Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Jannar 2024 – Stichting Right to Consumer Justice, Stichting App Stores Claims vs Apple Distribution International Ltd, Apple Inc.

(Kawża C-34/24, Stichting Right to Consumer Justice und Stichting App Stores Claims)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stichting Right to Consumer Justice, Stichting App Stores Claims

Konvenuti: Apple Distribution International Ltd, Apple Inc.

Domandi preliminari

L-ewwel domanda (post fejn seħħ il-fatt dannuż)

a.    F’każ bħal dak ineżami, fejn l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti allegat fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE jitwettaq fi Stat Membru permezz ta’ bejgħ minn pjattaforma online amministrata minn Apple u disponibbli fl-Istat Membru kollu, filwaqt li Apple Ireland taġixxi bħala distributur esklużiv u aġent tal-iżviluppatur u tieħu kummissjoni fuq il-prezz tal-bejgħ, liema għandu jitqies li huwa l-post fejn seħħ il-fatt dannuż fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia” 1 ? Il-fatt li l-pjattaforma online tkun aċċessibbli fid-dinja kollha hija rilevanti f’dan ir-rigward?

b.    Huwa rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li din il-kawża tirrigwarda azzjonijiet ippreżentati fuq il-bażi tal-Artikolu 3:305a BW (il-Kodiċi Ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi), minn persuna ġuridika li għandha bħala skop id-difiża, bis-saħħa ta’ dritt tagħha stess, tal-interessi kollettivi ta’ diversi utenti li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’distretti ġudizzjarji differenti (imsejħa “arrondissementen” fil-Pajjiżi l-Baxxi) ta’ Stat Membru ?

c.    Jekk, fuq il-bażi tad-domanda 1a (u/jew 1b), ikollhom ġurisdizzjoni territorjali diversi qrati nazzjonali, u mhux waħda biss, fl-Istat Membru kkonċernat, il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli (proċedurali) nazzjonali li jippermettu r-rinviju għal qorti nazzjonali waħda biss fi ħdan dan l-Istat Membru?

It-tieni domanda (Post fejn seħħ id-dannu)

a.    F’każ bħal dak ineżami, fejn id-dannu allegat iseħħ wara l-akkwist ta’ applikazzjonijiet u ta’ prodotti diġitali integrati f’applikazzjonijiet imwettaq minn pjattaforma online amministrata minn Apple (l-App Store), filwaqt li Apple Ireland taġixxi bħala distributur esklużiv u aġent tal-iżviluppatur u tieħu kummissjoni fuq il-prezz tal-bejgħ (u li jkun wassal kemm għal allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll għal ksur allegat tal-projbizzjoni ta’ akkordji fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE), u fejn il-post li fih twettqu dawn l-akkwisti ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, ir-residenza abitwali tal-utent jista’ jservi bħala fattur ta’ rabta għad-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia? Jew jeżistu, f’din is-sitwazzjoni, fatturi ta’ rabta oħra għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni?

b.    Huwa rilevanti l-fatt li f’dan il-każ l-azzjonijiet ġew ippreżentati skont l-Artikolu 3:305a BW (il-Kodiċi Ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi), minn persuna ġuridika li għandha bħala skop id-difiża, bis-saħħa ta’ dritt tagħha stess, tal-interessi kollettivi ta’ diversi utenti li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’distretti ġudizzjarji differenti (imsejħa “arrondissementen” fil-Pajjiżi l-Baxxi) ta’ Stat Membru?

c.    Jekk, fuq il-bażi tad-domanda 2a (u/jew 2b), qorti nazzjonali jkollha ġurisdizzjoni territorjali fl-Istat Membru kkonċernat, li jkollha ġurisdizzjoni limitata għall-azzjonijiet ippreżentati għal parti mill-utenti ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li qrati oħra jkollhom ġurisdizzjoni territorjali f’dan l-istess Stat Membru għall-azzjonijiet ippreżentati għal parti oħra minn dawn l-utenti, il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli (proċedurali) nazzjonali li jippermettu r-rinviju għal qorti nazzjonali waħda biss fi ħdan dan l-Istat Membru?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.