ebda mod ma jannulla t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li dawk il-ftehim kienu illegali. Fil-fatt, il-prattiċi antikompetittivi jkunu ħafna drabi fl-interess kummerċjali individwali ta’ l-impriżi, għall-inqas għal żmien qasir.

74      L-għan u l-effett tal-kuntratti ta' fornitura jinsabu deskritti mill-Kummissjoni fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestat bil-mod kif ġej :

"L-għan ta’ dawn il-kuntratti kien il-fornitura tat-tubi lixxi tal-‘leader’ tas-suq ta’ l-OCTG fil-baħar tat-Tramuntana u l-iskop tagħhom kien li jinżamm produttur nazzjonali fir-Renju Unit bl-għan li tinżamm l-osservanza tar-Regoli Fundamentali fl-ambitu tal-klabb Ewropa-Ġappun. Dawk il-kuntratti kellhom bħala għan u effett prinċipali l-qsim bejn [Mannesmann], Vallourec u Dalmine tal-ħtiġijiet kollha tal-kompetitur tagħhom [Corus] (u ta' Vallourec mill-1994). Dawk il-kuntratti kienu jissuġġettaw il-prezz tax-xiri tat-tubi lixxi għall-prezz tat-tubi li [Corus] kienet tagħmlilhom il-kamin. Għalhekk kienu jinvolvu wkoll limitazzjoni fuq il-libertà ta' provvista ta' Corus (Vallourec minn Frar 1994) u kienu jobbligaw lil din ta' l-aħħar sabiex tikkomunika lill-kompetituri tagħha l-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll il-kwantitajiet mibjugħa. Barra minn hekk, [Mannesmann], Vallourec (sa Frar 1994) u Dalmine kienu ntrabtu li jikkonsenjaw lill-kompetitur ([Corus], imbagħad lil Vallourec minn Marzu 1994) kwantitajiet mhux magħrufa bil-quddiem."

75      It-termini tal-kuntratti ta' fornitura ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jikkonfermaw, essenzjalment, il-fatti msemmija fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dawk fil-premessi 78 sa 82 u 153. Dawk il-kuntratti jikkontemplaw, b'mod partikolari, it-tqassim tal-ħtiġijiet ta' Corus għat-tubi lixxi bejn it-tliet produtturi Ewropej l-oħra (40% għal Vallourec, 30% għal Dalmine, u 30% għal Mannesmann) u l-iffissar tal-prezzijiet imħallsa minn Corus għat-tubi lixxi skond formula matematika li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz li Corus ingħatat għat-tubi bil-kamin tagħha.

76      Fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-għan u l-effett tal-kuntratti ta' fornitura kienu li r-riskji tal-kompetizzjoni għall-inqas bejn l-erba' produtturi Ewropej jiġu sostitwiti b'allokazzjoni miftiehma tal-profitti derivanti mill-bejgħ tat-tubi bil-kamin li jistgħu jsiru fuq is-suq Britanniku (ara, b'analoġija, fir-rigward tal-prattiċi miftiehma, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Siment", T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 3150).

77      Permezz tal-kuntratti ta' fornitura, Corus rabtet lit-tliet kompetituri Komunitarji tagħha b'mod li kull kompetizzjoni effettiva min-naħa tagħhom fuq is-suq domestiku tagħha, kif ukoll kull prospettiva ta' kompetizzjoni, sparixxiet.

78      Fil-fatt, Corus saħħet il-pożizzjoni tagħha fuq is-suq domestiku, bi ħsara għal-libertà tagħha ta' fornitura, peress illi tlieta mill-kompetituri potenzjali tagħha fuq is-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin issieħbu magħha b’tali mod li kienu jaraw tnaqqis fil-bejgħ tagħhom tat-tubi lixxi meta l-bejgħ ta' Corus tat-tubi bil-kamin kien jonqos. Barra minn hekk, il-marġni ta' profitt magħmul fuq il-bejgħ tat-tubi lixxi li t-tliet fornituri ntrabtu li jagħmlu kien jonqos wkoll meta l-prezz miksub minn Corus għat-tubi bil-kamin kien jonqos. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kien prattikament inkonċepibbli li dawn it-tliet produtturi jippruvaw joffru kompetizzjoni effettiva lil Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Min-naħa l-oħra, billi aċċettaw dawn il-kuntratti, kull wieħed mit-tliet kompetituri Komunitarji ta' Corus kien assigura parteċipazzjoni indiretta fuq is-suq domestiku ta' l-istess Corus kif ukoll parti mill-profitti li huma relatati. Biex jieħdu dawn il-vantaġġi, huma rrinunzjaw, fil-fatt, għall-possibbiltà li jbiegħu t-tubi bil-kamin fuq is-suq Britanniku u, speċjalment meta ffirmaw it-tielet kuntratt fid-9 t'Awissu 1993, liema kuntratt jalloka t-30% li jifdal lil Mannesmann, għall-possibbiltà li jfornu parti ikbar mit-tubi lixxi mixtrija minn Corus minn dik li ġiet allokata lil kull wieħed minnhom minn qabel. Barra minn hekk, il-kompetituri ta' Corus aċċettaw l-obbligu oneruż, u għalhekk kummerċjalment mhux komuni, li jfornu lill-istess kompetitur tagħhom, Corus, bi kwantitajiet ta' tubi li ma kienux definiti minn qabel ħlief għar-referenza għall-bejgħ tat-tubi bil-kamin imwettaq minn Corus.

80      Għandu jiġi kkonstatat li li kieku l-kuntratti ta' fornitura ma kienux eżistew, it-tliet produtturi Ewropej, eskluża Corus, kienu normalment ikollhom, fl-assenza tar-Regoli Fundamentali, interess kummerċjali reali jew għall-inqas potenzjali sabiex jikkompetu ma' Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin kif ukoll li jikkompetu bejniethom biex ifornu lil Corus bit-tubi lixxi.

81      F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rilevat, barra minn hekk, li kull kuntratt ta' fornitura ġie konkluż għal tul ta' żmien inizjali ta' ħames snin. Dan it-terminu relattivament twil jikkonferma u jsaħħaħ in-natura antikompetittiva ta' dawk il-kuntratti.

82      Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-formula għall-iffissar tal-prezz tat-tubi lixxi, prevista f'kull wieħed mit-tliet kuntratti ta' fornitura, kienet timplika skambju illegali ta' informazzjoni kummerċjali (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 111 tagħha) li għandha tibqa' kunfidenzjali għax inkella tiġi ppreġudikata l-awtonomija tal-politika kummerċjali ta' l-impriżi li jkunu qegħdin jikkompetu (ara, f'das-sens, is-sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar 'il fuq, punt 403, u British Steel vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar 'il fuq, punti 383 et seq).

83      L-argument ta’ Corus, li jgħid li l-informazzjoni dwar il-kwantità ta’ tubi li hija kienet tbiegħ u dwar il-prezzijiet mħallsa mill-klijenti tagħha ma kinitx tiġi żvelata lill-fornituri tagħha, ma jistax jeżoneraha fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

84      F'dak li jikkonċerna l-kwantitajiet ta' tubi bil-kamin mibjugħa minn Corus, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fornituri tagħha setgħu faċilment jikkalkolawhom, peress illi kull wieħed minnhom kien iforni, bħala prinċipju, perċentwali fissa mill-ħtiġijiet tagħha.

85      Għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet, huwa minnu li Corus ma kinitx tikkomunika l-prezzijiet li hija kienet tottjeni għat-tubi bil-kamin tagħha lill-partijiet kontraenti l-oħra. Konsegwentement, l-affermazzjoni li tidher fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kuntratti ta' fornitura "kienu jobbligaw lil [Corus] tipprovdi lill-kompetituri tagħha bil-prezzijiet tal-bejgħ", tkabbar eżaġeratament il-portata ta' l-obbligi kuntrattwali f'dan ir-rigward. Madankollu, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata u quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ġustament irrilevat li dawk il-prezzijiet kienu matematikament relatati mal-prezzijiet imħallsa għat-tubi lixxi, b'mod li t-tliet fornituri kkonċernati kienu jirċievu indikazzjonijiet preċiżi fuq id-direzzjoni, iż-żmien u l-portata ta' kull varjazzjoni fil-prezzijiet tat-tubi bil-kamin mibjugħa minn Corus.

86      Għandu jiġi kkonstatat mhux biss li l-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni lill-kompetituri tikser l-Artikolu 81(1) KE, iżda li, barra minn hekk, in-natura ta' dik il-vjolazzjoni hija essenzjalment l-istess, kemm jekk kienu l-prezzijiet tat-tubi bil-kamin innifishom jew biss informazzjoni dwar il-varjazzjoni tagħhom li kienu ġew ikkomunikati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ineżattezza rilevata fil-punt preċedenti hija insinifikanti fil-kuntest aktar wiesa' tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, m'għandha ebda impatt fuq il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur imsemmi.

87      Għal dak li jirrigwarda l-argument aktar ġenerali ta’ Corus li jgħid li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni rilevati fil-punti preċedenti mhumiex dawk li jikkostitwixxu l-ksur speċifiku indikat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li tali restrizzjonijiet huma murija b’mod ċar fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li jiddeskrivu l-ksur, b’mod partikolari fil-premessa 111, iċċitata in extenso fil-punt 74 iktar 'il fuq. Safejn l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata juri li l-kuntratti ta' fornitura kienu ġew konklużi "fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1", minn dan joħroġ ċar li huwa propju l-fatt li dawn il-kuntratti antikompetittivi ġew konklużi li jikkostitwixxi minnu nnifsu l-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 2.

88      F'kull każ, il-korrettezza ta’ dik l-analiżi hija kkonfermata bil-fatt li, fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża t-tul ta' żmien tal-ksur li ġie kkonstatat għal kull wieħed mill-produtturi Ewropej fuq il-perijodu taż-żamma fis-seħħ tal-kuntratt jew kuntratti li fihom huma kienu parti rispettivament.

89      Barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet huma biżżejjed sabiex jeskludu wkoll l-argument ta’ Corus li jgħid li l-Kummissjoni ma tatx prova li l-produtturi Ewropej ftehmu bejn erba' skond kif ġie espost fid-deċiżjoni kkontestata. Kien x'kien il-grad proprju ta’ l-azzjoni miftiehma li eżista bejn l-erba’ produtturi Ewropej, għandu jiġi kkonstatat li kull wieħed minnhom iffirma wieħed mill-kuntratti ta' fornitura li jikkostitwixxu l-ksur sanzjonat, ħlief għal Corus li ffirmat tlieta, u b’hekk irrestrinġiet il-kompetizzjoni u pparteċipat fil-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE kif ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni bbażat ruħha għall-kompletezza fuq serje ta’ provi li jmorru lilhinn mill-kuntratti ta' fornitura sabiex turi l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Mhuwiex għalhekk neċessarju li f’din il-kawża jiġu eżaminati l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti f'dan ir-rigward sabiex jiġi ttrattat il-motiv preżenti.

91      Madankollu, fil-kuntest tal-motiv preżenti u safejn il-grad ta’ l-azzjoni miftiehma li kien hemm bejn l-erba’ produtturi komunitarji f'dak li jikkonċerna l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa rilevanti għall-eżami ta’ ċerti motivi oħra, jeħtieġ li jiġu analizzati ċerti dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti sabiex jiġi evalwat l-argument ta’ Corus ibbażat fuq il-fatt li t-tliet kuntratti ta' fornitura in kwistjoni ġew konklużi f’dati differenti, b’mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi minnhom l-eżistenza ta’ ksur wieħed li kien jimplika l-erba’ produtturi Ewropej.

