Language of document : ECLI:EU:C:2018:485

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 4 – Ġurisdizzjoni ġenerali ta’ qorti ta’ Stat Membru sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-istabbiliment ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”

Fil-Kawża C‑20/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2017, fil-kawża mressqa minn

Vincent Pierre Oberle

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann, T. Henze u E. Lankenau, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoët, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Nowak u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u M. Carvalho, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Vincent Pierre Oberle quddiem l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg, il-Ġermanja), għall-finijiet tal-kisba ta’ ċertifikat nazzjonali ta’ suċċessjoni wara l-mewt ta’ missieru, ċittadin Franċiż, li l-aħħar residenza abitwali tiegħu kienet fi Franza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 7 sa 9, 27, 32, 34, 59 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012 huma fformulati kif ġej:

“(7)      Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

(8)      Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-infurzabbiltà u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

(9)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

[…]

(27)      Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tapplika l-liġi tagħha proprja. […]

(32)      Sabiex titħaffef il-ħajja tal-eredi u l-legatarji li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru apparti minn dak li fih is-suċċessjoni qed tiġi jew ser tiġi ttrattata, dan ir-Regolament għandu jħalli lil kwalunkwe persuna intitolata skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħmel id-dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja għas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha għad-djun skont is-suċċessjoni tagħmel tali dikjarazzjonijiet fil-forma prevista mil-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. Dan ma għandux jipprekludi tali dikjarazzjonijiet milli jsiru quddiem awtoritajiet oħrajn f’dak l-Istat Membru li huma kompetenti li huma kompetenti biex jirċievu dikjarazzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali. Persuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

[…]

(34)      Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja, l-għoti ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fi Stati Membri differenti għandu jiġi evitat. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli proċedurali ġenerali simili għal dawk ta’ strumenti oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili.

[…]

(59)      Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, irrispettivament minn jekk tali deċiżjonijiet kinux mogħtija fi proċedimenti kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.

[…]

(67)      Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni […] li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. Sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post ta’ dokumenti interni li jistgħu jeżistu għal finijiet simili fl-Istati Membri.”

4        Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.”

5        L-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament jelenka l-kwistjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

6        L-Artikolu 2 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni.”

7        Skont l-Artikolu 3(1)(a) u (g) tar-Regolament Nru 650/2012:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘suċċessjoni’ tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato;

[…]

(g)      ‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

[…]”

8        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qorti” kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)      jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)      għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.”

9        Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament huwa intitolat “Ġuriżdizzjoni”. Dan jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 4, 13 u 15 tiegħu.

10      L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.”

11      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddisponi:

“Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirċievi dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti.”

12      L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament huwa redatt b’dan il-mod:

“Fejn il-qorti ta’ Stat Membru tkun invokata dwar kwistjoni ta’ suċċessjoni li ma għandhiex ġuriżdizzjoni fuqha skont dan ir-Regolament, hija għandha tiddikjara, ex officio, li ma għandhiex ġuriżdizzjoni.”

13      Skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament:

“Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.”

14      L-Artikolu 23(1) tal-istess regolament jiddisponi:

“Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.”

15      Skont l-Artikolu 62(2) u (3) tar-Regolament Nru 650/2012:

“2.      L-użu taċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] ma għandux ikun mandatorju.

3.      Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

16      L-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] għandhu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11. […]”

 Id-dritt Ġermaniż

17      Skont l-Artikolu 105 tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura tad-Dritt tal-Familja u tal-Ġurisdizzjoni Volontarja, iktar ’il quddiem il-“FamFG”), fil-verżjoni tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2008, li ilha fis-seħħ mill‑1 ta’ Settembru 2008 (BGB1. 2008 I, p. 2586):

“Fil-kuntest tal-proċeduri l-oħra previsti f’din il-liġi, il-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni meta qorti Ġermaniża għandha ġurisdizzjoni territorjali.”

18      Fil-qasam tas-suċċessjonijiet, il-ġurisdizzjoni territorjali fid-dritt Ġermaniż hija rregolata mill-Artikolu 343 tal-FamFG. Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Gesetz zum Internationalen Erbrecht und zur Änderung von Vorschriften zum Erbschein sowie zur Änderung Sonstiger Vorschriften (il-Liġi dwar id-Dritt tas-Suċċessjoni Internazzjonali u li temenda d-Dispożizzjonijiet relatati maċ-Ċertifikat tal-Eredità u Dispożizzjonijiet Oħra) tad‑29 ta’ Ġunju 2015 (BGB1. 2015 I, p. 1042), li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Awwissu 2015:

“1.      Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali hija dik li fid-distrett tagħha d-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu.

