Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-21 ta’ Settembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van beroep te Brussel – Il-Belġju) – proċeduri kriminali kontra Etablissements Fr. Colruyt NV

(Kawża C-221/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 15(1) – Determinazzjoni libera, mill-produtturi u l-importaturi, tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ tali prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk indikati fuq il-bolla fiskali – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Modalitajiet tal-bejgħ – Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Brussel

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

Etablissements Fr. Colruyt NV

Dispożittiv

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-produttur jew l-importatur.

L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-importatur.

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi pezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

____________

1 ĠU C 262, 10.8.2015.