92      F’dan ir-rigward, id-dokument Réflexions sur le contrat VAM tat-23 ta’ Marzu 1990 huwa partikolarment rilevanti. Taħt il-titolu "Scénario II", is-Sur Verluca jipprevedi l-possibilità li "jinsab mezz kif il-Ġappuniżi ma jintervjenux fuq [is-]suq [tar-Renju Unit] u li l-problema tiġi riżolta bejn l-Ewropej”. Huwa jkompli jgħid: "[f']dan il-każ, it-tubi lixxi jiġu effettivament mqassma bejn [Mannesmann], [Vallourec] u Dalmine". Fil-paragrafu sussegwenti, huwa josserva li "ikun probabbilment fl-interess tagħna li jkun hemm rabta bejn il-bejgħ ta’ [Vallourec] kemm mal-prezz kif ukoll mal-volum ta’ VAM mibjugħ minn [Corus]". Minħabba li din l-aħħar proposta tirrifletti bi preċiżjoni t-termini essenzjali tal-kuntratt konkluż bejn Vallourec u Corus sittax-il xahar wara, jidher ċar li tali strateġija kienet effettivament imħaddna minn Vallourec u li l-kuntratt imsemmi kien ġie ffirmat sabiex jimplimentaha.

93      Jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Corus ibbażat fuq il-fatt li t-tisħiħ ta' l-aspett tar-Regoli Fundamentali li jirrigwarda r-rispett tas-swieq domestiċi Ewropej mill-produtturi Ġappuniżi mhijiex l-inizjattiva, fost it-tliet soluzzjonijiet ikkontemplati fin-noti Réflexions stratégiques u Réflexions sur le contrat VAM, li s-Sur Verluca għażel meta kkonkluda dawn l-istess noti. Fil-fatt, mill-kliem ta’ dawn iż-żewġ noti wieħed jista’ jiddeduċi li l-awtur tagħhom kien jippreferi din is-soluzzjoni u ċaħadha biss kontra qalbu, minħabba li ma kinitx realizzabbli. B’mod partikolari, skond in-nota Réflexions stratégiques, is-“soluzzjoni l-iktar vantaġġuża għal [Vallourec]” hija bbażata fuq l-ipoteżi fejn “l-Ewropej jipperswadu lill-Ġappuniżi sabiex jirrispettaw lir-Renju Unit għal dak li jirrigwarda Buttress u Premium”. Is-Sur Verluca jiċħad din is-soluzzjoni fl-imsemmija nota biss minħabba li huwa "ma [j]aħsibx sfortunatament li dik is-soluzzjoni [...] tista’ taħdem". Għalhekk, peress illi din is-soluzzjoni kienet implimentata mill-1991, it-twarrib provviżorju ta’ din l-istrateġija f'dawn in-noti mhuwiex ta' importanza.

94      Barra minn hekk, il-fatt li kuntratt prattikament identiku ġie imbagħad iffirmat bejn Corus, minn naħa, u Vallourec, Dalmine u fl-aħħar Mannesmann, min-naħa l-oħra, b'mod li l-ħtiġijiet ta’ Corus fejn jidħlu t-tubi lixxi kienu effettivament mqassma bejn dawn it-tliet kumpanniji mill-1993 kif ikkontemplat mis-Sur Verluca, jikkonferma li dawn it-tliet kuntratti kellhom jiġu konklużi bl-għan li tiġi segwita strateġija Ewropea komuni. Kif muri mill-Kummissjoni, Vallourec fil-bidu kkonċepiet din l-istrateġija u kkonkludiet kuntratt ta’ fornitura ma’ Corus fil-fażi inizjali. Suċċessivament, Dalmine u Mannesmann ingħaqdu magħha, u dan huwa kkonfermat bil-konklużjoni min-naħa ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji ta’ kuntratt ta’ fornitura ma’ Corus.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti ta' fornitura kienu jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u kienu għalhekk iservu ta' prova dwar l-eżistenza ta' l-istess ksur kif titlob il-liġi. Għandu jiġi rrilevat ukoll, għal kull skop rilevanti, li l-elementi ta’ prova addizzjonali kkunsidrati mill-Kummissjoni jikkonfermaw il-korrettezza tat-teżi tagħha li dawk il-kuntratti kienu jiffurmaw parti minn politika komuni aktar wiesa'.

96      Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda l-analiżi tal-provi invokati biex juru l-eżistenxa tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

97      Skond Corus, l-analiżi tan-noti ta' l-1990, iċċitati fil-premessi 78 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, magħmula fid-DO hija differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari safejn il-Kummissjoni m’għadhiex issostni, fil-premessa 147 ta’ l-istess deċiżjoni, li tali elementi probatorji jagħtu prova ta' l-eżistenza ta’ ftehim bejn l-erba’ produtturi Ewropej li jikkonċerna t-tubi lixxi.

98      Barra minn hekk, il-Kummissjoni invokat id-dokumenti ta' l-1993, iċċitati fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-faks mibgħut minn Corus lil Vallourec intitolat "Ftehim ta’ kooperazzjoni BS", u d-dokument "Sistema għat-tubi ta’ l-azzar"), sabiex turi l-eżistenza tal-ftehim illegali kif ikkostitwit mill-kuntratti ta' fornitura, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. Peress illi Corus ma kellhiex okkażjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura amministrativa fuq l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rigward, id-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura.

99      Il-Kummissjoni tirribatti li d-deċiżjoni finali m’għandhiex tkun neċessarjament identika għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fuq kull punt. F’dan il-każ, id-DO u d-deċiżjoni kkontestata t-tnejn li huma fihom il-konklużjoni li Corus ipparteċipat fil-ftehim li jikkostitwixxi l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, flimkien ma' għall-inqas impriża oħra mill-1990 u mat-tliet fornituri Ewropej tagħha mill-1993. Anki jekk wieħed jissopponi li hemm xi differenza bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata, dan ma jaffettwax id-drittijiet tad-difiża ta’ Corus. B'hekk, tali differenza ma tiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni finali ħlief meta jkun hemm il-possibbiltà li fl-assenza ta’ dawn l-allegati irregolaritajiet, il-proċedura amministrativa setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1980, Distillers vs Il-Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26). Għaldaqstant, sabiex tagħti prova ta' l-eżistenza tal-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiza, Corus trid turi li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tkun differenti kieku hija kellha l-okkażjoni li tikkontesta l-eżistenza tal-ftehim li fih ipparteċipaw tliet impriżi oħra minflok waħda biss. Peress li Corus tikkontesta l-eżistenza ta' kull ftehim, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pożizzjoni tagħha tibqa’ valida, irrispettivament min-numru ta’ impriżi li jkunu pparteċipaw magħha fil-ksur imsemmi, u li Corus kellha l-okkażjoni tiddefendi ruħha b'mod adewgat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

100    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li d-drittijiet tad-difiża ma jiġux miksura minħabba xi nuqqas ta' qbil bejn il-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk l-ilment fid-deċiżjoni ma jkunx ġie espost suffiċjentement fid-DO b’mod li jippermetti lid-destinatarji jiddefendu rwieħhom (ara, f’das-sens, is-sentenza Siment, punt 76 supra, punti 852 sa 860).

101    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tkun spiss aktar konċiża minn dik li tinsab fid-deċiżjoni finali li tiġi adottata, peress li dik tirrappreżenta biss il-pożizzjoni provviżorja tal-Kummissjoni. Id-differenzi fil-kliem bejn id-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali, li jirriżultaw mid-differenzi fl-għanijiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dokumenti, mhumiex tali, bħala prinċipju, li jiksru d-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, huwa assolutament normali li d-DO ma fihiex punti ekwivalenti għall-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha l-Kummissjoni tasal espliċitament għall-konklużjonijiet tagħha fuq l-elementi probatorji eżaminati fil-premessi 78 sa 81 u 91 ta’ l-istess deċiżjoni. Għall-kuntrarju, tali konkużjoni setgħet tkun eventwalment ikkunsidrata bħala prematura fl-istadju tad-DO.

102    Fil-premesFilFil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummisjoni tosserva li "Vallourec u [Corus] (...) ħarġu bl-idea tal-Fundamentals Improved", filwaqt li fil-punt 63 tad-DO hija kienet ikkunsidrat li kienu "l-Ewropej" li kienu ħarġu biha. Għaldaqstant, hija m’għadhiex issostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li n-noti ta’ Vallourec jikkorroboraw l-eżistenza ta' ftehim mill-1990 bejn l-erba’ produtturi Ewropej dwar it-tubi lixxi mibjugħa fis-suq Britanniku.

103    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, b'din il-bidla fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, illimitat ruħha li tikkonstata l-fatti fir-rigward ta' liema hija kienet tikkunsidra li għandha prova adegwata, b’mod partikolari wara r-risposti għad-DO tad-destinatarji ta’ l-istess deċiżjoni. Peress li n-noti in kwistjoni kienu jirrigwardaw biss lil Vallourec u Corus, il-Kummissjoni ddeċidiet li tfassal il-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata b’mod aktar prudenti, f'dan ir-rigward, mill-punt 63 tad-DO.

104    F'kull każ, għandu jiġi kkonstatat li din id-differenza fil-kliem, aktar milli tmur kontra l-interessi tad-destinatarji tad-DO, tirrifletti n-natura aktar limitata tal-valur probatorju mogħti mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, lin-noti ta’ Vallourec bħala elementi ta’ prova kontriha sabiex turi l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 ta' tali deċiżjoni, meta mqabbla mad-DO. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma tistax tirrigwarda vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża minħabba din id-differenza.

105    Għal dak li jirrigwarda l-argumenti dwar il-faks ta’ Corus lil Vallourec, intitolat "Ftehim ta’ kooperazzjoni BS", u dwar id-dokument Sistema għat-tubi ta’ l-azzar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-punt 118 tad-DO huwa mfassal bl-istess termini eżatti bħall-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata u jirreferi għalhekk għal dawn iż-żewġ elementi ta’ prova bl-istess mod u fl-istess kuntest bħad-deċiżjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tippretendi Corus, kemm id-DO kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata juru li l-faks "Ftehim ta’ kooperazzjoni BS" tagħmel referenza għall-kuntratti sanzjonati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata: "waħda mill-proposti kienet li jiġu trasferiti lil Vallourec l-attivitajiet OCTG fejn fl-istess waqt jinżammu fis-seħħ il-kuntratti ta' fornitura ta' tubi lixxi bejn [Corus] u Vallourec, [Mannesmann] u Dalmine, mingħajr tibdil fil-proporzjonijiet" (punt 118 tad-DO u l-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Minn dan isegwi li l-motiv preżenti huwa infondat u li, għaldaqstant, it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u mill-ineżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

107    Skond ir-rikorrenti, li kieku l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kellu jiġi annullat, ma jkunx hemm provi biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija pparteċipat, mill-1991, fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

108    Hija tosserva l-ewwel nett li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa deskritt fil-premessa 164 ta' l-istess deċiżjoni bħala mezz għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun. Jekk l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat, il-prova tal-parteċipazzjoni ta’ Corus fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tkun limitata għall-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-klabb imsemmi.

