Language of document : ECLI:EU:C:2016:704

Kawża C-221/15

Proċeduri kriminali

kontra

Etablissements Fr. Colruyt NV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 15(1) – Determinazzjoni libera, mill-produtturi u l-importaturi, tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ tali prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk indikati fuq il-bolla fiskali – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Modalitajiet tal-bejgħ – Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016

1.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ tabakk immanifatturat mill-bejjiegħa bl-imnut bi prezz inferjuri għal dak indikat fuq il-bolla fiskali – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2011/64, Artikolu 15(1))

4.        Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ tat-tabakk immanifatturat mill-bejjiegħa bi prezz inferjuri għal dak indikat fuq il-bolla fiskali – Miżura li tirregola b’mod nondiskriminatorju l-modalitajiet ta’ bejgħ – Inapplikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE

(Artikolu 49 TFUE)

5.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Obbligi tal-Istati membri – Projbizzjoni li jiġu adottati jew li jinżammu fis-seħħ miżuri li jikkontestaw l-effett utli ta’ dawn ir-regoli

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101 TFUE)

6.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Obbligi tal-Istati membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ tat-tabakk immanifatturat mill-bejjiegħa bl-imnut bi prezz inferjuri għal dak indikat fuq il-bolla fiskali – Ammissibbiltà

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 14)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 15)

3.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-produttur jew l-importatur.

Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 għandha għalhekk l-għan li tiżgura li l-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk ma tippreġudikax ir-rekwiżiti tal-kompetizzjoni li jimplikaw, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, sistema ta’ prezzijiet stabbiliti liberament mill-produtturi jew mill-importaturi għall-gruppi kollha tat-tabakk immanifatturat. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi l-iffissar tal-prezz indikat mill-produttur jew mill-importatur fuq din il-bolla jew li din id-dispożizzjoni tikkonċerna b’xi mod ieħor l-applikazzjoni tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk, ma taqax taħt is-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jipprekludix tali dispożizzjoni.

(ara l-punti 26, 28, 29, 31, dispożittiv 1)

4.      L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-importatur.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bala li tirrigwarda modaliajiet tal-bejgħ. Issa, minn naħa, l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali. Min-naħa l-oħra, safejn din ma tikkonċernax id-determinazzjoni mill-importaturi ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-prezz indikat fuq din il-bolla u sa fejn dawn l-importaturi jibqgħu liberi li jistabbilixxu dan il-prezz, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li timpedixxi l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru ta’ prodotti tat-tabakk li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jew li taffettwah iktar milli taffettwa lil dak tal-prodotti tat-tabakk nazzjonali.

(ara l-punti 37-39, 41, dispożittiv 2)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(voir points 43, 44)

6.      L-Artikolu 101 tFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi pezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni la timponi u lanqas ma tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn fornituri u bejjiegħa bl-imnut, iżda hija suffiċjenti fiha nfisha sa fejn hija għandha direttament l-effett li tistabbilixxi l-prezz operat mill-bejjiegħa bl-imnut. Barra minn hekk, hija ma tiddelegax lil operaturi privati r-responsabbiltà li jistabbilixxu l-prezz operat mill-bejjiegħa bl-imnut jew li jieħdu deċiżjonijiet oħra ta’ intervent ta’ interess ekonomiku.

(ara l-punti 46, 47, 49, dispożittiv 3)