2.      Jekk, fil-mument tal-mewt tiegħu, id-deċedut ma kellux residenza abitwali fit-territorju nazzjonali, il-qorti kompetenti għandha tkun dik li fid-distrett tagħha d-deċedut kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fit-territorju nazzjonali.

3.      Jekk il-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 ma jiġux issodisfatti, (l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg)) f’Berlin għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fejn id-deċedut ikun Ġermaniż jew jekk il-proprjetà tas-suċċessjoni tkun tinsab fit-territorju nazzjonali.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Adrien Théodore Oberle (iktar ’il quddiem id-“deċedut”), ċittadin Franċiż, li l-aħħar residenza abitwali tiegħu kienet fi Franza, miet fit‑28 ta’ Novembru 2015, ab intestato. Id-deċedut ħalla żewġt itfal, Vincent Pierre (iktar ’il quddiem “V.P. Oberle”) u ħuh, peress li l-mara tad-deċedut kienet diġà mejta. Il-patrimonju tas-suċċessjoni jinsab fi Franza u fil-Ġermanja.

20      Fuq talba ta’ V.P. Oberle, fit‑8 ta’ Marzu 2016, it-tribunal d’instance de Saint-Avold (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Saint-Avold, Franza) ħarġet ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni li ddetermina li V.P. Oberle u ħuh huma l-werrieta, kull wieħed b’nofs dan il-patrimonju.

21      Quddiem l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg), V.P. Oberle talab il-ħruġ ta’ ċertifikat tal-eredità b’portata limitata għal dik il-parti tas-suċċessjoni li tinsab fil-Ġermanja, li jindika li, konformement mad-dritt Franċiż, V.P. Oberle u ħuh kienu wirtu, kull wieħed minnhom, nofs il-proprjetà tad-deċedut.

22      Wara li wettqet il-verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012, l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg), permezz tad-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Novembru u tat‑28 ta’ Novembru 2016, iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba, billi qieset li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105 u tal-Artikolu 343(3) tal-FamFG ma jistgħux jiġu applikati għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, li abbażi tiegħu l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni fl-intier tagħha huma dawk il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu.

23      V.P. Oberle appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja).

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg) għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex toħroġ iċ-ċertifikat tal-eredità b’portata limitata mitluba minn V.P. Oberle minħabba l-preżenza ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fit-territorju Ġermaniż, konformement mal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 343(3) tal-FamFG.

25      Skont il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirregola b’mod eżawrjenti, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 650/2012, il-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati tal-eredità nazzjonali, kif għamel fir-rigward ta’ dik taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, permezz tal-Artikolu 64(1) ta’ dan ir-regolament.

26      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li kieku kellha tikkunsidra li l-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija diġà rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 650/2012, kien ikun inutli li dan il-leġiżlatur jipprevedi dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward, jiġifieri l-Artikolu 64(1) ta’ dan ir-regolament. Fl-opinjoni ta’ din il-qorti, kieku l-imsemmi leġiżlatur ried jirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ħruġ ta’ ċertifikati tal-eredità nazzjonali bl-istess mod bħal dak fir-rigward taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, huwa kien jipprevedi, f’dan ir-regolament, fir-rigward ta’ dawn l-ewwel ċertifikati, dispożizzjoni li tikkorrispondi, mutatis mutandis, ma’ dak tal-Artikolu 64(1) tal-imsemmi regolament.