109    Madankollu, Corus issostni li l-parteċipazzjoni tagħha f'dawn il-laqgħat kienet tagħmel parti mill-istrateġija tagħha għall-irtirar mis-suq tat-tubi mingħajr saldatura, deċiża fl-1987 u implimentata f'April 1991 bl-għeluq tal-fabbrika tagħha ta’ Clydesdale, li kienet tipproduċi tubi lixxi. Id-dokument riprodott f’paġna 4902 tal-fajl tal-Kummissjoni intitolat "Nota għall-presidenti" ("Paper for Presidents") u li ġie invokat mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni ta’ Corus fil-laqgħat imsemmija juri li waqt dawn il-laqgħat kienet ġiet eżaminata r-ristrutturazzjoni eventwali ta’ l-industrija Ewropea ta' l-azzar. Kien fil-kuntest ta’ din ir-ristrutturazzjoni li Corus ippruvat tinnegozja t-tnaqqis ta’ l-aħħar attivitajiet tagħha fis-suq tat-tubi lixxi. M’hemm l-ebda prova dokumentarja li l-parteċipazzjoni ta’ Corus fil-laqgħat imsemmija tat lok għal azzjoni miftiehma illegali kif ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

110    Il-Kummissjoni ssostni li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq provi differenti minn dawk użati sabiex jiġi muri l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni. Hija tirrileva wkoll li Corus ma kkontestatx tali provi, u lanqas l-eżistenza tar-Regoli Fundamentali għat-tqassim tas-swieq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

111    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li, peress li t-talba għall-annullament ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet miċħudha għar-raġunijiet esposti hawn fuq, il-motiv preżenti huwa, bħala prinċipju, invalidu.

112    Fil-fatt, il-motiv preżenti jista’ jkun fondat biss kieku l-Kummissjoni bbażat ruħha b'mod inkorrett fuq l-eżistenza tal-ksur irrilevat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Corus fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni. Dan ikun il-każ, primarjament, li kieku l-eżistenza tal-ksur li jikkonċerna t-tubi lixxi u li ġie kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma jkunx ġie stabbilit kif titlob il-liġi, jew ukoll, fit-tieni lok, jekk ma jkunx ġie stabbilit li dak il-ksur ikkonsista f’azzjoni miftiehma illegali bejn l-erba’ produtturi Ewropej fl-ambitu tal-ksur imwettaq fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun mal-produtturi Ġappuniżi għal dak li jirrigwarda s-suq fil-linja 'l isfel tat-tubi bil-kamin, kif ġie kkonstatat fl-Artikolu 1.

113    Madankollu, fil-punti 71 sa 96 iktar 'il fuq, ġie deċiż li l-eżistenza tal-ksur irrilevat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita kif titlob il-liġi. Barra minn hekk, fil-punti 91 sa 96 iktar 'il fuq ġie deċiż li l-kuntratti li jikkostitwixxu tali ksur ġew effettivament iffirmati fil-kuntest ta’ azzjoni miftiehma bejn l-erba’ produtturi Ewropej destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata bl-għan, b'mod partikolari, li jiġi msaħħaħ il-ftehim illegali konkluż fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun.

114    F'kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, aktar milli llimitat ruħha li tikkunsidra li Corus kienet ipparteċipat fil-ksur li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni minħabba biss l-aġir antikompetittiv tagħha fuq is-suq fil-linja 'il fuq tat-tubi lixxi, li jikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni, irrilevat li Corus kienet ipparteċipat ukoll direttament fil-ftehim għat-tqassim tas-swieq tat-tubi bil-kamin mal-produtturi Ewropej l-oħra u mal-produtturi Ġappuniżi.

115    Għalkemm l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1, dan l-istess ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u l-parteċipazzjoni ta’ Corus f'dan il-ksur huma bbażati essenzjalment fuq provi differenti minn dawk li ntużaw sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur kkonstatat fl-Artikolu 2 u b’mod partikolari, fuq ix-xhieda tas-Sur Verluca (ara, b’mod partikolari, il-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, Corus ma kkontestatx ir-rilevanza ta’ dawn il-provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ank jekk wieħed jissopponi li kellu jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u dan minkejja dak li ġie deċiż iktar 'il fuq, dan ma jistax iwassal għall-annullament ta’ l-Artikolu 1.

116    Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-raġunijiet li minħabba fihom hija ħadet sehem fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun, joħroġ minn ġurisprudenza kostanti li, meta impriża tipparteċipa, anki jekk ma jkollhiex parti attiva, f’laqgħat bejn impriżi li jkollhom għan antikompetittiv u hija ma titbiegħedx pubblikament mill-kontenut tagħhom, u tagħti x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija qiegħda tipparteċipa fil-ftehim li jirriżulta mil-laqgħat imsemmija u li hija ser iżżomm miegħu, hija tista’ tiġi kkunsidrata li tkun qiegħda tipparteċipa fil-ftehim in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra. p. II-1711, punt 232).

117    Fil-kawża preżenti, Corus ma ċaħditx il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun u, kif diġà ġie rrilevat iktar 'il fuq, ma ressqitx xi argumenti sabiex tikkontesta l-veraċità u s-saħħa probatorja ta’ l-elementi ta’ prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 ta’ l-istess deċiżjoni.

118    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

119    Corus tressaq ukoll argument ibbażat fuq l-allegat żball fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan il-motiv għandu jwassal għall-annullament parzjali ta’ l-imsemmi Artikolu 1 kif ukoll għal tnaqqis tal-multa imposta fuq Corus.

120    Corus tosserva li l-Kummissjoni tiddikjara li hija kkonstatat l-eżistenza tal-ksur deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mis-sena 1990 u dan minħabba l-eżistenza ta’ ftehim ta’ awtolimitazzjoni li kienu fis-seħħ qabel din id-data (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond Corus, l-imsemmija ftehim kienu ġew imġedda sal-bidu tas-sena 1991, b'mod li, skond ir-raġunament tal-Kummissjoni, ma setax ikun hemm ksur qabel l-1991. Corus iżżid li destinatarja oħra tad-deċiżjoni kkontestata ser iġġib il-prova ta’ din il-proroga. Peress li fir-rikors tagħha Corus talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tordna, jekk ikun il-każ, li ssir istruttorja preliminari, fir-replika tagħha hija talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tordna lill-Kummissjoni jew lill kwalunkwe terza persuna jippreżentaw kull dokument rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti, b’mod partikolari, kwalunkwe dokument li fih il-prova tal-proroga tal-ftehim ta’ awtolimitazzjoni.

121    Il-Kummissjoni tikkonstata li Corus ma ressqet ebda prova in sostenn ta' l-argument tagħha li jgħid li l-ftehim ta’ awtolimitazzjoni konklużi mal-Gvern Ġappuniż spiċċaw biss fl-1991.Billi l-fatt li tiġi espressa t-tama li xi parti oħra sejra tressaq tali prova ma jistax jitqies bħala prova effettiva, il-Kummissjoni tosserva li m'hemmx bżonn li hija twieġeb għal dan il-motiv. F'kull każ, il-fatt li ma ġietx imposta multa matul iż-żmien ta’ validità tal-ftehim ta’ awtolimitazzjoni kien diġà jikkostitwixxi konċessjoni min-naħa tal-Kummissjoni, u dan fid-dawl ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-importazzjoni ta' prodotti Ġappuniżi fil-Komunità (ĠU 1972, C 111, p. 13).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

122    Jeħtieġ li jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-Kummissjoni, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li hija setgħet tikkunsidra l-eżistenza tal-ksur bħala li beda mill-1977, iżda hija għażlet li ma tagħmilx dan minħabba l-eżistenza tal-ftehim ta’ awtolimitazzjoni. Għaldaqstant, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata hija kkonkludiet li l-ksur beda jeżisti mill-1990. Għandu jiġi kkonstatat li dan jikkostitwixxi konċessjoni mogħtija mill-Kummissjoni lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

123    Għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mill-partijiet ma sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li dik il-konċessjoni kellha tiġi kkontestata fil-kawża preżenti. Għaldaqstant, l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tal-proċeduri preżenti m'għandux jirrigwarda l-legalità tal-konċessjoni jew jekk kinitx xierqa, iżda biss il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, wara li semmietha espressament fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, applikatx korrettament tali konċessjoni fil-kawża preżenti. Jeħtieġ li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex tiġġustifika l-konvinzjoni soda li dak il-ksur ikun ġie mwettaq, peress li l-oneru tal-prova fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur, u għaldaqstant, tat-tul ta' żmien tiegħu, jaqa' fuqha (sentenzi CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar 'il fuq, punt 20, u Woodpulp II, punt 50 iktar 'il fuq, punt 127; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T-68/89, T-77/89 u T-78/89, Ġabra p. II-1403, punti 193 sa 195, 198 sa 202, 205 sa 210, 220 sa 232, 249, 250 u 322 sa 328, u tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punti 43 u 72).

124    Għaldaqstant, il-konċessjoni deskritta hawn fuq tirrendi l-allegata terminazzjoni tal-ftehim ta' awtolimitazzjoni l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-ksur bediex fl-1990. Peress li dawn huma ftehim konklużi fuq livell internazzjonali, bejn il-Gvern Ġappuniż, irrappreżentat mill-Ministeru Internazzjonali tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija, u l-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-istess Kummissjoni kellha żżomm d-dokumentazzjoni li tikkonferma d-data li fiha ntemmu l-ftehim msemmija, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, hija kellha tkun f’pożizzjoni li tippreżenta din id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Madankollu, il-Kummissjoni affermat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kienet fittxet fl-arkivji tagħha iżda li hija ma setgħetx tippreżenta dawn id-dokumenti li jattestaw id-data tat-terminazzjoni ta’ dawn l-ftehim.

125    Għalkemm, b’mod ġenerali, rikorrent ma jistax jittrasferixxi l-oneru tal-prova fuq il-konvenut billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jġib il-prova, il-kunċett ta' l-oneru tal-prova ma jistax jiġi applikat għall-benefiċċju tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti għal dak li jirrigwarda d-data tat-terminazzjoni tal-ftehim internazzjonali li hija kkonkludiet. L-inkapaċità inspjegabbli tal-Kummissjoni biex tipppreżenta l-elementi ta’ prova li jirrigwardaw ċirkustanza li tikkonċerna lilha direttament tippriva lill-Qorti tal-Prim'Istanza l-possibbiltà li tiddeċiedi b'konoxxenza sħiħa tal-fatti li jirrigwardaw id-data tat-terminazzjoni ta' l-imsemmija ftehim. Ikun kontra l-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li kienu l-konsegwenzi ta’ dik l-inkapaċità tal-Kummissjoni jsofruha l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li, għad-differenza ta’ l-istituzzjoni konvenuta, ma kienux f’pożizzjoni li jġibu l-prova mankanti.

126    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, b'mod eċċezzjonali, li kien l-obbligu tal-Kummissjoni li ġġib prova ta’ dik it-terminazzjoni tal-ftehim ta' awtolimitazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ġabitx prova tad-data li fiha ntemmu l-imsemmija ftehim, kemm fid-deċiżjoni kkontestata u kemm quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

127    Barra minn hekk, la Corus u, a fortiori, lanqas il-Kummissjoni ma sostnew li l-ftehim ta’ awtolimitazzjoni kienu għadhom fis-seħħ fl-1991.

128    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet ta' dawn il-proċedimenti, li l-ftehim ta' awtolimitazzjoni, li ġew konklużi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġappuniżi, baqgħu fis-seħħ sat-tmiem tas-sena 1990.

129    F'kull każ, ir-rikorrenti Ġappuniżi ġabu provi li jattestaw li l-ftehim ta' awtolimitazzjoni ġew imġedda sal-31 ta' Diċembru 1990, għall-inqas fir-rigward tal-Ġappuniżi, liema fatt jikkonferma t-teżi ta' Corus f'dawn il-proċedimenti (ara s-sentenza JFE Steel et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 345). Għandu jiġi kkunsidrat li, f'kawżi magħqudin fejn il-partijiet kollha kellhom l-okkażjoni li jikkonsultaw il-fajls kollha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' ex officio tikkunsidra provi li jkunu jinsabu fil-proċessi tal-kawżi paralleli (ara, f'das-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 1990, Nefarma u Bond van Groothandelaren in het Farmaceutische Bedrijf vs Il-Kummissjoni, T-113/89, Ġabra p. II-797, punt 1, u Prodifarma et vs Il-Kummissjoni, T-116/89, Ġabra p. II-843, punt 1). Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija mitluba tagħti deċiżjoni f'kawżi magħquda għall-finijiet tal-fażi orali li għandhom bħala suġġett l-istess deċiżjoni li tikkonstata ksur u li fihom l-partijiet rikorrenti kollha talbu sabiex jiġi rivedut l-ammont tal-multi li huma ġew ikkundannati jħallsu.

130    Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim Istanza ħadet konjizzjoni formali ta' l-elementi ta' prova miġjuba mill-erba' rikorrenti Ġappuniżi u mhuwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq id-domanda ta’ Corus sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi tali dokumenti f'dawn il-proċedimenti.

131    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Corus titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza mhux biss li tannulla d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda d-data ta' bidu tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tagħha u, f'dan ir-rigward, it-tul ta' żmien ta' dan il-ksur, iżda wkoll li tnaqqas, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 229 KE, permezz ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa tagħha sabiex tieħu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis fiż-żmien. Din il-kompetenza sħiħa twassal għal konsegwenza li l-Qorti tal-Prim'Istanza, meta temenda att ikkontestat billi tvarja l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni, ikollha tikkunsidra l-fatti kollha rilevanti (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 692). F'dawn iċ-ċirkustanzi u peress illi r-rikorrenti kollha kkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur beda mill-1 ta' Jannar 1990, ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Prim'Istanza tanalizza separatament is-sitwazzjoni ta' kull waħda mir-rikorrenti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti billi tillimita ruħha għall-fatti li għalihom huma għażlu li jirreferu biex jibbażaw il-kawża tagħhom u mingħajr kunsiderazzjoni għal dak li r-rikorrenti l-oħra jew il-Kummissjoni setgħu invokaw.

132    Barra minn hekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li Corus ma qajmitx il-motiv preżenti b’mod effettiv huwa irrilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

133    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li fid-dawl tal-konċessjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, it-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi mnaqqas b'sena. Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn jikkonstata li l-ksur li bih ġiet akkużata Corus kien jeżisti qabel l-1 ta' Jannar 1991.

134    Għall-bqija, it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għall-annullament tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

135    Fil-kuntest ta’ din it-talba, Corus tqajjem argument wieħed ibbażat fuq il-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Hija ssostni li mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha turi b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni, sabiex tagħti lid-destinatarji l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra xi konstatazzjoni ta' ksur imma wkoll, jekk ikun il-każ, kontra l-impożizzjoni ta’ xi multi. Il-Kummissjoni għalhekk għandha l-obbligu, sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji, li tagħti, abbażi ta’ l-elementi li hija jkollha fil-pussess tagħha, indikazzjoni suffiċjenti, fl-istadju tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, fuq it-tul ta' żmien tal-ksur allegat, fuq il-gravità tiegħu u fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur kienx intenzjonat jew seħħx minħabba negliġenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 14, 15 u 21; tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 20, u tas-16 ta' Marzu 2000, Compagnie Maritime Belge Transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 u C-396/96, Ġabra p. I-1365, punt 142).

136    Għal dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur, Corus iżżid li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod espliċitu li l-Kummissjoni kellha tindika t-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat b’mod provviżorju fil-fażi tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, abbażi ta’ l-informazzjoni li kellha fil-pussess tagħha, u mhux sempliċiment tillimita ruħha sabiex tippreċiża li t-tul ta' żmien kien ser jiġi kkunsidrat għall-finijiet ta' l-iffissar tal-multa, kif issostni l-Kummissjoni (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq, punt 15). Skond Corus, l-obbligu li tiġi indikata l-gravità u wkoll in-natura negliġenti jew intenzjonali tal-ksur għandu jkun l-istess, sabiex id-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod utli d-drittijiet tad-difiża tagħhom fir-rigward ta' dawn l-elementi. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat din l-interpretazzjoni fis-sentenza Siment, punt 76 iktar 'il fuq (punti 483 u 484). Fil-każ kuntrarju, dan l-obbligu jkun nieqes minn kull skop, għaliex ikun jimplika li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha sempliċiment tesponi l-kriterji rilevanti, li jirriżultaw xorta waħda mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

137    F’din il-kawża, il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa dan l-obbligu għal dak li jirrigwarda kemm il-gravità tal-ksur kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-istess ksur ġiex imwettaq intenzjonalment jew b'negliġenza, peress li l-punti 153 u 154 tad-DO ma fihom ebda indikazzjoni fuq dawn iż-żewġ elementi. Corus tippreċiża li hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq din il-lakuna f’punt 6.7 tar-risposta tagħha għad-DO (anness 11 tar-rikors) u li l-Kummissjoni ma bagħtitilha ebda informazzjoni addizzjonali fuq dan il-punt.

138    Corus issostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi ruħha fuq l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq dawn il-kwistjonijiet qabel ma l-istess Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn ġie konkluż li l-ksur allegatament imwettaq minn Corus kien gravi ħafna u li l-istess Corus kienet konxja mill-illegalità ta’ l-aġir tagħha (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-drittijiet tad-difiża ta’ Corus għalhekk ġew miksura, b'mod li l-multa li ġiet imposta fuqha għandha tiġi annullata.

139    Skond il-Kummissjoni, Corus tagħti interpretazzjoni ħażina tas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq (punt 21), f'dak illi minn din is-sentenza hija tiddeduċi li l-Kummissjoni għandha tesponi, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet provviżorji tagħha ta’ l-elementi li hija tkun bi ħsiebha tieħu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-iffissar tal-multa. Fir-realtà, il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet sempliċiment li l-Kummissjoni tippreċiża liema kriterji jkunu ser jiġu applikati għall-iffissar tal-multa. Fil-fatt, l-interpretazzjoni mogħtija minn Corus tas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, hija inkompatibli ma' l-interpretazzjoni adottata fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq (punt 19), fejn ingħad li l-fatt li l-Kummissjoni tagħti xi indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi kkontemplati, qabel ma l-impriża li tkun is-suġġett ta’ l-investigazzjoni jkollha l-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilmenti li jkunu ġew ikkonstatati kontra tagħha, ikun ifisser li tkun qiegħda tiġi antiċipata b'mod mhux approprjat id-deċiżjoni finali tagħha.

140    Barra minn hekk, l-argument ta’ Corus li huwa bbażat fuq il-punti 483 u 484 tas-sentenza Siment, punt 76 iktar 'il fuq, huwa irrilevanti, peress illi dawn il-punti jirreferu għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha, kinitx uriet l-intenzjoni tagħha li timponi multa fuq ċerti impriżi. Fil-kawża preżenti, min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-punt 154 tad-DO kien jindika b’mod ċar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq Corus.

141    Mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jirriżulta li, biex dan iseħħ, il-Kummissjoni kellha bilfors tikkunsidra l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur ikkontestat. Corus għalhekk kellha bilfors tikkunsidra r-rilevanza ta' dawn il-parametri f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, peress illi n-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur huwa presuppost għall-impożizzjoni ta’ multa abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni, tali avviż kien ikun biżżejjed għal Corus biex hija tiġi infurmata fuq il-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward dawn l-elementi. Peress li l-pubblikazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida għall-kalkolu tal-multi") seħħet qabel it-trażmissjoni tad-DO lid-destinatarji tagħha, Corus kellha tiddeduċi li l-ftehim għat-tqassim tas-swieq li bih ġiet akkużata kien jikkostitwixxi ksur gravi ħafna ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

142    Safejn is-sentenza Siment, punt 76 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha jkollha d-dettalji dwar in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur u dwar il-gravità, il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dettalji jistgħu jingħataw fit-test stess tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u mhux neċessarjament fil-parti ta’ l-istess dikjarazzjoni li tirreferi għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li Corus ikkunsidrat li l-informazzjoni imniżżla fid-DO għal dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur kienet suffiċjenti. Peress li din l-informazzjoni kienet imniżżla f'siltiet tad-DO minbarra dawk iddedikati għall-impożizzjoni ta' multa, il-Kummissjoni ssostni li Corus aċċettat il-prinċipju li jgħid li huwa neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni d-DO kollha. Issa, id-DO fiha deskrizzjoni dettaljata tal-ksur li minnha joħroġ ċar li l-Kummissjoni kienet tikkunsidraha bħala importanti (ara, b’mod partikolari, il-punt 147 tad-DO). Għal dak li jirrigwarda n-natura intenzjonali tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar illi, skond il-ġurisprudenza, hija m’għandhiex tagħti prova ta' l-eżistenza ta’ intenzjoni suġġettiva f’dan ir-rigward, imma biss li l-partijiet kellhom suppost ikunu jafu li l-aġir tagħhom kien jinvolvi ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 299). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi muri, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li l-aġir tal-partijiet kien tali li oġġettivament jista’ jiġi meqjus bħala li kellu natura intenzjonali jew negliġenti.

143    F'kull każ, Corus ressqet argumenti speċifiċi fil-punti 1.6, 3.14 u 3.15 tar-risposta tagħha għad-DO, sabiex timminimizza l-gravità tal-ksur u għamlet riferiment speċifiku għal dan il-fattur fil-punti 6.3, 6.4 u 6.7 tagħha. Fil-punti 3.12, 3.15 u 4.5 sa 4.9 ta’ l-istess risposta, Corus esponiet ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-aġir tagħha qabel ma kkonkludiet, fil-punti 6.1 u 6.2 ta’ l-imsemmija risposta taħt it-titolu "Dwar il-multi", li ma kienx hemm ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE min-naħa tagħha, b'mod li hija ċaħdet li hija wettqet xi ksur u, a fortiori, xi ksur deliberat. Minn dawn il-fatti, il-Kummissjoni iddeduċiet li Corus kellha, u ħadet, l-opportunità li tgħarraf il-fehma tagħha fuq il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-multi u li għalhekk id-drittijiet tad-difiża tagħha ma ġewx miksura. Għaldaqstant, peress li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Corus ma kellu ebda impatt negattiv fuq il-possibilitajiet tagħha li tiddefendi ruħha fil-prattika, id-deċiżjoni kkontestata m'għandhiex tiġi annullata minħabba f'hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 71 iktar 'il fuq, punt 1020).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

144    Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha turi b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni, sabiex tagħti lid-destinatarji l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra xi konstatazzjoni ta' ksur imma wkoll, jekk ikun il-każ, kontra l-impożizzjoni ta’ xi multi. Il-Kummissjoni għalhekk għandha l-obbligu, sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji, li tagħti, abbażi ta’ l-elementi li hija jkollha fil-pussess tagħha, indikazzjoni suffiċjenti, fl-istadju tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, fuq it-tul ta' żmien tal-ksur allegat, fuq il-gravità tiegħu u fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur kienx intenzjonat jew seħħx minħabba negliġenza (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq, punti 14, 15 u 21; Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq, punt 20 u Compagnie Maritime Belge Transports et vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar 'il fuq, punt 142).