27      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa żbaljat li l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg) ikkonkludiet li l-applikazzjoni tar-regola f’dan il-każ tinsab fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu sabiex “jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tirrigwarda biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li ċ-ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali ma jikkostitwixxux tali deċiżjonijiet. Dawn tal-aħħar huma fil-fatt maħruġa fi tmiem proċedura mhux kontenzjuża u d-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ tali ċertifikat fiha biss konstatazzjonijiet ta’ fatt u għaldaqstant ma kellhiex l-għan li tikseb il-forza ta’ res judicata.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina wkoll il-ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva fil-qasam tal-ħruġ, fl-Istati Membri, ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni li ma ġewx issostitwiti biċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ara l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012) b’tali mod li d-dispożizzjonijiet diverġenti adottati mil-leġiżlaturi nazzjonali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni – bħall-Artikolu 105 tal-[FamFG] fil-Ġermanja – huma ineffettivi minħabba li jmorru kontra dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew ta’ livell ogħla?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, minkejja li d-deċedut ma kellux, fil-mument tal-mewt tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu f’dak l-Istat Membru, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jibqa’ jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex joħorġu ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali, fejn il-proprjetà tas-suċċessjoni tkun tinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru jew jekk id-deċedut kellu n-nazzjonalità ta’ dak l-istess Stat Membru.

30      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 650/2012 japplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tiegħu u moqri fid-dawl tal-premessa 9 tiegħu, għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili ta’ suċċessjoni causa mortis, ħlief għal materji fiskali, doganali u amministrattivi. L-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, diversi kwistjonijiet li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, li fosthom la jidhru ċ-ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali u lanqas il-proċeduri assoċjati magħhom.

31      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 jispeċifika li t-terminu “suċċessjoni” jkopri “l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

32      Barra minn hekk, dan ir-regolament għandu japplika għas-suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali, hekk kif jirriżulta mill-premessi 7 u 67 tiegħu. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li s-suċċessjoni tinkludi proprjetà li tinsab f’diversi Stati Membri.

33      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddefinixxix il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, sal-punt li dawn ma jirreferux għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tagħhom, għandhom ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mistħarrġa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħhom, iżda wkoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 24, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 32).

34      Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni fl-intier tagħha.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jindika li l-applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni li dan l-artikolu jistabbilixxi hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ suċċessjoni li tinvolvi diversi Stati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li din ir-regola hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali.

36      Barra minn hekk, mit-titolu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirregola d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istati Membri, filwaqt li t-tqassim tal-kompetenzi fuq il-livell intern huwa stabbilit skont ir-regoli nazzjonali, konformement mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

37      Mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 4 jirriżulta li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li huwa jistabbilixxi ssemmi “suċċessjoni fl-intier tagħha”, u din tissuġġerixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għandha tapplika, bħala prinċipju, għall-proċeduri kollha dwar is-suċċessjoni li jiġu quddiem il-qrati tal-Istati Membri.

38      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-verb “jiddeċiedu”, li jinsab f’din l-istess dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk riedx jirreferi biss għad-deċiżjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali fl-eżerċizzju tal-kapaċità ġudizzjarja tagħhom. F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura tal-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali hija proċedura ta’ natura mhux kontenzjuża u li d-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta’ tali ċertifikati jinkludu biss konstatazzjonijiet ta’ fatt, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element li jista’ jikseb il-forza ta’ res judicata.

39      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, li huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, ma jipprovdix indikazzjonijiet dwar il-portata tal-verb “jiddeċiedu”.

40      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 ma tippermettix, fiha nnifsha, li jiġi ddeterminat jekk in-natura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża tal-proċedura taffettwax l-applikabbiltà tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni u jekk “jiddeċiedu”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandux jinftiehem bħala l-fatt li tiġi adottata deċiżjoni ta’ natura esklużivament ġudizzjarja. Interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdi għalhekk ebda risposta għad-domanda dwar jekk proċedura tal-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex tiġi kkunsidrata li taqa’ taħt l-imsemmi Artikolu 4.

41      Fir-rigward tal-analiżi tal-kuntest li fih taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni, mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li, minbarra l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, bis-saħħa tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ riżerva ereditarja jew ir-rinunzja għal dawn, jew dikjarazzjoni mfassla sabiex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun tas-suċċessjoni, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jirċievu dawn id-dikjarazzjonijiet.

42      Għalhekk, dan l-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012, għandha l-għan li tissimplifika l-proċeduri tal-eredi u tal-legatarji, permezz ta’ deroga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 4 sa 11 ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni fl-intier tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex jirċievu dikjarazzjonijiet tas-suċċessjoni. Minn dan isegwi li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 4 tkopri wkoll il-proċeduri li ma jwasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

43      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 59 tar-Regolament Nru 650/2012, li minnha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar japplikaw indipendentement mill-fatt li deċiżjonijiet dwar suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali ġew mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża.