145    F’dan ir-rigward, l-obbligu li tingħata indikazzjoni fuq il-gravità u fuq in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur ikun nieqes minn kull skop jekk sempliċi parafrażi ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tkun biżżejjed minnha nnifisha biex tissodisfa tali obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 76 iktar 'il fuq, punti 483 u 484). Fil-fatt, ma jagħmilx sens li l-Kummissjoni tkun sempliċiment obbligata tinforma lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, li f'kull każ dawn suppost ikunu jafuhom, taħt piena li d-deċiżjoni adottata fuq il-ksur tiġi annullata.

146    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-istess Kummissjoni għandha, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, tesponi evalwazzjoni qasira u provviżorja fuq it-tul ta' żmien tal-ksur allegat, fuq il-gravità u fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonali jew b'negliġenza fiċ-ċirkustanzi tal-kawża in kwistjoni. Madankollu, in-natura adegwata ta' din l-evalwazzjoni provviżorja, intiża li tpoġġi lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom, għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem ta' l-att in kwistjoni, iżda ukoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett in kwistjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punti 89 et seq).

147    Fil-kawża preżenti, għal dak li jirrigwarda n-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni mogħtija fid-DO hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza.

148    Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreċiżat kemm-il darba fid-DO (b’mod partikolari fil-punti 129 u 137) li l-ftehim konkluż fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun kellu l-għan li jqassam is-swieq tat-tubi bil-kamin u, għaldaqstant, li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regolamenti tal-kompetizzjoni, li l-aġir, li jkun ta' natura oġġettivament illegali, jkun twettaq b’mod intenzjonali jew b'negliġenza sabiex tiġi awtorizzata l-impożizzjoni tal-multa taħt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Huwa ċar li l-fatt li ġie konkluż ftehim ta’ tqassim tas-swieq bħal dak li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ikollu bilfors natura intenzjonali, minħabba li impriża ma tistax tikkonkludi tali ftehim involontarjament.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi konkluż li d-DO ma ħalliet ebda dubju f’din il-kawża fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni, f’dak l-istadju tal-proċedura, ikkunsidrat li l-ksur stabbilit sussegwentement fl-Artikolu 1 tad-deċizjoni kkontestata kien twettaq b’mod intenzjonali.

150    Mill-banda l-oħra, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fuq l-evalwazzjoni provviżorja tagħha fuq il-gravità tal-ksur huma ftit li xejn konvinċenti.

151    Fid-DO, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fil-punti 153 u 154 tagħha, li tafferma li hija kellha l-intenzjoni li timponi multa billi tirreferi għat-termini ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Huwa veru li fil-punt 147 tad-DO hija esponiet li dan kien jinvolvi ftehim għat-tqassim tas-swieq li kien jimplika restrizzjoni sinjifikattiva ("appreciable") tal-kompetizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni ma tiċċarax jekk skond il-Kummissjoni dan kienx jinvolvi ksur "gravi" jew "gravi ħafna" fis-sens tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

152    Bl-istess mod, l-argument tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq il-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmija linji gwida mhuwiex konvinċenti. Hawnhekk ukoll, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tqis li tali pubblikazzjoni kienet biżżejjed waħedha biex tippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet sabiex mid-deskrizzjoni tan-natura tal-ksur jiddeduċu f’liema kategorija l-Kummissjoni kienet qiegħda tikklassifikah, l-obbligu, li joħroġ mill-ġurisprudenza, li għandhom jingħataw indikazzjonijiet dwar il-gravità tal-ksur ma jkollu ebda sens prattiku (ara punt 145 hawn fuq).

153    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi konkluż li, fil-kawża preżenti, id-DO hija vvizzjata bi żball għaliex il-Kummissjoni ma indikatx, fid-DO, il-klassifikazzjoni provviżorja tagħha dwar il-gravità tal-ksur li twettaq.

154    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax twassal fiha nfisha għall- annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-obbligu li jirrigwarda l-inklużjoni ta’ evalwazzjoni qasira u provviżorja fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li tkun tirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur allegat, il-gravità tiegħu u l-kwistjoni dwar jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonali jew b'negliġenza mhuwiex l-għan aħħari fih innifsu, imma huwa intiż sabiex ipoġġi lid-destinatarja tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha b'mod effettiv (ara l-punt 146 iktar 'il fuq, kif ukoll, b'analoġija, is-sentenza Siment, punt 76 iktar 'il fuq, punt 156).

155    Għaldaqstant, dan l-obbligu ma jistax jiġi sseparat mill-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u huwa kkundizzjonat minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza Siment, punt 76 iktar 'il fuq, punt 156, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qorti Komunitarja m'għandhiex tannulla l-miżuri Komunitarji minħabba ommissjonijiet f’dokument preparatorju bħalma hi d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li ma kellhomx effett fuq id-difiża ta’ l-impriżi kkonċernati. Għalhekk hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk id-difiża ta’ Corus kinitx affettwata mill-vizzju rrilevat fil-punt 153 iktar 'il fuq.

156    F’din il-kawża, Corus ressqet espressament xi argumenti fir-risposta tagħha għad-DO, b’mod partikolari fis-sezzjoni 6 tagħha, intiżi sabiex inaqqsu l-gravità tal-ksur li ġie mwettaq. B’mod partikolari, Corus sostniet li jirriżulta mill-kuntest li fih sar il-ftehim għat-tqassim tas-swieq in kwistjoni li l-eventwali ksur imwettaq minnha ma kienx gravi biżżejjed sabiex jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa (ara l-punt 6.3 tar-risposta għad-DO), li hija kienet ser tirtira mis-swieq tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura u għalhekk kienet ser tnaqqas ir-rwol tagħha f’dan is-settur fil-mument li seħħ l-allegat ksur (ara l-punt 6.4(3) tar-risposta għall-DO) u, fl-aħħar nett, li l-portata ġeografika tal-parteċipazzjoni tagħha u l-kategorija ta' prodotti milquta bil-ksur kienu limitati (ara punt 6.4(2) u punt 6.5 tar-risposta għad-DO). Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li Corus ressqet argumenti dettaljati ta' natura fattwali dwar dawn l-elementi fis-sezzjoni 3 tar-risposta għad-DO.

157    Konsegwentement, Corus ma wrietx b’liema mod l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata setgħu jkunu differenti għal dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur u, għalhekk, l-ammont tal-multa, li kieku l-Kummissjoni kienet ippreċiżat, fid-DO, f’liema kategorija ta’ gravità hija kklassifikat il-ksur li jirriżulta mill-ftehim għat-tqassim tas-swieq fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 71 iktar 'il fuq, punt 1021, u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sempliċi affermazzjoni li Corus għamlet fil-punt 6.7 ta’ l-imsemmija risposta, li tgħid li hija tippreżumi li ser ikollha okkażjoni ġdida sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kriterji msemmija fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, ma tistax tbiddel il-pożizzjoni ġuridika tagħha f’dan ir-rigward.

158    Fl-aħħarnett, għandu jiġi rrilevat, għall-kompletezza, li din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-fatt li Corus, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ressqet sostanzjalment l-istess argumenti (ara l-punti 161 et seq iktar 'il quddiem) bħal dawk li jidhru fis-sezzjoni 6 tar-risposta tagħha għad-DO (ara l-punt 156 iktar 'il fuq), sabiex tikkontesta speċifikament l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hekk kif ġiet ikkonstatata fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher fil-premessi 159 sa 165 tagħha. Il-qorti Komunitarja għandha kompetenza sħiħa sabiex tirrevedi l-ammont tal-multi imposti skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17. Minn dan jirriżulta li, jekk parti ssostni li wieħed mill-fatturi li jirrigwarda din il-kwistjoni ġie evalwat b’mod żbaljat mill-Kummissjoni, hija għandha l-possibbiltà li tressaq kull argument li jista’ jikkorrobora dik it-teżi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki kieku l-Kummissjoni kienet tat l-evalwazzjoni provviżorja tagħha fid-DO fir-rigward tal-gravità tal-ksur, m’hemm l-ebda raġuni li wieħed jissopponi li Corus kienet tippreżenta, fir-risposta tagħha għad-DO, xi argumenti sostanzjalment differenti minn dawk li jidhru effettivament fis-sezzjoni 6 ta’ l-imsemmija risposta.

160    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, il-motiv preżenti u, għaldaqstant, it-talba għall-annullament tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talba għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

161    Corus issostni li, anki li kieku hija pparteċipat fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li hija kienet ser tirtira mis-suq tat-tubi mingħajr saldatura ġab miegħu il-konsegwenza li l-pożizzjoni kummerċjali tagħha kienet differenti ħafna minn dik tal-produtturi l-oħra li kienu sanzjonati. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tikkunsidra li l-ksur kien anqas gravi għal dak li kien jirrigwardaha u, għaldaqstant, l-ammont ta' bażi tal-multa li ġiet imposta fuqha kellu jkun iktar baxx minn dak impost fuq il-parteċipanti l-oħra fil-ksur.

162    Barra minn hekk, Corus tenfasizza li l-attivitajiet tagħha kienu tradizzjonalment orjentati lejn is-suq tar-Renju Unit, li skond il-Kummissjoni kien biss "semi-protett" (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata), u li fih il-produtturi Ġappuniżi kienu kompetituri importanti. Barra minn hekk, il-bejgħ tat-tubi mingħajr saldatura OCTG magħmul minn Corus fuq dan is-suq kien jikkonċerna essenzjalment it-tubi bil-kamin premium u mhux it-tubi bil-kamin standard koperti mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Skond Corus, il-Kummissjoni kellha għalhekk wkoll tieħu in kunsiderazzjoni dawn il-fatturi sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur mwettaq minnha.

163    Corus, barra minn hekk, tfakkar li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala sekondarju għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tagħha. B'hekk, l-annullament eventwali ta’ l-imsemmi Artikolu 2 għandu jkollu neċessarjament impatt fuq il-gravità ta’ l-allegata parteċipazzjoni ta’ Corus fil-ksur priċipali, hekk kif ikkontemplat fl-Artikolu 1.

164    Il-Kummissjoni tirrileva li hija ħadet espressament in kunsiderazzjoni, fil-premessi 106 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-fatt li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 ta' l-istess deċiżjoni kellu biss effetti limitati, u li hija konsegwentement naqqset l-ammont tal-multa. L-argument ta’ Corus li jgħid li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kellu impatt limitat huwa għalhekk irrelevanti fil-kuntest tal-proċedimenti preżenti.

165    Barra minn hekk, l-annullament eventwali ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata m’għandu l-ebda impatt fuq l-ammont tal-multa peress li, kif tfakkar Corus, l-ebda multa separata ma kienet imposta minħabba dik id-dispożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

166    Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, għalkemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma semmietx espressament il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, hija madankollu ffissat l-ammont tal-multi imposti billi applikat il-metodu ta' kalkolu li hija stess stabbiliet fihom (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar 'il fuq, punt 53, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Skond il-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, “l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista' jiġi kkalkulat u l-kobor tas-suq ġeografiku kkonċernat”. Fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li hija tieħu ġustament in kunsiderazzjoni dawn it-tliet kriterji sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur.

168    Madankollu, il-Kummissjoni, fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha essenzjalment fuq in-natura ta' l-aġir illegali ta’ l-impriżi kollha biex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li l-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa “gravi ħafna”. F’dan ir-rigward, hija invokat in-natura tal-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq sanzjonat li hija serjament antikompetittiva u ta' ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, in-natura intenzjonali ta’ l-illegalità u n-natura sigrieta u istituzzjonalizzata tas-sistema implimentata sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fl-istess premessa 161, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li “l-erba’ Stati Membri in kwistjoni jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-konsum tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura fil-Komunità u għalhekk suq ġeografiku wiesa’".

169    Min-naħa l-oħra, fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li “l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq ġie limitat” peress li ż-żewġ prodotti speċifiċi milquta minn dan il-ksur, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-trasport, ma jirrappreżentawx ħlief 19% tal-konsum Komunitarju tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport mingħajr saldatura u billi t-tubi ssaldjati kienu jistgħu ikopru parti mid-domanda għat-tubi mingħajr saldatura minħabba l-progress teknoloġiku.

170    Għaldaqstant, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li kklassifikat dan il-ksur bħala “gravi ħafna” abbażi tal-fatturi elenkati fil-premessa 161, ħadet in kunsiderazzjoni l-kwantità relattivament baxxa tal-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fl-erba’ Stati Membri kkonċernati (EUR 73 miljun fis-sena). Din ir-referenza għall-kobor tas-suq affettwat tikkorrispondi, essenzjalment, ma’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt limitat li l-ksur kellu fuq is-suq li hemm fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li tiffissa l-ammont li huwa skond il-gravità tal-ksur fl-ammont ta’ EUR 10 miljun biss. Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprovdu, bħala prinċipju, multa “ogħla minn [EUR] 20 miljun” għall-ksur li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ ksur gravi ħafna. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan it-tnaqqis ta’ l-ammont skond il-gravità għal 50% tas-somma minima li normalment tiġi kkonstatata fil-każijiet ta’ ksur “gravi ħafna” jirrifletti b'mod adegwat l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq in kwistjoni.

171    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata li l-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu kollha kbar, b’mod li ma kienx hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-ammonti tal-multi imposti fuq il-parteċipanti involuti fil-ksur.

172    Għandu jiġi rilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fil-parti l-kbira ta' din l-evalwazzjoni fuq in-natura tal-ksur sabiex tistabbilixxi li l-ksur kien ta’ natura gravi ħafna. Joħroġ b’mod ċar min-noti ta’ Vallourec, imsemmija b’mod partikolari fil-premessi 62, 67, 78 u 80 tad-deciżjoni kkontestata, li l-kollaborazzjoni bejn Corus u Vallourec kienet partikolarment waħda mill-qrib.

173    Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Corus ibbażat fuq il-fatt li hija kienet ser tirtira mis-swieq tat-tubi OCTG u tal-pajpijiet għat-trasport u li hija kienet, għalhekk, f’sitwazzjoni kummerċjali differenti mid-destinatarji kollha l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, hemm bżonn li jiġi rilevat l-ewwel nett li l-motivi soġġettivi li għalihom impriża twettaq il-ksur mhumiex rilevanti fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva ta’ l-istess ksur. Sakemm Corus ma rtiratx mis-swieq in kwistjoni u kompliet tipparteċipa b’mod attiv fil-ksur ikkontestat, in-natura temporanja tal-preżenza tagħha fuq dawk is-swieq huwa rrilevanti.

174    Għandu jiġi rrilevat, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li Corus kienet biegħet il-produzzjoni tagħha tal-kamini lil Vallourec fit-22 ta’ Frar 1994 u li, fil-każ tagħha, il-ksur seħħ unikament bejn l-1990 sa Frar 1994, hekk kif huwa indikat fl-Artikolu 1(2) ta’ l-imsemmija deċiżjoni. Mill-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ksur attribwit lil Corus kien ikkunsidrat għall-perijodu biss ta’ erba’ snin’, mill-1990 sa l-1994, li huwa kkonfermat mill-fatt li l-ammont ta' bażi tal-multa għal Corus ġie stabbilit għal EUR erbatax-il miljun fil-premessa 167. Fid-dawl tal-qari tad-deċiżjoni kkontestata kollha, għandu jiġi konkluż li s-sena 1990 kienet inkluża u s-sena 1994 eskluża għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

175    Għalhekk, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat fil-kawża in kwistjoni, meta tittieħed in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kooperazjoni stretta bejn Corus u Vallourec imsemmija hawn fuq, li l-aġir illegali ta’ Corus kien anqas gravi, fin-natura tiegħu, minn dak ta’ impriżi oħrajn li pparteċipaw fil-ksur. It-teħid in kunsiderazzjoni tat-tul ta' żmien iqsar, kif deskritta fil-punt preċedenti, tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-każ ta’ Corus huwa biżżejjed sabiex jirrifletti l-fatt li l-istess Corus irtirat mis-swieq tat-tubi bil-kamin fi Frar 1994.

176    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li impriża tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli għal ftehim globali, anki jekk jiġi stabbilit li hija ma pparteċipatx direttament ħlief għal wieħed jew aktar mill-elementi kostituttivi ta’ dak il-ftehim, jekk jiġi muri, minn naħa, li hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tifforma parti minn pjan globali intiż li jwassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien jinvolvi l-elementi kostituttivi kollha tal-ftehim (ara s-sentenza PVC II, punt 71 iktar 'il fuq, punt 773). Fid-dawl tal-kooperazjoni partikolarment stretta bejn Corus u Vallourec, imsemmija hawn fuq (ara ukoll il-premessi 62, 67, 78, u 80 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa ċar li Corus kienet direttament implikata fl-elaborazzjoni ta’ strateġija komuni deċiża fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun u li hija kienet taf id-dettalji kollha tal-ftehim għat-tqassim tas-swieq li jikkostitwixxi l-ksur sanzjonat. Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat li Corus ma kinitx responsabbli għall-ftehim fl-intier tiegħu.

177    Għal dak li jirrigwarda l-fatt li s-suq offshore tar-Renju Unit, bħala settur importanti tas-suq domestiku ta’ Corus, kien biss parzjalment protett, jirriżulta min-noti ta’ Vallourec (ara l-premessi 62, 67, 78 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata) u mid-dokumenti "Nota għall-presidenti" u "g) Ġappuniż" ["g) Japenese" document, riprodott f’paġna 4909 tal-fajl tal-Kummissjoni] (ara l-premessa 84), imfassla minn ħaddiema ta’ Corus, jirriżulta li l-istess Corus kienet qed tipprova tillimita kemm jista' jkun possibli l-bejgħ Ġappuniż fuq dan is-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Corus ma setgħetx tinvoka din il-protezzjoni limitata sabiex issostni li l-ksur li hija wettqet ma kienx ta’ natura "gravi ħafna". Barra minn hekk, in-natura limitata tal-protezzjoni tas-suq offshore tar-Renju Unit bl-ebda mod ma jannulla l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, hekk kif tidher fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li s-suq ġeografiku affettwat kien suq wiesa'.

178    Għal dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Corus dwar l-impatt limitat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fuq is-swieq in kwistjoni, minħabba b’mod partikolari l-eżistenza tal-kompetizzjoni Ġappuniża fuq is-suq domestiku tagħha u minħabba l-fatt li hija kienet tbiegħ essenzjalment tubi premium OCTG aktar milli tubi standard OCTG, jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-ġdid f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni qieset l-impatt limitat tal-ksur fuq is-swieq meta hija għaddiet biex tiffissa l-ammont skond il-gravità għal 50% tas-somma minima applikata normalment f’każ ta’ ksur "gravi ħafna" (il-punt 170 iktar 'il fuq).

179    Huwa veru li s-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jipprovdi għall-possibbiltà li “f’ċerti każijiet, l-ammonti stabbiliti għal kull waħda mit-tliet kategoriji [ta’ ksur] jiġu mwieżna sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali ta' l-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”. Skond dan il-paragrafu, dan l-approċċ ikun adattat "partikolarment meta jkun hemm żbilanċ konsiderevoli fil-kobor ta’ l-impriżi li jkunu l-awturi tal-ksur ta’ l-istess natura".

180    Madankollu, jirriżulta mill-użu ta’ l-espressjoni “f’ċerti każijiet” u tat-terminu “partikolarment” fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi li t-tweżin skond il-kobor individwali ta’ l-impriżi mhuwiex xi stadju sistematiku fil-kalkolu li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, iżda jaqa’ taħt dik il-flessibbiltà li hija kkonċediet lilha nnifisha f’każijiet fejn dan ikun meħtieġ. Għandha ssir referenza f’dan il-kuntest għall-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni tiddisponi minn diskrezzjoni li tippermettilha li tieħu jew ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi hija u tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni li timponi, u dan skond iċ-ċirkustanzi tal-kawża in eżami (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra, p. I-1611, punt 54, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punti 32 u 33, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar 'il fuq, punt 465; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 68). Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni t-termini tas-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li ssemmew iktar 'il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ jekk twettaqx t-tweżin tal-multi skond il-kobor ta’ kull impriża.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-multi għandhom l-iskop li jservu ta’ deterrent fil-materja tal-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi). Għaldaqstant, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-kobor ta’ l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, kif imsemmi fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, tnaqqis sostanzjalment iktar sinjifikattiv ta’ l-ammont iffissat skond il-gravità seta' jneħħi l-effett dissważiv tal-multi.

182    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, kif ikkonstatat fil-punt 180 iktar 'il fuq, meta hija ma applikatx fil-kawża preżenti s-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

183    Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Corus, li jgħid li l-annullament eventwali ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jkollu impatt fuq l-ammont tal-multa imposta bħala sanzjoni għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ebda multa ma ġiet imposta minħabba l-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni ċertament ma ħaditx in kunsiderazzjoni tali ksur meta ffissat l-ammont tal-multa li ġiet effettivament imposta fuq Corus (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, dan l-argument mhuwiex rilevanti.

184    Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

185    Corus issostni li, billi ma tatha ebda tnaqqis fl-ammont tal-multa, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi li hija setgħet leġittimament ikollha mill-punt D 2 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Skond din id-dispożizzjoni, impriża li ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10% sa 50% mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku ma kienx hemm dik il-kooperazzjoni. Corus tenfasizza ukoll li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet espressament, fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li din il-komunikazzjoni tista’ toħloq aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ l-impriżi. B'analoġija, hija tinvoka fl-aħħar nett, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals, punt 116 iktar 'il fuq.

186    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li ssostni li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma ħolqot ebda aspettativa leġittima għal Corus, peress li din il-komunikazzjoni ma ġietx ippublikata ħlief fl-1996, huwa biżżejjed li jiġi rilevat li l-DO kienet intbagħtet lill-istess Corus biss fl-1999. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha espressament fuq il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tnaqqas il-multi imposti fuq Vallourec u fuq Dalmine.