44      Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward ta’ proċeduri dwar miżuri li jikkonċernaw suċċessjoni fl-intier tagħha, bħal, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, indipendentement min-natura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri.

45      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn dan jipprevedi li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 4, 7, 10 u 11 ta’ dan ir-regolament.

46      Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li nħoloq permezz tar-Regolament Nru 650/2012, igawdi minn sistema legali awtonoma, stabbilita bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament għandu l-għan li jippreċiża li kemm il-qrati u kemm ċerti awtoritajiet oħra għandhom ġurisdizzjoni sabiex joħorġu tali ċertifikat tas-suċċessjoni filwaqt li jispeċifika, b’referiment għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikoli 4, 7, 10 u 11 ta’ dan l-istess regolament, f’liema Stat Membru għandu jsir tali ħruġ.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 62(2) u (3) tar-Regolament Nru 650/2012, l-użu taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex obbligatorju u dan iċ-ċertifikat ma għandux jissostitwixxi dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri, bħaċ-ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

49      Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 650/2012, mill-premessi 7 u 8 tiegħu jirriżulta li l-għan tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jgħin lill-eredi u lil-legatarji, lill-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll lill-kredituri tas-suċċessjoni sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali kif ukoll sabiex jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jħejju s-suċċessjoni tagħhom.

50      F’din l-istess perspettiva, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 650/2012 tenfasizza li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni tista’ tapplika, f’ħafna mill-każijiet, id-dritt nazzjonali tagħha.

51      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 650/2012 fir-rigward tar-regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli kif ukoll l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istati Membri jirreferu, it-tnejn li huma, għall-kriterju tar-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu.

52      Issa, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istati Membri sabiex joħorġu ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali tmur kontra l-għan, imsemmi fil-premessa 27 tar-Regolament Nru 650/2012, intiż sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u dawk dwar il-liġi applikabbli f’dan il-qasam.

53      Barra minn hekk, skont l-għan ġenerali ta’ dan ir-regolament, kif imsemmi fil-premessa 59 tiegħu, li tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fil-qasam tas-suċċessjonijiet, il-premessa 34 tal-imsemmi regolament tenfasizza li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiġi evitat li deċiżjonijiet kontradittorji jiġu mogħtija fi Stati Membri differenti.

54      Dan l-għan huwa marbut mal-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni, ikkonkretizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprevedi li l-liġi applikabbli skont dan ir-regolament hija intiża sabiex tirregola “suċċessjoni fl-intier tagħha”.

55      Issa, dan il-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni huwa wkoll il-bażi tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn dan l-artikolu jispeċifika huwa wkoll li l-imsemmija regola tiddetermina l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu fuq “suċċessjoni fl-intier tagħha”.

56      Kif l-Avukat Ġenerali fakkar fil-punti 109 u 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li tirriżulta mill-frammentazzjoni tas-suċċessjoni hija inkompatibbli mal-għanijiet tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 57). Fil-fatt, it-twettiq ta’ wieħed minn dawn l-għanijiet li tiġi stabbilita sistema uniformi applikabbli għas-suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali jimplika l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fil-kuntest kemm ta’ proċeduri kontenzjużi kif ukoll ta’ proċeduri mhux kontenzjużi.

57      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament li din id-dispożizzjoni tiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali hija intiża, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, għat-twettiq ta’ dan l-għan, sabiex tillimita r-riskju ta’ proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u ta’ kontradizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba fihom.

58      Min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 650/2012 jiġi ostakolat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jiddeterminawx il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward ta’ proċeduri li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali.

59      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, minkejja li d-deċedut ma kellux, fil-mument tal-mewt tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu f’dak l-Istat Membru, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jibqa’ jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex joħorġu ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali, fejn il-proprjetà tas-suċċessjoni tkun tinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru jew jekk id-deċedut kellu n-nazzjonalità ta’ dak l-istess Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, minkejja li d-deċedut ma kellux, fil-mument tal-mewt tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu f’dak l-Istat Membru, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jibqa’ jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex joħorġu ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali, fejn il-proprjetà tas-suċċessjoni tkun tinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru jew jekk id-deċedut kellu n-nazzjonalità ta’ dak l-istess Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.