187    Corus tirrileva wkoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-idea li fuqha huwa bbażat it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi li jiddikjaraw li huma ma jikkontestawx il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha hija li tali ammissjoni ta' l-allegazzjonijiet fattwali tista’ tiġi invokata bħala element ta’ prova tal-fatt li dawn l-allegazzjonijiet huma fondati, b'mod li x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġi ffaċilitat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 256).

188    Fil-kawża preżenti, Corus affermat, fil-punt 1.5 tar-risposta tagħha għad-DO, li hija ma kinitx qegħda tikkontesta, essenzjalment, il-materjalità tal-fatti li jirrigwardaw il-ksur ikkonstatat sussegwentement fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li tikkontesta l-eżistenza tal-ksur. Corus tirrileva li hemm bżonn issir distinzjoni bejn il-fatti allegati u l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ l-istess fatti. Hija tikkonkludi li ċ-ċirkustanza fejn impriża tikkontesta l-imsemmija klassifikazzjoni ġuridika ma tnaqqasx il-portata u l-utilità tal-kooperazzjoni li tagħha tkun tat prova meta rrikonoxxiet l-istess fatti. Hija ssostni li, f'deċiżjonijiet oħra fil-qasam ta' akkordji illegali, il-Kummissjoni naqqset il-multi ta' impriżi, anki meta dawn kienu kkontestaw l-eżistenza ta' l-azzjoni miftiehma li tikkostitwixxi l-ksur jew kienu sostnew li ma kienux parti f'dik l-azzjoni miftiehma (ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 98/247/KEFA, tal-21 ta' Jannar 1998, dwar il-proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (kawża IV/35.814 – Alloy surcharge) (ĠU L 100, p. 55), premessi 98 sa 100 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/60/KE tal-21 ta' Ottubru 1998, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (kawża IV/35.691/E-4 – Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU L 24, p. 1), premessa 180]. Bl-istess mod, Corus issostni li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha.

189    Għal dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Corus ibbażati fuq l-allegata kooperazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ġiet ippubblikata biss fl-1996. Peress illi Corus temmet il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata fi Frar ta’ l-1994, din il-komunikazzjoni ma kien ikollha l-ebda rwol f’dan il-kuntest.

190    Barra minn hekk, Corus, fir-risposta tagħha għad-DO, partikolarment fil-punt 3.15 tagħha, dwar il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkontestat mhux biss il-evalwazzjoni tal-fatti, iżda wkoll l-eżistenza stess tal-ftehim illegali. B’dan il-mod, hija obbligat lill-Kummissjoni ġġib prova tal-fatti li hija allegat fid-DO. L-aġir ta’ Corus għalhekk ma ffaċilitax ix-xogħol tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-istess aġir ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kooperazzjoni li tista' tiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuqha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-punt 332). F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet espressament li impriża li tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fi kwalunkwe ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE ma tkunx intitolata li tibbenefika minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa tagħha minħabba kooperazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 59, u Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II-1617, punti 262 u 363).

191    Minn dak kollu li ntqal il-Kummissjoni tikkonkludi li Corus, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kompliet tikkontesta l-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, anki kieku wieħed kellu jissopponi li Corus kellha tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiġi mitluba tirtira dak il-benefiċċju ta' tnaqqis u, għaldaqstant, iżżid l-ammont tal-multa in kwistjoni. Fil-fatt, dan ikun ifisser li impriża li bbenefikat minn tnaqqis tal-multa tagħha minħabba l-kooperazzjoni tikkontesta l-materjalità tal-fatti fir-rikors tagħha, sitwazzjoni li fiha tali talba tkun iġġustifikata skond l-aħħar sentenza tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, Corus għandha tagħżel, fil-kuntest tal-proċedimenti preżenti, bejn il-motivi u l-argumenti li permezz tagħhom hija tikkontesta l-eżistenza tal-ksur, u l-argument li hija tibbaża fuq il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress illi dawn iż-żewġ aspetti tar-rikors tagħha huma inkompatibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

192    Hemm bżonn li jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li ġiet ippubblikata fl-1996, setgħet wasslet lil Corus sabiex tafferma, fir-risposta tagħha għad-DO ta' l-20 t’April 1999, li hija ma kinitx qed tikkontesta "essenzjalment" ("substantially") il-fatti f'dak li jirrigwarda l-klabb Ewropa-Ġappun. Għaldaqstant, l-ebda kunsiderazzjoni ta’ natura temporali ma teskludi l-possibbiltà li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni setgħet ħolqot xi aspettattivi leġittimi f'din il-kumpanniji.

193    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Corus kinitx iġġustifikata f’dan il-każ fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, b'mod li l-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittima ġie miksur, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi rrilevat li l-aġir ta’ l-impriża in kwistjoni għandu jiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 190 iktar 'il fuq, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-punt 332). Għaldaqstant, mhuwiex biżżejjed li l-impriża tafferma b’mod ġeneriku li hija ma tikkontestax il-fatti allegati, skond din il-komunikazzjoni, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża in kwistjoni, din l-affermazzjoni ma tkunx ta' l-iċken utilità għall-Kummissjoni.

194    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni allegat b’mod partikolari fid-DO li l-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun ikkonkludew ftehim antikompetittiv li kellu bħala għan u effett it-tqassim tas-swieq. Corus, filwaqt li affermat li hija ma tikkontestax il-fatti f’dan ir-rigward, affermat fil-punt 1.7 tar-risposta tagħha għad-DO, u mill-ġdid fit-tieni subparagrafu tal-punt 3.15 ta’ l-istess risposta, li l-effetti antikompetittivi ta’ dak il-ftehim, dejjem jekk eżista, kienu jkunu negliġibbli, b’tali mod li wieħed jistaqsi lilu nnifsu dwar l-iskop kummerċjali tal-ftehim u, konsegwentement, dwar l-eżistenza tiegħu. Hija tosserva quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn il-fatti bħala tali, li hija ma kkontestatx, u l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn, li hija tikkontesta.

195    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ speċifiku ta’ ftehim li, indipendentement mill-effetti futuri tiegħu, jkollu l-għan li jqassam is-swieq, l-ammissjoni tal-verità tal-fatti hija biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex jiġu stabbiliti tnejn mill-elementi essenzjali ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, jiġifieri l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu.

196    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni rreferiet fil-parti l-kbira għall-istess elementi probatorji fid-DO u fid-deċiżjoni kkontestata u li numru konsiderevoli minn dawn, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u d-diversi noti ta’ Vallourec, jirrigwardaw il-kontenut tad-diskussjonijiet strateġiċi ta’ natura kollużiva bejn il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun u li jikkonċernaw b’mod partikolari s-swieq Komunitarji (ara, b’mod partikolari, il-punti 56, 60, 63 u 65 tad-DO, u l-premessi 62, 67, 73 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

197    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Corus ma setgħetx, fir-risposta tagħha għad-DO, tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim u fl-għan antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat sussegwentement fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tikkontesta l-fatti li jirrigwardaw id-diskussjonijiet in kwistjoni u l-kontenut tagħhom.

198    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-fatt li Corus, fir-risposta tagħha għad-DO, tikkontesta l-eżistenza tal-ftehim ħoloq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, dubju dwar il-valur ta’ l-affermazzjoni tagħha, f'din l-istess risposta, dwar in-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti, b’mod li l-portata ta’ l-istess affermazzjoni hija ambigwa. Din l-ambigwità hija kkorroborata mill-fatt li Corus tnaqqas l-effett ta' l-affermazzjoni tagħha li tgħid li hija ma tikkontestax il-fatti bl-użu tat-terminu "substantially" ("essenzjalment"), mingħajr ma tispjega liema kienu l-fatti speċifiċi li għalihom tapplika din ir-riżerva.

199    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien impossibli għall-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, kif huwa impossibli għall-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tal-proċedimenti preżenti, li tidentifika l-fatti preċiżi li Corus ammettiet u li bis-saħħa tagħhom il-kooperazzjoni tagħha setgħet tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li, fil-kawża preżenti, l-ammissjoni min-naħa ta’ Corus tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma tistax tiġġustifika tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa tagħha skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza.

200    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament

 L-argumenti tal-partijiet

201    Corus tirrileva l-ewwel nett li, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament jiġi miksur meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'mod differenti jew fejn sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b'mod identiku, sakemm dak it-trattatament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25; fl-istess sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta’ Marzu 1994, La Pietra vs Il-Kummissjoni, T-100/92, Ġabra FP p. I-A-83 u II-275, punt 50). Hija żżid li dan il-prinċipju spiss jiġi applikat fir-rigward ta' l-impożizzjoni ta' multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar 'il fuq, punt 295; tas-6 ta’ April 1995, Trefileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 185; Boël vs Il-Kummissjoni, T-142/89, Ġabra p. II-867, punti 128 sa 135; Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punti 54 sa 56; Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra. p. II-1165, punti 57 sa 61; tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra p. II-1799, punt 56; Finnboard vs Il-Kummissjoni, punt 190 iktar 'il fuq, u Mavr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 190 iktar 'il fuq, punti 334 sa 336 u 352 sa 354).

202    Corus tosserva li Vallourec, li bbenefikat minn tnaqqis tal-multa ta’ 40%, illimitat ruħha li twieġeb dawk il-mistoqsijiet li tpoġġew lilha waqt l-investigazzjoni fuq il-post magħmula mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, skond kif kienet obbligata legalment tagħmel, ħaġa li Corus għamlet ukoll. Hija tosserva, f'dan ir-rigward, li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca ngħataw bi tweġiba għall-mistoqsijiet li l-Kummissjoni saqsiet biss lil Vallourec.

203    Barra minn hekk, Dalmine, li bbenefikat minn tnaqqis ta’ 20% fuq l-ammont tal-multa tagħha, informat sempliċement lill-Kummissjoni li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-materjalità tal-fatti, mingħajr ma ammettiet li hija pparteċipat f’xi ksur. Il-portata tal-kooperazzjoni tagħha mhijiex akbar minn dik ta’ Corus. L-inugwaljanza fit-trattament sostnut minn Corus, li l-Kummissjoni ma tiġġustifikax fir-risposta tagħha, huwa għalhekk manifest. Dalmine wriet saħansitra anqas kooperazzjoni minn Corus, partikolarment f'dak illi hija ma riditx fil-bidu tibgħat lill-Kummissjoni ċertu informazzjoni mitluba minnha u invokat sussegwentement id-dritt li ma tixhedx kontriha nnifisha, sabiex tiġġustifika n-nuqqas tagħha li twieġeb għal ċertu mistoqsijiet, kemm fir-risposta tagħha għad-DO kif ukoll fir-rikors, miċħud bħala manifestament inammissibli, li hija ppreżentat kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-konfront tagħha skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, Dalmine ikkontestat il-legalità tad-deċiżjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tipproċedi b'investigazzjonijiet f’Diċembru 1994 u, għalhekk, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tuża d-dokumenti miksuba waqt dawn l-investigazzjonijiet (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

204    Corus issostni, barra minn hekk, li mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 174) jirriżulta li r-rikorrenti Ġappuniżi ma offrew ebda kooperazzjoni effettiva lill-Kummissjoni u li huma kkontestaw l-eżistenza tal-ftehim waqt il-proċedura amministrattiva, liema fatt jiddistingwi s-sitwazzjoni tagħhom minn dik ta’ Corus. Bħal Dalmine, il-produtturi Ġappuniżi kkontestaw kemm il-legalità tad-deċiżjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tipproċedi b'investigazzjonijiet f’Diċembru 1994 kif ukoll l-użu min-naħa tal-Kummissjoni tad-dokumenti miksuba waqt dawk l-investigazzjonijiet. Għal dak li jirrigwarda Mannesmann, jirriżulta wkoll biċ-ċar mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 174) li hija qatt ma’ indikat b’mod ċar jekk hija kinitx qiegħda tikkontesta l-fatti u li hija rrifjutat li tagħti ċerta informazzjoni li l-Kummissjoni kienet talbet permezz ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni kisret għalhekk il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutat li tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha, u għaldaqstant, meta ttrattat lil Corus bl-istess mod bħal Mannesmann u l-erba’ produtturi Ġappuniżi.

205    Il-Kummissjoni tirrispondi l-ewwel nett li hija tgawdi minn setgħa diskrezzjonali meta hija tiġi biex tiffissa l-ammont tal-multi, b’mod li l-kunċett ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, fil-materja tal-multi, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din ir-regola (sentenza Martinelli vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar 'il fuq, punt 59). F'kull każ, dan il-prinċipju japplika biss meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar 'il fuq, punt 295).

206    Issa, f’din il-kawża, hemm differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni ta’ Corus u dik tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, Vallourec, minn naħa, bagħtet lill-Kummissjoni dikjarazzjoni miktuba ta’ utilità kbira (id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta’ Settembru 1996; ara, b’mod partikolari, il-premessi 53 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-DO. Fit-tieni lok, Dalmine ma kkontestatx il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan mingħajr ebda ambigwità, filwaqt li Corus ikkontestat l-eżistenza stess ta’ ftehim. F'kull każ, anki jekk wieħed jissopponi li l-Kummissjoni għamlet żball meta naqqset il-multi imposti lil Vallourec u lil Dalmine, dan l-argument huwa irrilevanti fil-kuntest tat-talba għat-tnaqqis tal-multa magħmula minn Corus. Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti li r-raġunijiet li minħabba fihom Corus ma setgħetx iġġib tnaqqis tal-multa huma differenti minn dawk li ma ppermettewx lil Mannesmann u lill-produtturi Ġappuniżi li jibbenefikaw minn tnaqqis, peress li Corus ma ssodisfatx il-kriterji rilevanti kif jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, irrispettivament mis-sitwazzjoni ta’ l-imprizi l-oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

207    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni offruta mill-impriżi, ma tistax tiskarta l-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament; prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, skond ġurisprudenza kostanti, jiġi miksur meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'mod differenti jew fejn sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b'mod identiku, sakemm dak it-trattatament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 237 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li, sabiex jiġġustifika tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-aġir ta' l-impriża għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza Mayr-Melnhof/Kummissjoni, punt 190 iktar 'il fuq, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata, punt 332, u l-punt 193 iktar 'il fuq).

209    Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, jeżistu differenzi oġġettivi u sinjifikattivi, fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, bejn is-sitwazzjoni ta’ Corus u dik ta’ Vallourec u ta’ Dalmine.

210    L-ewwel nett, Vallourec mhux biss ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-DO, imma pproduċiet ukoll, għad-differenza ta' Corus, dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ utilità kbira għall-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk tas-Sur Verluca tas-17 ta’ Settembru u ta’ l-14 ta’ Ottubru 1996 (ara, b’mod partikolari, il-premessi 60, 62, 72 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

211    Ebda rappreżentant ta’ Corus ma qatt ipproduċa xi dikjarazzjoni ta’ valur probatorju u ta’ portata paragunabbli ma’ dawk tas-Sur Verluca. Fil-fatt, it-tweġiba ta’ Corus tal-31 ta’ Ottubru 1997, invokata fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha portata u valur probatorju limitati, b’mod partikolari minħabba l-fatt li ma jidhirx ċar jekk Corus kellhiex intenzjoni tirtiraha għal dak li jirrigwarda l-proċedura dwar it-tubi mingħajr saldatura b’ittra tat-30 ta’ Marzu 1999 indirizzata lill-Kummissjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, punti 305 sa 308).

212    Fir-rigward tal-fatt, imsemmi minn Corus, li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca ngħataw b'risposta għal xi mistoqsijiet li l-Kummissjoni saqsiet biss lis-Sur Vallourec, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mhijiex fil-fatt obbligata li ssaqsi l-istess mistoqsijiet, fl-istadju ta' l-investigazzjoni tagħha, lil kull impriża li hija tissuspetta li tkun pparteċipat fil-ksur. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ dan l-obbligu tkun ta' ħsara għal-libertà tal-Kummissjoni li taġixxi fil-kuntest ta’ l-investigazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, fuq l-effikaċja ta’ tagħhom.

213    Huwa veru li, safejn l-imprizi jfornu lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f’ċirkustanzi simili, informazzjoni simili dwar il-fatti attribwiti lilhom, il-gradi ta’ kooperazzjoni mogħtija minnhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli (ara s-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 175 iktar 'il fuq, punti 243 sa 246).

214    Madankollu, huwa ċar li dan ma seħħx fil-kawża preżenti (ara l-punt 211 iktar 'il fuq). Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza ma tapplikax.

215    Għal dak li jirrigwarda Dalmine, huwa paċifiku, kemm fil-kawża preżenti kif ukoll fil-kawża T-50/00, Dalmine vs Il-Kummissjoni, li ġiet magħquda ma’ din il-kawża għall-finijiet tas-seduta, li din il-kumpannija ma kkontestatx il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata, skond dak li ġie kkonstatat f'dan is-sens fl-Artikolu 172 tagħha. Għalkemm Corus iddikjarat, fir-risposta tagħha għad-DO, li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-fatti allegati mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-ksur ikkonstatat sussegwentement fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 192 sa 199 iktar 'il fuq, ġie rrilevat li din l-affermazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-multa imposta fuq Corus u dan minħabba n-natura vaga u ambigwa tagħha.

216    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li l-ebda ambigwità simili ma ġiet imputata lil Dalmine, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ammissjoni min-naħa tagħha tal-fatti, sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet ebda inugwaljanza fit-trattament f’dan ir-rigward. Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi l-oħra invokati minn Corus sabiex issostni li Dalmine offriet saħansitra anqas kooperazzjoni minnha, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn iċ-ċirkustanzi jirreferu għar-rifjut ta’ Dalmine, li seħħ inizjalment qabel ma ntbagħtet id-DO, biex twieġeb għal talbiet għal informazzjoni u li ebda kooperazzjoni min-naħa ta’ Dalmine ma ttieħdet in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta' dan l-aspett ta’ l-investigazzjoni.

217    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li dawn iċ-ċirkustanzi ma kellhom l-ebda impatt fuq l-ammissjoni tal-fatti minn Dalmine fir-risposta tagħha għad-DO u lanqas, għaldaqstant, fuq it-tnaqqis ta’ 20% fuq l-ammont tal-multa mogħti mill-Kummissjoni taħt dan it-titolu lil Dalmine, skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

218    Fl-aħħar nett, kif turi l-Kummissjoni, ma tagħmilx differenza li r-raġunijiet għaliex Corus ma setgħetx tikseb tnaqqis tal-multa huma differenti minn dawk li ma ħallewx lil Mannesmann u lill-produtturi Ġappuniżi jibbenefikaw minn tnaqqis, peress illi diġà ġie stabbilit iktar 'il fuq li hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti indikati f’dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u dan irrispettivament mis-sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi l-oħra.

 Fuq il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa

219    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ammont tal-multa imposta fuq Corus għandu jiġi mnaqqas sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li t-tul ta' żmien tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa stabbilit, fil-kawża preżenti, għal tliet snin u mhux erba' snin.

220    Peress li l-metodu ta’ kalkolu tal-multi li ġie adottat fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi u li ġie użat mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti ma ġiex ikkontestat fih innifsu, jeħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, tapplika dan il-metodu fid-dawl tal-konklużjoni mogħtija fil-punt preċedenti.

221    Għaldaqstant, l-ammont ta' bażi tal-multa huwa stabbilit għal EUR għaxar miljuni, li jiżdied b’10% għal kull sena li fiha dam il-ksur, jiġifieri b'total ta' 30%, li jwassal għaċ-ċifra ta’ EUR tlettax-il miljun. Dan l-ammont għandu imbagħad jitnaqqas b’10% minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti skond il-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata, b'tali mod li l-ammont definittiv għal Corus huwa ta’ EUR 11.7 miljun minflok EUR 12.6 miljun.

 Fuq it-talba sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tirrimborża l-ammont tal-multa jew, sussidjarjament, l-ammont li bih ġiet ridotta l-multa, flimkien ma' l-interessi

222    Ġie deċiż kemm-il darba li, wara sentenza ta’ annullament ta' xi att, li tidħol fis-seħħ ex tunc u li jkollha għalhekk l-effett li telimina retroattivament l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 30; il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 1996, Ecroyd, C-127/94, Ġabra p. I-2731, I-2735, punt 74; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-171/99, Ġabra p. II-2967, punt 50), l-istituzzjoni konvenuta hija obbligata, skond l-Artikolu 233 KE, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-effetti ta’ l-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li jkun diġà eżegwit, jista’ jirrikjedi li r-rikorrent jerġa' jitpoġġa fis-sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dak l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 60; tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 32, u tas-17 ta’ Frar 1987, Samara vs Il-Kummissjoni, 21/86, Ġabra p. 795, punt 7; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punti 59 u 60, u Corus UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

223    Fl-ewwel post fost il-miżuri kkontemplati fl-Artikolu 233 KE, f’każ ta’ sentenza li tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq xi impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, hemm l-obbligu għall-Kummissjoni li tirrimborża l-multa kollha jew parti minnha li tkun ġiet imħallsa mill-impriża in kwistjoni, safejn dan il-ħlas għandu jiġi kkwalifikat bħala ħlas mhux dovut wara d-deċiżjoni ta' annullament. Dan l-obbligu japplika mhux biss għall-ammont prinċipali tal-multa indebitament imħallsa, imma ukoll għall-interessi moratorji fuq dan l-ammont (sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar 'il fuq, punti 52 u53).

224    F’din il-kawża, ma jistax jiġi preżunt li l-Kummissjoni ser tonqos mill-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-effett ikkombinat tas-sentenza preżenti u ta’ l-Artikolu 233 KE.

225    Konsegwentement, m’hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-talba preżenti fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti.

226    Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li, għall-istess raġuni, m’hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-talba ta’ Corus sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tordna kull miżura neċessarja sabiex jingħata effett lis-sentenza preżenti.

 Fuq l-ispejjeż

227    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi kull parti tilfet fuq kap wieħed jew aktar fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) huwa annullat safejn dan jikkonstata l-eżistenza tal-ksur imsemmi f’dik id-dispożizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti qabel l-1 ta’ Jannar 1991.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2003/382 huwa ffissat għal EUR 11 700 000.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Forwood

Pirrung

Meij

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Lulju 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Registratur

 

      President

Werrej

Il-fatti u l-proċedura

Il-proċedura amministrattiva

Il-prodotti in kwistjoni

Il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

Il-fatti essenzjali li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

It-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-ineżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda l-analiżi tal-provi invokati biex juru l-eżistenxa tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u mill-ineżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-talba għall-annullament tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-talba għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-gravitŕ tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa

Fuq it-talba sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tirrimborża l-ammont tal-multa jew, sussidjarjament, l-ammont li bih ġiet ridotta l-multa, flimkien ma' l-interessi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.